Legislature:
Category:
Reset
Active:

Imsaġar ġodda f’Malta u f’Għawdex – masġar ta’ Kennedy Grove

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 27470, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-masġar li suppost kellu jsir fl-inħawi ta’ Burmarrad, issa fil-fatt inqatax mill-programm peress li mhux imsemmi? Jista’ jagħti wkoll tagħrif dwar jekk il-masġar ta’ Kennedy, fejn numru sostanzjali ta’ siġar spiċċaw mejtin, għal xi raġuni jew oħra, hux ser jiġi rranġat, u fih jitħawlu siġar oħra? X’inhu x-xogħol li mistenni jsir f’dan l-istess post, matul din is-sena u s-sena d-dieħla?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lil Onor. Interpellant li fil-fatt l-Wied ta’ Santa Katerina (fil-limiti tan-Naxxar u Burmarrad) jaghmel parti minn Burmarrad li fih qed jiġi ppjanat li jsir restawr u afforestazzjoni kif diġa’ ntqal fir-risposta għall-mistoqsija parlamentari 27470. Għaldaqstant Burmarrad ma nqatax mill-programm ta’ żoni li jrid isir tħawwil fihom. Dan ser isir wara li jinfetħu l-applikazzjonijiet għall-fondi tal-Unjoni Ewropeja taħt il-Mizura 8 tal-Programm Agrikolu (EAFRD). Għar-rigward ta’ Kennedy Grove s-siġar li kienu mietu huma tat-tip Cypressus leylandi li risposta għall–interventi li qegħdin isiru ngħatat fi tweġiba Nru 20459 u Nru 16658. Siġar ġodda indiġeni tal-ispeċi Cypress semprevines qed ikunu mħawla flok dawk li mietu.

Buġibba u l-Qawra — negozju fuq il-front

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari W449, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm instabu li kien hemm persuni li qed jarmaw fuq dan il-front mingħajr m’għandhom permess? Fejn hemm il-permessi, minn min huma maħruġa dawn l-istess permessi? Kemm kien hemm każi li ttieħdu passi fil-konfront ta’ dawk li kienu qed jaħdmu mingħajr ma kellhom il-permessi meħtieġa?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u ser tingħata f’seduta oħra.

Kennedy Grove – triq imħarbta — xogħlijiet

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari W456, billi d-domanda msemmija diġà saret diversi drabi taħt forma jew oħra, ninforma lill-Ministru li t-triq li qed nagħmel referenza għaliha tikkonċerna dik il-parti tat-triq li twassal mill-Bird Sanctuary (post fejn hemm is-santwarju tal-għasafar li jservi wkoll ta’ attrazzjoni turistika), liema triq twassal sal-bidu ta’ Kennedy Grove (fuq in-naħa l-oħra tat-triq), li qabel ma sar ix-xogħol fuq il-Coast Road, kienet isservi ta’ dħul għall-Qawra. Fl-istess post, fejn numru ta’ siġar taż-żebbug inqalgħu minn fejn illum għaddejja t-triq, u fil-fatt tħawlu fl-area li ma kenitx imħawla bis-siġar, kif ukull qrib il-post, fejn hemm mina biex minnha jgħaddi l-ilma tax-xita, biex jibqa ħiereġ lejn il-baħar, mingħajr ma jagħmel ħsara lir-raba’ u lill-inħawi, liema triq tfarrket kollha minħabba x-xogħol li sar biex inbena l-pont żgħir, kif ukoll biex sar ix-xogħol marbut mat-taħwil tas-siġar? Il-ħruġ li qed issir referenza għalih hu dak li jiġi t-tieni wieħed, fuq in-naħa tax-xellug tal-Coast Road, liema ħruġ/dħul jinsab ukoll wara l-ewwel lights, x’ħin taqbeż ir-roundabout il-kbira qabel titlaq mis-Salina biex tmur in-Naxxar, u wara l-ewwel sett ta’ pelican lights, li huma mixgħula, iżda qabel is-sett l-ieħor ta’ pelican lights li għadhom mhux mixgħulin, u li wkoll qed iservu ta’ periklu għal kull min ikun ser jaqsam it-triq, u wkoll ta’ periklu għal dawk li jkunu qed isuqu fuq l-istess triq?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-triq in kwistjoni ma taqax taħt ir-responsabbilta’ ta’ Transport Malta u l-istat tagħha huwa primarjament konsegwenza ta’ nuqqas ta’ manutenzjoni tul is-snin.

