Legislature:
Category:
Reset
Active:

Open Plots — rimi ta' skart

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema proċedura tista' tintuża biex open plots, jew artijiet li jinsabu abbandunati f'nofs il-lokalitajiet jiġu mdawra b'xi ċint biex l-kruha li tali plots joħolqu, kif ukoll l-abbuż minn persuni irresponsabbli li jimlew dawn il-plots b'kull forma ta' skart, fil-fatt ikunu jistgħu jitnaqqsu? Billi l-kunsilli lokali la għandhom fondi u lanqas għandhom il-mezz kif jidentifikaw lis-sidien ta' tali plots, jista', permezz tal-Ministeru tiegħu jieħu l-passi neċessarji ma' dawk l-organizzazzjonjiet kollha li b'xi mod huma kkonċernati ħalli dawn il-problemi jinqatgħu, jew almenu jitnaqqsu darba għal dejjem?

Response (BONNICI, OWEN)

Għall-ewwel parti tal-mistoqsija parlamentari, nitlob lill-Onor Interpellant jirreferi l-mistoqsija parlamentari numru 25982. Dwar it-tieni parti tad-domanda, kif jaf l-Onor Interpellant mill-il-fondi allokati lill-Kunsilli Lokali żdiedu b’ 10% taħt din l-amministrazzjoni, li wirtet dejn kollettiv ta’ madwar €22miljun.

Clamping u Towing Zones

Question

B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 24174, billi fid-domanda hemm mistoqsija dwar clamping, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema huma ż-żoni f'Malta u f'Għawdex, li huma delinjati bħala clamping zones? Billi fir-risposta ndikata hemm ukoll referenza għal sinjali li jindikaw tow zones, flimkien ma' sinjali ċari li juru li tali żoni huma postijiet li minnhom jista' jsir it-towing, jista' jagħti tagħrif dwar min jawtorizza li area parikulari tkun clamping jew towing zone? X'inhi l-proċedura li trid tintuża biex fil-fatt area partikulari tiġi delinjata kemm għat-towing kif ukoll għall-clamping?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li skont Avviż Legali numru 65.13 "żona ta’ klampjar" u "żona ta’ rmonk" ifissru kull post jew area li jiġu indikati f’avviż maħruġ mill-Kummissarju (tal-Pulizija) u permezz ta’ sinjali u marki li jsiru skond id-disposizzjonijiet tar-Regolamenti dwar is-Sinjali tat-Traffiku u l-Marki tal-Karreġġata, fejn l-ipparkjar projbit tal-vetturi jagħti lok li jitwaħħlu klampi mar-roti jew l-irmonk ’l barra ta’ dawk il-vetturi minn dik iż-żona, skond il-każ."
Leg 12 PQ #26058 Sitting 406 2016-06-22 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

San Pawl il-Baħar – Triq l-Arżnell u Triq il-Mosta – diffikultajiet ta’ bejgħ ta’proprjetajiet

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm xi żviluppi għal dawk li jikkonċernaw il-każi ta' diffikultajiet għal numru sostanzjali ta' residenti li joqgħodu fl-inħawi ta' Triq l-Arżnell u Triq il-Mosta San Pawl il-Baħar (fost oħrajn), li ma' jistgħux ibiegħu l-proprjetà tagħhom minħabba problemi dwar ċnus fuq l-istess proprjetajiet?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-kwistjoni dwar dawn l-artijiet għadha qed tiġi diskussa għaliex għad hemm punti li jridu jiġu kjarifikati dwar it-titlu tal-imsemmija artijiet qabel jittieħdu deċizjonijiet ulterjuri.

Smart City – Triq Ġdida

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar fiex waslet il-proposta li jkun hemm triq ġdida li twassal għal Smart City? Jista’ jagħti tagħrif dwar jekk sarux xi esproprjazzjonijiet minħabba din it-triq? Meta hu mistenni li jinbeda x-xogħol fuq din it-triq?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta qiegħda tħares lejn diversi alternattivi li hemm għall-aċċess lejn Smart City. Nikkonferma li kienu saru diversi esproprjazzjonijiet taħt l-amministrazzjoni precedenti.
Leg 12 PQ #26079 Sitting 406 2016-06-22 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu

Smart City – ITS – trasport organizzat

Question

Meta l-ITS tibda taħdem minn Smart City, jista’ l-Ministru jgħid jekk hux mistenni li jkun hemm trasport organizzat għall-istudenti li jkunu qed jattendu xi kors hemmhekk?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Nitlob lill-Onorevoli Nterpellant sabiex jagħmel il-Mistoqsija Parlamentari tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Leg 12 PQ #26080 Sitting 406 2016-06-22 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għas-Saħħa

Sptarijiet tal-Gvern – ħaddiema — leave

Question

Billi jidher li qed ikun hemm diffikultajiet biex ħaddiema fl-isptarijiet tal-Gvern jieħdu l-leave kollu tagħhom, jista' l-Ministru jikkonsidra l-possibbilità li dak il-leave li ma jkunx jista' jittieħed, jiġi kkumpensat fi ħlas?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-kundizzjonijiet tax xoghol tal-ufficjali tas-Servizz Pubbliku inkluzi tal-vacation leave huma regolati mill-Public Service Management Code.

