Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 12 PQ #26268 Sitting 410 2016-06-27 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Ix-Xemxija – Dawret it-Nawfraġju — Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma - spezzjonijiet

Question

Jista’ l-Prim Ministru, permezz tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, jieħu l-passi neċessarji biex f'Dawret in-Nawfraġju, (Shipwreck Promenade) ix-Xemxija jsiru spezzjonijiet neċessarji biex jiġi assigurat li ma tkomplix isseħħ ħsara fis-soqfa tal-boathouses li hemm taħt l-istess triq? Jista' jagħti tagħrif dwar meta saru l-aħħar spezzjonijiet f'dan il-post u x'irriżulta minn dawn l-ispezzjonijiet?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ġejt infurmat mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma li l-Korporazzjoni m’humiex għaddejjin b’xi xogħlijiet f’din it-triq. Il-ħsara msemmija mill-Onorevoli Interpellant hija ri¿ultat ta’ ħsara estensiva fil-kaxxa tas-sufun ta’ house connection privata fit-triq ta’ fuq. It-tiswijiet saru mill-privat u l-Korporazzjoni aċċertat li l-infiltration waqfet għal kollox.

San Pawl il-Baħar – Ix-Xemxija – siġar taż-żebbuġ

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kif se jiġi assigurat li s-siġar taż-żebbuġ, u l-ħafna ħaxix u friegħi nexfin li hemm taħthom fix-Xemxija, San Pawl il-Baħar, ma jispiċċawx jinħarqu b’konsegwenzi serji għall-ambjent tal-inħawi?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Tallinja Card — ritratti

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'se jkun qed jiġri fil-każ ta' dawk il-persuni li għad m'għandhomx l-ID card, għax għadhom żgħar, u lanqas għandhom passport, li iżda għandhom tallinja card, għaliex dawn ma jafux x'se jagħmlu issa li tallinja card trid tkun bir-ritratt?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tfal t' għaxar snin jew iżgħar ma jkollhomx ritratt fuq it-tallinja card tagħhom. Persuni li m'għandhomx il-karta tal-identita’ jkunu jridu jissupplixxu lill-operatur tat-trasport pubbliku b'ritratt tagħhom, li jista’ jkun kemm b'format elettroniku jew inkellha ritratt stampat. Sal-24 ta' Ġunju dawn il-cards kienu qed jiġu mibdulin ġewwa l-Istitut Kattoliku, il-Furjana. Wara din id-data, dawk il-cards li m’għandhomx ritratt qed jiġu di-attivati. Wara din id-data u għal perjodu limitat ta’ żmien, sabiex tiġi mibdula din il-card persuna tkun trid tmur ġewwa wieħed mit-ticket booths li jopera l-operatur tat-trasport pubbliku li jinsabu ġewwa il-Belt Valletta, tas-Sliema, l-Ajruport, l-Universita’, l-Isptar Mater Dei u Victoria Għawdex. Ikun hemm ħlas ta’ €5 kif ukoll l-ispejjeż tal-posta sabiex il-card tinbidel. Wara dan il-perjodu limitat, il-cards ikunu jistgħu jiġu mibdula biss mill-kiosk tal-operatur tat-trasport pubbliku ġewwa l-Belt Valletta.
Leg 12 PQ #26271 Sitting 410 2016-06-27 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

San Pawl il-Baħar – Applikazzjonijiet għall-parkeġġi

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar liema applikazzjonijiet għall-parkeġġ (parkeġġi ta’ livell wieħed jew iktar), huma pendenti quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar? Kemm minn dawn l-applikazzjonijiet li huma pendenti, huma għall-areas f'San Pawl il-Baħar? Kemm toffri spazji, kull waħda minn dawn l-applikazzjonijiet? X'qed iżżomm milli jiġu approvati dawn l-istess applikazzjonijiet?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra , t-tagħrif mitlub. Rigward l-aħħar mistoqsija, nitlob lill-Onor Interpellant jgħid jekk hux qed jirreferi għall-applikazzjonijiet pendenti kollha msemmija fil-lista jew hux għal dawk pendenti f’San Pawl il-Baħar biss.

