Anzjani rikoverati fl-Isptar San Luqa u Sptar Mater Dei
Question
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Ministeru għandux żewġ modi (jew iktar) dwar kif jiġu kkunsidrati l-anzjani li jkunu se jiġu rikoverati fl-Isptar San Luqa, waħda li hi riferuta bħala Sptar Mater Dei u l-oħra PPP? Jista' jagħti tagħrif dwar x'inhi r-raġuni għal din id-differenza u x'differenza hemm (jekk hemm) għal dak li jikkonċerna drittijiet tal-istess anzjani?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, fid-Direttorat għall-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità hemm proċess wieħed li jwassal għall-admissions għal kura fit-tul.
Billi skont ir-risposti għall-mistoqsijiet parlamentari preċedenti jirriżulta li Projects Malta m'għandhiex pjani quddiemha biex tiżviluppa xi parkeġġi pubbliċi, jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar x'żamm lill-istess Projects Malta milli fil-fatt tfassal tali ħsieb għall-parkeġġi sal-lum? Meta hu maħsub li Projects Malta tibda proċess ta' talba għal tali żvilupp ukoll jekk bħala Public–Private Partnership (PPP)?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Kif tħabbar fl-aħħar ġimgħat, ħarġet sejħa għal proposta ta’ parkeġġ fil-Mosta. Fil-jiem li ġejjin se jkunu qed jintlaqgħu s-sottomisjonijiet. Għaddejjin studji wkoll dwar Marsascala. Iktar studji tekniċi ġew mitluba speċjalment wara li wieħed jikkonsidra li l-lokalità konċernata hi mdawwra bil-baħar li jagħmilha iżjed diffiċli għall-mudell ta’ parkeġġ taħt l-art.
Kontribuzzjoni ta’ 50 ċenteżmu mit-turisti — proġetti
Question
Billi issa s-somma miġbura mill-kontribuzzjoni ta' 50 ċenteżmu mit-turisti suppost li tlaħħaq il-miljuni, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema se jkunu l-proġetti li se jkunu qed isiru matul l-2017? Liema minn dawn il-proġetti jeħtieġu permessi minn awtoritajiet oħra? Liema huma l-proġetti li għalihom diġà saru l-applikazzjonijiet?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġibiet għall-mistoqsijiet parlamentari 27450, 26661 u 25761.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk l-Air Malta hux se tkun qiegħda tnaqqas jew twaqqaf għal kollox xi titjiriet għal xi Airports Ewropej? Jekk iva, lejn liema airports u x’inhi r-raġuni għal dan it-twaqqif?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, s-sajf li ġej, l-Air Malta qed tippjana li topera 150 titjira fil-ġimgħa lejn 29 destinazzjoni. B’din l-iskeda, li tibda mis-26 ta’ Marzu sat-28 ta’ Ottubru 2017, il-linja tal-ajru ta’ Malta qed tippjana li ġġorr 1.2 miljun passiġġier filwaqt li tkompli topera bi flotta ta’ tmien ajruplani. Il-numru ta’ passiġġieri u l-flotta se jibqgħu l-istess bħal din is-sena.
L-iskeda tal-Air Malta għas-sajf 2017 se jkollha żieda fil-frekwenzi lejn Munich, Brussell, Amsterdam, Vjenna, Zurich, Ruma, Catania, Lyon, Palermo, Praga u Moska. Fl-eqqel tas-sajf, il-linja tal-ajru se topera sa żewġ vjaġġi kuljum lejn Munich, Ruma u Catania. Is-sajf li ġej l-Air Malta se tnaqqas xi frekwenzi għall-istaġun kollu, jew parti minnu, lejn London Gatwick, Berlin, Manchester u Ġinevra u se twaqqaf il-frekwenzi lejn Ateni u Frankfurt. Madankollu l-linja tal-ajru xorta se żżomm it-titjiriet ta’ code-sharing mal-Lufthansa lejn Frankfurt fejn il-linja tal-ajru Ġermaniza se topera b’żewġ titjiriet kuljum.
Tibdil simili jsir kull stagun u jsir għal raġunijiet kummerċjali sabiex il-linja tal-ajru żżid l-effiċjenza operattiva u tikseb l-aħjar opportunitajiet min-netwerk ta’ rotot tagħha filwaqt li tirreaġixxi għall-kompetizzjoni.
Korporazzjoni għas-Servizzi tal-ilma — trinek u ħofor
Question
Billi f'risposta riċenti, il-Prim Ministru talabni nindika l-postijiet fit-toroq fejn hemm trinek u ħofor li tħallew mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, jista' l-Prim Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-interventi li għamlet il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma fit-toroq tal-lokalità matul l-aħħar 12-il xahar?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.
