Fondi tal-Unjoni Ewropea – xogħlijiet f’toroq rurali
Question
Jista' d-Deputat Prim Ministru jagħti tagħrif dwar liema skemi/jew inizjattivi hu mistenni li jittieħdu matul l-aħħar xhur ta' din is-sena/ bidu tas-sena d-dieħla, biex jiġi assigurat li fondi tal-UE jkunu jistgħu jintużaw biex bihom isiru xogħlijiet f’toroq rurali fil-kampanja? Meta hu mistenni li jitħabbru dawn l-istess skemi?
Response (GRECH, LOUIS)
Nixtieq ninforma l-Onorevoli Interpellant li s-sotto miżura 4.3 tal-Programm għall-Iżvilupp Rurali 2014/2020 ser tiffinanzja xogħolijiet f’toroq rurali fil-kampanja. L-applikazzjoni marbuta ma' din l-inizjattiva hija mistennija li tiġi varata fix-xhur li ġejjin.
Billi f'dawn l-aħħar jiem kien hemm fawran tad-drenaġġ ħdejn l-iskola primarja ta' San Pawl il-Baħar, liema fawran wassal biex in-nies jiġu mitluba biex ma jgħumux f'dawn l-inħawi ta' San Pawl il-Baħar, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'wassal biex seħħ dan il-fawran? X'passi ser jittieħdu biex dawn it-tip ta' problemi ma jibqgħux jirrepetu ruħhom?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ġejt infurmat mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma li l-fawran imsemmi ġie kkawżat minn problema teknika fil-pumping station. Il-Korporazzjoni għamlet it-tiswijiet meħtieġa minnufih.
Billi fl-inħawi tal-Veċċja, San Pawl il-Baħar, għal darba oħra qed jerġa’ jkun hemm irwejjaħ kbar ta' drenaġġ, liema rwejjaħ suppost li l-Water Services Corporation ħadet passi biex jitneħħew, jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar x'passi fil-fatt ittieħdu dwar dawn l-istess irwejjaħ, kif kien ingħad f'domanda parlamentari preċedenti? Meta ttieħdu xi miżuri dwar dan?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ġejt infurmat mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma li mill-investigazzjoni li saret irriżulta li r-riħa ta’ drenaġġ fiż-żona tal-Veċċja kienet ikkaġunata minn fawran tad-drenaġġ minn sistema privata fi Triq San Pawl. Minħabba li l-fawran seħħ minn propjeta’ privata l-każ ġie rriferut lid-Dipartiment tas-Saħħa kif ukoll lill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar.
Billi din is-sena qed jerġgħu jitfaċċaw problemi marbutin mas-sistema tad-drenaġġ f'San Pawl il-Baħar, u billi jidher li matul is-snin li ġejjin il-lokalità ser tkompli tikber ħafna minħabba l-appartamenti li qegħdin jinbnew, jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar fiex waslu l-preparamenti marbuta mal-upgrade tas-sistema tad-drenaġġ, u dan qabel ma jkun tard wisq għal dan l-istess lokal?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ġejt infurmat mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma li l-Korporazzjoni qed tħejji pjan għas-snin li ġejjin għall-infrastruttura tal-ilma u d-drenaġġ għal Malta kollha.
Billi jirriżulta li numru ta' bozoz fuq l-arbli fit-toroq fl-inħawi ta' San Pawl il-Baħar, suppost jiġu rranġati mill-Enemalta, dawn jinsabu maqtugħa, u wħud minnhom ilhom hekk maqtugħa għal numru ta' ġimgħat, jista' l-Prim Ministru jieħu l-passi neċessarji biex dawn l-istess bozoz jiġu rranġati?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ġejt infurmat mill-Enemalta plc li sad-data li saret din il-mistoqsija parlamentari, il-Kumpanija ma kellhiex rapporti pendenti ta’ ħsarat ta’ dwal fit-toroq f’San Pawl il-Baħar.
Ħsarat ta’ dwal tat-toroq l-ewwel jiġu ċċekjati mill-Kunsill Lokali u jekk jinstab li ma jistgħux jiġu rranġati mill-Kunsill stess, dawn jużaw il-proċeduri stabbiliti biex jitolbu l-għajnuna tal-Enemalta plc.
