Legislature:
Category:
Reset
Active:

Persuni li kienu mħarrka biex jitilgħu jixhdu fil-Qorti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm każi ta' persuni li kienu mħarrka biex jitilgħu jixhdu fil-Qrati ta' Malta u Għawdex, li iżda baqgħu ma telgħux jixhdu minkejja li kienu infurmati dwar ix-xhieda tagħhom, matul din is-sena, separatament għall-Qorti ta' Malta u dik ta' Għawdex?

Response (BONNICI, OWEN)

Fil-Qrati u Tribunali ta’ Malta u Għawdex ma tinzammx din l-istatistika.

Triq il-Kosta – bus shelters

Question

Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex matul it-Triq tal-Kosta, b'mod partikulari, fuq dawk l-istages li huma l-iktar użati, jitpoġġew bus shelters għall-benefiċċju ta' dawk li jużaw il-karozzi tal-linja?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta għadha kif ħarġet Request for Proposals li titlob għal twaħħil ta’ bus shelters ġodda f’diversi lokalitajiet ġewwa Malta u Għawdex, inkluż dawk li jinstabu ġewwa Triq il-Kosta.

Skola Primarja tal-Gvern – tfal li jinżammu wara l-ħin tal-iskola

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hemm ġenituri, li ddeċidew li jħallu lil uliedhom, f'kull skola primarja tal-Gvern għal xi ħin wara l-ħin normali tal-iskola?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li n-numru ta’ studenti reġistrati fis-servizz ta’ Klabb 3-16 fl-iskejjel primarji tal-Gvern (data ta’ Ottubru 2016) hu kif se nsemmi: Ċentru Numru ta’ tfal Attard 67 Birkirkara 64 Birżebbuġa 42 Fgura 35 Ħamrun 17 Ħaż-Żabbar 32 Ħaż-Żebbuġ 25 Luqa 55 Marsascala 45 Mellieħa 40 Mġarr 59 Mosta 62 Naxxar 25 Paola 72 Pembroke 85 Qormi San Ġorġ 32 Rabat 18 San Ġwann 63 Santa Venera 20 Siġġiewi 15 Sliema 60 St Julians 20 St Paul's Bay 83 Valletta 13 Victoria 9 Xagħra 10 Żejtun 48 Żurrieq 58

Kindergarten — trasport

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Ministeru hux qed jikkonsidra l-possibbilità li jipprovdi trasport għat-tfal tal-kindergarten, lejn l-iskejjel li fihom jattendu dawn it-tfal?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru qed jikkonsidra dan is-servizz komplimentat ma’ on board supervision.

San Pawl il-Baħar – Skola Primarja tal-Qawra — tenders

Question

B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 28028, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien hemm tenderers li tefgħu t-tender, u x'kienu l prezzijiet li ntefgħu f'din it-tender? Għal dak li jikkonċerna t-tenders tal-bini jista' jagħti tagħrif dwar jekk hemmx xi restrizzjonijiet partikulari għal dawk li jistgħu jitfgħu din it-tender?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li kien hemm ħames tenderers li tefgħu t-tender għall-iskavar. Il-prezzijiet li ntefgħu għal din it-tender huma kif se nsemmi: § €339,997.00 § €373,302.50 § €419,575.00 § €430,944.00 § €437,282.50 Rigward it-tender għall-kostruzzjoni ta’ din l-iskola, is-sejħa għall-offerti hija ta’ open procedure. It-tenderers iridu jilħqu l-kriterji kollha mitluba skont l-Artiklu 7 “Selection and Award Requirements” tad-dokument biex ikunu eliġibbli għall-kuntratt.

12-il Distrett – ċentru sportiv

Question

B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 28029, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk fuq is-sit li tħaffer sa issa hemmx spazji biex jekk ikun hemm deċiżjoni dwar il-bini ta' Assembly Hall u Ċentru Sportiv, fil-fatt dawn il-binjiet ikunu jistgħu jinbnew fuq l-istess sit?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li fit-tħaffir fuq is-sit li sar sa issa m’hemmx inkluż spazju riservat għall-bini ta’ Assembly Hall u Ċentru Sportiv.

