B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 29083, jista' l-Ministru jgħid liema hu d-disa' pajjiż li miegħu ġie ffirmat Memorandum of Understanding, ladarba jissemmew disa’ tali ftehim, iżda mbagħad, ġew identifikati tmien pajjiżi? Jista’ l-Ministru jagħti wkoll it-tagħrif mitlub fil-kumplament tal-mistoqsija parlamentari, dwar liema ftehim ġie segwit minn ftehim f'iktar dettalji, u kemm pazjenti gawdew?
Response (FEARNE, CHRIS)
Filwaqt li nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 29083 ninformah li 2 Memoranda of Understanding ġew iffirmati mal-istess pajjiż, dak ta’ l-Ingilterra. Dawn il-ftehim kienu jikkonsistu f’iktar taħrig għat-tobba, infermiera u professjonisti oħra maltin ġewwa pajjiżi barranin, iktar taħriġ għal Basic u Higher Specialists f’diversi oqsma, pazjenti li ntbagħtu għal-visti u kura fi sptarijiet barra minn Malta, u ftehim biex apprentisti mediċi jiġu Malta sabiex jitħarrġu aktar.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru jagħti tagħrif dwar liema toroq (x'tip ta' toroq huma) se jikkwalifikaw biex ikunu jistgħu jiġu finanzjati minn fondi tal-Unjoni Ewropea għal toroq rurali li għadha kif tħabbret mill-Gvern? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, kopja tal-kundizzjonijiet li permezz tagħhom tħabbret l-iskema?
Response (GRECH, LOUIS)
Ninsab infurmat li t-toroq li se jkunu jistgħu jikkwalifikaw minn din il-miżura huma dawk t’aċċess pubbliku li jintużaw mill-bdiewa w mir-raħħala.
Il-kundizzjonijiet tal-miżura qed ikunu finalizzati w jiġu ppublikati aktar ‘il quddiem.
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk inbidlux ir-regolamenti li permezz tagħhom jistgħu jiġu dikjarati tow zones? Kemm tow zones ġew stabbiliti, u kemm f’kull lokalità?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa għadu għaddej il-proċess sabiex isiru emendi fil-liġi għal dak li jirrigwarda tow zones.
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema kienu l-kunsilli lokali li kienu applikaw biex jasfaltaw rural roads permezz ta’ fondi mill-Unjoni Ewropea, meta kien hemm din l-iskema? Liema minn dawn it-talbiet intlaqgħu u liema le? Fejn it-talbiet ma ntlaqgħux, x’kienet ir-raġuni għal dan?
Response (MIZZI, JOE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Billi riċentement ingħatat informazzjoni dwar in-numru ta’ single mothers li qed jirċievu l-għajnuna soċjali, lokalità b’lokalità, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar in-numru, ukoll il-lokalità ta' single mothers li qed jirċievu ċ-children's allowance? Minbarra hekk, jista’ jagħti l-informazzjoni dwar in-numru ta’ persuni li jingħataw iċ-children's allowance u li mhumiex single, lokalità b’lokalità? Jista’ jagħti tagħrif dwar jekk dawn iċ-ċifri jinkludux fihom dawk li jieħdu l-għajnuna soċjali?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u għaldaqstant it-tweġiba tingħata f’seduta oħra.
Korporazzjoni għas-Servizzi tal-ilma — trinek u ħofor
Question
B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 29029, jista' l-Prim Ministru jgħid meta hu mistenni li l-informazzjoni mitluba, titqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għandhiex sistema kompjuterizzata għal ġabra tal-informazzjoni dwar fejn ikunu saru l-interventi mill-istess Korporazzjoni, biex b'hekk tkun tista' ssegwi aħjar dak li jkun qed jiġri fis-servizzi tagħha?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Transport Malta — Triq li mix-Xemxija twassal għall-Mellieħa - tender
Question
B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 29030, billi l-Ministru wieġeb li x-xogħol li se jsir bejn ix-Xemxija u l-Mellieħa hu wieħed infrastrutturali, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dettaljat dwar x'inhu dan ix-xogħol infrastrutturali li se jsir? Jista' jqiegħed kopja tal-pjanta li fuqha se jsir dan l-istess xogħol, u jekk hux maħsub li jkun meħtieġ permessi tal-Awtorità tal-Ippjanar għal dan l-istess xogħol? Jekk tali permess hu maħsub li jkunu meħtieġa, jista' jagħti tagħrif dwar jekk ġewx sottomessi applikazzjonijiet għal dan l-istess xogħol?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-dettalji u pjanti marbuta ma' dan il-proġett se jiġu ppublikati fil-mument opportun.
