Legislature:
Category:
Reset
Active:

Kontijiet printed — ħlas

Question

Billi skont risposta parlamentari preċedenti ngħad li operaturi tas-servizzi ta’ komunikazzjoni jistgħu jitolbu ħlas meta jibagħtu verżjoni printed tal-kontijiet, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm minn dawn l-operaturi infurmaw lill-Awtorità ta’ Malta dwar il-Komunikazzjoni (MCA) biċ-charges li qed jitolbu, u jekk l-MCA tqisx dawn it-talbiet bħala ġustifikati?

Response (MALLIA, EMANUEL)

L-operaturi tas-servizzi ta’ komunikazzjoni m’għandhomx l-obbligu li jinformaw lill-Awtorità dwar it-tariffi li japplikaw meta jibagħtu verżjoni tal-kont f’format li huwa stampat. Dawn it-tariffi jistgħu biss japplikaw skont il-parametri tad-deċiżjoni relatata maħruġa mill-Awtorità, li rreferejt għaliha fi tweġiba parlamentari preċedenti. Madanakollu, dawn it-tariffi jridu jkunu speċifikati fit-termini u l-kundizzjonijiet tal-kuntratti tal-klijenti. Dawn it-termini u l- kundizzjonijiet jinsabu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku fil-ħwienet tal-operaturi u fuq is-siti elettroniċi tagħhom. L-Awtorità allura hija konxja tat-tariffi li qed jiġu applikati. S’issa l-Awtorità ma ħassitx il-ħtieġa li tintervjeni u/jew li tieħu miżuri ulterjuri fuq dan is-suġġett. L-Awtorità ser tibqa’ ssegwi l-iżviluppi f’dan ir-rigward u tirriserva d-dritt li jekk tħoss il-ħtieġa tieħu l-azzjoni regolatorja neċessarja skont il-poteri legali tagħha.

MCA – operaturi tal-komunikazzjoni — diskussjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-Awtorità ta’ Malta għall-Komunikazzjoni (MCA) ntalbitx tagħti l-kunsens tagħha, jew almenu li tindaga l-aħbar li kien hawn matul l-aħħar ġimgħat, fejn qed jingħad li hemm il-ħsieb jew għaddejjin id-diskussjonijiet biex operatur tal-komunikazzjoni jieħu over l-operat ta' operatur ieħor? Jista’ jagħti tagħrif dwar jekk s’issa l-MCA ħaditx xi pożizzjoni partikulari dwar dan?

Response (MALLIA, EMANUEL)

L-Awtorità ta’ Malta dwar il-Komunikazjoni (l-MCA) m’għandhiex il-poter legali li tindaga jew li tagħti kunsens għal xi takeover li jinvolvi operaturi tal-kommunikazjoni. Il-poter legali kif ukoll it-tħaddim tal-proċess sabiex jingħata kunsens għal xi takeover, kif inhi l-liġi llum, jappertjeni esklussivament lid-Direttur Ġenerali għall-Kompetizzjoni fi ħdan l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur. S’issa l-MCA għadha ma ġietx interpellata mid-Direttur Ġenerali għall-Kompetizzjoni sabiex tagħti l-opinjoni formali tagħha dwar xi każ ta’ takeover.

Transport Malta – rotot tal-karozzi tal-linja għall-airport

Question

Billi l-Ministru wieġeb li s’issa Transport Malta għadha ma tat l-ebda kunsens biex ikun hemm xi tibdil f'dak li jikkonċerna rotot tal-karozzi tal-linija li jwasslu passiġġieri l-airport, jista' l-Ministru, iżda, jagħti tagħrif dwar jekk Transport Malta għandhiex xi talba simili li qiegħda tikkunsidra? Jekk iva, meta hu mistenni li jkun hemm deċiżjoni dwar dan?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-preżent m’għandix aktar x’inzid mat-tweġiba li kienet ingħatat għall-Mistoqsija Parlamentari 32354.

Transport Malta – rakkomandazzjonijiet dwar mina

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk Transport Malta għamlitx xi rakkomandazzjoni partikulari, fl-istudju li suppost qed isir dwar il-mina bejn Malta u Għawdex, biex tali mina tispiċċa fl-inħawi tax-Xemxija, u mhux qrib iċ-Ċirkewwa? Jekk iva, x'kienu dawn ir-rakkomandazzjonijiet?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-preżent għadhom għaddejjin l-istudji relatati ma’ dan il-proġett. Għaldaqstant ma tistax tingħata informazzjoni f’dan ir-rigward.

