Legislature:
Category:
Reset
Active:

Applikazzjonijiet minn kunsilli lokali biex isiru xogħlijiet fit-toroq lokali

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru jagħti tagħrif dwar kemm saru sejħiet għall-applikazzjonijiet minn kunsilli lokali jew individwi, biex isiru xogħlijiet fit-toroq tal-lokal tagħhom? Meta saru dawn l-applikazzjonijiet u liema kienu l-kunsilli li applikaw? Liema kunsilli bbenefikaw u kemm kienet is-somma li ħadu, kull kunsill separatament?

Response (GRECH, LOUIS)

Ninsab infurmat li fil-11 ta’ Novembru ta’ din is-sena nħareġ avviż preliminari għal sejħa għall-proġetti taħt Miżura 4.1 tal-Programm għall-Iżvilupp Rurali 2014/2020 – Support for Investments in agricultural holdings. Din il-miżura hija miftuħa għall-bdiewa li huma interessati sabiex itejbu l-aċċess għall-irziezet tagħhom. L-applikazzjonijiet mistenija li jibdew jintlaqgħu nhar il-11 ta’ Jannar 2017.
Leg 12 PQ #28779 Sitting 453 2016-11-22 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

San Pawl il-Baħar – Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar x’xogħol sar mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, jew għall-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma f'San Pawl il-Baħar, matul din l-aħħar ġimgħa? Fejn sar ix-xogħol?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ġejt infurmat mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma li f’din l-aħħar ġimgħa saret manutenzjoni ta’ tappieri fi Triq il-Parroċċa, Triq il-Knisja, Dawret il-Gżejjer, Triq il-Mosta u Triq il-Qawra.
Leg 12 PQ #28611 Sitting 452 2016-11-21 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MEPA — applikazzjonijiet pendenti

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 28467 u jagħti tagħrif dwar kemm kien hemm/jew għad hemm applikazzjonijiet pendenti quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar (qabel il-MEPA), għall-bini ta' rziezet tar-raħħala, sena b'sena, mill-2013 sal-lum? Liema huma dawn l-applikazzjonijiet, u f'kull każ fejn jinsab il-proċess ta' dawn l-applikazzjonijiet preżentement?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

It-tagħrif mitlub qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 12 PQ #28612 Sitting 452 2016-11-21 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MEPA — applikazzjonijiet pendenti

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 28468 u jagħti tagħrif dwar kemm hemm/kien hemm applikazzjonijiet pendenti quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar (u qabel quddiem il-MEPA), għal residenzi ta' raħħala, sena b'sena mill-2013 sal-lum? Liema huma dawn l-istess applikazzjonijiet? F'kull każ f'liema stadju jinsabu dawn l-applikazzjonijiet quddiem l-Awtorità?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

It-tagħrif mitlub qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 12 PQ #28613 Sitting 452 2016-11-21 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Żvilupp ta’ car parks

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 28488, jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar jekk Projects Malta għandhiex il-ħsieb li tipproponi car parks għall-inħawi ta' San Pawl il-Baħar, bħalma qed tagħmel għall-inħawi oħra madwar Malta?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ġejt infurmat minn Projects Malta li bħalissa m’għandiex il-ħsieb ta’ proġett ta’ din ix-xorta f’San Pawl il-Baħar. Madanakollu l-Kumpanija tibqa’ miftuħa għal ideat li jistgħu jiġu mill-privat biex flimkien mal-Gvern jinvestu fi proġetti simili.

Magħtab — irwejjaħ

Question

Billi l-problema tal-irwejjaħ tal-Magħtab, fl-inħawi tal-madwar u wkoll iktar 'il bogħod għadha tippersisti bil-kbir, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Ministeru hux qed jieħu xi miżuri partikolari biex dawn l-irwejjaħ jiġu kkontrollati sew?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Nikkonferma li qed jittiehdu miżuri b'żieda mal-miżuri li diġa’ ttieħdu mill-WasteServ, kif diġa’ ntqal fir-risposta għall-Mistoqsija Parlamentari 26567, huma żieda fid-daily cover u użu ta’ sistema ta’ odour neutraliser. Bħalissa l-Awtorità dwar l-Ambjent (ERA) qegħda f’kuntatt mal-varji operaturi li tirregola fl-inħawi tal-Għallis biex tillimita l-impatti negattivi li dawn l-operati jistgħu jkollhom fuq l-inħawi nnifishom. L-ERA ukoll tispezzjona operati li allegatament jistgħu jkollhom impatt fuq l-ambjent, meta dawn jiġu mgħarufa lilha.

