Legislature:
Category:
Reset
Active:

MCCAA – ħaddiema

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hu n-numru ta' persuni li llum (meta tiġi mwieġba din id-domanda), qed jaħdmu mal-MCCAA? Kemm kien in-numru ta’ ħaddiema f'din l-istess aġenzija, fil-bidu tal-2013? Fiex huma impjegati l-ħaddiema ġodda li hemm ma’ din l-aġenzija? Meta hu mistenni li jiżdiedu iktar ħaddiema, u f'liema kategorija ta' impjegati?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li llum hemm mija u tnejn u erbgħin (142) impjegat mal-MCCAA. Fil-bidu tal-2013 kien hemm mija u tmienja u għoxrin (128) impjegat. Il-ħaddiema l-ġodda huma teknici, amministrattivi u professjonisti; Qegħdin fil-proċess biex nimpjegaw iktar ħaddiema mal-MCCAA f’ pożizzjonijiet amministrattivi u professjonali. Skont kif meħtieġ biex tissaħħah il-ħidma ta’ din l-Awtorita’ kif imwiegħed fil-program elettorali ta’ dan il-Gvern.
Leg 12 PQ #482 Sitting 424 2016-10-10 Written · Final From: ĊENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Xogħol ta’ kostruzzjoni fuq toroq u bankini – koordinazzjoni bejn il-PA, il-BRO u l-OHSA biex ma jitħallewx perikli żejda

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar x'tip ta' koordinazzjoni qed issir bejn il-PA, il-BRO u l-OHSA, biex jiġi assigurat li meta jingħalqu bankini, u possibbilment toroq, minħabba xogħol ta' kostruzzjoni li għalih ikunu ħarġu l-permessi neċessarji fil-fatt ma' jitħallewx perikli żejda fuq tali postijiet? Billi huma bosta l-każi fejn min jibni qed iħalli bankini mkissra għal xhur sħaħ u dan mingħajr ma jittieħdu l-ebda passi, minkejja l-perikli li jkunu qed jinħolqu, jista' jiġi assigurat li l-entitajiet kollha involuti jkunu jistgħu jikkordinaw aħjar ix-xogħol tagħhom, u dan biex jiġi evitat li jkun hemm perikli żejda?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninsab infurmat li l-organizazzjonijiet imsemmija ma jagħtux permessi biex tingħalaq xi triq partikolari. L-istess jgħodd għall-bankini, bid-differenza iżda li fejn ikun hemm bankina li qed toħloq inkonvenjent peress li ma tinħoloqx ‘covered walkway’ fl-armar ta’ scaffolding li jkun intrama’, l-Uffiċċju għar-Regolament tal-Bini (BRO) jistudja x’inhi r-raġuni għal tali ngombru u skond il-konkluzzjoni li tintlaħaq jittieħdu l-passi meħtieġa. Fir-rigward ta’ bankini li jitħallew imkissra, żgur li l-Onor. Interpellant huwa konxju mill-fatt li Kunsill Lokali ta’ lokalita’ li fiha ikunu qed isiru xogħlijiet ikollu favur tiegħu garanzija bankarja biex tagħmel tajjeb għall-ħsarat li setgħet iġġarrab bankina. Huwa biss meta tali Kunsill ikun sodisfatt li l-bankina ġiet fl-istat oriġinali tagħha li tali garanzija tiġi rilaxxata jew inkella jekk ikun il-ka¿ likwidata favur tali Kunsill biex isiru t-tiswijiet meħtieġa tagħha.
Leg 12 PQ #483 Sitting 424 2016-10-10 Written · Final From: ĊENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Taqsima responsabbli mir-reġistrazzjoni tal-artijiet – diskussjonijiet biex jiġu aġġornati s-site plans

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar meta ser jiġu finalizzati d-diskussjonijiet mat-taqsima responsabbli mir-reġistrazzjoni tal-artijiet, biex il-pjanti (site plans) aġġornati li għandha l-PA jibdew jintużaw ukoll mis-sezzjoni responsabbli mir-reġistru tal-artijiet, u dan billi l-pjanti provduti minn dan ir-reġistru ilhom snin twal ma jiġu aġġornati, u għalhekk qed joħolqu diffikultajiet għal dawk li jkollhom bżonn jużawhom?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Nitlob lill-Onor Interpellant biex jagħmel l-mistoqsija lill-Ministru konċernat .