San Pawl il-Baħar – bdil tal-main tad-drenaġġ

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk Transport Malta hux qed tiddiskuti mal-Water Services Corporation dwar proġett ta' bdil tal-main tad-drenaġġ fit-toroq ta’ San Pawl il-Baħar? Jekk iva, liema toroq ser jiġu effettwati?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat li Transport Malta żżomm diskussjonijiet mal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma dwar xi tibdil li jista’ jkun hemm ta’ xi main tad-drenaġġ. Jkun hemm każi meta Transport Malta tintalab biex tibdel mains meta tkun għaddejja b’xi xogħlijiet tagħha jew meta jkun hemm każi ta’ emergenza. Meta jkun possibli, dawn ix-xogħlijiet jsiru matul il-lejl biex jiġi evitat impatt fuq l-andament tat-traffiku. Ġeneralment, ix-xogħlijiet tal-Korporazzjoni huma mdaħħla fis-sistema ta’ permessi minfejn jiġu avżati l-istakeholders.

Lifts fi blokki tal-Gvern — applikazzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Ministeru jistenniex li jkun hemm applikazzjonijiet mir-residenti, biex jiġu stallati lifts fil-blokki tal-Gvern qabel jikkonsidra tali stallazzjoni ta' lifts? Jekk iva, kemm hemm applikazzjonijiet pendenti għal tali stallazzjoni ta’ lifts?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, il-lifts min-naħa tal-Awtorita’ tad-Djar jiġu nstallati abbażi tal-applikazzjonijiet li hemm pendenti (li fil-preżent jammontaw għal 64) u/jew abbażi tal-istudji li l-Awtorita’ tad-Djar għamlet fuq il-ħtiġijiet (fejn ghandu x’jaqsam installar ta’ lifts) tal-inkwilini li jgħixu fil-Blokkok tal-Gvern u l-Awtorita’ tad-Djar. Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi, mill-2013 sal-lum, l-Awtorita’ tad-Djar installat 10 lifts permezz tal-iskema ta’ installazzjoni ta’ lifts f’appartamenti tal-Gvern antiki, kif ukoll 14-il lift f’appartamenti li l-Awtorita’ tibni u/jew biegħet matul is-snin. Ninforma wkoll lill-Onorevoli Interpellant illi l-Awtorità tad-Djar ħejjiet proġett għall-istallazzjoni ta’ ‘l fuq minn 200 lift kif ukoll it-tisbiħ tal-madwar. Dan il-proġett ser isir b’finanzi tal-U.E. u fid-diskors tal-Budget 2017 tħabbar li dan il-proġett ġie approvat. Dan il-proġett ser jolqot ‘l fuq minn 4,000 persuna.

Transport Malta – bypass ta’ San Pawl il-Baħar — sound barriers

Question

B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 27872 jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk Transport Malta (TM) għandhiex mezzi biex twettaq l-istudji neċessarji dwar is-sound barriers fil-bypass ta' San Pawl il-Baħar? Jekk iva meta hu mistenni li jsir dan l-istudju? Jekk le, jista' jagħti tagħrif dwar jekk TM tistax toħroġ tender għal dan ix-xogħol?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li studji ta’ dawn it-tip issiru abbażi ta’ prioritajiet nazzjonali.

Transport Malta – bypass ta’ San Pawl il-Baħar — sound barriers

Question

B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 27872, jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-rapporti msemmija fir-risposta? Jista' jagħti wkoll tagħrif dwar min wettaq dawn l-istudji u kemm tħallas għal dawn ir-rapporti?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-rapporti mitluba qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra. Id-dettalji ta’ min għamel l-istudji jinstabu fuq ir-rapporti. Il-ħlasijiet kienu s-segwenti: Triq Reġjonali Santa Venera - Consultancy Services for the Procurement of Acoustric Barriers Euro 17,759, inkluż il-VAT ; Kappara Junction Design – Acoustic Barriers ( May 2012)Euro 5,900, inkluż il-VAT; Kappara Junction Design – Acoustic Barriers ( July 2013)Euro 8,850, inkluż il-VAT. L-istudji relatati mal-proġett tal-Kappara saru b’ referenza għal żewġ proposed layouts differenti minn xulxin.

