Legislature:
Category:
Reset
Active:

Kunsilli lokali — xogħlijiet

Question

Billi l-kunsilli lokali suppost jassiguraw li x-xogħol li jsir minnhom fil-lokalitajiet tagħhom, suppost dejjem ikunu skont l-istandards speċifikati minn Transport Malta (TM), jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk TM fil-fatt għamlitx xi testijiet, matul l-aħħar sena u jekk iva fejn, biex tispezzjona xogħlijiet li saru minn kunsilli lokali? Jekk iva fejn? Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kif wieħed jista’ jitlob li Transport Malta tivverifika tali xogħlijiet?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsijiet parlamentari 18802 u 17819. Hekk kif indikat ukoll f’din il-mistoqsija, il-Kunsilli Lokali, bħal kull entita’ oħra, hija obbligata li tassigura li x-xogħol li jsir fil-lokalitajiet ikun skont l-istandards u l-ligijiet veggenti bl-assitenza tan-nies teknici u l-periti mqabbda minnhom li għandhom isegwu ma’ l-istandards speċifikati fl-appalt in kwistjoni u li għandhom ikun a bażi ta’ dawk stipulati fl-L.S 499.57 f’dan il-każ. La darba x-xogħol ikun meqjus lest, il-Kunsill lokali għandu jissottometti r-rapport ta’ konformità tax-xogħlijiet sabiex Transport Malta tkun tista tispezzjona u f’kaz ta’ bżonn tiddeċiedi jekk hemmx lok għal xogħol ta’rimedju evidenti u/jew għal iżjed kontrolli minn naħa tagħha.

Mosta – Independence Avenue

Question

Billi Vjal l-Indipendenza fil-Mosta hi triq prinċipali u li minnha jgħaddu eluf ta' vetturi kuljum, jista’ l-Ministru, permezz ta' Transport Malta jieħu l-passi neċessarji biex il-ħsarat li hemm jiġu rranġati minħabba l-periklu li qed jinħoloq?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jkun iżjed speċifiku fid-domanda tiegħu.

Triq tal-Kosta – pelican lights

Question

Peress li l-pelican lights li hemm fit-Triq tal-Kosta kellhom jibdew jaħdmu għall-ħabta ta’ nofs Marzu 2016, u issa tliet xhur wara għadhom ma bdewx jaħdmu, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar x’inhi r-raġuni għal dan, u meta ser jibdew jaħdmu?

Response (MIZZI, JOE)

Huwa minnu li Transport Malta kellha l-pjan li l-pelican lights jitwaħħlu lejn nofs Marzu 2016 pero’ l-kuntrattur tal-gantries li fuqhom iridu jitwaħħlu l-lights kien tard ħafna fil-manifattura. Dawn l-istrutturi finalment ingħataw lil Transport Malta lejn l-aħħar ta’ Marzu / il-bidu ta’ April u bdew jiġu nstallati matul April. Sfortunatament l-installazzjoni kellha tieqaf għax Transport Malta ltaqat ma' ndikazzjonijiet li l-gantries ma nħadmux kif kien rikjest mill-kuntratt. Għaldaqstant Transport Malta sal-lum għadha ma approvatomx. Fil-fatt bħalissa, Transport Malta qiegħda fil-proċess li tiffinalizza analizi tal-materjali u l-manifattura b’mod indipendenti u minn terzi sabiex tkun tista’ tikkonferma mija fil-mija jekk dawn l-istrutturi humiex aċċettabli jew le. Wara li titlesta l-analizi msemmija, Transport Malta tkun f’pożizzjoni li tirrakkomanda jekk l-istrutturi humiex aċċettabli kif inhuma jew le. Minn hemm tiġi stabbilita’ d-data ġdida tal-installazzjoni tal-pelican lights. Sadanittant, pero’, ċertu xogħol li jista’ jsir mingħajr il-gantries diġa’qiegħed fi stadju avvanzat u l-pelican lights u aċċessorji kollha li hemm bżonn għal dan is-sit diġa’ jinstabu f’idejn Transport Malta.