Pulizija li ħa jagħlqu l-25 sena ta’ servizz

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hemm membri tal-korp tal-pulizija li hu mistenni jagħlqu l-25 sena servizz, din is-sena, fl-2017 u fl-2018, separatament? Kemm kien in-numru ta' membri tal-korp li telqu mill-korp wara li għalqu ż-żmien tas-servizz din is-sena, u fl-2015, separatament,? F'liema grad, skont kif imqassma fil-korp, kienu dawk li ħallew il-korp f'dan il-perjodu?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li bejn din is-sena, is-sena 2017 u s-sena 2018 mistenni jagħlqu l-25 sena ta’ servizz , total ta’ mija tmienja u sittin membru tal-Kopr tal-Pulizija. Matul is-sena 2015 telqu sitta’ u sittin membru, filwaqt li matul is-sena 2016, temmew is-servizz tagħhom wieħed u disgħin membru, wara li għalqu ż-żmien ta’ servizz. Aktar informazzjoni fuq il-gradi qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Membri tal-Forzi Armati li ħa jagħlqu l-25 sena ta’ servizz

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hemm membri tal-forzi li hu mistenni li jagħlqu l-25 sena servizz matul din is-sena, matul l-2017 u fl-2018, separatament? Kemm kien in-numru ta' membri tal-armata li din is-sena, u fl-2015 separatament, telqu mill-armata wara li għalqu 25 servizz? F'liema gradi kienu dawk li telqu f'dan il-perjodu?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li bejn din is-sena, is-sena 2017 u s-sena 2018 mistenni jagħlqu l-25 sena ta’ servizz , total ta’ mija disa’ u disgħin membru tal-Forzi Armati ta’ Malta. Matul is-sena 2015 telqu sitta’ u tletin membru, filwaqt li matul is-sena 2016, temmew is-servizz tagħhom tlieta u erbgħin membru, wara li għalqu l-ħamsa u għoxrin sena ta’ servizz. Aktar informazzjoni fuq il-gradi qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Gwardjani tal-ħabs li mistenni jagħlqu l-25 sena ta’ servizz

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hemm gwardjani tal-ħabs li hu mistenni li jagħlqu 25 sena servizz matul din is-sena, matul l-2017 u fl-2018, separatament? Kemm kien in-numru ta' gwardjani li għalqu l-25 sena servizz din is-sena, u fl-2015, separatament, telqu mix-xogħol tagħhom wara li għalqu l-25 sena servizz?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li bejn din is-sena, is-sena 2017 u s-sena 2018 mistenni jagħlqu l-25 sena ta’ servizz , total ta’ żewġ membri tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordi. Matul is-sena 2015 telqu tlett membri, filwaqt li matul is-sena 2016, temmew is-servizz tagħhom erbgħa membri, wara li għalqu l-ħamsa u għoxrin sena ta’ servizz.