Awtorità tad-Djar – appartamenti/residenzi allokati

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien, kull sena, u f'kull lokalità, in-numru ta' appartamenti/residenzi li ġew allokati mill-Awtorità tad-Djar, bejn l-2013 u llum? F'liema lokalità ġew allokati, f'numru għal kull lokalità? Kemm minn dawn l-appartamenti li ġew allokati huma tal-gvern, u kemm tal-privat? Kemm minn dawk l-appartamenti li huma tal-gvern, fil-fatt inbnew wara Marzu 2013? Fejn jinsabu tali appartamenti li nbnew wara Marzu 2013, lokalità lokalità?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, ir-risposta għall-ewwel żewġ mistoqsijiet, diġa ngħatat f’mistoqsija parlamentari numru 27770. Mit-total ta’ 505 appartamenti/residenzi, 308 kienu taħt Skema Kiri, waqt li 197 huma proprjeta’ tal-Gvern/Awtorita’ tad-Djar.

Università ta’ Malta – studenti li qed jistudjaw fil-livell ta’ PhD

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' studenti li qed jistudjaw fil-livell ta' PhD, fl-Università ta' Malta, preżentement? F'liema oqsma ta' studju qed jistudjaw? X'inċentivi qed jingħataw biex l-ikbar numru ta' persuni possibbli jkomplu jistudjaw f'dan il-livell?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub hu kif muri fit-tabella li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Rigward l-aħħar parti tal-mistoqsija, nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 28015.