In-Nadur – ħsarat fit-toroq mix-Xagħra u mill-Port tal-Imġarr
Question
B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 28981, billi l-Ministru wieġeb li saru 22 kilometru ta' toroq f'Għawdex matul din il-leġiżlatura, u ftit iktar minn 2 kilometri matul il-leġiżlatura preċedenti, jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra pjanta ta’ kull waħda mit-toroq li saru matul iż-żewġ leġiżlaturi kif ukoll ix-xogħol li sar fihom? Dwar it-toroq li jwasslu għan-Nadur, jista’ jikkunsidra l-investiment neċessarju fuq Triq ir-Rabat u Triq l-Imġarr, u jagħti tagħrif dwar meta hu mistenni li dan l-investiment jinbeda?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lil Onorevoli Interpellant illi nbeda l-proċess ta’ analiżi biex jiġi ddeterminat ix-xogħol meħtieġ sabiex isiru Triq ir-Rabat, Nadur u Triq L-Imġarr, Nadur. Qiegħed ukoll inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista ta’ toroq asfaltati li saru minn fondi Nazzjonali fil-leġislatura peċedenti, kif ukoll lista ta’ xogħlijiet li saru f’dawn l-aħħar tlett snin.
Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma — twettiq ta’ xogħol infrastrutturali fil-front ta’ Buġibba/Qawra
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għandhiex bżonn twettaq xogħol infrastrutturali kemm għal dak li jikkonċerna xogħol għall-ilma, kif ukoll għal dak li jikkonċerna xogħol għas-sistema tad-drenaġġ, fit-triq (il-front ta’ Buġibba/Qawra) li minn ħdejn il-Knisja ta' San Pawl Nawfraġu twassal sa ħdejn id-daħla ta' Buġibba, ħdejn Triq il-Pijunieri?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ġejt infurmat mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma li hemm bżonn xogħlijiet ta’ infrastruttura fiż-żona msemmija. Aktar dettalji jkunu jistgħu jingħataw meta l-Korporazzjoni jkollha s-site plan taż-żona ikkonċernata.
Jista’ l-Prim Ministru jgħid liema huma l-bozoz li s’issa għadhom jiġu amministratti mill-Enemalta għal dak li jikkonċerna dwal fit-toroq tal-bliet u l-irħula tagħna? Kif jista’ persuna jiddentifika bla problemi tali bozoz u jkun jista' jirrappurtahom direttament f’każijiet ta’ ħsarat?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ġejt informat li l-maġġoranza l-kbira tad-dwal fit-toroq u f’postijiet pubbliċi huma responsabilità tal-kunsilli lokali, li ngħataw l-inkarigu biex jieħdu ħsieb il-manutenzjoni tal-lampi u l-iżvilupp ta’ lampi ġodda diversi snin ilu permezz tal-Leġislazzjoni Sussidjarja 363.91 tal-2002. Għad baqa’ izda għadd ta’ lampi f’idejn Enemalta plc u f’idejn xi awtoritajiet nazzjonali jew entitajiet governattivi.