Transport Malta – investigazzjoni fuq toroq li ma sarux

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk fil-fatt, Transport Malta (TM) investigatx ix-xogħol fuq xi toroq partikulari li ma sarux mill-istess TM, iżda li saru minn xi entitajiet oħra? Jekk iva, fejn saru tali investigazzjonijiet, u x'kienu r-riżultati li nkisbu? X'passi ttieħdu minn TM, dwar il-każi li ġew investigati?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li sussegwentament għat-tweġibiet mogħtija għall-mistoqsijiet parlamentari 24655, 19628, 19629, 18802 u 17819, u kif indikat ukoll f’din il-mistoqsija, Transport Malta ma investigatx toroq li saru minn xi entitajiet oħra iżda tkompli tispezzjona viżwalment ix-xogħlijiet kompluti kollha mill-entitajitijet f’kull lokalita’ li jkunu daħlu fis-sistema tar-Road Permit System matul is-sentejn garanzija hekk kif stipulat fl-L.S. 499.57 u fejn jinstab li x-xogħlijiet ma jkunux żammew il-livelli ta’ kwalita’ aċċettabbli, l-Awtorita’ tordna lill-entita’ u l-kuntrattur sabiex jerġgħu jsiru ix-xogħlijiet mill-ġdid jew isewwu kif neċessarju. Minħabba n-numru estensiv ta’ permessi li jinħarġu għax-xogħlijiet (madwar 10,000 permess fil-2014, 12,000 fil-2015 u 6,000 sal-lum fit-2016), ikun difficli sabiex jingħadd in-numru ta’ azzjonijiet li ttieħdu u x-xogħlijiet ta’ rimedju li saru minn entitajiet jew mill-privat wara li l-ispezzjonijiet minn TM irriżultaw li t-twettieq tax-xogħlijiet ma kinux ta’ livell sodisfaċenti. Jekk dan huwa rikjest u sakemm mhux xi kaz speċifiku li għalih qed tiġi mressqa l-mistoqsija, hemm bżonn ta’ aktar żmien ħalli l-files kollha ta’ xi perjodu partikolari jiġu miflija wieħed wieħed.

San Pawl il-Baħar – Triq il-Fugass u parti minn Triq it-tamar — xogħol

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta hu mistenni li jitlesta x-xogħol li Transport Malta għandha tagħmel fi Triq il-Fugass u f'parti minn Triq it-Tamar, San Pawl il-Baħar? Kemm hu mistenni li jiswa dan l-istess xogħol?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dawn ix-xogħlijiet huma ppjanati biex jibdew wara s-sajf.

Awtorità tal-Ambjent – standards rigward imbarazz ta’ kostruzzjoni li jitħalla barra

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk l-Awtorità dwar l-Ambjent għandhiex xi standards partikulari li għandhom jiġu osservati meta jkun ser isir bini, fis-sens ta' jekk għandhiex regoli li japplikaw biex persuni li jkunu qed jibnu, ma jħallux imbarazz ta' kostruzzjoni barra, jiġri fit-toroq? Jekk le, jista' jara li din l-awtorità tikkordina ma' awtoritajiet oħra governattivi, biex dan it-tip ta' materjal ma jkunx jista' jibqa' jitwaddab ma kullimkien bla ebda kontroll, b'detriment għad-dehra ġenerali tal-lokalitajiet?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkoncernat.

Każi ta’ abbużi ta’ rimi ta’ skart ta’ kull tip

Question

Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex tinstab soluzzjoni, flimkien ma' ministeri u awtoritajiet oħra, biex każi ta' abbuż ta' rimi ta' skart ta' kull tip ikunu jistgħu jiġu kkontrollati b'mod aħjar, u li jiġu wkoll osservati xi regoli li diġà jeżistu, jekk jeżistu?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-abbuż ta' rimi ta' skart huwa rregolat minn S.L. 549.40 - Regolamenti dwar l-Abbandun, ir-Rimi u t-Tneħħija ta’ Skart fit-Toroq u f ’Postijiet jew Żoni Pubbliċi. Għalhekk il-Kunsilli Lokali għandhom kull poter li, permezz tal-gwardjani lokali, jaġixxu biex jitħarsu dawn ir-regolamenti flimkien ma’ regolamenti oħra li għalihom huma responsabbli.