Billi numru ta' Belisha lights madwar San Pawl il-Baħar huma bil-ħsara, jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex jassigura li ssir spezzjoni fuq dawn l-istess lights, u fejn meħtieġ jiġu msewwija, minħabba l-fatt li dawn jistgħu jkunu ta' periklu għal dawk li jaqsmu minn fuq l-istess zebra crossings li hemm fl-inħawi?
Response (MIZZI, JOE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħti iżjed dettalji (t-triq) ta’ fejn jinstabu dawn il-belisha lights. Infakkar lill-Onor. Interpellant li l-belisha lights li jaqgħu taħt ir-responsabbilta’ ta’ Transport Malta huma dawk li jinstabu f’dawn it-toroq:
Xatt il-Pwales
Telgħa tax-Xemxija
Triq ta’ Xifer il-Kief
Kennedy Drive
Dawret San Pawl il-Baħar
Triq Burmarrad
Triq Toni Camilleri
Il-belisha lights tul it-toroq imsemmija jiġu spezzjonati minn Transport Malta kull ħmistax.
B'referenza għar-risposta ta' domandi parlamentari preċedenti, dwar l-irwejjaħ li ħerġin mil-land fill tal-Magħtab, b'detriment għar-residenti ta' San Pawl il-Baħar, Qawra, Buġibba, Burmarrad, Naxxar, u Għargħur, fost l-oħrajn, jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex dawn l-istess irwejjaħ jinqatgħu?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-miżuri li ttieħdu, kif diġa’ intqal fir-risposta għall-Mistoqsija Parlamentari 26567, diġa’ ħallew ir-riżultati mixtieqa u fil-fatt il-complaints naqsu drastikament.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien in-numru ta’ ħaddiema li jipprovdu servizz lill-Gozo Channel, kemm jekk direttament, kif ukoll jekk mal-kuntrattur, fl-aħħar ta' Lulju 2016?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li n-numru ta’ ħaddiema li jipprovdu servizz direttament lill-Gozo Channel sa l-aħħar ta’ Lulju huma:
186 ‘direct full time employees’
9 ‘board members part-time’
Numru ta’ siegħat għall-perjodu ta’ sena mingħand il-Kuntrattur huma:
Mooring Men 14,000 siegħa
Cafeteria Attendants 14,000 siegħa
Cleaners 14,500 siegħa.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'tip ta' makkinarju għal dak li jikkonċerna tifi tan-nar għandhu d-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili?X'passi qed jittieħdu biex id-dipartiment ikollu biżżejjed makkinarju biex ilaħħaq mal-għoli dejjem jiżdied ta’ bini li għandna, jew li se jkollna f'Malta?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li d-dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili għandu diversi tipi ta’ makkinarju għal dak li jikkonċerna tifi tan-nar. Dan il-makkinarju jvarja l-użu tiegħu skont it-tip tan-nar li jkun hemm, jekk jkun wieħed industrijali, domestiku, rubish, grass fires u oħrajn.
Filwaqt li nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għal-mistoqsija parlamentari 26517, ninformah li fil-programm ta’ tibdil u rinovar tal-vetturi hemm il-ħsieb li jinxtraw flotta ta’ sitt vetturi magħrufin bħala ‘Turn Table Ladders’/’Aerial Platform’ bi slielen/platform li jwasslu f’aktar għoli.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'permessi nħarġu minn Transport Malta għal xogħol li sar fi Triq San Pawl, San Pawl il-Baħar, fl-1 ta' Awwissu 2016? Għal liema xogħol inħarġu l-permessi? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk fil-fatt ix-xogħlijiet li ħarġu l-permessi għalihom sarux kif kien miftiehem li jsiru? Minbarra hekk, jista' jagħti tagħrif dwar jekk il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għamlitx xi koordinazzjoni ma' Transport Malta dwar dan ix-xogħol li sar? Jekk iva, min ikkoordina x-xogħol, u x'kundizzjonijiet ġew imposti dwar l-istess xogħol?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-triq imsemmija taqa’ taħt l-iskeda maħruġa mill-Awtorità tat-Turiżmu biex ma jsirx xogħol f’ċerti toroq minħabba li jaqgħu f’żoni turistiċi, u l-Awtorità tagħmel mill-aħjar biex tosserva din l-iskeda. Madanakollu, irriżulta li f’din it-triq ġie maħruġ permess tal-emerġenza fit-28 ta’ Lulju mid-Direttorat tat-Toroq u Infrastruttura fi ħdan Transport Malta minħabba li kien hemm drenaġġ difettuż.