Persuni li jkollhom bżonn għajnuna dwar bozoz f’postijiet pubbliċi jistghu jaghmlu uzu minn sistema li ilha titħaddem diversi snin, u li permezz tagħha, kull rapport ta’ ħsara jew talba għall-għajnuna dwar dawn il-bozoz jeħtieġ isir għand il-kunsill lokali responsabbli mill-inħawi kkonċernati. B’mod regolari matul is-sena, il-kunsilli lokali jingħataw pjanti aġġornati li juri eżattament il-lampi kollha awtorizzati f’postijiet pubbliċi kif ukoll dettalji dwar min hi l-entità responsabbli għalihom. Meta t-tiswijiet jew l-azzjoni meħtieġa taqa’ taħt ir-responsabilità tal-kunsilli lokali, dawn jordnaw ix-xogħol meħtieġ mill-kuntratturi tagħhom. Meta x-xogħol meħtieġ ma jkunx responsabilità tal-kunsilli lokali, dawn għandhom sistema kompjuterizzata li llum tifforma parti mis-servizz nazzjonali Servizz.Gov u li biha jagħmlu talba għall-għajnuna lil Enemalta plc jew l-entità kkonċernata. Din is-sistema ilha tintuża għal diversi snin mill-kunsilli lokali kollha f’Malta u Għawdex.
San Pawl il-Baħar – ħsarat fit-toroq minħabba l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma
Question
B'referenza għar-risposta parlamentari preċedenti dwar ħsarat li qed jirriżultaw fit-toroq b'riżultat ta' xogħol mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma f'San Pawl il-Baħar, jista’ l-Prim Ministru jinvestiga l-ħsarat li hemm fi Triq il-Mosta, fi Triq Sir Luigi Preziosi, fi Triq Ċensu Tanti u fi Triq il-Qawra, fejn il-ħsarat huma evidenti ħafna?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ġejt infurmat li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma se tagħmel l-investigazzjonijiet meħtieġa sabiex jiġi identifikat jekk il-ħsarat imsemmija jaqgħux taħt ir-responsabbilta’ taghha.
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm-il Memorandum of Understanding ġie ffirmat ma’ pajjiżi barranin minn Marzu 2013 sal-lum? Liema minn dawn ġew segwiti bi ftehim iktar konkret? Kemm pazjenti Maltin gawdew minn dan il-ftehim? Minn liema minnhom?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi minn Marzu tal-2013 sal-lum ġew iffirmati 9 Memoranda of Understanding ma’ diversi pajji¿i barranin fosthom mal-Israel, Russja, L-Italja, San Marino, Montenegro, L-Irlanda, L-Ingilterra u l-Ġermanja.
Skema ta’ Tallinja Card b’xejn lil studenti ta’ 18-il sena
Question
Billi fil-budget tħabbar li se jkun hemm skema li permezz tagħha, żgħażagħ li jagħlqu 18-il sena kienu se jingħataw servizz ta' tallinja card b'xejn għal sena, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta bdiet titħaddem din is-sistema? Jekk għadha ma bdietx titħaddem, meta se tibda titħaddem? Kemm hu mistenni li tiswa din l-iskema?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-iskema fejn dawk il-persuni li jagħlqu 18-il sena fis-sena 2017 sejrin jingħataw is-servizz tat-trasport publiku b'xejn għal sena sa massimu ta’ € 312, sejra tibda f’ Jannar 2017. Informazzjoni kif persuna tkun tista’ tapplika għal din l-iskema sejrin jitħabbru fil-ġranet li ġejjin.
Għal din l-iskema ġew allokati Euro 500,000.
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk Transport Malta solvietx id-diffikultajiet li kellha mas-sistema ta' records ta’ karozzi barranin, biex fil-każ li dawn jiksru r-regolamenti tat-traffiku, ikunu jistgħu jittieħdu passi kontra tagħhom? Kemm hu n-numru ta’ vetturi barranin li qegħdin hawn Malta u li tagħhom Transport Malta għandha records? Minn liema pajjiżi huma reġistrati u kemm minn kull pajjiżi?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi Transport Malta, permezz tad-Direttiva 2015/413 tal-Unjoni Ewropea, bdiet tiġbor informazzjoni dwar reati tat-traffiku relatati mas-sikurezza, li permezz tagħha jkunu jistgħu jiġu traċċati vetturi ta' sidien barranin li jwettqu kontravenzjonijiet f'Malta. Is-sistema bdiet taħdem mill-1 ta’ Awwissu ta’ din is-sena. Jiena nfurmat illi matul Awwissu u Settembru ta’ din is-sena kien hemm 488 vettura bi pjanċi barranin li kissru r-regolamenti tat-traffiku u li kienu qegħdin hawn Malta u li tagħhom Transport Malta għandha records inkluż il-pajjiżi li huma reġistrati fihom.
