Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Planning Authority (li qabel kienet il-MEPA) fasslitx xi development brief għall-inħawi ta' Selmun? Jekk iva, x'hemm inkorporat f'dan id-development brief? Jista' l-Prim Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' dan l-istess brief? Jekk le, jista' jieħu l-passi neċessarji biex tali brief jiġi ppreparat, u fih jiġi nkorporat ukoll x’użu hemm maħsub għal dak li kien jifforma l-fortizza ta' Campbell, fl-istess inħawi? Xi żvilupp hu maħsub li se jsir minflok dik li kienet il-lukanda ta’ Selmun Palace?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninsab nfurmat mill-Awtorita’ tal-Ippjanar li l-policies eŻistenti fl-iSPED, il-Pjan Lokali u ir-Rural Policy and Design Guidance jagħtu biŻŻejjed gwida għal kull Żvilupp li jista’ jiġi propost f’din l-area. Fir-rigward tal-lukanda Selmun Palace, hemm is-Selmun Hotel Site Planning Policy li ġiet approvata fl-1 ta’ Lulju 2015 fejn nitlob l-Onor Interpellant jirreferi ghat-twegiba tal-Mistoqsija Parlamentari 17642.
B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 23815, għal dak li jikkonċerna l-applikazzjoni PA 283/16, billi fl-eżekuzzjoni tax-xogħol li hemm permess li jsir qed iġib miegħu bosta lmenti mir-residenti tal-inħawi, u dan minħabba n-nuqqas ta' osservanza ta' ħinijiet tal-eżekuzzjoni tax-xogħol permess, jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar x'passi qed tieħu l-Planning Authority biex tassigura li ma jinħolqux inkonvenjenzi żejda lil dawk li joqogħdu fl-inħawi?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Awtorità tal-Ippjanar mhix l-entità kompetenti li tassigura li ma jinħolqux inkonvenjenzi żejda lil terzi waqt l-eżekuzzjoni tax-xogħol permess.
Jista' l-Prim Ministru jagħti risposta għall-mistoqsija parlamentari 23813, li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima? Jista' jagħti tagħrif dwar fiex wasal ix-xogħol infrastrutturali li hu meħtieġ biex dan l-ilma tad-drenaġġ, fil-fatt jitwassal fid-destinazzjoni tiegħu?
B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 25609, jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm konsultazzjoni mal-Ministeru responsabbli mill-Agrikultura għal dak li jikkonċerna l-multi li qed jingħad li ser jiġu mposti fuq min għandu serer madwar Malta u Għawdex?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Nitlob lill-Onor Interpellant biex jkun aktar ċar fil-mistoqsija tiegħu.
San Pawl il-Baħar – tħaffir ta’ toroq minn Enemalta
Question
Billi matul il-ġimgħat li għaddew f'bosta toroq fl-inħawi ta' San Pawl il-Baħar saru interventi mill-Enemalta, fejn tħaffru t-toroq, u f'xi każi wkoll twaħħlu arbli fuq il-bankina, bħal ma kien fil-każ fi Triq it-Turisti, u dan mingħajr ma ttieħdu l-prekawzjonijiet neċessarji biex ma jinħolqux inkonvenjenti ġodda, jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar kif qed jiġi assigurat li ma jinħolqux problemi għal dawk li jużaw dawn l-istess bankini?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ġejt infurmat li minn spezzjoni li saret fuq il-post irriżulta li x-xogħlijiet indikati mhumiex xogħlijiet tal-Enemalta plc.
San Pawl il-Baħar – xogħlijiet fuq is-sistema tad-drenaġġ mill-WSC
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid kif il-Water Services Corporation (WSC) qed tassigura li xogħlijiet fuq is-sistema tad-drenaġġ li qed isiru mill-privat f'diversi partijiet ta' San Pawl il-Baħar, fil-fatt mhux qed jikkawżaw ħsarat fuq is-sistema? X'permessi qed tagħti, u x'sorveljanza tagħmel il-WSC biex tassigura li ma jinħolqux diffikultajiet, u wkoll biex jiġi assigurat li t-toroq jerġgħu jiġu reinstated b'mod sodisfaċenti?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ġejt infurmat mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma li f’din l-aħħar sena l-Korporazzjoni addottat sistema fejn qabel tirrilaxxa l-permess sabiex issir ‘house connection’ mill-privat, l-ewwel issir laqgħa mal-kuntrattur fuq il-post. Waqt din il-laqgħa l-Korporazzjoni tagħti l-istruzzjonijiet kif għandhom isiru x-xogħlijiet. Il-kuntrattur javża meta jkun se jsiru x-xogħlijiet sabiex ikun hemm superviżjoni mill-Korporazzjoni. Dan isir biex jiġi assigurat li l-kuntratturi li jqabbdu mad-drenaġġ ma jagħmlux ħsara fis-sistema.
