San Pawl il-Baħar – Triq il-Pijunieri – Ittantar ta’ nies
Question
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-pulizija rċevietx rapporti minn individwu dwar allegat ittantar ta’ nies li jkunu qed jixorbu quddiem stabbiliment kummerċjali fi Triq il-Pijunieri f’San Pawl il-Baħar? Jekk iva, x’passi ħadet il-pulizija dwar dawn l-allegati atti?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li l-Pulizija ma rċeviet l-ebda rapport minn xi individwu dwar allegat ittantar ta' nies li jkunu qed jixorbu quddiem l-istabbiliment kummerċjali fi Triq il-Pijunieri f'San Pawl il-Baħar. Irid jingħad li matul is-sena 2016, saru diversi spezzjonijiet mill-pulizija fl-istabbiliment msemmi, però ma kienx hemm każijiet ta' allegat ittantar ta' nies.
San Pawl il-Baħar — spezzjonijiet fuq xogħol ta’ toroq minn Transport Malta
Question
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk Transport Malta wettqitx, matul l-aħħar xhur, xi spezzjonijiet fuq xogħol ta' toroq li saru mill-Kunsill Lokali ta' San Pawl il-Baħar, u dan minħabba l-kwalità ħażina tax-xogħol li sar? Jekk le, jista' jagħti tagħrif dwar jekk hemmx xi ħsieb li jsiru tali spezzjonijiet?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan l-aħħar xhur ma saret l-ebda spezzjoni fuq xogħol tal-kunsill lokali ta’ San Pawl il-Baħar kawża ta’ xogħlijiet ħżiena. Hekk kif intqal fit-tweġibiet mogħtija għall-Mistoqsijiet Parlamentari 26250, 24655, 19628, 19629, 18802 u 17819, u kif indikat ukoll f’din il-mistoqsija, d-Direttorat tat-Toroq u Infrastruttura fi ħdan Transport Malta ma’ jimmaniġjax u lanqas jiċċertifika xogħol esegwit qabel ma jkun konkluż ix-xogħol min-naħa tal-entita’, iżda tispezzjona xogħlijiet tal-entitaijet kollha, li jkunu saru bil-permess taħt is-sistema RPS (Road Permit System), matul is-sentejn garanzija, wara li jkun ġie kkonfermat mill-perit f’isem l-istess entita’ responabbli, li tali xogħlijiet saru b’livell ta’ kwalita’ aċċettabli.
B’referenza partikolari għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari 17819:
“Il-maġġoranza tax-xogħlijiet ikkummissjonati mill-kunsilli lokali jikkonsistu fit-tqegħid ta’ wiċċ ġdid fit-toroq residenzjali mmaniġjati mill-istess kunsilli. Għal dawn ix-xogħlijiet il-kunsilli lokali joħorġu sejħa għall-offerti u eventwalment il-kuntrattur nominat huwa obbligat li jsegwi l-kundizzjonijiet stipulati fil-kuntratt u jibqa’ responsabbli tul il-garanzjia mposta fl-istess kuntratt. Il-kunsill permezz tal-Perit imqabbad minnu huwa responsabbli li l-kuntrattur iwettaq ix-xogħlijiet skont is-sengħa.”
Jekk il-perit li qiegħed jirrapreżenta lil entita’ partikolari jsib li x-xogħlijiet ma sarux f’livell ta’ kwalita’ aċċettabli waqt l-andament tax-xogħol, dan għandu, f’isem u mal-entita’ kkonċernata, jaġixxi mal-kuntrattur responsabbli sabiex isir ir-rimedju neċessarju u jagħlaq ix-xogħol għas-sodisfazzjon tal-kuntratt tiegħu qabel ma jissottometti rapport ta’ konformita’ għall-approvazzjoni tal-perit ta’ Transport Malta.
Jekk matul is-sentejn garanzija, hekk kif stipulat fl-L.S. 499.57, jinstab li ix-xogħlijiet ma jkunux żammew il-livelli ta’ kwalita’ aċċettabli, Transport Malta tordna lill-entita’ u l-kuntrattur sabiex jerġgħu jsiru x-xogħlijiet mill-ġdid jew isewwu kif neċessarju.