Membri tal-Protezzjoni Ċivili li mistenni jagħlqu l-25 sena ta’ servizz

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hemm membri tal-protezzjoni ċivili li hu mistenni jagħlqu l-25 sena servizz, din is-sena, fl-2017 u fl-2018 separatament? Kemm kien in-numru ta' membri li telqu mix-xogħol din is-sena u fl-2015, separatament, wara li għalqu 25 servizz?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li bejn din is-sena, is-sena 2017 u s-sena 2018 mistenni jagħlqu l-25 sena ta’ servizz , total ta’ 12-il membru tal-Protezzjoni Ċivili. Matul is-sena 2015 ma kien hemm l-ebda membru, filwaqt li matul is-sena 2016, temmew is-servizz tagħhom tliet membri, wara li għalqu l-ħamsa u għoxrin sena ta’ servizz.
Leg 12 PQ #488 Sitting 424 2016-10-10 Written · Final From: ĊENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma – San Pawl il-Baħar – Triq it-Tamar — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar ix-xogħol li sar fi Triq it-Tamar, San Pawl il-Baħar, mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma jew mill-privat għall-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, li iżda jaffettwa lill-istess korporazzjoni, minħabba li xogħol ta' house connections li saru f'din it-triq ftit tal-ġimgħat ilu fil-fatt diġà niżlu sew, bil-konsegwenza li triq li kienet ta' livell aċċettabbli spiċċat imħaffra f'numru ta' postijiet fit-tul tagħha?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ġejt infurmat mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma li l-konnessjonijiet mall-main tal-ilma biss jaqgħu taħt ir-responsabbilta’ tal-Korporazzjoni. Fil-perjodu msemmi saret konnessjoni waħda biss mal-main tal-ilma, liema trinka ma kinitx ta’ kwalita’ sodisfaċenti u għaldaqstant il-Korporazzjoni ħadet il-provvedimenti sabiex il-wiċċ ġdid tat-trinka jkun ta’ kwalita’ tajba.

San Pawl il-Baħar – Ċitazzjonijiet mogħtija mill-wardens

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm ingħataw ċitazzjonijiet minn wardens, fil-lokalità ta' San Pawl il-Baħar fil-lejl ta’ bejn il-11 u t-12 ta' Awissu, 2016? F'liema toroq ingħataw, u x'kienet ir-raġuni li ngħataw dawn iċ-ċitazzjonijiet?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bejn is-7:00 ta’ filgħaxija tal-11 t’Awwissu u s-7:00 ta’ filgħodu tat-12 t’Awwissu ma ngħataw l-ebda ċitazzjonijiet mill- Gwardjani Lokali f’San Pawl il–Baħar.

Ċitazzjonijiet mogħtija mill-wardens

Question

Billi ġie rraportat li fl-ewwel sitt xhur tal-2016 kien hemm tnaqqis ta’ madwar 8,000 ċitazzjoni mogħtija mill-wardens, fejn f’Ġunju 2016 kien hemm tnaqqis ta’ madwar 5,000 ċitazzjoni meta mqabbel ma’ Ġunju 2015, jista' l-Ministru jgħid, kemm kienu n-numru ta' ċitazzjonijiet xahar b’xahar, lokalità lokalità, din is-sena, u kemm kien in-numru ta' ċitazzjonijiet li ħarġu mill-wardens, xahar xahar, lokalità lokalità matul l-2015?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bejn Jannar u Settembru 2016 ngħataw 9,084 ċitazzjoni inqas meta imqabbel mal-istess perjodu fl-2015. Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.

Persuni li għandhom ID Card valida

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' persuni (sal-ġurnata li tiġi mwieġba din id-domanda), li għandhom ID Card valida għal tliet jew inqas (fil-każ speċifika l-perjodu tal-validità), għal sena, għal tliet snin, jew permanenti (u jekk hemm perjodi ta' tul ieħor, għal dawn l-istess perjodi differenti)? X'inhuma r-raġunijiet li għalihom ikun hemm tul ta' żmien differenti fil-validità ta' dawn l-ID Cards?