Għalliema — inċentivi

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-ministeru hux qed jinċentiva, b'xi mod li persuni li diġà qed jaħdmu bħala għalliema, biex ikomplu jistudjaw ħalli jkunu f'pożizzjoni li jtejbu l-livell tat-taħriġ tagħhom, kif ukoll li jkunu jistgħu jwessgħu l-oqsma ta' studju li huma jkunu qed jgħallmu, fil-każi fejn hemm għalliema mill-iskejjel sekondarji, u kif qed jingħataw taħriġ iktar wiesgħa l-għalliema tal-iskejjel primarji?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi fost l-inċentivi li l-Ministeru qed joffri sabiex għalliema li diġà qed jaħdmu jkunu jistgħu jingħataw l-opportunità li jtejbu l-livell ta’ taħriġ tagħhom, ta’ min ifakkar li fis sena 2015 ġiet imħabbra l-skema ta’ Sabbatical għal gradi Edukattivi. Ta’ min jgħid li din l-iskema qed titwettaq kif ukoll ġiet estiża biex minbarra l-ħaddiema fil-gradi edukattivi tal-Gvern (ċjoè fis-servizz pubbliku) ikunu jistgħu jibbenefikaw minnha wkoll il-ħaddiema fil-gradi edukattivi li jaħdmu fl-iskejjel tal-Knisja kif ukoll dawk Indipendenti. Din l-iskema tagħmilha aktar possibbli biex uffiċjali fi gradi edukattivi, fosthom l-Għalliema li jinvestu fl-iżvilupp professjonali u akkademiku tagħhom, ikunu jistgħu jiddedikaw ħin għat-taħriġ bl-anqas impatt possibbli fuq it-tagħlim fil-klassi. Biex jagħmlu dan l-uffiċjali jkunu jistgħu japplikaw taħt skema B għal leave biex ikunu assenti mid-doveri normali tagħhom għal perjodu qasir ta’ ftit jiem jew taħt skema A għal perjodu aktar fit-tul sa mhux aktar minn sena akkademika. Fil-każ tal-iskema A, toħrog sejħa għal applikazzjonijiet darba fis-sena għas-sena skolastika li jkun imiss. L-applikanti eliġibbli jintgħażlu skont proċess ta’ għażla. Mill-iskema kategorija A bbenefikaw sa issa tnejn u għoxrin uffiċjal fil-gradi Edukattivi fosthom 15-il Għalliem bi spiża totali li tlaħħaq ‘il fuq minn €800,000 fi ħlasijiet ta’ salarji tal-benefiċjarji u sostituti. Minn kemm ilha titħaddem l-iskema sebgħa u erbgħin 47 uffiċjal fi gradi edukattivi bbenefikaw minn leave qasir dwar studju taħt l-iskema B. It-tagħrif dwar din l-iskema jinsab fil-websajt tal-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol. Opportunitajiet mid-Dipartiment tal-Kurrikulu Bħalma jsir f’Lulju u f’Settembru ta’ kull sena, dan l-aħħar inżammu l-Inservice Courses mogħtija mid-Dipartiment tal-Immaniġġjar tal-Kurrikulu. L-għalliema tal-primarja u tas-suġġetti kollha tas-sekondarja kellhom l-opportunità li jsaħħu l-ħiliet u t-tagħrif tagħhom meta attendew għal xi wieħed mill-ħafna korsijiet li jinżammu f’dawk ix-xhur. Imma barra minn hekk fix-xhur li għaddew l-għalliema tal-Ingliż u dawk tad-Disinn u t-Teknoloġija kienu offruti l-opportunità li jattendu għal korsijiet speċjalizzati. Fil-fatt l-għalliema tal-primarja dan l-aħħar ingħatatilhom l-opportunità li jieħdu sehem fil-Cambridge English Course (Ceritificate in English Language Teaching - Primary, CELT-P). Dan hu kors ta’ blended learning li jingħata f’total ta’ 120 siegħa u hu miftuħ għal għalliema li ġejjin kemm mis-settur tal-istat kif ukoll dawk mhux statali. Il-kors jinkludi taħriġ mogħti minn nies speċjalizzati fejn jiġu żviluppati l-erba’ ħiliet tal-lingwa u l-użu tal-lingwa fil-primarja. Temi oħra f’dan il-kors jinkludu wkoll tagħrif fuq riżorsi għat-tagħlim fil-klassi tal-primarja, kif timmaniġġja l-klassi tal-primarja, u l-assessjar tat-tagħlim tal-lingwa fil-kuntest tal-primarja. Taħriġ simili qed jingħata wkoll lill-għalliema tal-iskejjel sekondarji. Dan il-kors, CELT-S ħa jingħata tul is-sena skolastika 2016/2017. Dan il-kors jinkludi kontenut li jkun segwit onlajn u l-għalliema jkollhom iċ-ċans li jipprattikaw fil-klassi dak il-materjal li jagħmlu fil-kors filwaqt li xorta jsegwu l-kurrikulu bbażat fuq il-Qafas tal-Kurrikulu Nazzjonali. Għalliema li jsegwu dawn il-korsijiet ser ikun akkreditati mill-Cambridge English wara li diġà segwew żewġ partijiet ta’ dan il-kors aktar kmieni din is-sena. F’Ġunju tal-2016 ingħata kors ieħor mill-Cambridge English għal għalliema tal-Ingliż. Dan il-kors kellu l-għan li