Trasport Pubbliku – skeda tas-sajf

Question

Billi, skont risposta għal domandi parlamentari preċedenti ingħad li l-iskeda tas-sajf mistennija tibda taħdem f'nofs Ġunju għal dak li jirrigwarda Trasport Pubbliku, jista' l-Ministru jaċċerta li jibda jkun hemm servizz li jitlaq u jispiċċa ħdejn il-Knisja tax-Xemxija?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bl-introduzzjoni tal-iskeda tas-sajf, ir-rotot 221 u 222, li fi triqithom minn u lejn iċ-Ċirkewwa jgħaddu mix-Xemxija, ser ikollhom il-frekwenza tagħhom miżjuda. Fil-ħinijiet peak tal-ġurnata il-frekwenza ta’ dawn ir-rotot ser tkun qegħda tiżdied minn żewġ vjaġġi fis-siegħa għal tlett vjaġġi fis-siegħa, filwaqt li fil-ħinijiet off peak il-frekwenzi ser jiżdiedu minn kull siegħa għal kull nofs siegħa.

Bridge tal-Mistra

Question

Jista’ l-Ministru, permezz ta' Transport Malta jaċċerta li l-bridge li hemm fit-triq li twassal bejn il-Mellieħa u x-Xemxija, magħruf bħala l-bridge tal-Mistra, fil-fatt jiġi msaħħaħ qabel ma' tinqala’ xi traġedja?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi qed jiġi kkoordinat li jsir żbir u qtugħ ta’ siġar u pjanti li qegħdin jagħmlu ħsara lill-istruttura tal-bridge. Eventwalment x-xogħolijiet ta’ restawr ser jiġu esegwiti fuq l-istess bridge.

San Pawl il-Baħar, il-Mellieħa u n-Naxxar – xogħlijiet fit-toroq

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema huma t-toroq li bħalissa qed isiru minn Transport Malta f'San Pawl il-Baħar, il-Mellieħa u n-Naxxar? Minbarra t-toroq li fuqhom qed isir ix-xogħol, jista' l-Ministru jagħti wkoll tagħrif, għall-istess lokalitajiet, li għalkemm ix-xogħol għadu ma nbediex fuq il-post, fil-fatt diġà ngħataw it-tenders lill-kuntrattur li ser jagħmel ix-xogħol?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta ħarġet il-permess biex jinbdew ix-xogħlijiet fuq Triq Ilgiem, Triq Sciberras u Triq Sogħda ġewwa n-Naxxar liema xogħol mistenni jibda sal-aħħar ta’ dan ix-xahar. Fil-frattemp, ingħataw it-tenders lill-kuntrattur li se jkun qed jesegwixxi x-xogħol fuq parti minn Triq Tamar u Triq il-Fugass, San Pawl il-Baħar; bejn Triq Biedja u Triq ir-Raħħala, Mellieħa u Triq Santa Faustina ta’ Kowalska, Naxxar.
Leg 12 PQ #25846 Sitting 399 2016-06-06 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu

Karozzi, muturi u vetturi mikrija mit-turisti

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 19512, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar il-mod ta’ kif tinġabar l-informazzjoni li ngħatat fir-risposta għal dak li jikkonċerna użu ta' karozzi tal-kiri?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-istimi dwar l-użu ta’ vetturi tal-kiri minn turisti hija ibbażata fuq stħarriġ li tagħmel l-Awtorita’ tat-Turiżmu b’mod kontinwu biex tiġbor dettalji dwar l-ispiża tat-turist – Traveller Expenditure Survey. Il-kwestjonarju jigi mqassam lit-turisti mal-wasla tagħhom f’Malta fuq bażi ta’ random sampling. Dan huwa kwestjonarju volontarju li jitqassam lil turisti li jkunu gejjin mis-swieq principali ghat-turiżmu f’Malta. Il-kwestjonarju huwa mfassal b’mod fejn it-turist jagħti dettalji ta’spiża fuq medda ta’ kategoriji differenti li jinkludu l-ajru, l-akkomodazzjoni, ikel u xorb, attivitajiet kulturali u ta’ divertiment, trasport, fost oħrajn. It-turist jingħata il-kwestjonarju bil-lingwa preferita tiegħu, u huwa mħeġġeġ biex jibgħat bil-posta (posta mħallsa mill-Awtorita’ tat-Turiżmu), l- kwestjonarju mimli lejn l-aħħar tal-mawra tiegħu f’Malta.
Leg 12 PQ #25849 Sitting 399 2016-06-06 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