Response (ABELA, CARMELO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi d-domanda lill-Ministeru konċernat.
Leg 12 PQ #492 Sitting 424 2016-10-10 Written · Final From: ĊENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Policy tal-PA rigward bini abbandunat

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar x'inhi l-policy tal-Planning Authority (PA) għal dak li jirrigwarda bini li jkun evidentement abbandunat, u li jkun qed ikerrah l-inħawi li jkun fih? X'passi jittieħdu mill-istess PA biex tali bini ma jibqax abbandunat?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Gejt nfurmat mill-Awtorità tal-Ippjanar li din timxi skont kif provdut fl-artikolu 99(1) tal-Att tal-2016 dwar l-Ippjanar tal-Iżvilupp. L-artikolu 99(1) jaqra kif ġej: Jekk il-Kunsill Eżekuttiv jidhirlu li l-ġmiel jew siwi ta’ xi żona huwa mħassar bid-dehra jew kondizzjoni strutturali ta’ xi bini jew ta’ xi art, li tkun ġnien, sit vojt jew art oħra fil-beraħ, jew bid-dehra ta’ xi sit fejn ikun qed isir jew sar żvilupp fih jew kostruzzjoni jew xi xogħlijiet oħra, il-Kunsill Eżekuttiv jista' jinnotifika avviż ta’ twettiq fuq is-sid tal-art jew fuq l-okkupant tal-art jew fuq it-tnejn kif il-Kunsill Eżekuttiv jidhirlu l-aktar spedjenti, li fih ikun meħtieġ li jittieħdu dawk il-passi biex titnaqqas il-ħsara kif jista’ jiġi speċifikat fl-avviż.
Leg 12 PQ #493 Sitting 424 2016-10-10 Written · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu

Finanzi meħtieġa għat-toroq ta’ Buġibba u l-Qawra

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'rappreżentazzjonijiet għamel il-Ministeru, kemm mal-Ministru tal-Finanzi, kif ukoll ma' dak tat-Trasport biex il-finanzi meħtieġa għat-toroq ta' Buġibba u l-Qawra jiġu provduti fil-iqsar żmien possibbli? X'kienet ir-reazzjoni ta' dawn il-Ministeri għat-talbiet li saru?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 26248, datata 22 ta’ Ġunju 2016.
Leg 12 PQ #494 Sitting 424 2016-10-10 Written · Final From: ĊENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

WSC – xogħlijiet matul tmiem il-ġimgħa u fil-festi pubbliċi

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar jekk hux minnu li l-Water Services Corporation għandha policy li matul tmiem il-ġimgħa, (u fil-festi pubbliċi), isiru biss tiswijiet ta' urġenza li jolqtu residenzi, u mhux xogħol ieħor?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ġejt infurmat mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma illi l-Korporazzjoni m’għandiex il-policy msemmija.
Leg 12 PQ #495 Sitting 424 2016-10-10 Written · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu

Stabbilimenti kummerċjali, bars u ristoranti — skart

Question

Billi jidher li numru ta' sidien jew amministraturi ta' stabbilimenti kummerċjali, kemm bars/restaurants, kif ukoll lukandi, jidher li mhux qed jimxu ma' dak li hu mistenni minnhom, u/jew qed iħallu l-iskart tagħhom wara l-bibien tard billejl, u dan jibqa' hemm sal-għada filgħodu, u fil-każ ta' xi lukandi qed iħallu wkoll skips jiġru fit-toroq, minflok jaraw li dawn jinżammu fejn ma jkunux jidhru mill-pubbliku, jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex dawn l-istess operaturi jiġu mfakkra fl-obbligi tagħhom, u dan għall-benefiċċju tal-lokalitajiet fejn jinsabu u tagħhom stess?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità Maltija tat-Turiżmu, fil-bidu tas-sena, bagħtet ittra lil kull detentur tal-liċenzja ta’ stabbilliment tal-ikel tfakkarhom bl-obbligi legali tagħhom. Fosthom, kien hemm illi jrid ikollhom kuntrattur awtoriżżat għall-ġbir ta’ skart kif ukoll ġew imfakkra dwar il-regolamenti dwar l-iskart. Miżura oħra li qegħda tittieħed hija li kull applikant ta’ stabbilliment tal-ikel huwa mitlub jippreżenta kopja ta’ kuntratt għall-ġbir ta’ skart qabel ma tinħareg liċenzja. Waqt spezzjonijiet li jsiru mit-Taqsima tal-Infurzar, l-operatur jiġi mistoqsi biex jippreżenta kopja tal-kuntratt u/jew kopji ta’ rċevuti relatati ma’ ġbir ta’ skart.