jkompli jibni fuq tagħrif ta’ kif isir l-assessjar tal-istudenti u kif jista’ jkun żviluppat assessjar li jkollu impatt pożittiv fuq it-tagħlim. Dan il-kors saħaq fuq aspetti differenti tal-assessjar bħalma huma l-assessjar ta’ ħiliet reċettivi (il-qari u s-smigħ) u l-ħiliet produttivi (il-kitba u d-diskors). Barra minn hekk l-għalliema tal-Ingliż attendew kors Inservice msejjaħ Differentiation in the Secondary English Classroom li nżamm f’Lulju u f’Settembru ta’ din is-sena. Fix-xhur li għaddew gradi differenti ta’ edukaturi, fosthom għalliema, kapijiet ta’ dipartimenti, uffiċjali edukattivi u kapijiet jew assistenti kapijiet tal-iskejjel, ingħataw taħriġ li kien jinkludi attendenza u parteċipazzjoni f’seminars, workshops u webinars. It-temi trattati kienu jinkludu it-tagħlim ibbażat fuq il-logħob, Edukazzjoni għal Żvilupp Sostenibbli u pedagoġiji tat-tagħlim tal-Matematika u suġġetti oħra. F’suġġetti bħalma huma d-Disinn u Teknoloġija sar taħriġ speċjalizzat għall-għalliema permezz ta’ Sessjonijiet ta’ Sapport bil-għan li jkun hemm upskilling tal-ħiliet fl-użu ta’ magni u apparat li jintuża fit-tagħlim ta’ dan is-suġġett. Għalliema tal-ICT ser jingħataw il-possibiltà ta’ taħriġ bi preparazzjoni għall-introduzzjoni tas-sillabu l-ġdid tal-ICT. L-uffiċjali edukattivi responsabbli mill-primarja ħa jingħataw taħriġ fl-użu tat-tablets ħalli hekk ikunu jistgħu jagħtu s-sapport tagħhom lill-għalliema tar-Raba’ Sena tal-primarja li l-istudenti tagħhom qorbu biex jingħatalhom it-tablet. Bl-istess mod ġew imħarrġa l-edukaturi kollha li ser ikollhom x’jaqsmu mal-inizjattiva tal-One Tablet Per Child. Taħriġ għall-Għalliema li jixtiequ jgħallmu suġġetti vokazzjonali Għal dawn l-aħħar sentejn, id-Dipartiment tal-Kurrikulu, flimkien mal-Istitut għall-Edukazzjoni, organizza kors ta’ taħriġ għall-għalliema li wrew interess li jgħallmu xi wieħed mill-ħames suġġetti vokazzjonali ġodda fil-livell ordinarju tal-Bord tal-MATSEC. Il-kors joffri taħriġ fuq id-dokument uffiċjali fuq is-suġġetti vokazzjonali maħruġ mill-Bord tal-MATSEC, fil-kontenut tal-sillabu tas-suġġetti vokazzjonali, fil-kitba tal-programmi ta’ tagħlim, fil-mod applikat ta’ kif għandhom jiġu mgħallma dawn is-suġġetti, fil-proċedura innovattiva ta’ assessjar, u fuq il-mili ta’ dokumenti uffiċjali tal-MATSEC fuq il-proċess tat-tagħlim u tal-assessjar. Dan il-kors ta’ taħriġ huwa mifrux fuq 70 siegħa kif ġej: · Fl-ewwel sena: taħriġ ta’ 40 siegħa fuq l-ewwel Unit ( Form 3 ) · Fit-tieni sena: taħriġ ta’ 15-il siegħa fuq it-tieni Unit ( Form 4 ) · Fit-tielet sena: taħriġ ta’ 15-il siegħa fuq it-tielet Unit ( Form 5 ) Bi ftehim mal-Fakultà tal-Edukazzjoni tal-Università ta’ Malta, dan il-kors huwa offrut ukoll lill-istudenti tal-Fakultà li waslu fl-aħħar sena tal-kors tal-B.Ed jew li qegħdin jagħmlu l-PGCE. Matul is-sena skolastika 2014-15 ġew ittrenjati 106 għalliem u 60 student universitarju f’Unit 1 tas-suġġetti vokazzjonali. Matul is-sena skolastika 2015-16 dawn ġew ittrenjati wkoll f’UNIT 2. It-taħriġ f’UNIT 1 reġa’ sar għal 75 għalliem u 17-il student universitarju ieħor li wrew l-interess jgħallmu xi wieħed mill-ħames suġġetti vokazzjonali. Opportunitajiet mill-Institute for Education L-Istitut għall-Edukazzjoni nieda l-Adaptation course li hu kors ta’ Post Graduate Certificate for Teaching and Learning in the Primary Sector f’Livell ta’ MQF 7 għall-għalliema gradwati fit-tagħlim f’suġġett mgħallem fis-sekondarja biex ikunu jistgħu japplikaw għal pożizzjoni regolari fil-Primarja skont l-MOU tal-2009 bejn il-Ministeru tal-Edukazzjoni u Xogħol u l-MUT. L-Istitut għall-Edukazzjoni nieda wkoll l-Introductory course li hu kors f’Livell ta’ MQF 6 għall-għalliema li mhumiex iggradwati fit-tagħlim. Dan ukoll sar skont l-MOU tal-2009 bejn il-Ministeru tal-Edukazzjoni u Xogħol u l-MUT. L-Istitut ħoloq ukoll korsijiet qosra u akkreditati bħala taħriġ kontinwu biex ikun jista’ joffrihom lid-diversi edukaturi skont il-ħtiġijiet li jkollhom fil-professjoni tagħhom. Dettalji dwarhom jistgħu jinkisbu minn www.instituteforeducation.gov.mt .