Triq matul il-bajja tax-Xemxija — xogħolijiet

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta hu mistenni li jsir ix-xogħol neċessarju fuq it-triq matul il-bajja tax-Xemxija li għandha ħsarat pjuttost kbar?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jispeċifika l-parti tat-triq matul il-bajja li għaliha qiegħed jagħmel referenza.
Leg 12 PQ #32371 Sitting 502 2017-04-04 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għal Għawdex

Bdiewa Għawdxin – ġarr ta’ prodotti agrikoli lejn il-pitkalija ta’ Malta

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm bdiewa Għawdxin qed jingħataw għajnuna biex iġorru l-prodotti agrikoli tagħhom lejn il-pitkalija f’Malta?

Response (REFALO, ANTON)

Ninsab infurmat li hemm 32 bidwi li qed jingħataw għajnuna biex iġorru l-prodotti agrikoli tagħhom lejn il-Pitkalija f’Malta. Din l-istatistika tgħodd għas-sena 2016.
Leg 12 PQ #32372 Sitting 502 2017-04-04 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — raħħala

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hemm raħħala f'Għawdex u ta’ liema bhejjem?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija kif tidher fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Transport Malta – persuni li qed jitgħallmu l-liċenzja tas-sewqan

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk Transport Malta tivverifikax jew le jekk dawk il-persuni li jibdew jippreparaw biex jingħataw il-liċenzja tas-sewqan jekk ikunux qed jibdew jitgħallmu wara li jkunu għalqu t-18-il sena jew le? Jekk iva, kif qed issir din il-verifika?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat li minn informazzjoni li għandha Transport Malta, dawk il-persuni li jibdew jippreparaw biex jingħataw il-liċenzja tas-sewqan iridu japplikaw mal-istess Awtorita’ billi jimlew il-formola stabbilita u għandhom jippreżentaw magħha ċ-ċertifikat mediku, kopja tal-karta ta’ l-Identita’ u d-dritt tal-liċenzja xierqa. Wara l-verifikazzjonijiet meħtieġa, l-Awtorita’ toħroġ permess. Kull min għandu tali permess biss u li għalaq tmintax-il sena, hu awtorizzat li jipprattika s-sewqan fil-ġranet kollha, esklużi l-Ħdud u btajjel pubbliċi f’dawn il-kategoriji: AM, A1,B1, B, BE, Ċ1, C1E u G. L-Awtorita’ tivverifika l-eta’ tal-persuni li jibdew jippreparaw biex jingħataw il-liċenzja tas-sewqan permezz tal-karta tal-Identita’ li tintalab mal-formola stabbilita. Barra minn dan, is-sistema kompjuterizzata ma tħalli lil ħadd joħroġ permessi ta’ persuni li huma inqas mill-eta’ stabbilita bil-liġi.

Telephone Tapping

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien hemm każijiet ta’ telephone tapping awtorizzati? Min awtorizza dawn l-istess tappings? Għal liema raġuni ntużaw dawn it-tappings matul l-aħħar 24 xahar? X’inhi l-proċedura li qed tiġi applikata biex jiġu awtorizzati tali tappings?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, dan is-suġġett ikun jista’ jiġi diskuss waqt il-Kumitat ta’ Sigurtà. Il-proċedura hija dik illi tinsab f’Kapitlu 391 tal-liġijiet ta’ Malta.

Pulizija – kwalifiki u kundizzjonijiet għal dħul fil-Korp

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk hemmx xi tnaqqis f’dawk li huma r-requirements ta’ kwalifiki, tul jew xi kundizzjonijiet oħra normalment marbuta ma’ dħul ta’ persuni biex isegwu taħriġ biex ikunu jistgħu jaħdmu ta’ pulizija? X’wassal għal dan it-tibdil, jekk inhu l-każ?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li, l-kwalifiki akkademiċi baqgħu l-istess, iġifieri bħall-aħħar sejħa li kienet saret is-sena l-oħra, għall-postijiet ta' kuntistabbli (Gazzetta tal-Gvern 19,536 datata 16 ta' Frar 2016). It-tul iżda ġie imnaqqas b'centimetru mill-aħħar sejħa, għall-irġiel, minn 1.68m għal 1.67m u għan-nisa minn 1.58m għal 1.57m.