Qawra – Għassa tal-Pulizija – complement ta’ uffiċjali tal-pulizija

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kif ser jiġi assigurat li l-għassa tal-Qawra jkollha l-ħin kollu, il-complement ta' uffiċjali tal-pulizija li hemm bżonn biex jaqdu d-doveri tagħhom b'mod li jlaħħqu mal-ħtiġijiet dejjem jiżdiedu ta' din il-lokalità?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li kif kelli diġa l-opportunità nsemmi f’mistoqsijiet relatati, il-kompliment ta’ distrett tal-Qawra hu kkonsidrat adekwat skont il-htiġijiet tal-post. Infurmat ukoll, li waqt li jsir dak kollu possibli biex l-uffiċjali tad-distrett jibqgħu jservu fil-lokalità tagħhom, l-Onorevoli Interpellant jifhem li minħabba ċerti avvenimenti speċjalment meta dawn jaħbtu flimkien, ċerti uffiċjali jkolhom jagħmlu xogħol f’lokalitajiet oħra f’xi jiem. Madankollu ir-ronda bil-vetturi tibqa ssir fuq bażi regolari.

Kunsilli lokali – formula tal-finanzjament

Question

Jista' l-Ministru, fid-dawl tal-ħtiġijiet differenti li għandhom lokalitajiet differenti, ħtiġijiet li nbiddlu wkoll minn meta twaqqfu l-kunsilli lokali, jieħu l-passi neċessarji biex il-formula tal-finanzjament tal-kunsill li tintuża llum, tiġi aġġornata, b'mod li il-kunsilli jingħataw il-finanzi li għandhom bżonn biex josservaw l-obbligi li huma għandhom fil-lokalitajiet tagħhom?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mid-Dipartiment għal Gvern Lokali li diġa sar studju xjentifiku dwar it-tibdil meħtieġ fil-formola ta' finanzjament tal-Kunsilli Lokali, u ttieħdu dawn il-fatturi in konsiderazzjoni. Issa l-Ministeru qiegħed fi stadju li jsejjaħ ir-rappreżentanti tal-Kunsilli Lokali biex jiddiskuti magħhom.
Leg 12 PQ #26244 Sitting 408 2016-06-22 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Buġibba – Triq it-Turisti – cables u bozza

Question

Jista' l-Prim Ministru jieħu l-passi neċessarji biex cables tal-elettriku li jinsabu fil-gallarija, b'mod baxx u perikoluż, fi Triq it-Turisti, qrib il-blokk tal-flats li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament (a) fl-istess triq, fil-fatt jitneħħew minn fejn qegħdin, billi qed ikerrhu l-area, u wkoll huma ta' periklu għal dawk li joqogħdu fl-istess inħawi? Jista' jieħu wkoll il-passi neċessarji biex bozza pubblika li hemm imwaħħla mal-appartamenti li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament (b)(ukoll mibni mill-Gvern, ħdejn flats (a)) fi Triq it-Turisti, terġa' tiġi mwaħħla mas-sistema, peress li nqalgħet meta kienu nqalgħu l-cables imsemmija hawn fuq?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ġejt infurmat mill-Enemalta plc li l-cables tal-elettriku ser jiġu rilokati fil-jiem li ġejjin. Fir-rigward tal-bozza pubblika, ġejt infurmat li kif il-lampa tiġi mressqa mill-Kunsill Lokali u wara li l-Kunsill Lokali idaħħal l-applikazzjoni STL skont il-proċedura stabilita', din tkun tista’ terġa’ tiġi kkonnetjata.
Leg 12 PQ #26245 Sitting 408 2016-06-22 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Water Services Corporation – konnessjoni tad-drenaġġ

Question

Billi f'risposta għal domanda parlamentari preċedenti, ingħad li l-Water Services Corporation (WSC) daħħlet sistema li permezz tagħha, meta u fejn ikun ser isir xogħol ta' konnessjoni tad-drenaġġ, personnel mill-istess korporazzjoni jiltaqgħu mal-kuntrattur li jkun ser iwettaq ix-xogħol u jiftehmu miegħu kif għandu jagħmel l-istess xogħol, jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar kemm-il darba, u f'liema toroq, matul dawn l-aħħar sitt xhur, personnel mill-WSC iltaqgħu ma' kuntratturi li kienu ser iwettqu xogħol f'xi waħda mit-toroq ta' San Pawl il-Baħar? F'liema toroq kellu jsir ix-xogħol li għalih ingħataw direttivi dwar kif għandu jsir ix-xogħol, xahar b'xahar, f'dan il-perjodu, u x'passi ttieħdu wara? F'kemm-il każ instab li fil-fatt ma nżammux il-proċeduri li kellhom jiġu osservati?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ġejt infurmat mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma li f’dawn l-aħħar sitt xhur personnell min-naħa tal-Korporazzjoni iltaqgħu ma’ diversi kuntratturi li applikaw biex jagħmlu drainage house connection għall-privat. Ix-xogħlijiet saru f’dawn it-toroq fix-xhur indikati. Fil-każi kollha l-proċeduri ġew osservati. Jannar 2016 Triq San Pawl Frar 2016 Triq San Ġwann Battista Triq il-Port Ruman u Triq it-Tamar Triq il-Fekruna Marzu 2016 Triq il-Luzzu Triq il-Makku Triq Parades Mejju 2016 Triq l-Isturjun Ġunju 2016 Triq San Luqa
Leg 12 PQ #26246 Sitting 408 2016-06-22 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Ilma msoffi mid-drenaġġ għand il-bdiewa