San Pawl il-Baħar – xogħlijiet fit-toroq

Question

Billi f’dawn il-ġranet, f'diversi partijiet f'San Pawl il-Baħar, hemm ħaddiema tal-Enemalta li qed jagħmlu xi xogħol, kemm ta’ tħaffir fuq il-bankini, kif ukoll fuq cables li hemm mal-ħitan, jista’ l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar x’inhuma l-interventi li qed isiru, f'liema toroq qed isir dan ix-xogħol, kif ukoll, f'kull każ, jekk intalbux permessi lill-Kunsill Lokali ta' San Pawl il-Baħar, kemm biex isir ix-xogħol innifsu, kif ukoll biex jingħalqu t-toroq waqt l-istess xogħol? Liema xogħol fadal biex isir, u fejn fl-istess lokalità? Min qed jassigura li x-xogħol li qed isir hu tal-għola kwalità?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninsab infurmat minn Enemalta plc li kuljum ikollha diversi xogħlijiet f’Malta u Għawdex biex tagħti s-servizzi mitluba mill-klijenti tagħha u tiżgura li s-sistema tad-distribuzzjoni ssirilha l-manutenzjoni u t-tisħiħ meħtieġ biex tibqa’ twassal l-elettriku skont id-domanda. Enemalta plc tagħmel l-almu kollu tagħha biex ix-xogħlijiet ikunu tal-ogħla kwalita’ fl-aħjar interess tal-klijenti, kif ukoll fl-interess tal-Kumpanija u l-impjegati tagħha. Għar-rigward tal-mistoqsija tiegħu, nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jagħti aktar informazzjoni speċifika dwar it-toroq li qed issir referenza għalihom, biex jingħata aktar tagħrif dwar ix-xogħol imsemmi.
Leg 12 PQ #25850 Sitting 399 2016-06-06 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Enemalta — San Pawl il-Baħar – Triq l-Arżnell, Triq l-Isponoż, Triq il-Villeġġjatura u Triq il-Mosta – twaħħil ta’ cables

Question

Billi kemm meta staqsejt dwar xogħol mill-Enemalta fi Triq l-Isponoż, kif ukoll meta staqsejt dwar l-istess tip ta' xogħol fit-Toroq Arżnell, il-Villeġġjatura u l-Mosta, f'San Pawl il-Baħar ingħatajt risposta li 'Dan ix xogħol qed isir mill-privat', jista’ l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar jekk dan ifissirx li l-istess Enemalta ma tkunx hi (permezz tal-personnel tagħha) li tivverifika li t-tqegħid ta’ cables meħtieġa jsir kif suppost?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ġejt infurmat mill-Enemalta plc illi fix-xogħlijiet indikati, il-Kumpanija tispezzjona u tivverifika biss ir-rekwiżiti u l-kwalita’ tal-apparat u materjal elettriku, u l-installazzjoni tagħhom, biex tiżgura li huma skont l-istandards tal-istess kumpanija u skont ir-regolamenti tal-elettriku applikabbli.