Qorti – taħrikiet — każijiet

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien hemm każijiet fejn persuni li suppost telgħu l-Qorti b’akkużi kontra tagħhom, fil-fatt ma telgħux, għaliex it-taħrika ma twasslitx għand min suppost twasslet, peress li l-persuni/persuna ikkonċernati ma nstabux, matul l-aħħar 12-il xahar, xahar b’xahar? Quddiem liema ġudikanti (skont il-każijiet differenti) kellhom jidhru dawk li ġew notifikati? Kemm kien hemm każijiet fejn l-akkużati ma nstabux iktar minn darba?

Response (BONNICI, OWEN)

Fil-Qorti ta’ Malta u Għawdex qatt ma kienet prassi li tinżamm l-informazzjoni mitluba.
Leg 12 PQ #26138 Sitting 406 2016-06-22 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għas-Saħħa

Buġibba – Front – sors ta’ ilma

Question

Jista’ l-Ministru jinvestiga x'inhu s-sors tal-ilma li ħiereġ fit-triq fuq il-front ta' Buġibba, hekk kif taqbeż il-pjazza prinċipali, fejn hemm l-HSBC, peress li r-residenti qed jilmentaw li dan l-ilma hu kontaminat? Jekk diġà ttieħdu samples ta' dan l-ilma, x'kienu r-riżultati li nstabu?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ngharraf lill-Onorevoli Interpellant li mill-investigazzjoni li saret minn uffiċjali tad-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali rigward il-ħruġ ta’ ilma fiż-żona indikata jirriżulta li dan kien kawża ta’ perkolazzjoni ta’ ilma fl-HSBC li jinsab fil-Pjazza ta’ Buġibba. Ix-xogħolijiet rikjesti saru u għalhekk il-ħruġ tal-ilma għal barra waqaf. Ittieħdu wkoll kampjuni ta’ dan l-ilma sabiex jiġi aċċertat is-sors u mir-riżultati ġie kkonfermat li l-ilma mhuwiex kontaminat bid-drenaġġ.

Buġibba – Direzzjoni lejn San Pawl il-Baħar – traffic lights

Question

B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 25628, billi qed jingħad li fl-inħawi msemmija 'm’għandu l-ebda parti minnu kkontrollat bis-sinjaletika elettronika', billi din is-sinjaletika nqalgħet waqt ix-xogħol li kien qed isir fil-Coast Road, jista’ jiġi assigurat li l-istess sinjaletika fil-fatt terġa' titwaħħal, għaliex il-perikli li nħolqu bit-tneħħija tas-sinjaletika msemmija huma kbar ħafna?

Response (MIZZI, JOE)

Jien infurmat li l-parti tal-inkroċju, li għalih qed qed jirreferi l-Onor. Interpellant huwa bejn Triq il-Korp tal-Pijunieri k/m Triq il-Wileġ. Dan l-inkroċju m’għandu l-ebda parti minnu ikkonrollata bis-senjaletika elettronika tat-traffiku u għalhekk ma jagħmilx parti minn l-ebda sistema elettronika. Il-movimenti tat-traffiku f’dan l-inkroċju huma kkontrollati bis-senjaletika ta’ STOP li għandhom jiġu osservati. Il-parti fejn hemm senjaletika elettronika tat-traffiku tinsab f’inkroċju ieħor li jinsab fi triq oħra, jiġifieri fi Vjal Kennedy k/m Triq Korp tal-Pijunieri.