Transport Malta — xogħlijiet fuq toroq ġodda - kriterji
Question
Billi repetutamnt jingħadd li Transport Malta ma tagħmilx xogħol fuq toroq ġodda jekk is-sidien ma jkunux iffirmaw it-triq u jekk ma jkunx hemm 70 fil-mija tat-triq mibnija, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk matul din is-sena sarux toroq li ma kienx jilħqu dawn iż-żewġ kriterji? Jekk iva fejn jinsabu dawn l-istess toroq?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li kien hemm każijiet matul din is-sena fejn saru toroq li ma kinux jilħqu l-kriterji msemmija. Dawn it-toroq kienu:
- Żebbuġ, Triq Patri Andrea Azzopardi
- Marsaskala, parti minn Triq il-Vjola
- Marsaskala, partijiet minn Triq id-Dugħ u Triq Lorry Sant
- Birżebbuġia, n/s fi Triq il- Kus (Wied il-Klima)
- Fgura, parti minn Triq Pawlu Micallef
- San Pawl il-Baħar, parti minn Triq it-Tamar u n/s fi Triq Port Ruman
- San Ġiljan, parti minn Triq Brydone, Ta’ Ġiorni
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar fejn jinsabu u kemm hawn Belisha lights madwar Malta, raħal b'raħal jew belt b'belt rispettivament? Tista' Transport Malta tikkunsidra li tbiddel dawn il-lights f'pelican lights jew traffic lights normali?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta tikkunsidra talbiet għal pelican lights każ każ wara li tirċievi talba mingħand il-kunsill lokali rispettiv.
Qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista ta’ zebra crossings f’kull lokalità skont l-informazzjoni li għandha t-Taqsima tal-Immaniġġar tat-Traffiku fi ħdan Transport Malta.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm xi żviluppi għal dak li jikkonċerna l-bini ta' breakwater f'Marsalforn? Meta hu mistenni li jinbeda x-xogħol?
Response (REFALO, ANTON)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposti li tajt għall-Mistoqsijiet Parlamentari numru 28672 u 27718.
Għawdex — Ir-Rabat - Triq Għajn Qatet - xogħlijiet
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar ix-xogħol sar fi Triq Għajn Qatet, ir-Rabat, Għawdex, matul din is-sena? X'inhi r-raġuni li għaliha ma sarx ix-xogħol kollu meħtieġ f'din l-istess triq?
Response (REFALO, ANTON)
Ninsab infurmat illi sa issa tlesta x-xogħol fuq l-ewwel fażi. Ix-xogħol fuq il-kumplament tat-triq ser jitkomplew u jitlestew matul s-sena d-dieħla wara li jitlesta xi xogħol mill-Enemalta.
Kunsilliera Lokali li spiċċaw mill-kunsilli tagħhom
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kienu n-numru ta' kunsilliera lokali li spiċċaw mill-kunsilli tagħhom matul is-sena li għaddiet, lokalità b'lokalità? Kemm kien hemm membri tal-kumitati lokali li spiċċaw mill-Kumitat tagħhom matul l-istess perjodu? Minn fejn huma?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul is-sena li ser tintemm dalwaqt, sa isse kien hemm total ta’ għaxar (10) kunsillieri li spiċċaw. F’dan l-istess żmien ma kien hemm l-ebda membru ta’ Kumitat Amministrattiv li spiċċa. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Qrati Maltin — każjiet ta' mandati ta' arrest għal xhieda
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien hemm każijiet ta' mandati ta' arrest għal xhieda li ma dehrux quddiem il-Qrati Maltin matul din is-sena? Kemm minnhom ġew esegwiti?
Response (BONNICI, OWEN)
Matul din is-sena, fil-Qorti u Tribunali Ċivili Malta kien hemm 61 mandat t`arrest u fil-Qorti ta` Għawdex għal dak li jirrigwarda kawżi ċivili kien hemm 13-il mandat t`arrest.
S'issa għadha ma tinżammx statistika dwar jekk il-mandat ikunx ġie eżegwit jew le.