Transport Malta – permessi għat-tħaffir ta’ toroq f’San Pawl il-Baħar

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien hemm permessi li nħarġu minn Transport Malta għal tħaffir ta’ toroq f'San Pawl il-Baħar, minn aġenziji tal-gvern, jew ħaddiema tal-kuntrattur, matul l-aħħar sitt xhur? Kemm minn dawn il-permessi ntużaw, u f'liema każi saru spezzjonijiet minn personnel ta' Transport Malta biex jiġi assigurat li l-istess trinek jingħalqu skont is-sengħa?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li jien ninsab infurmat li f’dawn l-aħħar sitt xhur inħarġu wieħed u tletin permess għal xogħlijiet maġġuri li minnhom ġew kompluti bl-asfalt dsatax. Dawn il-permessi kollha ġew spezzjonati rigward immaniġġjar tat-traffiku u sigurta’ fit-triq. Inħarġu wkoll mitejn u ħamsin permess għal xogħlijiet minuri li jikkonsistu f’manutenzjoni u tiswijiet ta’ servizzi eżistenti li minnhom mitejn sitta u erbgħin ma jirrikjedux spezzjonar minħabba mmaniġġjar tat-traffiku u sigurta’ fit-triq. Erbgħa minn dawn il-permessi sarulhom tali spezzjonijiet. Transport Malta għandha sezzjoni ta’ periti li ladarba jintbagħat il-compliance report mill-kuntrattur kif titlob il-liġi jiġu spezzjonati mis-sezzjoni tal-Quality Assurance Unit biex jiċċertifikaw li x-xogħlijiet saru kif suppost.
Leg 12 PQ #25857 Sitting 399 2016-06-06 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għas-Saħħa

Analiżi ta’ kampjuni tal-ilma baħar

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x’analiżi ssir għal dak li jirrigwarda kampjuni tal-ilma li jittieħed mill-baħar? X'tip ta’ kontaminazzjoni tiġi verifikata minn din l-analiżi? Għal dak li jikkonċerna l-kampjuni li ttieħdu minn San Pawl il-Baħar, jista’ jagħti tagħrif dwar liema kontaminazzjoni rriżultat? Jista’ jassigura li m’hemm l-ebda problema biex in-nies jgħumu f'dawn l-inħawi?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi d-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali ta’ kull sena jwettaq il-programm ta’ monitoraġġ fuq il-kwalita` tal-ilma baħar skont ir-Regolamenti 125 tal-2008 dwar il-Maniġġar tal-Kwalita’ tal-Ilma Tajjeb għall-Għawm li jittrasponu d-disposizzjonijiet tad-Direttiva 2006/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Dan jirrikjedi analiżi għal żewġ parametri mikrobijoloġiċi li huma l-Eschericia Coli u Enteroċoċċi intestinali. F’każ li jirriżulta li jkun hemm kontaminazzjoni minn wieħed minn dawn il-mikrobi dan jindika li jista` jkun hemm kontaminazzjoni ġejja minn xi sistemi tad-drenaġġ. Fir-rigward ta’ kampjuni tal-ilma baħar li ttieħdu minn dan id-Direttorat minn San Pawl il-Baħar bħala parti minn dan il-programm ta’ monitoraġġ, s’issa l-ebda riżultat ma indika li kien hemm xi kontaminazzjoni li tipprojbixxi l-pubbliku milli jgħum f’dawn l-akkwati. Ghaldaqstant sallum ma hemm l-ebda raġuni li dan id-Direttorat jirrakomanda li m’għandux isir għawm fl-akkwati ta’ San Pawl il-Baħar.
Leg 12 PQ #25858 Sitting 399 2016-06-06 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

San Pawl il-Baħar — siti li jkerrhu l-ambjent

Question

Billi f'diversi nħawi ta’ San Pawl il-Baħar hemm siti li ċertament ikerrhu l-ambjent ta’ madwarhom, jista’ l-Prim Ministru jieħu l-passi neċessarji biex tali siti jiġu spezzjonati?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Nitlob lill-Onor Interpellant biex ikun aktar speċifiku fil-mistoqsija tiegħu.

Building Regulations Office — spezzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm-il spezzjoni saret minn uffiċjali tal-Building Regulations Office (BRO) fis-sit ta’ kostruzzjoni fi Triq il-Port Ruman San Pawl il-Baħar, fejn hu mistenni li tinbena Skola Primarja tal-Gvern? Jista’ jagħti tagħrif dwar x’instab fuq is-sit rigward kontravenzjonijiet?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru ikkonċernat.