Transport Malta — entitajiet li għandhom servizzi fil-bankini - ħsarat

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk Transport Malta tassigurax li ħsarat li jsiru minn entitajiet li għandhom servizzi fil-bankini, fil-fatt jiġu msewwija kif suppost?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li skont l-Avviż Legali 29/2010 li jirregola x-xogħlijiet, il-kuntrattur hu responsabbli li jsewwi kull ħsara li ssir lil xi servizz b’konsegwenza tax-xogħol li jkun għamel. Il-kuntrattur hu marbut ukoll li jkollu polza tal-assigurazzjoni kontra kull ħsara lil terzi persuni kif ukoll lill-infrastruttura. L-infrastruttura tal-entitajiet li teżisti taħt l-bankina hi responsabbilta’ tal-istess entita’. Għalhekk l-entita’ li tkun sofriet il-ħsara tikkordina direttament mal-kuntrattur li jkun għamel ix-xogħol biex jirranġa jew iħallas għall-ħsara li tkun saret.

Reserved Parking Bays

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm huma n-numru ta' Reserved Parking Bays li hemm approvati mill-bord responsabbli fi ħdan il-ministeru, lokalità lokalità? Jista' l-Ministru jgħid ukoll kemm hu n-numru ta' tali reserved parkings li ġew revokati din is-sena, ukoll lokalità lokalità?

Response (MIZZI, JOE)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Loading/unloading bays

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' loading/unloading bays li huma approvati minn Transport Malta, lokalità lokalità? Kemm kien in-numru ta' tali bays li ġew revokati matul din is-sena, ukoll lokalità lokalità?

Response (MIZZI, JOE)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ġibjuni li se jinbnew jew jiġu mnaddfa

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' ġibjuni li huma mistennija li jinbnew, jew jiġu mnaddfa mill-Ministeru, matul is-sena d-dieħla, liema ġibjuni mbagħad jintużaw biex fihom jinġabar l-ilma tax-xita? Kemm sar xogħol ta' dan it-tip matul din is-sena, u f'kull każ, jista’ jgħid f'liema lokalità, lokalità lokalità?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab informat li l-Ministeru qed iħejji applikazzjoni għal fondi Ewropej taħt il-Programm Operattiv 2014-2020 biex isiru l-istudji neċessarji ħalli jiġu ndividwati l-lokalitajiet fejn jistgħu jinbnew ġibjuni ġodda jew jiġu riabilitati dawk eżistenti biex titkabbar il-ħażna tal-ilma tax-xita.

Awtorità tad-Djar – blokki ta’ appartamenti — xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema ser ikunu l-ewwel blokki ta' appartamenti li mistenni li jinbeda x-xogħol fuqhom, matul din is-sena? Liema ser ikunu l-appartamenti li hu mistenni li jinbnew mill-Awtorità tad-Djar, matul is-sena d-dieħla? Liema blokki sa issa ħarġu t-tenders tal-bini, u min kienu l-kuntratturi li fil-fatt ingħataw it-tenders għal dan ix-xogħol?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, l-ewwel blokki li ser jinbeda ix-xogħol fuqhom din is-sena jinstabu fil-lokalita’ ta’ Ħ’Attard u Ħaż-Żebbuġ. Sa issa ħarġu t-tenders għat-tħammil ta’ dawn is-siti msemmija. Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi, rigward l-appartamenti li ser ikunu qed jinbnew mill-Awtorita’ tad-Djar, għadhom kif għalqu t-tenders dwar l-iskavar; fil-25 ta’ Ottubru ta’ din is-sena. Ir-riżultati jitħabbru skont il-proċedura segwita mid-Dipartiment tal-Kuntratti. Wara dan il-proċess jiġi deċiż liema siti ser ikun qiegħed jibda x-xogħol fuqhom.

Bini ta’ appartamenti tal-gvern

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema huma s-siti li fuqhom hu mistenni li jinbnew blokki ta' appartamenti tal-gvern u li diġà sar it-taħmil tal-art li fuqha hu mistenni li jinbnew dawn il-blokki? Jista' jagħti tagħrif dwar liema huma l-kuntratturi li tqabbdu jagħmlu dan ix-xogħol? F'kull każ liema xogħlijiet diġà tlestew, u liema hu mistenni li jinbdew matul ix-xhur li ġejjin?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, sa issa għadu ma sar l-ebda tħammil peress li kien għadu għaddej il-proċess ta’ evalwazzjoni tal-offerti mitfugħa għat-tender ta’ xogħol għall-istess tħammil. Il-kuntratturi ser jiġu magħ¿ula skont proċess ta’ tender li għalaq fil-25 ta’ Ottubru 2016. Ix-xogħol fuq is-siti li fuqhom huwa mistenni li jinbnew il-blokkok ta’ appartamenti tal-Gvern, huwa mistenni li jibda’ tard din is-sena.

San Pawl il-Baħar – menqa — tiswijiet

Question

Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex issir it-tiswija neċessarja fuq il-menqa ta' San Pawl il-Baħar, billi s-sajjieda li jpoġġu d-dgħajjes tagħhom f'dan il-post huma inkwetati li ser issir ħsara rreparabbli lill-istess menqa, u b'konsegwenza fuq l-attività tagħhom?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.