Peress li dan hu permess ta’emerġenza, hi responsabilità tal-kuntrattur li jagħmel il-koordinazzjoni kollha. Il-kundizzjonijiet li ġew maħruġa fil-permess, mill-perit li kien inkarigat mill-emerġenza, kienu dawn:
- Li ma jagħlaqx it-triq;
- Li t-trasport pubbliku ma jiġix effetwat;
- Ikun hemm uffiċċjali biex jidderieġu t-traffiku;
- Jitneħħa l-parkeġġ minn faċċata jekk ikun hemm bżonn biex it-traffiku jgħaddi fiż-żewġ direzzjonijiet;
- Ix-xogħol jibda wara d-09:00am u għandu jieqaf fis-6:00pm
- Ma jsirx xogħol il-Ħadd 31 ta’ Lulju
-
Reinstatement
isir skont linji gwida li nħarġu f’Marzu 2016 mid-Direttorat tat-Toroq u Infrastruttura.
San Pawl il-Baħar — Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma – sistemi tad-drenaġġ
Question
Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar x'tip ta' koordinazzjoni saret mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, waħedha, jew ma' korporazzjonijiet oħra, għal dak li jikkonċerna x-xogħol li sar b'rabta mas-sistema tad-drenaġġ, fi Triq San Pawl, San Pawl il-Baħar, fl-1 ta' Awwissu 2016? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm koordinazzjni fuq il-post, biex isiru s-superviżjonijiet neċessarji minn uffiċjali tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ġejt infurmat mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma li huma marru fuq il-post indikat meta l-kuntrattur kien se jibda bix-xogħlijiet ħalli jassiguraw li l-connection bejn il-katusa privata u l-main tad-drenaġġ issir kif suppost.
Billi huma bosta l-każijiet, madwar Malta u Għawdex fejn arbli tad-dawl qegħdin fuq il-bankina, bil-problemi kollha li dawn jistgħu jikkawżaw, b'mod partikulari fil-postijiet fejn il-bankini mhumiex wesgħin ħafna, jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hemm, lokalità b’lokalità, arbli li qegħdin fuq il-bankina? X'passi hu mistenni li tieħu l-Enemalta biex dawn l-inkonvenjenzi jonqsu u jekk jista’ jkun jispiċċaw?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ġejt infurmat mill-Enemalta plc li fejn ikun possibbli jiġi evitat twaħħil ta’ arbli fuq bankini. Kull meta l-Kumpanija tirċievi rapporti ta’ arbli li jkunu ta’ diffikulta’ għall-pubbliku, it-teknici jmorru fuq il-post biex jidentifikaw soluzzjonijiet alternattivi b’konsultazzjoni ma’ dawk li jkunu rrapurtaw il-każ. Jekk ikun teknikament possibbli li l-arblu jitneħħa, l-Enemalta ma jkollha l-ebda diffikulta’ li tagħmel dan.
Awtorità dwar l-Ambjent – applikazzjonijiet diskussi mal-Awtorità tal-Ippjanar
Question
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm-il applikazzjoni tal-Awtorità tal-Ippjanar kienet diskussa mill-Awtorità dwar l-Ambjent minn mindu twaqqfet din l-awtorità? Liema kienu l-każijiet li ġew diskussi, u f'kull każ x’kienet il-pożizzjoni li ttieħdet mill-Awtorità dwar l-Ambjent? Kif tiġi komunikata lill-Awtorità tal-Ippjanar il-pożizzjoni tal-Awtorità dwar l-Ambjent?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li l-Awtorità dwar l-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) qed tiġi kkonsultata b’mod awtomatiku mill-Awtorita tal-Ippjanar (PA) fuq kull applikazzjoni ta’ żvilupp li ssir, li b’kollox jammontaw għal madwar 1000 fix-xahar. Minn dawn, l-uffiċjali tal-ERA jridu janalizzaw dawk li b’xi mod jista’ jkollhom impatt fuq l-ambjent, li bejn wieħed u ieħor ilaħħqu għal madwar 400 każ kull xahar. Naħseb li l-Onorevoli Interpellant jifhem li x-xogħol meħtieġ biex tinġabar l-informazzjoni mitluba fuq kull applikazzjoni jieħu ħafna ħin u riżorsi u għalhekk fid-dawl tax-xogħol kbir li għandha l-Awtorità din ma tistax tinġabar.
Il-pożizzjoni tal-ERA tiġi kkomunikata lill-PA b’mod elettroniku permezz tal-użu tal-e-apps.