MTA – Ristoranti u Lukandi – kuntratturi li jiġbru l-iskart
Question
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta hu mistenni li l-Awtorità ta’ Malta għat-Turiżmu tinforza mar-ristoranti u lukandi kollha li jkollhom kuntrattur li jiġbor l-iskart tagħhom? Billi wħud mil-lukandi qed iħallu skips kbar barra fit-toroq, jista’ jieħu l-passi neċessarji biex dawn il-lukandi ma jibqgħux iħallu tali skips barra?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, kif mitlub mil-Liġi – Leġislazzjoni Sussidjarja 409.15, Regolament 11 (3), l-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu, qegħda titlob, kemm fl-istadju ta’ l-applikazzjoni kif ukoll waqt spezzjonijiet magħmula b’mod regolari mid-Direttorat tal-Infurzar, dokumentazzjoni li tikkonferma li l-istess stabilimenti huma koperti b’kuntratt ta’ ġbir ta’ skart lid-detenturi tal-liċenzji u lill-operaturi tal-istabilimenti ta’ l-ikel.
Dwar tqegħid ta’
skips
barra fit-toroq, l-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu ma hijiex l-Awtorita’ kompetenti f’dan il-qasam.
San Pawl il-Baħar – Sirens waterpolo pitch — għawm
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk hux qed jirriżulta li ma jistax isir għawm fl-inħawi tas-sirens waterpolo pitch f'San Pawl il-Baħar, minħabba xi materjal li deher fuq wiċċ l-ilma? X'qed jirriżulta li hu dan il-materjal?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi saret investigazzjoni ftit jiem ilu, fl-akkwati tas-Sirens Waterpolo Pitch f’San Pawl il-Baħar minn ufficjali tal-Environmental Health Unit (EHU) rigward materjal li deher f’wiċċ l-ilma kif ġie rrappurtat. Minn din l-investigazzjoni rriżulta li ma kien għad baqa’ xejn minn dan il-materjal tul il-kosta u għalhekk ma kien hemm ebda lok li jittieħdu xi passi ulterjuri biex il-pubbliku jiġi avżat li m’għandux isir għawm f’dawn l-akkwati. Sadanittant peress illi minn ritratti li rat l-EHU jista’ jkun li kien materjal (bħal xaħam) li seta’ iddaħħal tul il-kosta mill-kurrenti mill-fish farms li hemm ftit l’barra fil-area ta’ San Pawl il-Baħar, is-sezzjoni tal-Monitoring and Compliance Unit fi ħdan l-Awtorita’ għall-Ambjent u Riżorsi ġew infurmati biex ikunu jistgħu jagħmlu l-investigazzjoni neċessarja min-naħa tagħhom.
Billi jidher li l-Fondazzjoni għaż-Żoni Turistiċi għandha numru ta' proġetti li tixtieq twettaq, kif ġie rrapportat fil-media, naturalment pending il-finanzjament tagħhom, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema huma l-proġetti li l-istess fondazzjoni daħħlet biex ikunu jistgħu jsiru, lokalità b’lokalità? Jista' jagħti tagħrif dwar x'tip ta' finanzjament għandha jew se jkollha l-fondazzjoni biex tkun tista' twettaq dawn il-proġetti?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, qabel xejn, u qabel kwalukwe tweġiba, jindika b’mod ċar u b’referenzi ċari għas-sors u x’ġie rrappurtat fil-media hekk kif qed jindika hu fid-domanda tiegħu.
Billi f'risposta parlamentari li wieġeb il-Ministru għat-Trasport din il-ġimgħa ngħad li r-regolamenti dwar il-clamping u t-towing kienu ser jinbidlu u li Transport Malta (TM) kienet fil-proċess li tixtri ammont ta' clamping devices, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk dan ifissirx li din il-parti tal-liġi ser tgħaddi taħt il-kontroll ta' TM? Jista' l-istess Ministru jagħti tagħrif dwar jekk hux ser ikun hu jew xi Ministru ieħor, qed iressqu emendi għall-Avviż Legali 65.13 li sa issa jaqa' taħt ir-responsabilità tal-Pulizija, biex din il-parti tal-liġijiet ta' Malta tibda tiġi regolata minn TM? Jekk iva, meta ser iseħħ dan it-tibdil?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru tiegħi qed jikkordina laqgħa bejn dawk kollha konċernati dwar triq 'il quddiem.