Transport Malta — Triq li mix-Xemxija twassal għall-Mellieħa - tender
Question
Billi f'risposta riċenti li ngħatajt mill-Ministru fejn ingħadd li Transport Malta dalwaqt toħroġ tender għax-xogħol fuq it-triq li mix-Xemxija twassal għall-Mellieħa, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'inhu x-xogħol li għalih hu mistenni li joħorġu t-tenders?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tender li se jinħareġ minn Transport Malta huwa għal xogħlijiet infrastrutturali.
San Pawl il-Baħar – fawran tad-drenaġġ ħdejn l-Iskola Primarja ta’ San Pawl il-Baħar
Question
Jista’ l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar x’wassal biex is-Sibt, 26 ta’ Novembru kien hemm fawran ta’ drenaġġ ħdejn l-Iskola Primarja ta' San Pawl il-Baħar? X’passi qed jittieħdu biex dan il-fawran ma jibqax jirrepeti ruħu?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ġejt infurmat mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma illi l-fawran imsemmi seħħ peress li qed isir manutenzjoni estensiva fil-pumping station tad-drenaġġ fil-Pwales.
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'inhi r-raġuni li għaliha, ripetutament, vetturi li jkunu fit-tieni lane tal-Marshalling Area biex jirkbu l-vapur, jispiċċaw jittellgħu fuq, u vetturi oħra li jaslu ferm wara, qed jitgħabbew isfel?
Response (REFALO, ANTON)
Ninsab infurmat li l-vetturi kif dejjem sar, jiġu mgħobbija skond l-esiġenza tas-servizz u skond kif jiddeċiedi il-kaptan.
Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma – San Pawl il-Baħar — drenaġġ
Question
Jista’ l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar xi preparazzjoni qed tagħmel il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma biex tassigura li s-sistema tad-drenaġġ fl-inħawi ta' San Pawl il-Baħar tkun tiflaħ għaż-żieda kbira fin-numru ta’ residenzi u negozji? Jista' jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-istudji li saru s’issa?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ġejt infurmat mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma li l-qisien tal-mains tad-drenaġġ ta’ San Pawl il-Baħar huma kbar bi¿¿ejjed biex ilaħħqu mal-i¿vilupp li hemm.
Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar x'wassal biex il-pjanti li għaddew mingħand l-Awtorità tal-Ippjanar, għal għand Identity Malta, liema pjanti jridu jinxtraw mill-persuni li jkunu se jirreġistraw il-proprjetà li jkunu ser jixtru, fil-fatt mhumiex aġġornati bl-aħħar bini li nbena, u f'xi każijiet anke bini li ilu mibni iktar minn għaxar snin lanqas mhu qed jirriżulta fil-pjanti li għaddew mill-Awtorità tal-Ippjanar għal għand Identity Malta? X'passi se jittieħdu biex din il-pożizzjoni tiġi rrimedjata?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ġejt nfurmat mill-Awtorità tal-Ippjanar li l-istess Awtorità għamlet kuntratt ma' Identity Malta għax-xiri tal-Basemap aġġornata f’Novembru 2014. Kull sena, kif hemm stipulat fil-kuntratt, l-Awtorità tal-Ippjanar tibgħat id-data lil Identity Malta biex tiġi aġġornata il-Basemap.
Dwar l-aġġornament tal-Basemap nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
In-Nadur – ħsarat fit-toroq mix-Xagħra u mill-Port tal-Imġarr
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta hu mistenni li t-toroq li jwasslu san-Nadur, kemm dawk li ġejjin min-naħa tax-Xagħra kif ukoll dawk li ġejjin min-naħa tal-port tal-Imġarr, fil-fatt isiru mill-ġdid biex jitneħħew il-ħsarat li hemm fihom?