San Pawl il-Baħar – Triq ir-Rebbiegħa – ilma ħiereġ minn blokka
Question
Billi matul l-aħħar ġimgħat, fi Triq ir-Rebbiegħa, San Pawl il-Baħar, qed ikun hemm ilma ħiereġ minn blokka appartamenti, liema ilma jidher li hu ta' xi washing machine, jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex dan l-ilma ma jibqax joħroġ fit-triq, minħabba l-inkonvenjent li qed joħloq?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi d-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali għamlu l-investigazzjonijiet neċessarji u wara li saru diversi spezzjonijiet fil-blokka t’appartamenti minn fejn ġie kkonfermat li qed joħroġ l-ilma, nħarġu avviżi lis-sidien sabiex is-sistemi tal-ilma tal-washing machines ma jibqax sejjer fil-katusa tal-ilma tax-xita iżda jiġi kkomunikat mad-drenaġġ hekk kif tispula l-liġi.
Wara li dan id-Direttorat ta ż-żmien neċessarju lis-sidien sabiex isiru x-xogħolijiet neċessarji, dawn ix-xogħolijiet baqgħu ma sarux ghalhekk ittieħdu passi legali fil-konfront tas-sidien.
San Pawl il-Baħar u Buġibba – dgħajjes – rimi ta’ skart
Question
Billi jidher li xi sidien ta’ dgħajjes qed jarmu l-iskart li jkollhom fil-baħar, bil-konsegwenza li dan qed jiddaħħal mal-kosta fil-inħawi ta’ Buġibba u San Pawl il-Baħar, jista’ l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex tinġibed l-attenzjoni tas-sidien, li dan hu llegali?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta ġiet infurmata b’dan ir-rapport u ttieħdu passi sabiex isir infurzar iktar frekwenti u anki tinħareġ notifika lill-baħħara.
Billi jidher li s-sistema tad-dawl tal-festun li hemm l-Għadira spiss qed ikollha ħsarat, jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex isiru t tiswijiet neċessarji biex din il-ħsara ma tibqax tirrepeti ruħha?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li permezz tal-Fondazzjoni għall-Iżvilupp ta’ Żoni Turistiċi ittieħdet azzjoni minnufih sabiex id-dawl tal-festun tal-Għadira, li ġie nstallat mill-istess Fondazzjoni bħala parti mill-proġetti ta’ tisbieħ li qed jitwettqu fid-diversi żoni turistiċi f’pajjiżna, jiffunzjona.
Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar x'inhuma l-aħħar żviluppi marbuta mal-Fortizza Campbell f'Selmun? Min hu mistenni li jiżviluppa dan il-post? Meta?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li d-Dipartiment Proprjetà tal-Gvern m’għandu l-ebda talba quddiemu għal xi żvilupp partikulari tal-Fortizza Campbell f’Selmun.
Jista’ l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar min qed jieħu ħsieb il-Palazz ta’ Selmun, preżentement? Meta saret l-aħħar manutenzjoni f'dan il-post, u kemm ġiet tiswa?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel l-mistoqsija lill-Ministru konċernat .
Azjendi agrikoli f’Malta u Għawdex – tkabbir ta’ prodotti b’mod bijoloġiku
Question
Tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar kemm azjendi agrikoli li qed ikabbru l-prodotti tagħhom b'mod bijoloġiku ġew mogħtija ċertifikazzjoni f'Malta u f'Għawdex, separatament? Fejn jinsabu dawn l-azjendi u kemm hi l-art, f'kull każ li tinħadem b'dan il-mod?
Response (DALLI, HELENA)
Infurmata li hawn tlettax-il azjenda li għandhom ċ-certifikati għal biedja organika maħruġa mill-MCCAA. Ħdax minhom huma f’Malta u tnejn huma f’Għawdex. It-tabella hawn taħt turi fejn jinsabu dawn l-azjendi u kemm hi l-art li tinħadem b'dan il-mod:
Lokalita’
Erja agrikola totali (Ettari)
Żebbiegħ
12.7
Manikata
9.0
Marsaxlokk
8.0
Marsa
3.7
Dingli
3.4
Siggiewi
2.6
Mġarr
2.2
Siġġiewi
2.1
Baħrija
1.9
Mellieħa
1.3
Marsascala
0.2
Nadur (Għawdex)
8.9
Qala (Għawdex)
6.6