San Pawl il-Baħar u Naxxar – xogħlijiet ta’ toroq

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema xogħol ta’ toroq hu mistenni li jsir din is-sena f’San Pawl il-Baħar u n-Naxxar? Jista’ jqiegħed kopja tal-pjanti ta’ fejn ser isir dan l-istess xogħol?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li xogħlijiet fuq it-toroq isiru skont il-prioritajiet nazzjonali, fondi disponibbli u l-proċess tal-akwist.
Leg 12 PQ #32356 Sitting 501 2017-04-03 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Enemalta – ħaddiema

Question

Jista’ l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar kemm minn dawk il-ħaddiema tal-Enemalta għażlu li jitilqu u ġew trasferiti fuq il-kotba tal-gvern? F’liema dipartimenti jew entità ġew hekk trasferiti? F’liema skala kienu qed jaħdmu qabel telqu mill-Enemalta?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ħaddiema tal-ex Korporazzjoni Enemalta huma kollha impjegati fuq il-kotba tal-ERL.
Leg 12 PQ #32357 Sitting 501 2017-04-03 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Persuni fiċ-ċivil li għandhom degree universitarja – allowance speċjali

Question

Jista’ l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta’ persuni fiċ-ċivil li għandhom degree universitarja u li għaliha jieħdu allowance speċjali?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

It-tagħrif għadu qed jinġabar.
Leg 12 PQ #32358 Sitting 501 2017-04-03 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Ħaddiema taċ-ċivil – scholarships jew promotions

Question

Jista’ l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar kif qed jiġi assigurat li f’każi ta’ sejħiet għal promotions jew opportunità ta’ scholarships, il-ħaddiema taċ-ċivil fil-fatt qed jiġu mgħarrfa b’dawn il-possibilitajiet?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Biċċerija – xogħlijiet strutturali

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema xogħlijiet strutturali saru fil-biċċerija bejn Jannar 2013 u llum? Jista’ jgħid kemm ġew jiswew dawn l-istess xogħlijiet? Liema xogħol ieħor hemm ippjanat li jsir matul din is-sena? Għal liema minn dan ix-xogħol diġà nħarġu l-permessi u t-tenders rispettivament?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba.

Siġar tal-frott, Siġar taż-Żebbuġ u Siġar tal-Ħarrub – każi ta’ mard

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk ġewx rapportati każi ta’ mard fuq xi siġar tal-frott f’Malta u Għawdex, inkluż siġar taż-Żebbuġ u tal-Ħarrub matul dawn l-aħħar erba’ snin? Liema kienu t-tip ta’ s-siġar effettwati u x’passi ttieħdu biex il-mard ma jinfirix?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Nikkonferma li d-Direttorat minn dejjem jirċievi rapporti rigward mard u insetti li huma ta’ dannu għas-siġar tal-frott. Ukoll nikkonferma li d-Direttorat irċieva rapporti ta’ mard u infestazzjoni ta’ insetti fuq iz-żebbuġ, it-tin, il-ħarrub u ċ-ċitru. F’ kull każ id-Direttorat jinvestiga, u fejn jinstab li jkun hemm xi tip ta’ patoġenu jieħu il-passi neċessarji skont it-tip ta’ mard jew insett. Dawn il-passi jistgħu jinkludu eradikazzjoni tas-siġar infettati, jew pariri kif dan il-mard jew insetti jistgħu jiġu kkontrollati.
Leg 12 PQ #32271 Sitting 500 2017-03-28 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu

Airmalta – ħaddiema li rtiraw mix-xogħol – skema biex japplikaw għal xi benefiċċju finanzjarju

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk matul dawn l-aħħar erba’ snin kienx hemm xi skema tal-Airmalta, li permezz tagħha ħaddiema li kienu rtiraw mix-xogħol setgħu japplikaw biex jieħdu xi benefiċċju finanzjarju? Jekk iva, kif kienet imxandra din l-iskema, kemm ħaddiema użaw din l-iskema u kemm tħallsu flus kumplessivament?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi f’dawn l-aħħar erba’ snin, fl-Air Malta, ma kien hemm l'ebda skema/i speċifika/i sabiex ħaddiema li rtiraw mix-xogħol jieħdu benefiċċju finanzjarju.