Response (REFALO, ANTON)
Bħalma jaf l-Onorevoli Nterpellant, il-Gvern miexi ma’ programm ta’ rranġar u asfaltar ta’ toroq f’ Għawdex. Sal lum saru madwar 22 kilometru ta’ toroq f’din il-leġislatura, mentri fl-aħħar leġislatura saru ftit aktar minn 2 kilometri. Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jiċċara għall-liema toroq qiegħed jirreferi.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Ministeru bediex jieħu l-passi neċessarji biex il-bolla li tkun tħallset mill-persuni li ħadmu bejn l-età ta' 16 u 18-il sena tkun ukoll meqjusa għal skop ta' pensjoni jew ta' drittijiet oħra li joħorġu mil-liġijiet dwar is-sigurtà soċjali?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, filwaqt li għadha ma daħlitx fis-seħħ ir-rakkomandazzjoni tal-Grupp ta’ Ħidma għall-Istrateġija tal-Pensjonijiet fejn il-kontribuzzjonijiet imħallsa qabel l-età ta’ 18-il sena minn persuni imwielda qabel l-1962 ikunu jgħoddu għall-pensjoni, il-Gvern qiegħed jikkunsidra din ir-rakkomandazzjoni. Tajjeb li ngħid li għalkemm dawn il-kontribuzzjonijiet illum ma jgħoddux għall-pensjoni, huma jgħoddu għal kull benefiċċju kontributorju ieħor.
Ċimiteru ta' Burmarrad — twaħħil ta' bozza quddiem il-bieb prinċipali
Question
Jista' l-Prim Ministru jieħu l-passi neċessarji biex fiċ-Ċimiterju ta' Burmarrad titwaħħal bozza quddiem il-bieb prinċipali?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ġejt infurmat mill-Enemalta plc li l-installazjoni ta’ bozoz ġodda f’toroq u postijiet pubbliċi oħrajn mhijiex responsabilta’ tal-Enemalta plc peress li xi snin ilu dawn is-servizzi għaddew f’idejn il-Kunsilli Lokali u għadd ta’ entitajiet governattivi oħrajn. Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministeru kkonċernat.
Xogħlijiet fit-toroq — tneħħija ta' sinjali mal-art
Question
Billi meta jsiru xogħlijiet fit-toroq tagħna mhux darba jew tnejn ikun hemm każijiet fejn is-sinjali mal-art jitneħħew minħabba l-istess xogħlijiet, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kif imbagħad jiġi assigurat li l-istess sinjali jerġgħu jinżebgħu kif suppost?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kundizzjonijiet tar-reinstatement jinkludu li kull tip ta’ żebgħa u markings eżistenti qabel jibda x-xogħol irridu jsiru mill-ġdid wara li jitlestew ix-xogħlijiet. Għaldaqstant, kwalunkwe ċertifikazzjoni tinkludi tali żebgħa u markings.
Transport Malta — każijiet kontra persuni li għamlu xogħol mingħajr permess
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien hemm każijiet, matul l-aħħar sitt xhur fejn ittieħdu passi kontra persuni li għamlu xogħol fit-toroq mingħajr ma kellhom il-permessi neċessarji minn Transport Malta? Fejn kienu dawn ix-xogħlijiet?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi f’dawn l-aħħar sitt xhur, ma rriżultax li l-uffiċċjali ta’ Transport Malta ltaqgħu ma’ xi xogħol li kien illegali matul l-ispezzjonijiet regolari li saru. Isiru diversi rapporti mill-pubbliku fuq irregolaritajiet fejn jiġu mgħoddija fis-sezzjoni tal-infurzar biex kull każ jiġi investigat u tittieħed azzjoni fejn meħtieġ.
Transport Malta — spezzjonijiet fuq xogħol li sar mill-kumpanija GO
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm saru spezzjonijiet fuq xogħol li sar mill-kumpanija GO matul l-aħħar sitt xhur u li kellu l-permessi neċessarji ta' Transport Malta? X'irriżulta minn dawn l-ispezzjonijiet? X'passi ttieħdu minn Transport Malta minħabba dan ix-xogħol?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li f’dawn l-aħħar sitt xhur saru 57 spezzjoni fuq ammont ta’ permessi li jikkonsistu f’xogħlijiet maġġuri u dawk ta’ emerġenza mill-kumpanija GO.
Dawn l-ispezzjonijiet saru f’diversi fażijiet tax-xogħol, kemm matul l-eżekuzzjoni tax-xogħol, kemm meta ġie komplut u kemm waqt il-verifikazzjoni tax-xogħol.
Transport Malta ħadet il-passi kollha biex issegwi x-xogħol matul l-istadji kollha u tassigura li tali xogħlijiet isegwu l-kundizzjonijiet tal-permess kif ukoll li x-xogħol jitlesta skont is-sengħa u l-arti.
Billi f'San Pawl il-Baħar hemm iktar minn elf trinka jew house connection tal-WSC li kollha ikussru l-lokalità, jista' l-Prim Ministru jieħu l-passi neċessarji biex dawn jiġu rranġati sew?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ġejt infurmat mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma sabiex l-Onorevoli Interpellant jelenka dettalji partikolari li jista’ jkun li għandu, bil-għan li jiġu evalwati.