Awtorità tad-Djar – applikazzjonijiet għall-bini ta’ appartamenti

Question

B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 25557, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema huma s-siti kollha li fuqhom l-Awtorità tad-Djar kellha applikazzjonijiet pendenti, jew permessi validi, f'Marzu 2013? Kemm minn dawk is-siti nbnew, jew qed jinbnew bħalissa fuq l-istess permessi validi li kien hemm dak iż-żmien? Kemm, f'kull każ kien mistenni li jinbnew units, u x'tip ta’ units kienu ser jinbnew, (one, two jew three bedroomed)? F'kull każ min kien il-perit ta' dawn l-istess proġetti separatament? Liema minn dawn il-proġetti hu mistenni li jitkompla x-xogħol fuqhom matul iż-żmien li ġej? X'bidliet seħħew f'kull wieħed minn dawn il-proġetti, u f'kull każ min hu l-perit responsabbli minn dan ix-xogħol illum? X'wassal għall-bidliet kemm fil-pjanti, kif ukoll fil-periti responsabbli, fejn dan hu l-każ?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, informazzjoni dettaljata dwar is-siti kollha li fuqhom l-Awtorita’ tad-Djar kellha applikazzjonijiet pendenti u permessi validi, diġa’ ngħatat f’mistoqsijiet parlamentari 19417 u 19626. L-aħħar tenders tal-Awtorita’ tad-Djar għall-bini ta’ units ġodda kienu nħarġu fl-2010, għaldaqstant għadu ma sar l-ebda bini fuq is-siti msemmija. Informazzjoni oħra mitluba dwar kull sit individwali u l-perit li kiseb il-permess relattiv qed tingħata fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Dwar liema proġetti hu mistenni jitkompla x-xogħol fuqhom matul iż-żmien li ġej, kif diġa’ ngħad f’mistoqsija parlamentari numru 25557, il-proċess għadu qed jigi mistħarreġ waqt li l-periti li ser ikunu responsabbli għal dawn il-progetti ser ikunu periti privati.

San Pawl il-Baħar – Salini

Question

B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 25610, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta hu mistenni li fil-fatt is-Salini jgħaddu taħt l-amministrazzjoni tal-Ministeru li tiegħu hu responsabbli? Billi reċentement kien hemm sejħa għall-impjieg ta' numru ta' persuni li fil-fatt ingħad li ser jitqabbdu jagħmlu xogħol marbut mal-istess Salini jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk hux ser ikun hemm iktar persuni li jiġu impjegati fuq dan ix-xogħol wara li l-istess inħawi jgħaddu għand il-Ministeru li minnu hu responsabbli?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li b’żieda mat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari Nru 25610, għadhom għaddejjin diskussjonijiet flimkien mal-Ministeru tat-Trasport u l-Infrastruttura kif wkoll mal-Ufficċju tal-Prim Ministru fuq l-amministrazzjoni tas-Salini u għalhekk ma nistax nitkellem fuq ingaġġ ta’ ħaddiema mill-Ministeru tiegħi meta l-amministrazzjoni tas-Salini għad mhux taħt ir-responsabbilità tiegħi.

San Pawl il-Baħar – mollijiet

Question

Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex partijiet mill-mollijiet li jinsabu fi stat ħażin, kemm fin-naħa ta' Kennedy Grove/Qawra, kif ukoll fin-naħa tas-Salina, limiti ta' San Pawl il-Baħar u n-Naxxar rispettivament jiġu rranġati, u dan qabel ma l-mollijiet ikomplu jitkissru u joħolqu iktar perikli għal dawk li jiffrekwentawhom, jew jużaw dawn l-istess mollijiet?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jispeċifika għal liema mollijiet qed jirreferi.

Qawra u San Pawl il-Baħar – bins max-xtut

Question

Billi jidher li f'numru ta' nħawi kemm fil-Qawra kif ukoll f'San Pawl il-Baħar, fejn hemm il-postijiet ta' bins max-xtut, u fejn kienu jitqiegħdu fis-snin imgħoddija, din is-sena għadhom ma tqiegħdux posthom, jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex fil-fatt jitqiegħdu? Jista' jieħu wkoll il-passi biex sellum li kien jitqiegħed fuq il-blat, viċin tal-Buġibba Boċċi Club, din is-sena jerġa' jitwaħħal ukoll?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant, illi l-kontenituri kollha tal-iskart jinsabu mqassma fuq il-bajjiet. Is-sellum imsemmi, twaħħal il-ġimgħa l-oħra.

Reserved parking – persuni li jiġu notifikati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kif jiġu nnotifikati dawk il-persuni li jagħmlu talba biex ikollhom reserved parking, u t-talba tagħhom tiġi approvata? Min jieħu l-passi biex tali reserved parking tiġi mpinġija fuq il-post? Meta jkun hemm deċiżjoni li reserved parking partikulari, tkun ser titneħħa, wara l-mewt ta' min ikun talabha, jista' jagħti tagħrif dwar min jintalab li jneħħi tali reserved parking, u kif jiġi nnotifikat? Jista' jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kampjun (sample) ta' dawn l-ittri li bihom issir in-notifika, fiż-żewġ każi rispettivi?