siġar taż-żebbuġ fil-proprjetà tal-Gvern

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk hux qed jirriżulta li bosta siġar taż-żebbuġ fil-proprjetà tal-gvern qed imutu minħabba l-għatx tas-sena li għaddiet jew minħabba xi raġuni oħra? Jekk iva, x'passi qed jittieħdu dwar dan?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li hu fir-responsabilita tas-sid f’dan il-każ il-Ministeru responsabbli minn talli art li jara li s-siġar ma jmutux bil-għatx. Minn stħarriġ li jwettaq id-Direttorat għas-Saħħa tal-Pjanti biex jissorvelja l-preżenza ta’ organiżmi ta’ ħsara fit-teritorju Malti, ma riżultax li siġar taż-żebbbuġ li jinsabu fi proprjetà tal-gvern qed imutu kawża ta’ organiżmi ta’ ħsara.

Transport Malta — Coast Road - pelican lights

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk Transport Malta lestietx ix-xogħol li kellha twettaq dwar il-pelican lights fil-Coast Road? Kemm kien hemm ħaddiema ta' Transport Malta li ħadu sehem f'dan ix-xogħol, u meta ħadu sehem fih? Jista' jgħid x'xogħol wettqu?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalma diġa’ ġie spjegat f’diversi okkażjonijiet u f’bosta tweġibiet fuq l-istess suġġett, il-kuntrattur falla ripetutament milli jonora il-kuntratt. Transport Malta issa qiegħda tikkoordina x-xogħol ma’ kuntratturi oħra. Perit wieħed kien qiegħed jassenja u jsegwi x-xogħol tul l-perjodu kollu (kuntrattur oriġinali u kuntratturi kurrenti).

MCA — kontroll

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x’tip ta' kontroll tagħmel l-Awtorità Maltija tal-Komunikazzjoni (MCA) fuq id-diversi entitajiet li joffru servizzi ta' komunikazzjoni f'Malta u f'Għawdex għal dak li jirrigwarda l-postijiet li minnhom jgħaddu l-istess servizzi? Billi bosta drabi dawn is-servizzi huma mgħoddija mit-toroq u minn fuq il-bankini li għandna madwar il-gżejjer, jista' jagħti tagħrif dwar il-mod kif jiġi assigurat li l-istess servizzi li jkunu għaddejjin minn dawn il-postijiet fil-fatt ma jkunux ta' periklu għal dawk li jkunu għaddejjin minn fuq l-istess bankini?

Response (MALLIA, EMANUEL)

L-MCA tifhem li l-entitajiet kompetenti li joħorgu xogħlijiet rilevanti u jagħtu permessi għall-infrastruttura fit-toroq u bankini għandhom jiżguraw li x-xogħlijiet konnessi mal-installazzjonijiet isegwu l-istandards tas-saħħa u sigurtà skont il-liġi. F’dan il-każ, Transport Malta hi l-entità kompetenti li toħroġ permessi għal dan it-tip ta’ xogħol.

Ta’ Qali – Pitkalija – toroq — manutenzjoni

Question

Billi t-toroq f'Ta' Qali, li jwasslu għall-Pitkalija jinsabu fi stat ħażin ħafna, jista’ l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex dawn it-toroq jiġu msewwija sew?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Triq il-Kosta – Pelican Lights minn St. Andrews sa Buġibba