Il-Korporazzjoni tissorvelja biss il-konnessjoni u l-main tad-drenaġġ u li ma ssirx ħsara fuq l-infrastruttura tal-Korporazzjoni, kif kienet il-prassi għal dawn l-aħħar snin.
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta’ persuni li fil-preżent qed igawdu mis-servizz tal-home help u kemm hemm persuni li għandhom applikazzjoni pendenti għal dan l-istess servizz f’kull lokalità, lokalità b’lokalità?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, in-numru ta’ residenzi li qegħdin igawdu mis-servizz tal-Home Help huwa ta’ 2673. Ma hemmx każijiet li għaddew mill-proċess kollu u huma pendenti.
Billi xhur ilu waqt il-ħin tal-mistoqsijiet parlamentari l-Ministru kien ta informazzjoni li l-Gvern kien se jifformula politika ġdida dwar il-mod kif se jiġu megħjuna familji b’wild wieħed li ma baqgħux intitolati għal ‘l hekk imsejjaħ ‘ikel tal-Ewropa’, jista’ l–Ministru jagħti tagħrif dwar fiex waslet din il-policy?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, għadhom għaddejjin id-diskussjonijiet dwar il-kriterji li għandhom jintużaw fl-għoti ta’ dan l-ikel.
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hemm persuni li huma meqjusa bħala single parents mid-Dipartiment responsabbli mis-servizzi soċjali, lokalità b’lokalità u wkoll skont is-sess tagħhom?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, in-numru ta’ persuni li huma ddikjarati mad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali bħala single parents u jirċievu l-allowance tat-tfal mill-istess Dipartiment, maqsuma lokalità lokalità u skont il-ġeneru, jammonta għal 10,913, skont kif jidher fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 24119, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema kienu l-NGOs li lilhom ingħataw €791,900 li ssemmew fir-risposta?
Response (BONNICI, OWEN)
L-informazzjoni għadha qed tinġabar u ser tingħata f'seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hemm swimming zones fil-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar? Jista’ jagħti tagħrif dwar kemm ċkienu jew tkabbru dawn iż-żoni meta mqabbla mas-snin ta’ qabel, u x’kienet ir-raġuni għal dawn il-bidliet? F’liema minn dawn iż-żoni hemm passaġġi biex minnhom joperaw xi servizzi ta’ water sports?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-lokalita’ ta’ San Pawl il-Baħar hemm dawn iż-żoni riservati għall-għawwiema:
Ix-Xtajta ta’ Buġibba (Dolmen)
Il-Pjazza tal-Bajja ta’ Buġibba
Qala tal-Għazzelin sas-Sirens
Veċċja – Għar Għasfur (Barracuda)
Xemxija (ħdejn il-Beachaven)
Daħlet il-Fekruna
Dawn iż-żoni huma bħalma kienu f’dawn l-aħħar snin. Is-servizzi tal-water sports jinsabu fil- Pjazza ta’ Buġibba u fix-Xtajta ta’ Buġibba.
Telefonati minn pajjiżi tal-Unjoni Ewropea lejn Malta
Question
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk persuni li jċemplu mill-Italja lejn Malta, minn sistema Vodafone lejn fixed lines ikollhomx iħallsu rati li huma differenti minn dawk li jitħallsu lejn pajjiżi oħra tal-Unjoni Ewropea?
Response (MALLIA, EMANUEL)
Skond il-Qafas Regolatorju Ewropew ghal Komunikazjonijiet Elettroniċi, is-suq bl-imnut tat-telefonati internazzjonali minn operaturi Taljani lejn numri Ewropej oħra Maltin ma huwiex regolat u għalhekk ma hemmx obbligu li tkun applikata tariffa komuni Ewropeja.