Response (MIZZI, JOE)

Jien infurmt li dawk il-persuni, li t-talba tagħhom għal parkeġġ riservat tiġi approvata, jiġu nfurmati b’dan permezz ta’ ittra maħruġa minn Transport Malta. Il-parkeġġi riservati għal persuni b’diżabbilta’ li jiġu approvati jiġu mplimentati mill-Awtorita’. Meta tkun ser titneħħa kaxxa riservata għal persuni b’diżabbilta’, il-familja tal-persuna tiġi notifikata permezz ta’ ittra. Tali kaxxa titneħħa mill-kunsill lokali rispettiv. Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopji tal-ittri mitluba.
Leg 12 PQ #25982 Sitting 404 2016-06-20 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Open sites — spezzjonijiet

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Planning Authority (PA), fil-fatt tagħmilx spezzjonijiet fuq dawk li huma magħrufa bħala “open sites”? Billi l-istess awtorità hi responsabbli mill-ħruġ ta' permessi tal-bini, jista' jagħti tagħrif dwar jekk l-inspectors tal-awtorità hux qegħdin josservaw ukoll is-siti li fihom ikun qed jintefa’ kull tip ta' materjal, b'detriment għall-ambjent tal-inħawi? Jekk le, jista' jieħu l-passi neċessarji biex fil-fatt dawn is-siti jingħalqu?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li gejt nfurmat mill-Awtorita tal-Ippjanar illi skont artikolu 99(1) tal-Att tal-2016 dwar l-Ippjanar tal-Iżvilupp, l-Awtorità għandha tara jekk l-ġmiel jew siwi ta’ xi żona huwiex imħassar bid-dehra ta’ xi art (li tista' tkun ġnien, sit vojt jew art oħra fil-beraħ). Għal dan l-iskop, l-uffiċjali tal-Awtorità jagħmlu spezzjonijiet fejn ikun meħtieġ. Jekk jirriżulta li l-kundizzjoni tal-art qed tkun ta' ħsara lill-ġmiel jew siwi taż-żona, l-Awtorità tieħu dawk il-passi li jkunu meħtieġa inkluż, jekk ikun il-każ, il-ħruġ ta' avviż ta’ twettiq (fuq is-sid tal-art u/jew fuq l-okkupant tal-art) li fih ikun meħtieġ li jittieħdu dawk il-passi biex titnaqqas il-ħsara kif jista’ jiġi speċifikat fl-avviż.

Rapporti dwar il-mina bejn Malta u Għawdex

Question

Jista' l-Ministru jagħti indikazzjoni dwar meta hu mistenni li 'jkun il-ħin opportun', kif indikat f'risposti parlamentari preċedenti, għal dak li jirrigwarda l-pubblikazzjoni tar-rapporti dwar il-mina bejn Malta u Għawdex, u meta hu mistenni li l-istess rapporti jiġu ppubblikati? X'qed iżomm li dawn ir-rapporti fil-fatt jiġu ppubblikati, meta wieħed iqis li hawn diskussjoni pubblika dwarhom?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li m’għandi xejn x’inżid mat-tweġibiet li ngħataw s’issa fuq dan is-suġġett.

San Pawl il-Baħar – xogħlijiet fit-toroq

Question

B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 24759, billi fir-risposta jingħad li 'fil-laqgħa li għaliha qed jagħmel referenza, xogħlijiet infrastrutturali fuq toroq ma kenux inklużi fl-aġenda', jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta ġew diskussi dawn it-tip ta' xogħlijiet li jikkonċernaw l-infrastruttura? Meta hu mistenni li jerġgħu jiġu diskussi l-istess suġġetti, u meta hu mistenni li fil-fatt jinbeda x-xogħol fuq dawn ix-xogħlijiet?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li m’għandi xejn x’inżid mar-risposti diġa mogħtija.

Kunsilli lokali — xogħlijiet

Question

B'referenza għar-risposti għall-mistoqsijiet parlamentari 25505, 25506 u 25507, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema mix-xogħlijiet indikati li saru fil-lokalitajiet indikati huma xogħlijiet li jaqgħu taħt ir-responsabiltà tal-Kunsilli Lokali?

Response (MIZZI, JOE)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Skema PPP – xogħlijiet fuq toroq

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 25556, dwar il-Public-Private Partnerships (PPP) għal dak li jikkonċerna l-kostruzzjoni tat-toroq, billi l-Ministru għall-Finanzi talabni nindirizza d-domanda lill-Ministru kkonċernat?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Public Private Partnerships m’humiex responsabbilta’ tal-Ministeru tiegħi jew ta’ Transport Malta.

Transport Malta – San Pawl il-Baħar, il-Mellieħa u n-Naxxar – garaxxijiet ta’ kiri ta’ karozzi

Question

B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 25497, jista' l-Ministru jagħti l-istess tagħrif mitlub, din id-darba għal dak li jikkonċerna l-lokalitajiet kollha ta' Malta u Għawdex?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-lista tan-numru ta’ garaxxijiet li jagħtu servizz ta’ kiri ta’ karozzi ta’ kull tip, kif ukoll liċenzjati biex jikru l-karozzi, skont il-lokalita’qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Għal dak li jirrigwarda n-numru ta’ vetturi liċenzjati għal kiri, ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni li ngħatat fit-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari 25497 kienet għal-lokalitajiet kollha.