B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 28571, billi fir-risposta qed jingħad li hi Transport Malta li toħroġ permessi għax-xogħol indikat, jista' l-Ministru jassigura li l-Malta Communications Authority tikkoordina policy dwar tali ħruġ ta' permessi u dan għaliex jidher li ċertu servizzi li jużaw il-bankini mhux qed jassiguraw li l-istess xogħol ikun tali li ma' joħloqx periklu għan-nies li jkunu għaddejjin mill-istess inħawi u mhux darba jew tnejn ukoll, ix-xogħol li jsir, fil-fatt ma jassigurax li l-persuni li jgħaddu minn dawn l-inħawi ma jkunux esposti għall-perikli żejda?
Response (MALLIA, EMANUEL)
L-MCA tirregola l-kompetizzjoni fin-netwerks u l-kwalità tas-servizzi ta’ komunkazzjoni elettronika però m'għandha l-ebda rwol fir-rigward tax-xogħlijiet infrastrutturali li jsiru meta dawn jinbnew. Konsegwentement, il-MCA m’għandiex il-kompitu li toħloq policies dwar permessi ta’ xogħol. Dak il-kompitu jibqa’ responsabilità tal-entitajiet koncernati fil-qasam tat-tqegħid tal-infrastruttura, u dan jinkludi l-formulazzjoni ta’ policies li mbagħad jiġu implimentati mill-istess entitajiet regolatorji.
Fost oħrajn wieħed jifhem li tali xogħlijiet isiru mid-diversi utilitajiet (dawl, ilma, drenaġġ) u mhux biss minn dawk konnessi ma' komunikazzjoni elettronika.
Persuni li kienu mħarrka biex jitilgħu jixhdu fil-Qorti
Question
B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 28118, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kif allura jiġi assigurat li persuni li suppost jitilgħu jixhdu u jibqgħu ma jinstabux, minkejja li mhux darba jew tnejn ikunu fl-istess bini tal-Qrati? X'passi hu stipulat li jittieħdu meta persuna tibqa' ma' tinstabx biex titwassal il-Qorti?
Response (BONNICI, OWEN)
Fil-ġurisdizzjoni ċivli persuna titħarrek biex titla’ tixhed permezz ta’ mandat ta’ taħrika ta’ xhud li jiġi notifikat lilha permezz tal-posta reġistrata (pink card). Fin-nuqqas ta’ notifika b’dan il-mezz, il-parti fil-kawza li jkollha bżonn lil tali xhud tħallas notifika oħra biex jiġi notifikat minn uffiċċjal eżekuttiv tal-Qorti. Dan l-uffiċċjal huwa obbligat li jagħmel żewġ tentattivi ta’ notifika f’ħinijiet differenti bl-aħħar wieħed isir wara l-ħinijiet ġudizzjarji. Jekk minkejja dan it-tieni tentattiv, ix-xhud jibqa’ ma jiġix notifikat tista’, fuq talba ta’ min ikun qed iħarrek lix-xhud, u b’ordni tal-Qorti, issir proċedura ta’ notifika bl-affissjoni u pubblikazzjoni fit-termini tal-artiklu 187(3) tal-Kap. 12 tal-Liġijiet ta’ Malta. Jekk fl-istadju li t-taħrika ta’ xhud tkun f’idejn l-uffiċċjal eżekuttiv, dan jinzerta lix-xhud prospettiv fil-bini tal-Qorti jew x’imkien ieħor, tali xhud jiġi notifikat fejn ikun instab. Jekk xhud jinzerta fil-bini tal-Qorti, dan jista’ anke fuq talba bil-fomm ta’ waħda mill-partijiet, jiġi msejjaħ minnufih biex jixhed u dan mingħajr il-ħtieġa tal-mandat ta’ taħrika ta’ xhud.
Fil-Qorti ta’ Ġudikatura Kriminali hija r-responsabiltà tal-pulizija li tħarrek u tinnotifika x-xhieda.
Kemm fiċ-Ċivil kif ukoll fil-Kriminal, jekk xhud imħarrek regolarment ma jidhirx biex jixhed, jinħareġ kontrih mandat ta’ skorta jew ta’ arrest u dan oltre li jiġi ikkundannat għal disprezz tal-Qorti.
Infakkar lill-Onor Interpellant li jien ghadni nistenna risposta dwar jekk l-Oppozizzjoni taqbilx li jekk akkuzat fil-kamp kriminali jaghzel li ma jitlax ghas-seduta minkejja li gie notifikat, il-Qorti jkollha dritt li tghaddi ghas-sentenza fl-assenza tieghu.