Question

Billi fi Triq il-Kosta minn St. Andrews sa Buġibba hemm numru ta’ pelican lights li baqgħu ma bdewx jiffunzjonaw, u dan iktar minn sena minn mindu nfetħet l-istess Triqtriq, jista’ l-Ministru jagħti r-raġuni għal dan? Billi b'mod partikulari sett minn dawn il-lights, dak li jiġi fil-ġenb tal-ground tas-Sirens, qrib Kennedy Grove, qed jikkawża ħafna periklu għal dawk li jaqsmu min-naħa għall-oħra, jista’ jieħu l-passi biex dawn il-lights jinxtegħlu kemm jista’ jkun malajr?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-dewmien ġie kkawżat minħabba li l-kuntrattur li kellu jissupplixxi l-istrutturi msemmija falla ripetutament milli jilħaq l-obbligi tiegħu li kienu stipulati ġo kuntratt li kien iffirma. Transport Malta issa assenjat ix-xogħol lil kuntrattur differenti bil-għan li l-pelican lights li baqa’ jiġu nstallati mmedjatament u jinxtgħelu fil-ġimgħat li ġejjin. Sadanittant, Transport Malta se tkun qed tieħu l-passi kollha meħtieġa skont il-kuntratt, fil-konfront tal-kuntrattur li naqas mill-obbligi tiegħu.

Buġibba Qawra – traffic lights

Question

Billi mir-risposta għall-mistoqsija parlamentari 28485, dwar il-lights fid-daħla ta' Buġibba, liema lights (traffic lights), kienu jeżistu, u donnu ħadd ma jaf bl-ordni ta' min inqalgħu, imma jidher ċar li ma kenux sarux spezzjonijiet fuq il-post qabel ma ngħatajt ir-risposta li ngħatajt, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta u minn min saret din l-ispezzjoni u minn min saret?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, kif ingħad fit-tweġiba għall-MistoqsijaParlamentari 28485, dan is-suġġett ġiet diskuss u maqbul fil-Kumitat tal-Immaniġġjar tat-Traffiku fi ħdan Transport Malta. Madankollu jien lest li nressaq mill-ġdid kull suġġeriment li wasal għandi minn mezzi differenti quddiem l-istess Kumitat għad-diskussjoni fuq dan is-suġġett.

Pelican Lights, Belisha Lights jew traffic lights — arbli

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm arbli, li fuqhom hemm il-pelican lights, belisha lights jew traffic lights, inbiddlu matul l-aħħar 12-il xahar? X'inhi r-raġuni għal din il-bidla? Min qed iwettaq ix-xogħol biex dawn l-arbli jinbidlu? Jekk ix-xogħol qed isir mill-kuntrattur, min hu li qed jagħmel dan ix-xogħol u meta ħarget it-tender biex dan l-istess xogħol isir?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-arbli mibdula tal-pelican crossings u traffic lights f’toroq arterjali u distributorji, li huma parti mix-xogħol relatat mas-sistema tal-ITMS (Intelligent Traffic Management System), jammontaw għal 177 arblu. Dawn ix-xogħolijiet qed isiru mill-kuntratturi li rebħu t-tenders għal dawn ix-xogħolijiet. Dawn huma AlbSem Joint Venture għat-tender li ġie ppubblikat fl-14 ta’ Ottubru 2014 u RTG Joint Venture għat-tender li ġie ppubblikat fit-28 ta’ Ottubru 2014. Minbarra dawn, f’każijiet ta’ kolliżżjonijiet u ħsarat ta’ arbli dawn jinbidlu mill-ħaddiema tal- Manufacturing and Services Directorate u mill-Kunsill Lokali konċernat f’każ ta’ belisha lights.

Dwal qawwi tat-traffic lights u pelican lights

Question

Billi f'diversi lokalitajiet jidher li nbidlu l-arbli u wkoll il-bozoz li hemm fuq it-traffic lights u fuq il-pelican lights, b'tali mod li jidher li l-bozoz użati huma ferm iktar qawwija minn dawk li kien hemm qabel (b'mod partikulari dawk li jagħtu d-dawl aħdar), u dawn, f'ċerti lokalitjiet qed itellfu mill-vista ta’ central strips, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk dawn il-bozoz użati humiex kif approvati? Jista' jassigura li dawn l-istess dwal ma jservux ta' periklu għas-sewwieqa?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-lights li ġew installati riċentament huma LEDs u huma konformi mal-istandards tal-UE għal Signal Heads and Traffic Control Equipment: MSA EN 12368:2006. Dawn it-tip ta’ dwal jintużaw fl-Ewropa kollha fuq junctions u pedestrian crossings.
Leg 12 PQ #28467 Sitting 450 2016-11-09 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MEPA — applikazzjonijiet pendenti