San Pawl il-Baħar (Il-Qawra) – Sit ta’ skola ġdida

Question

Billi matul is-sajf li għadda, ukoll matul il-perjodu ta’ żmien meta hu stabbilit li ma jistax isir qtugħ ta' blat u twaqqiegħ ta' bini, sar il-qtugħ ta' blat fis-sit fejn suppost għandha tinbena skola ġdida f'San Pawl il-Baħar (il-Qawra), jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-qtugħ tal-blat hux lest kollu u xi ħlas sar, u kemm fadal kontijiet pendenti għal dan ix-xogħol? Jista’ jgħid ukoll x’qed iżomm milli jinbeda l-bini tal-istess skola? Billi boards li kienu jindikaw x’inhu l-proġett inqalgħu mis-sit numru ta' xhur ilu, suppost 'biex jiġi rranġat l-istess dehra tal-proġett', jista’ jagħti tagħrif dwar meta se jerġgħu jitwaħħlu l-istess boards, u meta se jinbeda x-xogħol fuq il-post? Jista’ jagħti wkoll tagħrif dwar x’talbiet kellu biex taħt l-iskola jiġi żviluppat car park ikbar minn dak li hemm propost fil-proġett tal-iskola, u x’kienet ir-reazzjoni tal-Ministeru għal dan?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onorevoli interpellant li l-qtuħ tal-blat fis-sit tal-Iskola Primarja l-ġdida f'San Pawl il-Baħar tlesta. Il-ħlas, li jammonta għal €351,903.34, sar. Il-kuntrattur jonqsu jitħallas €18,521.23. Dan l-ammont hu r-retention money ta' 5% tal-ispiża globali, kif stipulat fil-kuntratt. Rigward ix-xogħol ta’ kostruzzjoni, it-tender ġie evalwat u aġġudikat. Ma jidhirx li ġew irreġistrati xi appelli minn tali aġġudikazzjoni u għalhekk id-Dipartiment tal-Kuntratti qiegħed għaddej bil-proċeduri sabiex jiġi ffirmat il-kuntratt mal-kuntrattur u x-xogħol ta’ kostruzzjoni jkun jista’ jibda minnufih.

Community Radios — liċenzji

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 32068, jista’ l-Ministru jgħid kemm inħarġu awtorizzazzjonijiet mill-Awtorità ta’ Malta għall-Komunikazzjoni (MCA) għall-community radios bejn l-2013 u llum? Kemm minn dawn hu magħruf li bdew jittrasmettu?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Matul il-perjodu indikat mill-Onorevoli interpellant, l-Awtorità ta’ Malta dwar il-Komunikazzjoni (l-MCA) ħarġet numru ta’ liċenzji (awtorizzazzjonijiet) għall-installazzjoni jew l-użu ta’ apparat ta’ radjukomunikazzjoni lil community radios kif muri fit-tabella nru. 1. In-numru indikat jinkludi liċenzji ta’ natura permanenti (validi għal sena) u ta’ natura temporanja, kif ukoll liċenzji ġodda u liċenzji li l-validità tagħhom ġiet imġedda (licence renewals). SenaNru. ta’ liċenzji 201342 201444 201545 201646 2017 (sal-24 ta’ Marzu)19 Tabella Nru. 1 L-MCA tixtieq terġa tikkjarifika li l-liċenzji maħruġa minnha jawtorizzaw biss l-installazzjoni jew l-użu ta’ apparat ta’ radjukomunikazzjoni, u ma’ jagħtux id-dritt għal xandir. Il-liċenzji li jagħtu d-dritt għal xandir ta’ community radios jaqgħu taħt ir-responsabbilità tal-Awtorità tax-Xandir. Għaldaqstant, il-parti tad-domanda li qed tistaqsi fuq in-numru ta’ stazzjonijiet li bdew jitrażmettu, l-Onorevoli interpellant għandu jagħmel id-domanda tiegħu lill-Ministru responsabbli mill-Awtorità tax-Xandir.

MCA – kontijiet ta’ servizzi ta’ cable tv, mobile phones u servizzi oħra – kopji mhux elettroniċi

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 32069, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar x’charges approvat l-Awtorità ta’ Malta għall-Komunikazzjoni (MCA) għall-kopji mhux elettroniċi tal-kontijiet, u lil liema operaturi?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Id-deċiżjoni maħruġa mill-Awtorità fl-2016 intitolata Standard and Itemised Billing, tispeċifika li charges għal kontijiet stampati jistgħu jiġu mitluba f’każijiet fejn l-abbonat għandu konnessjoni għall-internet u allura jista’ jaċċessa l-kontijiet tiegħu b’mod elettroniku b’xejn. Dawn iċ-charges huma stabbiliti mill-operaturi. Id-deċiżjoni titlob li dawn iċ-charges ikunu raġonevoli u din id-deċizjoni tapplika għall-operaturi kollha li jipprovdu servizzi ta’ komunikazzjoni elettroniċi.