Bypass ta’ San Pawl il-Baħar — ħsejjes

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 27439, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk qattx saru studji dwar il-possibbilità li jitwaħħlu sound barriers f’xi bypass f’Malta? Jekk iva fejn kienu jikkonċernaw dawn l-istudji? B’referenza partikulari għal bypass imsemmija (dik ta’ San Pawl il-Baħar), l-istorbju ġej mill-vetturi li jgħaddu minn din l-istess bypass, u l-istorbju jikkonċerna t-tul kollu tal-istess bypass?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari 27872.

Transport Malta – records tas-servizzi ta’ entitajiet li jgħaddu minn fuq il-bankini

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk Transport Malta (TM) għandhiex records tas-servizzi ta’ entitajiet oħra li jgħaddu minn fuq il-bankini, biex b'hekk jiġi assigurat li dawn l-entitajiet ma jħallux ħsarat meta jgħaddu minn dawn il-postijiet?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-servizzi li jeżistu taħt l-art huma responsabbilta’ tal-entita’ li għandha dak is-servizz. L-Awtorita’ m’għandhiex dettalji fejn jinstabu tali servizzi, madanakollu kull entita’ għandha d-dettalji tas-servizzi eżistenti li għandha taħt l-art. Kull meta jkun hemm xi xogħol maġġuri fit-toroq, tiġi mibgħuta notifika b’mod eletroniku lill-entitajiet biex jagħtu l-kummenti tagħhom. Apparti minn hekk, il-kuntrattur, qabel ma’ jibda xogħol fit-toroq, jikkuntattja lill-entitajiet biex jiġu jimmarkaw is-servizzi fit-toroq fejn se jkun se jsir ix-xogħol.

Għajnuna lill-Għaqdiet Sportivi tal-baħar

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kif il-Ministeru se jkun qed jgħin lill-għaqdiet sportivi fl-isports tal-baħar matul is-sena li ġejja? Liema għaqdiet ta’ dan it-tip huma mistennija li jkunu megħjuna? Kif se sseħħ din l-istess għajnuna?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li SportMalta nidiet l-iskemi 2017 din il-ġimgħa u l-proċess jinsab f’idejn l-għaqdiet biex japplikaw. Eventwalment l-assistenzi jiġu approvati kmieni s-sena li ġejja.

San Pawl il-Baħar – ELC – soft area

Question

Jista’ l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex l-ELC jieħdu ħsieb is-soft area li hemm ħdejn il-lights fid-daħla ta’ Buġibba, San Pawl il-Baħar?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li din iż-żona tagħmel parti mix-xogħol ta’ manutenzzjoni ta’ rutina u f’ din iż-żona wkoll qed jittieħdu l-passi meħtieġa skont il-programm ta’ xogħlijiet.

Il-Magħtab – miżbla — irwejjaħ

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema passi qed jittieħdu mill-Ministeru, jew xi entità li taqa’ taħtu biex l-irwejjaħ insapportabbli li ħerġin mill-miżbla (jew engineered landfill) tal-Magħtab jiġu kkontrollati bis-serjetà?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-miżuri li ttieħdu, kif diġa’ ntqal fir-risposta għall-Mistoqsija Parlamentari 26567, huma żieda fid-daily cover u użu ta’ sistema ta’ odour neutraliser.

Federazzjoni tad-Dilettanti tal-Ħamiem — diskussjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jagħtu tagħrif dwar jekk il-Ministeru kellux diskussjonijiet mal-Federazzjoni tad-Dilettanti tal-Ħamiem dwar id-diffikultajiet li dawn qed jiffaċċjaw biex ikunu jistgħu jkomplu bid-delizzju tagħhom, partikularment minħabba l-lofts li huma għandhom? Jekk iva, meta saru l-laqgħat u x'irriżulta minn dawn l-istess laqgħa? X'passi ħa l-Ministeru favur dawn id-dilettanti?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Direttorat għar-Regolazzjoni Veterinarja huwa kontinwament f’kuntatt mal-Federazzjoni tad-Dilettanti tal-Ħamiem fuq suġġetti li jikkonċernaw lil dan il-Ministeru. Dawn ma jinkludux ir-regolariżazzjoni fuq loftstal-ħamiem minħabba li dan ma jaqax taħt dan il-Ministeru. Għalhekk nitlob lill-Onor. Interpellant jirefferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Kwota tal-pixxispad – sajjieda Maltin