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar meta hu mistenni li fil-fatt jitwassal l-ilma msoffi mid-drenaġġ għand il-bdiewa? Kemm mill-proġett ta' tqegħid ta' mains, minħabba dan il-proġett huma lesti? Kemm fadal li jitqiegħdu mains, fejn, u meta hu mistenni li jitqiegħdu l-mains biex il-bdiewa jkunu jistgħu jibdew jużaw dan l-istess ilma?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ġejt infurmat mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma li l-impjanti qegħdin jiġu installati biex aktar tard din is-sena jkun jista’ jibda l-ittesstjar u l-commissioning tal-impjanti. Is-sistema ta’ pajpijiet li ser tkun qed twassal l-ilma sa Sant’Antnin (minn Ta’ Barkat), sa Binġemma (minn Taċ-Ċumnija) u sa Kerċem (minn Ras il-Ħobż Għawdex) qegħda fi stat avvanzat. Il-bdiewa ser ikunu jistgħu jużaw dan l-ilma permezz ta’ bowsers ipprovduti minnhom stess. Il-Korporazzjoni għaddejja wkoll bi preparamenti biex tapplika għal fondi Ewropej ħalli tkun tista’ tifrex is-sistema ta’ distribuzzjoni ta’ dan l-ilma.
Leg 12 PQ #26247 Sitting 408 2016-06-22 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

San Pawl il-Baħar, Mellieħa u Naxxar – servizzi ta’ dawl u ilma

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' servizzi ta' dawl u ilma, skont il-kategoriji differenti ta' ħlas li jsir lill-ARMS Ltd, fil-lokalitajiet ta' San Pawl il-Baħar, il-Mellieħa u n-Naxxar, lokalità lokalità, u kategorija differenti f'kull każ?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Qed ngħaddi l-informazzjoni mitluba hekk kif mgħotija lili mill-ARMS Ltd. Kategorija Lokalita' Mellieħa Naxxar San Pawl il-Baħar Electricity Domestic 3,646 1,479 11,301 Electricity Non-Residential 1,344 1,015 2,358 Electricity Residential 3,208 4,079 6,852 Water Domestic 3,693 1,347 10,612 Water Non-Residential 760 687 1,858 Water Residential 3,190 4,055 6,817
Leg 12 PQ #26248 Sitting 408 2016-06-22 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu

Toroq fiż-żoni turistiċi — xogħolijiet

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk l-MTA, jew xi organizzazzjoni oħra li tieħu ħsieb l-inħawi turistiċi, fil-fatt hux qed tippjana li tgħin biex ċertu toroq li hemm fiż-żoni turistiċi, u li jeħtieġu uċuħ ġodda, fil-fatt jinstab il-finanzjament għalihom? Fejn u meta, hu mistenni li jsir xogħol ta' dan it-tip?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant illi bħal ma jaf tajjeb hu, il-manutenzjoni tat-toroq ġewwa pajjiżna ma taqax taħt ir-risponsabbilta’ tad-dekasteru tal-Ministeru għat-Turiżmu. Madanakollu, il-Fondazzjoni għall-Iżvilupp ta’ Żoni Turistiċi, entita’ taħt il-Ministeru tiegħi, hija konxja tal-problemi li qiegħed jirreferi għalihom l-Onorevoli. Dawn il-problemi li jirrikonoxxi l-Interpellant, huwa frott ta’telqa li ilha għaddejja snin twal. Nassigurah illi, b’kollaborazzjoni mal-Ministeru tat-Trasport u Nfrastruttura, qegħdin naħdmu sabiex isir titjib fiz-zoni turistici varji.
Leg 12 PQ #26249 Sitting 408 2016-06-22 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu

Tourism zone police

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk fil-fatt bdewx jitħaddmu t-tourism zone police, u jekk iva fejn? Jekk le, meta hu mistenni li jibdew jitħaddmu dawn l-istess pulizija, u meta hu mistenni li din it-tip ta' sorveljanza fil-fatt tibda sseħħ, u meta hu mistenni li tiġi estiża, u fejn?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant illi b’ħidma mal-Ministeru għall-Intern u s-Sigurta’ Nazzjonali, ġie varat il-proġett pilota tal-pulizija tat-turiżmu fiż-żoni turistiċi f’San Ġiljan u tas-Sliema - żoni li huma mill-iktar importanti kemm fejn jidħol l-influss ta’ turisti, kif ukoll għan-numru ta’ soddod. Aktar ‘il quddiem ser jiġi evalwat dan is-servizz biex jiġi estiż f’lokalitajiet turistiċi oħra f’Malta u f’Għawdex, skond il-ħtieġa.

Front Gardens – twaddib ta’ imbarazz

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kif qed jiġi assigurat li l-front gardens ma jintużawx bħala post li fihom jitwaddab kull tip ta' mbarazz? Billi huma bosta dawk il-persuni li jħallu kull tip ta' materjal f'dawn il-postijiet, li għalkemm huma privati, xorta waħda huma esposti għall-pubbliku, jista' jagħti tagħrif dwar x'inhuma l-passi li huma permissibli li jittieħdu fil-konfront ta' persuni li jabbużaw minn tali sitwazzjonjiet?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

San Pawl il-Baħar — Buġibba, Qawra u Xemxija – Cleansing Department - ħaddiema

Question

Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex il-ħaddiema li jaqgħu taħt il-Cleansing Department, ikollhom il-vann jew it-trakk magħhom, biex jiġi evitat li wara li jinġabar ċertu skart mill-front ta' Buġibba, Qawra u Xemxija, f'San Pawl il-Baħar, l-istess materjal miġbur ma jibqax fuq il-post għal ħin twil?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant, li l-ħaddiema tad-Direttorat għat-Tindif ikollhom vann magħhom f’kull ħin. Ladarba jaslu fil-post dawn il-ħaddiema jitqassmu fit-toroq, sabiex isir il-knis neċessarju. Li kieku ma jingħatax dan is-servizz mid-Direttorat għat-Tindif, dan l-iskart ikollu jitħalla sal-ġurnata ta’ wara.

San Pawl il-Baħar – blokk ta’ appartamenti

Question

Billi saru diversi domandi dwar l-istat diżastruż li tinsab fiha l-bitħa ta' blokk ta' appartamenti fi Triq Patri Ġużepp Calleja f’San Pawl il-Baħar, u dan , peress li appartament fil-ground floor tal-blokk li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, jinsab abbandunat, b'konsegwenzi fuq il-kwalità tal-ħajja tar-residenti l-oħra tal-blokk, jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex il-pulizija jikkordinaw mas-sanità, biex din il-bitħa titnaddaf?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li wara azzjoni u kordinament li sar bejn il-Pulizija u id-Dipartiment tas-Sanita, saru arranġamenti biex il-bitħa tal-blokk ta' appartamenti fil-lokalità msemmija ġewwa San Pawl il-Baħar, li jinsab abbandunat, titnaddaf.
Leg 12 PQ #26183 Sitting 407 2016-06-22 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għas-Saħħa

San Pawl il-Baħar – blokk ta’ appartamenti

Question

Billi f’blokk ta' appartamenti li jinsab fi Triq Patri Ġużepp f’San Pawl il-Baħar hemm appartament fil-ground floor li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament li hu abbandunat, u li dwaru għamilt numru sostanzjali ta' domandi biex is-sanità jikkordinaw mal-pulizija biex dan l-istess appartament jitnaddaf biex jitneħħa r-riskju ta' mard li hemm fuq il-post, jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex fil-fatt il-post jitnaddaf, qabel ma tfaqqa’ xi epidemija?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi s-sit imsemmi minnu tnaddaf minn ħaddiema mit-Taqsima tal-Indafa Pubblika fil-preżenza tal-Pulizija u uffiċjali mid-Direttorat ghas-Sahha Ambjentali nhar it-Tnejn 20 ta’ Ġunju.