Water Services Corporation – konnessjoni tad-drenaġġ
Question
B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 26446, jista' l-Prim Ministru jikkonferma li fejn kien hemm każi ta' xogħol fuq house connections, li mhumiex fil-lista li ġiet imqiegħda fuq il-Mejda tal-Kamra għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 26245, dan ifisser li fil-fatt TM ma tatx permessi għal tali xogħol u li allura l-WSC ma setgħetx tkun taf bl-istess xogħol? Għal dak li jirrigwarda x-xogħol fuq il-lista ta' house connections li fil-fatt ingħatat fid-domanda msemmija, jista' jikkonferma li l-WSC tara wkoll li l-wiċċ tat-triq li jkun involut ikun sar kif suppost? Mingħajr ma nippretendi (almenu għalissa) li jinqala’ l-wiċċ tat-triq, fid-dawl tal-fatt li n-numru ta' permessi indikati huma ftit, jista' jitlob lill-WSC terġa’ tispezzjona l-istess uċuħ, għaliex hu faċli li fuq il-post wieħed jinduna li l-wiċċ għandu bżonn jerġa’ jsir?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ġejt infurmat mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma li dan hu proċess fejn il-kuntrattur japplika direttament mat-TM, u hija TM li torbot lill-kuntrattur bil-kundizzjonijiet neċessarji. Il-Korporazzjoni tkun taf b’dawn il-permessi meta dawn jidhru fuq is-sistema ta’ TM.
Il-permessi kollha li jirrigwardaw
drainage house connections
li rċeviet il-Korporazzjoni permezz tas-sistema tal-permessi fil-lokalita’ ta’ San Pawl il-Baħar, huma dawk imniżżla fir-risposta parlamentari 26245. Il-Korporazzjoni għamlet l-ispezzjonijiet meħtieġa biex tara li l-konnessjoni saret kif suppost mingħajr ebda ħsara fuq il-main tad-drenaġġ.
Il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma m’hijiex responsabbli għal kwalita’ tal-wiċċ tat-tarmac li ġie mogħti. Il-kwalita’ hija regolata minn TM anke fil-permess innifsu.
Il-Mellieħa, Imġarr, il-Mosta, in-Naxxar u San Pawl il-Baħar – reserved parking bays
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm każijiet fejn kien irrakkomandat li titneħħa reserved parking bay, fil-lokalitajiet tal-Mellieħa, Imġarr, il-Mosta, in-Naxxar u San Pawl il-Baħar matul l-aħħar 12-il xahar? F’liema toroq kienu dawn il-bays li ġew irrakkomandat li jitneħħew? Kemm minn dawn l-istess bays reġgħu ġew approvati u Transport Malta talbet li jerġgħu jinżebgħu l-istess bays? F’kull każ, x’kienet ir-raġuni li għaliha wara li kien rakkomandat li jitneħħew ċertu bays imbagħad reġa’ ġie rrakomandat li jerġgħu jinżebgħu?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra.
Fil-lokalitajiet tal-Mellieħa u l-Imġarr ma kien hemm l-ebda reserved parking bay li tneħħa skont ir-rekords ta’ Transport Malta.
Il-parking bays indikati fil-lista ġew imneħħija wara li l-applikanti mietu jew bidlu r-residenza tagħhom. Kien hemm każ wieħed biss fejn ir-reserved parking bay reġa ġie mplimentat wara li l-applikant għamel appell lir-Review Panel tal-Bord Persuni b’Diżabbilta’ – tali parkeġġ jinsab fi Triq San Publiju, San Pawl il-Baħar.
Ta’ Qali – Pitkalija – kaxxi ta’ ġarr ta’ prodotti agrikoli
Question
Jista’ l-Ministru jgħid meta hu mistenni li jibdew jintużaw kaxxi ġodda għall-ġarr ta’ prodotti agrikoli, mill-bdiewa għall-Pitkalija f’Ta’ Qali? Kemm kaxxi ġodda nxtraw matul dawn l-aħħar 12-il xahar, u kemm kaxxi ġodda oħra huma mistennija li jinxtraw matul it-12-il xahar li ġejjin?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li f'dawn l-aħħar 12-il xahar, jiġifieri minn Lulju 2015 sa Ġunju 2016, ġew mixtrija 71,146 kaxxa ġdida, li diġa’ qegħdin jintużaw. Wara sejħa għall-offerti gie ffirmat kuntrat għal perjodu ta' 3 snin, li permezz tiegħu jistgħu jinxtraw kaxxi kull meta jinħass il-bżonn.