Fil-ka¿ ta’ International Roaming, mit-30 ta’ April 2016, abbonati Maltin li ju¿aw mowbajl fown Malti waqt li jkunu l-Italja jew pajjiż ieħor Ewropew biex iċemplu għal Malta, normalment iħallsu rata bħal meta it-telefonata tkun saret minn Malta. F’dawn il-każi iżda, l-operaturi Maltin jistgħu ukoll iżidu surcharge sa l-14 ta’ Ġunju 2017, kif previst mir-Regolament Ewropew rispettiv.
Jista’ l-Ministru jikkoordina mal-BirdLife, li hi responsabbli mis-Simar, f'San Pawl il-Baħar, biex l-area tas-siġar taż-żebbuġ li hemm bħala parti mill-istess inħawi, tiġi mnaddfa mill-ħafna friegħ tas-siġar mejta li hemm jiġru ma kullimkien, u dan qabel ma ssir xi vendikazzjoni li permezz tagħha l-istess siġar jingħataw in-nar b’konsegwenzi wkoll fuq l-istess riserva?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-masġar imsemmi huwa parti minn sit protett, li qiegħed jinżamm fi stat naturali minħabba l-biodiversità tal-post.
Jista’ l-Ministru jassigura li d-dawl li hemm fuq il-moll tal-Veċċja, liema dawl ġie mibdul ftit tal-ġimgħat ilu, ma jibqax jinqata’? X’inhi r-raġuni li qed tikkawża l-istess ħsarat, u kemm-il darba ssewwew minn meta twaħħlu?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li bħalissa għaddej proċess ta’ fault finding fis-sistema elettrika tal-moll tal-Veċċja min-naħa tal-electrician tal-kuntrattur . Ninsab infurmat li qabel din id-darba, id-dawl inqata’ f’okkażżjoni oħra, fejn kien nstab fault u ssewwa. Għal xi raġuni li għadha ma ġietx stabbilità, għad hemm diffikultajiet f’parti mis-sistema tad-dawl. Qed isir kull sforz biex dan l-inkonvenjent jiġi rranġat mill-aktar fis possibli.
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema spezzjonijiet saru fuq prodotti (ta' kull tip) agrikoli li jinġiebu fis-suq lokali, u x’koordinazzjoni qiegħda ssir dwar dan mal-Ministeru tal-Finanzi?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar u tingħata f’seduta oħra.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien hemm każijiet, matul l-aħħar sena, fejn persuni nqabdu jdaħħlu prodotti mhux imkabbra lokalment, fil-Pitkalija, Ta' Qali? X’passi ttieħdu dwar dan?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li fil-Pitklalija jsiru spezzjonijiet regolari u għal għarrieda minn spetturi mħarġa. Matul is-sena 2015, kien hemm każ wieħed, fejn Pitkal instab li kellu prodotti li allegatament ma kinux lokali. F'dan il-każ ittieħdu l-passi dixxiplinarji skont il-liġi li tirregola l-Pitkalija.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm ħruġ ta' majjal barra minn Malta, u jekk fl-affermattiv jista jgħid lejn liema pajjiżi, kemm jekk għall-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll lejn pajjiżi oħra?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li mis-sena 2014 lil hawn kien hemm ħruġ ta’ majjal għall-Italja.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk sarux diskussjonijiet bejn il-Ministeru għat-Turiżmu u l-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u l-Gvern Lokali dwar il-mod kif il-kunsilli lokali għandhom ikunu nvoluti fin-nefqa tal-fondi li se jinġabru permezz tal-50 ċenteżmu eko-kontribuzzjoni minn turisti li jżuru Malta, kif ukoll dwar il-mod kif se jintgħażlu x-xogħlijiet li fuqhom se jintefqu l-flus? X’deċiżjonijiet se jittieħdu dwar dan?
Response (BONNICI, OWEN)
Nitlob lill-Onor Interpellant jirreferi għat-tweġibiet li ngħataw għal mistoqsijiet parlamentari numri 24625, 25277, 25615 u 25761.
San Pawl il-Baħar – rapporti ta’ vjolenza domestika
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm saru rapporti ta’ vjolenza domestika, fil-lokalitajiet ta’ San Pawl il-Baħar u l-Mellieħa, matul l-aħħar 12-il xahar, xahar b’xahar?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Attachments:PQ 25763 - San Pawl il-Bahar - Rappori ta' Vjolenza Domestika.docx