RIU – taħriġ fl-użu tal-armi tan-nar

Question

Billi l-membri tar-Rapid Intervention Unit (RIU) kien ingħad li għamlu taħriġ fl-użu tal-armi tan-nar, u dan matul Awissu 2015, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk illum il-membri tar-RIU għadhomx l-istess li kienu dak iż-żmien, u jekk iva, reġax sarilhom xi forma ta' kors ieħor minn dak iż-żmien sal-lum? Jekk hemm membri ġodda, jista' jagħti tagħrif dwar jekk dawn fil-fatt ingħatawx ukoll taħriġ fl-użu tal-armi tan-nar? Jekk ma sarx taħriġ, meta hu mistenni li jseħħ dan it-taħriġ?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li l-Membri fi ħdan l-RIU li kienu ngħataw taħriġ fl-użu tal-armi tan-nar matul Awwissu, 2015 ngħataw ukoll taħriġ ieħor fil-bidu tas-sena 2016. Kull membru li hemm ingħata dan it-taħriġ u ma jdumx ma jkun hemm taħriġ ieħor, għall-istess membri li jservu f’din it-Taqsima.

Siġar tal-bajtar ta’ San Ġwann u t-tin

Question

Billi jidher li matul dawn l-aħħar snin kien hemm problema kbira għal dak li jikkonċerna s-siġar tal-bajtar ta' San Ġwann u tat-tin, tant li f'bosta nħawi dawn is-siġar spiċċaw kważi meqruda għal kollox, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk fil-fatt kienx hemm rapporti partikulari dwar dawn is-siġar u jekk il-Ministeru mbarkax fuq xi programm partikulari biex ikunu jistgħu jiġu salvati dawn it-tip ta' siġar? Jekk iva, fiex jikkonsisti dan il-programm?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul dawn l-aħħar snin kien hemm diversi rapporti mingħand bdiewa u l-pubbliku in ġenerali rigward mard fis-siġar tat-tin. Dan il-mard issa jidher li nfirex madwar Malta kollha u ftit inqas ġewwa l-gżira Għawdxija. Il-Ministeru permezz tad-Direttorat għas-Saħħa tal-Pjanti qed iwettaq pjan ta’ azzjoni għall-kontroll tal-insett Hypocryphalus scabricollis, li huwa tip ta’ insett li jtaqqab fiz-zokk tas-siġar tat-tin u li wassal għall-qerda ta’ dawn is-siġar. Dan il-pjan jinkludi kampanja ta’ informazzjoni, żvilupp ta’ linji gwida għall-prattiċi ta’ biedja għaqlija, riċerka u l-konservazzjoni tas-siġar tat-tin, hekk kif kien indikat fit-tweġiba għal-Mistoqsija Parlamentari 16997. Biex iwettaq dan il-pjan id-Direttorat għas-Saħħa tal-Pjanti għamel ftehim mal-Università ta’ Malta li jinkludi fih il-miżuri ta’ riċerka dwar l-insett u metodi ta’ kontroll, l-iżvilupp ta’ linji gwida għall-kommunità ġenerali tal-biedja b’enfasi fuq il-varjetajiet lokali disponibbli f'Malta kif ukoll għall-aħjar prattiċi agrikoli li għandhom jiġu adottati għall-konservazzjoni ta’ dawn is-siġar. Ir-riċerka se tkun qed tiġi kkumplimentata b’kampanja intensiva ta' tagħrif għall-pubbliku sabiex jiġi mgħarraf aħjar dwar dan l-insett u tinħoloq aktar kuxjenza dwar il-pesti li jattakkaw is-siġra tat-tin u kif dawn għandhom jiġu kkontrollati. Apparti hekk, kif kien indikat fit-tweġiba għal-Mistoqsija Parlamentari 21142 id-Direttorat għas-Saħħa tal-Pjanti jinsab għaddej fuq proġett ta’ konservazzjoni sabiex jerġa’ jiddaħħal numru ta’ siġar tat-tin biex jikkumpensa għat-telf tagħhom. Id-Direttorat għas-Saħħa tal-Pjanti qed joħloq ukoll inventarju ta’ siġar tat-tin sabiex ikun f’pożizzjoni li jikkontrolla dan l-insett.