Jista' l-Ministru jikkonferma li fil-każ ta’ dak l-ikel li jiġi mill-Ewropa (u li għadu jiġi), dak li kien jibqa’ wara li jitqassam kien fil-fatt jingħata lil xi stituti, u issa dan m'għadux jingħatalhom? Jekk dan hu l-każ, jista' jagħti tagħrif dwar jekk dan l-istess ikel li jibqa’ żejjed hux qed jintrema? Jekk iva, x'inhi r-raġuni għal dan?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, skont kif hemm stabbilit fil-Progranmm Operattiv tal-Fond għall-Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn għall-2014-2020 (FEAD) maqbul bejn Malta u l-Kummissjoni Ewropea, dawk il-pakketti tal-ikel li ma jinġabrux minn familji eliġibbli waqt it-tqssim li jsir, jiġu merfugħa u mqassma mill-ġdid fid-distribuzzjoni ta’ wara. B’hekk qed jiġi żgurat li l-ebda ikel ma jintrema. L-ikel li qed jitqassam taħt dan il-programm, li hu ko-finanzjat kemm mill-Unjoni Ewropea kif ukoll minn Malta, mhux qed jiġi mill-Unjoni Ewropea iżda qed jinxtara minn Malta.
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi, meta kienu qed isiru l-preparamenti neċessarji biex jinxtara u jibda jitqassam dan l-ikel f’Malta u Għawdex, qagħdna ħafna attenti li l-ikel li jitqassam ikollu
long shelf life
biex b’hekk ma jkunx hemm bżonn li dan jiġi kkunsmat f’perijodu relattivament qasir.
B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 26253, billi mill-1 ta' Ottubru 2015, il-gwardjani lokali bdew jiġu amministrati mill-Gvern Ċentrali, jista' l-Ministru jassigura li dawn l-istess gwardjani jingħataw inkarigi marbuta ma' ġbir, jew rimi ta' skart?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor Interpellant li l-Ministeru huwa favur li r-rimi ta’ skart domestiku jiġi regolat skond dawn ir-regolamenti, kif ukoll huwa favur li każijiet ta’ littering għandhom ukoll jiġu nfurzati taħt dawn ir-regolamenti. L-prerogattiva tal-infurzar hija f’idejn il-Kunsilli Lokali filwaqt li l-immaniġjar tal-Gwardjani Lokali jaqa’ ukoll taħt il-Ministeru responsabbli mill-Gvern Lokali u ta’ dan nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat. Madanakollu l-Interpellant ghandu jkun jaf li bhalissa qed isir ir-ristrutturar tal-Awtorità magħrufa bħala ERA u li jien tajt direzzjoni politika ċara sabiex jigi msaħħaħ l-aspett ta’ infurzar ta’ din l-awtorità.
Transport Malta – permessi għall-konnessjonijiet tad-drenaġġ
Question
Jista' l-Ministru jgħid liema kienu t-toroq individwalment, fejn Transport Malta ħarġet permessi biex isiru konnessjonijiet tad-drenaġġ (house connections) f'San Pawl il-Baħar, matul l-aħħar sitt xhur?
Response (MIZZI, JOE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija hekk kif ġej:
Triq il-Bekkum
Triq San Ġwann Battista
Triq il-Port Ruman
Triq it-Tamar
Misraħ il-Bajja
Triq il-Gandofli
Triq J.Guintinus
Triq il-Fekruna
Triq il-Luzzu
Triq il-Makku
Triq in-Nakkri
Triq il-Maskli
Triq il-Qawra
Triq il-Qalb ta’ Ġesu'
Triq San Pawl
Triq Toni Bajada
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kienu sa issa, il-fondi li nġabru permezz tal-ħlas tal-50 ċenteżmu kuljum mingħand kull turist li jżur pajjiżna? Kemm kien il-ġbir minn kull lokalità? Jista' jagħti tagħrif dwar liema proġetti ġew proposti sa issa biex jiġu ffinanzjati minn fondi li jinġabru permezz ta' din l-iskema? Meta hu mistenni li jsiru l-ewwel applikazzjonijiet biex dawn il-proposti jiġu mwettqa?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, filwaqt illi nifhem illi huwa herqan illi jara l-frott ta’ din il-mizura tant tajba u f’waqtha ta’ din l-Amministrazjoni, l-eko-kontribuzzjoni dahlet fis-sehh biss fl-20 ta’ Gunju li ghadda u dana minhabba mandate ta’ inibizzjoni li kien sar minn xi whud fit-30 ta’ Mejju 2016 u li kien gie eventwalment michud mill-Qorti.