San Pawl il-Baħar – rapporti ta’ vjolenza domestika

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm saru rapporti ta’ vjolenza domestika, fil-lokalitajiet ta’ San Pawl il-Baħar u l-Mellieħa, matul l-aħħar 12-il xahar, xahar b’xahar?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.

Il-Mellieħa, in-Naxxar u San Pawl il-Baħar — ċitazzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ħarġu ċitazzjonijiet mill-pulizija, fil-Mellieħa, in-Naxxar u San Pawl il-Baħar kull xahar, matul l-aħħar 12-il xahar?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.

San Pawl il-Baħar — Ċitazzjonijiet mogħtija mill-wardens

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ħarġu ċitazzjonijiet mil-local wardens, għal kull ġurnata bejn l-1 u l-25 ta’ Mejju, 2016, f'San Pawl il-Baħar, maqsuma siegħa siegħa u triq triq?

Response (BONNICI, OWEN)

Qed inpoġġi l-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra.

San Pawl il-Baħar – Salini – produzzjoni tal-melħ

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta hu mistenni li s-Salini fl-inħawi ta' San Pawl il-Baħar jgħaddi taħt il-kontroll tal-Ministeru, u jekk hux ser ikun il-Ministeru tiegħu li ser ikun responsabbli mill-produzzjoni tal-melħ?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall- Mistoqsija Parlamentari numru 25610
Leg 12 PQ #25639 Sitting 396 2016-05-31 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

San Pawl il-Baħar — Enemalta - xogħlijiet

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar x'xogħol qed twettaq l-Enemalta fit-toroq Villeġġjatura, Arznell u Għabex, San Pawl il-Baħar? Jekk ix-xogħol mhux isir mill-Enemalta, jista’ jagħti tagħrif dwar x’supervision qed issir mill-Enemalta dwar dan ix-xogħol? Meta mistenni jitlesta dan ix-xogħol?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ġejt infurmat mill-Enemalta plc illi x-xogħol indikat fit-toroq imsemmija, minkejja li huwa marbut mas-servizzi tal-elettriku, mhumiex qed isiru mill-kumpanija.

Scholarships – Masters jew PhDs

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Ministeru tiegħu hux se jkun qed joffri xi scholarships f’suġġetti partikolari, matul is-sena skolastika li jmiss għal dak li jirrigwarda Masters jew PhDs? Jista’ jagħti tagħrif dwar jekk l-Università hiex se toffri xi scholarships f’suġġetti partikolari fl-istess livell?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li t-tieni sejħa taħt l-iskema ENDEAVOUR mistennija titħabbar fl-ewwel ġimgħa ta’ Ġunju 2016. L-iskema se tkun miftuħa wkoll għal programmi ta’ studju jew riċerka anke fil-livell ta’ Master u PhD. L-iskema ENDEAVOUR tikkonsisti f’żewġ kategoriji, imsejħa Grupp A u Grupp B. L-applikanti se jkunu jistgħu japplikaw għal programmi fil-livell postgraduate f'dawn l-oqsma: Group A – Priority Areas Group B – Priority Areas Advanced Manufacturing Management and Administration Creative Industries Education Financial Services Green Economy International Educational Services Health Life Sciences High Value Added Manufacturing Tourism ICT Transport & Advanced Logistics Veterinary Services Science, Technology, Engineering/ Environment and Mathematics (STEM) (Any other Programme Titles) Għaldaqstant, applikanti prospettivi huma mħeġġa jaqraw ir-regolamenti relatati ma’ din l-iskema li se jkunu mtella’ fuq is-sit elettroniku www.myscholarship.gov.mt Infurmat ukoll li l-Università ta' Malta għandha fond intern ta' Scholarships & Bursaries. L-għan tal-fond huwa li jipprovdi l-impjegati tagħha b’opportunitajiet biex itejjbu l-kwalifiki u l-kompetenzi fl-oqsma rispettivi tagħhom. Tingħata prijorità lill-Assistant Lecturers li jkunu marbuta b'kuntratt biex jiksbu l-PhD.