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar x’pożizzjoni ħa l-Ministeru għal dak li jikkonċerna l-kwota tal-pixxispad li tista’ tinqabad mis-sajjieda Maltin? X’kienu r-riżultati li akkwistajtu?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa għaddejjin diskussjonijiet fi ħdan l-istrutturi tal-Unjoni Ewropea dwar dan, fejn Malta ħadet pożizzjoni kontra id-dħul ta’ sistema tal-kwoti tal-pixxispad. Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra kopja ta’ ittra mibgħutha lill-Kummissarju għall-Ambjent, is-Sajd u l-Affarijiet Marittimi, bil-pożizzjoni uffiċjali ta’ Malta, liema pożizzjoni meħudha ttieħdet bi ftehim mall-Koperattivi tas-Sajd. Huwa mistenni li wara li jiġi fformulat mandat għall-Kummissjoni Ewropea, mill-Kunsill tal-Ministri, biex skont dan il-mandat isiru n-negozjati fi ħdan l-ICCAT. Dawn in-negozjati huma mistennija li jsiru matul il-laqgħa annwali tal-ICCAT li ser tinżamm fil-Portugal bejn l-14 u l-21 ta’ Novembru 2016. Għal din il-laqgħa, barra minn uffiċjali mid-Dipartiment tas-Sajd u Akkwakultura, għandhom jattendu wkoll rappreżentanti mill-Koperattivi tas-Sajd.

San Pawl il-Baħar – menqa — spezzjoni

Question

Billi s-sajjieda li jużaw il-menqa ta' San Pawl il-Baħar huma inkwetati li l-istess menqa tista' tispiċċa bla lqugħ wara xi maltempata, għaliex qed isostnu li hemm ħsarat fuq il-ħajt li jifred il-menqa mill-baħar, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk spetturi tas-sajd għamlux xi spezzjoni fuq din l-istess menqa? Jekk le, jista' jieħu l-passi neċessarji biex din l-ispezzjoni ssir?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li nkarigajt lid-Dipartiment tas-Sajd u Akwakultura sabiex dwar il-kwistjoni li qed iqajjem tikkordina ma’ Transport Malta li hija responsabbli mill-infrastruttura marittima.

San Pawl il-Baħar – speed camera — ċitazzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar in-numru ta’ ċitazzjonijiet li nħarġu mill-ispeed camera fil-bypass ta' San Pawl il-Baħar, xahar b’xahar, matul din is-sena? Kemm minn dawn iċ-ċitazzjonijiet kienu għall-sewwieqa ta’ muturi?

Response (BONNICI, OWEN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Transport Malta — sound barriers

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk Transport Malta qattx għamlet studji dwar il-possibilità li jitqiegħdu sound barriers matul it-toroq tagħna, partikolarment bypasses? Jekk iva, fejn ġie identifikat? Meta saru l-istudji kkonċernati? Jista' jgħid, speċifikament għal bypass ta' San Pawl il-Baħar jieħu l-passi neċessarji biex tali studju jiġi kkummissjonat?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat illi tali studji saru fid-detall fl-inħawi tal-Kappara Junction u l-inħawi ta’ bejn il-mini ta’ Sta.Venera u r-roundabout li tagħti għal Triq Salvu Psaila, Sta. Venera. Fiż-żewġ każijiet, ġie identifikat li sound barriers jkunu effettivi biex innaqqsu il-ħsejjes tat-traffiku. S’issa ma sarux studji dettaljati għall-bypass ta’ San Pawl. Dawn it-tip ta’ studji, u eventwalment proġetti, jiddependu mill-prioritajiet u l-fondi disponibbli speċjalment minħabba l-ispejjeż kapitali konsiderevoli li jinvolvu.

San Pawl il-Baħar – żieda jew bdil ta’ mains tad-drenaġġ

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Water Services Corporation talbitx xi permessi minħabba xogħol li hu indikat li ser isir f'diversi toroq f'San Pawl il-Baħar, b'rabta ma’ bdil, jew żieda ta' mains tad-drenaġġ? Jekk iva, f'liema nħawi ntalbu l-permessi u liema minnhom ġew approvati? Jista' jieħu l-passi neċessarji biex dawn ix-xogħlijiet ma jħarbtux it-toroq kollha li ser isir ix-xogħol fihom, u jiġi assigurat li jingħata wiċċ ġdid (il-wisa’ tat-triq kollha) fejn tali xogħol ser ikun qed iseħħ?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat li kien hemm erba’ applikazzjonijiet min-naħa tal-Korporazzjoni tal-Ilma biex isir xi xogħol relatat ma’ bdil, jew żieda fis-sistema tad-drenaġġ, li minnhom inħarġu tnejn. Dawn iż-żewġ permessi jinstabu fiż-żona tal-Erba’ Mwieżeb, eżattament f’dawn it-toroq li ġejjin; Triq Ġulju, Triq Erba’ Mwieżeb, Triq il-Mosta. Dawn it-trinek jiġu asfaltati skont il-kundizzjonijiet maħruġa mill-perit tar-reġjun kif huma mniżżla fil-permessi. Il-Kunsill Lokali m’għamilx talba f’dawn il-permessi, fiż-żmien tal-konsultazzjoni, biex it-toroq jiġu mogħtija wiċċ ġdid.