Familji li qegħdin f’kuntatt biex ikunu jistgħu jadottaw

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' familji Maltin li qegħdin f'kuntatt mal-Ministeru biex ikunu jistgħu jadottaw tfal, minn Malta jew minn barra minn Malta preżentament? Meta hu mistenni li dawn it-talbiet ikunu jistgħu jiġu milqugħa? X'tip ta' għajnuna jagħti l-Ministeru lil dawk il-persuni li jippruvaw jadottaw minn barra minn Malta?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-familji Maltin li qegħdin fil-proċess tal-adozzjoni, kemm minn Malta, kif ukoll minn barra minn Malta, ma jkunux qegħdin f’kuntatt mal-Ministeru iżda mal-aġenziji akkreditati biex joffru servizzi ta’ adozzjoni. Fil-każ ta’ adozzjonijiet internazzjonali, jekk dawn it-talbiet jintlaqgħux jew le, jiddependi mill-Awtorijiet kompetenti tal-pajjiż li minnu jkunu ser jiġu adottati t-tfal. L-aġenziji tal-adozzjoni akkreditati lokalment jiggwidaw lill-ġenituri adottivi prospettivi matul il-proċess sħiħ tal-adozzjoni.
Leg 12 PQ #500 Sitting 424 2016-10-10 Written · Final From: ĊENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Proġett li mistenni jwassal l-ilma għand il-bdiewa

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar fiex wasal il-proġett li permezz tiegħu hu mistenni li jitwassal l-ilma għand il-bdiewa, (second class water), biex ikun jista' jiġi wżat minnhom? F'liema nħawi għaddej xogħol biex dan ikun jista’ jsir? Kemm bdiewa hu mistenni li jibbenefikaw minn tali ilma, u x'inhi l-proċedura li jridu jużaw biex jagħmlu użu minn dan l-istess ilma?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ġejt infurmat mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma li beda l-commissioning u l-ittestjar tal-ilma. Is-sistema tal-pajpijiet tinsab fi stat avvanzat ta' tlestija sabiex il-bdiewa jkunu jistgħu jagħmlu użu minn dan l-ilma permezz ta’ bowsers. Se jkun possibli li jsir użu minn dan l-ilma fl-inħawi qrib l-istess impjanti kif ġej: Taċ-Ċumnija: Pwales u partijiet minn Binġemma. Ras il-Ħobż: Għajnsielem, Xewkija, Kerċem. Barkat: Xgħajra, Marsaskala, Żejtun.

Trasport bejn Malta u Għawdex

Question

Billi saru numru ta' stqarrijet dwar il-mod li bih suppost ser ikun jista' jsir trasport bejn Malta u Għawdex, kemm għal dak li jirrigwarda l-mina, kif ukoll għal dak li jikkonċerna mezzi oħra ta' trasport, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema studji saru fuq kull wieħed mill-mezzi li hu mistenni li jiġi investigat? Min għamel dawn l-istudji, u jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' dawn l-istess studji?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li m’għandi xejn x’inżid mat-tweġibiet li ngħataw s’issa fuq dan is-suġġett. Kull informazzjoni oħra f’dan ir-rigward titħabbar fil-mument opportun.