Il-Kummissjaru tat-Taxxi huwa responsabbli mill-ġbir ta’ din il-kontribuzzjoni li ser isir kull tlett xhur. Dan b’eccezzjoni ta’ l-ewwel termini li minhabba koncessjonijiet li nghataw lill-operaturi li obbligati jigbruha minghand it-turist, dan il-perjodu ser ikun ta’ hames xhur u per konsegwenza jaghlaq fl-ahhar tax-xahar ta’ Ottubru 2016.
Fir-rigward ta’ taghrif dwar liema progetti gew proposti sa issa, nitlob lill-Interpellant jaghmel referenza ghat-tieni parti tat-twegiba għad-domanda Parlamentari bin-numru 25761.
Mellieħa, San Pawl il-Baħar u n-Naxxar – spezzjonijiet mill-PA dwar l-open plots
Question
Billi jidher li l-PA ma wettqitx spezzjonijiet biżżejjed fl-inħawi tal-Mellieħa, San Pawl il-Baħar u n-Naxxar, għal dak li jikkonċerna l-open plots, u billi dawn l-istess plots huma viżibbli minn bosta nħawi ta' dawn l-istess lokalitajiet, jista' l-Prim Ministru jitlob lill-PA biex tagħmel spezzjonijiet fuq it-toroq kollha ta' dawn il-lokalitajiet biex jiġi stabbilit liema minnhom fil-fatt hemm il-ħtieġa li jingħalqu minħabba l-ħmieġ li fihom, u dan a skapitu ta' residenti u persuni oħra li fil-fatt jiffrekwentaw dawn l-istess inħawi?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ġejt informat mill-Awtorita tal-Ippjanar li b'riferenza għal din il-Mistoqsija Parlamentari u anke għal diversi Mistoqsijiet Parlamentari oħra li saru fuq dan is-suġġett, mhux kull open plot huwa meħtieġ li jingħalaq b'ħajt jew metodu ieħor. Il-ħtieġa ta' għeluq tinħoloq meta jkun hemm ħsara jew inkonvenjent fiz-zona tal-madwar u, f'dawk il-każi, l-Awtorità tal-Ippjanar tkun tista' tuża l-poteri li għandha skont artikolu 99 tal-Att dwar l-Ippjanar tal-Iżvilupp.
Fuq il-kwistjoni ta' ħsara jew inkonvenjent, l-Awtorità tirċievi ilmenti mingħand diversi entitajiet governattivi, kunsilli lokali, residenti u persuni oħra li jitolbu lill-Awtorità tintervjeni meta jkun il-każ. Għaldaqstant, l-Awtorità temmen li huwa aktar utli u logiku illi tispezzjoni dawk is-siti li verament qed joħolqu ħsara u inkonvenjent u mhux is-siti kollha mhux żviluppati li jeżistu madwar Malta u Għawdex. Jekk l-Onorevoli Interpellant jaf b'xi siti speċifiċi li jimmeritaw azzjoni mill-Awtorità, huwa mħeġġeġ sabiex jagħti tali informazzjoni (anke b'mod kunfidenzjali) lil min hu konċernat.