San Pawl il-Baħar – xogħljiet mill-kumpanija GO

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema xogħlijiet li ser isiru mill-kumpanija GO fl-inħawi kollha ta' San Pawl il-Baħar, intalbu permessi għalihom minn Transport Malta? Jista' jieħu l-passi neċessarji biex fejn dan ix-xogħol hu meħtieġ li jsir, fil-fatt jiġi assigurat li ma jħallix ħerba wara li jkun lest l-istess xogħol, kif ukoll jiġi assigurat li hekk kif ix-xogħol meħtieġ isir, jittieħdu wkoll passi biex fil-fatt, issir il-manutenzjoni neċessarja lit-toroq u lill-bankini li jkunu affettwati?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa hemm żewġ talbiet mill-kumpanija Go fl-inħawi ta’ San Pawl il-Baħar. Dawn il-permessi jiġu spezzjonati regolarment minn uffiċjali ta’ Transport Malta biex jiġi assigurat li t-toroq u l-bankini jitreġġgħu lura kif kienu qabel, ma jitħalliex periklu fit-toroq waqt li jkun għaddej ix-xogħol, kif ukoll li jitneħħa mit-triq kull materjal li seta’ nqala’ minħabba dan ix-xogħol.

San Pawl il-Baħar – Skola Primarja tal-Qawra — tenders

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'tenders ħarġu s’issa għal dak li jikkonċerna l-bini tal-Iskola Primarja fil-Qawra, San Pawl il-Baħar? Lil min ingħata dan ix-xogħol li sar jew li se jsir fuq dan il-bini? Kemm sar ħlas s’issa fuq l-istess xogħol? Min wettaq ix-xogħol li tħallas?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li fir-rigward tal-Iskola Primarja ġdida tal-Qawra, San Pawl il-Baħar, s'issa ħarġu żewġ tenders, waħda għall-iskavar tas-sit u l-oħra għall-bini tal-iskola. Il-kuntratt għall-iskavar ingħata lill-kumpanija Tal-Magħtab Construction. Għal xogħol li sar s'issa tħallsu €311,563.80. It-tender għall-bini tal-iskola kienet pubblikata fis-7 ta' Ottubru, 2016, u tagħlaq fis-17 ta' Novembru, 2016.

12-il Distrett – ċentru sportiv

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Gvern għandux il-ħsieb li jibni ċentru sportiv f’xi lokalità tat-12-il distrett? Jekk iva, fejn hu mistenni li jinbena dan iċ-ċentru u meta hu mistenni li jibda x-xogħol fuq l-istess ċentru?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li għalkemm ma hemmx pjanijiet min-naħa tas-Segretarjat Parlamentari responsabbli mill-isport li jinbena ċentru sportiv f’xi lokalità tat-12-il distrett, saret diskussjoni interna dwar il-ħsieb li bħala parti mill-proġett tal-iskola l-ġdida tal-Qawra jinbnew Assembly Hall u Ċentru Sportiv. Risposta definittiva dwar dan tkun tista' tingħata iktar 'il quddiem.

Daħla ta’ Buġibba – lights — ħamrija

Question

Jista’ l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex dik il-parti tal-ħamrija ħdejn il-lights fid-daħla ta’ Buġibba li mhux qed tinħadem mill-ELC, fil-fatt tibda tinħadem minnhom, peress li hi l-uniku area ta' ħamrija li mhux qed tiġi kkurata mill-ELC?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Peress li l-ELC ma taqax taħt id-dekasteru tiegħi nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Leg 12 PQ #27854 Sitting 429 2016-10-19 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex – airstrip — rapport

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar fiex waslu l-preparazzjonijiet tar-rapport dwar l-airstrip f'Għawdex? Min qed iwettaq dan l-istudju? Meta ser jiġi ppubblikat?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lil Onor. Interpellant sabiex jirreferi għat tweġiba li tajt għal-Mistoqsija Parlamentari 27722.

Transport Malta – studju fuq xogħol li sar minn xi kunsilli lokali

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk Transport Malta (TM) wettqitx studji fuq xogħol li sar minn xi kunsilli lokali, matul l-aħħar sentejn? Fejn saru dawn it-testijiet (lokalità)?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li m’għandi l-ebda informazzjoni x’inżid mat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari W544.