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien hemm/jew għad hemm applikazzjonijiet pendenti quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar (qabel il-MEPA), għall-bini ta' rziezet tar-raħħala, sena b'sena, mill-2013 sal-lum? Liema huma dawn l-applikazzjonijiet, u f'kull każ fejn jinsab il-proċess ta' dawn l-applikazzjonijiet preżentement?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

It-tagħrif għadu qed jinġabar.
Leg 12 PQ #28468 Sitting 450 2016-11-09 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MEPA — applikazzjonijiet pendenti

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hemm/kien hemm applikazzjonijiet pendenti quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar (u qabel quddiem il-MEPA), għal residenzi ta' raħħala, sena b'sena mill-2013 sal-lum? Liema huma dawn l-istess applikazzjonijiet? F'kull każ f'liema stadju jinsabu dawn l-applikazzjonijiet quddiem l-Awtorità?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

It-tagħrif għadu qed jinġabar.

Buġibba Qawra – traffic lights

Question

Billi jidher li t-traffic lights li kien hemm fid-daħla ta' Buġibba Qawra ser ikomplu jistennew biex jerġgħu jiġu mwaħħla f'posthom, bl-iskuża li issa minflok it-traffic lights hemm stop sign, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta, u minn min ittieħdet id-deċiżjoni li dawn l-istess lights jinqalgħu minn posthom? X'kienet ir-raġuni li għaliha dawn il-lights inqalgħu?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi din il-materja ġiet diskussa fil-Kumitat tal- Immaniġġjar tat-Traffiku u ġie maqbul li l-Stop Sign huwa s-sinjal ideali fiċ-ċirkustanza. Bl-installazzjoni ta’ traffic lights f’din il-junction se jiġi mponut dewmien iktar għal dawk li jridu joħorġu mill-Coast Road, kif ukoll ta’ dawk li ġejjin mir-roundabout tal-Erba’ Mwieżeb, b’konsegwenza ta’ konġestjoni f’din it-triq arterjali.

Coast Road — dwal

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta hu mistenni li jiġu stallati d-dwal li suppost twaħħlu fit-Triq il-Kosta (fuq wara tal-ground tas-Sirens), fejn hemm triq prinċipali, u żewġ bus stops li minnhom jirkbu u jinżlu numru kbir ta' persuni, u li biex dawn il-persuni jaslu sal-bus stop iridu jaqsmu triq prinċipali bil-perikli kollha li dan iġib miegħu?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jispeċifika għal xhiex qed jirreferi, cioe’ jekk hux għal dwal fit-triq jew pelican lights.

Fondi tal-Unjoni Ewropea — Finanzjament għall-bini jew rranġar ta’ toroq li jgħaqqdu rħula ma’ xulxin

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk Transport Malta hux mistennija li titlob finanzjament għall-bini jew irranġar ta' toroq minn fondi tal-Unjoni Ewropea, għal dak li jirrigwarda toroq li jgħaqqdu rħula ma' xulxin, minkejja li dawn mhumiex toroq arterjali jew distributorji? Jekk iva, liema talbiet saru sa issa għal tali finanzjament?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-Mistoqsija Parlamentari lill-Ministru kkonċernat.
Leg 12 PQ #28488 Sitting 450 2016-11-09 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Żvilupp ta’ car parks

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar jekk hux qed isiru xi talbiet partikulari biex jiġu żviluppati car parks mill-gvern, jew bil-kollaborazzjoni tal-Gvern għal dak li jikkonċerna l-lokalità ta' San Pawl il-Baħar?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ġejt infurmat minn Projects Malta li huma m’għandhom l-ebda talba quddiemhom ta’ din ix-xorta.