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'tip ta' xogħol qed isir bħalissa fil-venda tal-karozzi tal-linja f'Buġibba/Qawra? Billi f'din il-venda qed ikun hemm numru sostanzjali ta' persuni jistennew mingħajr ma għandhom post kbir biżżejjed biex jistkennu mill-elementi, jista' jagħti tagħrif dwar jekk TM hux ser tkun qiegħda tagħmel xi forma ta' shelter iktar tajjeb għall-protezzjoni tal-passiġġieri, iktar u iktar meta wieħed iqis li għal bosta ħin ma jkunx hemm karozzi li fihom ikunu jistgħu jitilgħu l-istess passiġġieri?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol li sar fil-venda tal-karozzi tal-linja f'Buġibba/Qawra kien jikkonsisti f’tibdil ta’ l-uċuh tal-bus bays li hemm fl-istess venda. Ninsab infurmat li dan ix-xogħol tlesta u li issa l-venda qed topera lura għan-normal.
F’din il-venda hemm tinda kbira kif ukoll żewġ bus shelters li jservu ta’ kenn mill-elementi għal dawk il-passiġġieri li jkunu qed jistennew sabiex jirkbu l-karozza tal-linja.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema bus shelters ġew imqiegħda f'posthom matul l-aħħar tliet snin fil-lokalitajiet ta' San Pawl il-Baħar, il-Mellieħa u n-Naxxar? Liema shelters oħra għad iridu jitwaħħlu, u meta hu mistenni li dawn fil-fatt jitqiegħdu f'posthom? B'mod partikolari, jista' jieħu l-passi neċessarji biex jitwaħħal bus shelter fi Triq il-Qawra, fejn hemm l-istage li jiġi qrib tal-Park tas-Salina, u wkoll li jitqiegħed shelter ieħor, hekk kif toħroġ mil-lights ta' San Pawl il-Baħar, minn fejn kontinwament ikun hemm numru sostanzjali ta' persuni jistennew biex jirkbu l-karozza tal-linja?
Response (MIZZI, JOE)
Fir-rigward ta’ l-ewwel parti tal-Mistoqsija Parlamentari, nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġibiet li ngħataw għall-Mistoqsijiet Parlamentari 18863 u 24652 rispettivament.
Infurmat li huwa ippjanat li mill-aktar fis possibli jitwaħħlu dawn il-bus shelters fil-lokalitjiet hawn taħt imsemmija:
Isem tal-
Bus Stop
u numru
Isem tat-Triq
Lokalita’
Sajf (947)
Dawret il-Gżejjer
Qawra/ Bugibba
Luzzu (951)
Dawret il-Qawra
Qawra/ Bugibba
Kennedy (1024)
Kennedy Drive
San Pawl il-Bahar
Nutar (1088)
Triq tal-Balal
Naxxar
Nutar (1151)
Triq tal-Balal
Naxxar
Billi fil-mezzi ta' komunikazzjoni kien rappurtat li x-xogħol marbut mas-Salini, limiti ta' San Pawl il-Bahar, issa tlesta, jista' l-Ministru jagħti tagħtif dwar jekk fil-fatt ix-xogħol marbut mat-tindif tas-sukkors, b'mod partikulari fin-naħa ta' Kennedy Grove, hux ser jitlesta, jew jekk hux ser jibqa’ kif inhu, u ċjoè, mhux komplut? Jista' jagħti tagħrif dwar x'inhi r-raġuni li din il-parti tas-Salina baqgħet ma tnaddfitx kompletament?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-ġimgħat li għaddew ħaddiema tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet għamlu xogħol ta' tindif fil-parti tas-Sukkors li kienet imblukkata bl-alka u materjal ieħor li nġarr mill-kurrenti. F'din l-operazzjoni tneħħa wkoll pipe antik bla użu li kien qed jaqsam il-wisa‘ sħiħa tal-kanal u li kien qed ikun kaġun ta' ħafna minn dan l-imblokk fid-daħla tal-kanal. Bis-saħħa ta' dan ix-xogħol iċ-ċirkulazzjoni tal-ilma fis-Sukkors reġgħet ġiet restitwita.
Fir-rigward tal-parti li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant, jiġifieri għas-Sukkors il-wiesgħa, n-naħa tal-Qawra, jien infurmat li dan mhux imblukkat. Matul is-snin xi materjal inġemgħa mal-ġenb tas-Sukkurs il-wiesgħa taħt il-ħitan ta‘ barra tas-Salina, fejn hemm veġitazzjoni stabbilita li ma tippermettix li dan il-materjal jitneħħa.
Billi mir-risposta għall-mistoqsija parlamentari 25985 jirriżulta li sar xogħol mill-Gvern f'inħawi li jaqgħu taħt ir-responsabilità tal-Gvern Ċentrali, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema xogħlijiet oħra li saru mill-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura fil-fatt kienu jaqgħu taħt ir-responsabilità tal-Kunsill Lokali ta’ fejn sar ix-xogħol? Kemm kienet in-nefqa nvoluta? Proġetti bħal dawn, kif jintgħażlu biex isiru mill-Gvern minflok mill-kunsill lokali rispettiv?
Response (MIZZI, JOE)
Filwaqt li m’għandi xejn xi nżid mal-informazzjoni mogħtija fit-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari 25985, nirreferi lill-Onor. Interpellant għall-informazzjoni mogħtija fit-tweġibiet għall-Mistoqsijiet Parlamentari 25505, 25506 u 25507 għal dak li għandu x’jaqsam man-nefqa tax-xogħlijiet. Dawn ix-xogħlijiet isiru skont il-prioritajiet nazzjonali u fondi pubbliċi.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema huma x-xogħlijiet fil-Pitkalija li mistennija li jsiru matul din is-sena? Billi matul waħda mis-seduti parlamentari riċenti kien hemm indikazzjoni li l-istess Pitkalija tista' b'xi mod tiġi żviluppata għal użu differenti, jista' l-Ministru jindika x'tip ta' żvilupp ieħor jista' jsir fil-Pitkalija?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Il-Gvern huwa kommess li jkompli jtejjeb il-faċilitajiet tal-Pitkalija. Biex jagħmel dan bħalissa qed isir eżerċizzju ta’ titjib u immodernizzar tal-Pitkalija kif meħtieġ. Għal din is-sena l-Gvern ħaseb li jagħmel xogħol ta’ ristrutturar u titjib fl-infrastruttura tax-sheds tal-Pitkala. Biex isir dan, tnediet sejħa għall-offerti li tinkludi: bdil tal-art, irranġar tas-soqfa u bdil tax-sheeting tas-saqaf, irranġar tal-ħitan u rranġar tal-platforms. Din is-sejħa għall-offerti qiegħda fil-fażi tal-evalwazzjoni.
B’dawn ix-xogħolijiet u xogħolijiet oħra li għad iridu jsiru fil-pitkalija, il-Gvern qed iwettaq wegħda elettorali li jtejjeb l-operazzjoni tal-Pitkalija biex jassigura trasparenza, effiċjenza u titjib fil-prodott. Dan il-Gvern jemmen bis-sħiħ fil-Pitkalija u l-importanza tagħha għall-bdiewa, pitkala u xerrejja. Għalhekk inserraħ ras l-Onor. Interpellant li ma hemm l-ebda ħsieb li neliminaw dan il-lok iżda bil-kontra aħna qed naħdmu biex din tissaħħaħ għall-benefiċċju tas-settur fil-waqt li nħarsu ‘l quddiem lejn opportunitajiet li jikkumplimentaw ix-xogħol siewi li qed isir mill-bdiewa u l-pitkala billi inżidu iktar xogħol ta’ valur miżjud.
Jekk kien hemm xi ħadd li ma żammx kelmtu mal-bdiewa, pitkala u xerrejja kienet l-amministrazzjoni preċedenti li ilha twiegħed riforma fil-pitkalija sa mis-sena 2008 imma minn dan kollu ma sarx xejn jew ftit li xejn.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar f'liema parti ta' Burmarrad hu mistenni li jkun hemm masġar ta' siġar indiġeni, kif ġie rrapportat fuq ċertu mezzi tax-Xandir wara s-sessjoni ta' ‘Gvern li Jisma’’, dwar il-Ministeru? Jista' jagħti iktar tagħrif dwar ir-rapport ta’ “mini Buskett” kif ġie rrapportat illum, f’mezzi oħra tax-Xandir? Liema area hi mistennija li tinbidel f’hekk, u ma’ min saru l-konsultazzjonijiet s’issa? Minn min hu magħmul il-kumitat li qed jaħdem fuq dan il-masġar?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ngħarraf lill-Onor Interpellant li għadhom għaddejjin diskussjonijiet fuq il-proġett u għalhekk ma jkunx għaqli li niddelibera bħalissa. Għalhekk l-informazzjoni ser tingħata f’seduta oħra.