Legislature:
Category:
Reset
Active:

Istitut tal-Agrobusiness – korsijiet

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema huma l-korsijiet differenti li bħalissa qed jinżammu mill-Istitut tal-Agrobusiness, u jekk hemm xi korsijiet oħra marbuta mal-agrikultura jew sajd/akwakultura, minn xi organizzazzjoni oħra edukattiva? Kemm hemm studenti f'kull wieħed minn dawn il-korsijiet, u minn liema lokalità ġejjin? Meta hu mistenni li jtemm il-kors tagħhom?

Response (BARTOLO, EVARIST)

It-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

qasam tas-sajd – skemi ġodda

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema skemi ġodda ta' għajnuna, li ma kenux jeżistu sa issa, hu mistenni li jiġu introdotti fil-qasam tas-sajd matul din is-sena, jew is-sena d-dieħla?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li hemm imfassla numru ta’ skemi ġodda li fuqhom jingħata iżjed informazzjoni fi żmien opportun.

Akwakultura – skemi ġodda

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema skemi ġodda hu maħsub li joħorġu matul din is-sena jew fi żmien mhux il-bogħod għal dak li jirrigwarda l-akwakultura f'pajjiżna? X'inċentivi ġodda hu mistenni li jingħataw f'dan il-qasam?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor Interpellant illi ninsab infurmat li huwa proprju din is-sena li sejra tiġi ffinalizzata l-istrateġija tal-akwakultura għal-Malta. Mistenni wkol li jiġi ffinalizzat lok għall-“Marine hatchery” li ser jkun iffukat fuq riċerka u produzzjoni għall-iżvilupp tal-industrija tal-akwakultura f’Malta. Ninsab infurmat li kollox għandu jkun lest biex fl-2014 jibdew jintużaw il-fondi tal-EMFF bħala inċentiv għall-iżvilupp tal-akwakultura.
Leg 12 PQ #1693 Sitting 26 2013-06-04 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Binjiet agrikoli – konsultazzjonijiet mal-MEPA

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar x'tip ta' laqgħat/diskussjonijiet kellha l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) mal-Ministeru li qabel l-elezzjoni kien responsabbli mill-agrikoltura, dwar it-tibdil li jinħass li hu meħtieġ fid-dokument dwar il-bini meħtieġ għall-agrikultura, ċjoè d-dokument Agriculture, Farm Diversification and Stables?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li qabel l-elezzjoni saru sensiela ta’ laqgħat bejn rappreżentanti tal-MEPA u tal-MRRA bil-għan li jiġi emendat id-dokument tal-2007: Policy and Design Guidance: Agriculture, Farm Diversification and Stables. Dan wara li l-MEPA ġiet mgħarrfa li l-MRRA ħadet l-inkarigu li tirrevedi hi l-imsemmija policy. Billi l-MEPA ma rċeviet l-ebda abbozz tal-policy sa wara l-elezzjoni, l-istess MEPA issa ħadet l-inkarigu hi biex b’konsultazzjoni mad-Dipartiment tal-Agrikultura tlesti din il- policy .
Leg 12 PQ #2179 Sitting 26 2013-06-04 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Lukandi — Skema għal żieda ta’ żewġ sulari

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar liema huma l-lukandi li diġà applikaw biex jieħdu sehem fl-iskema mħabbra dan l-aħħar, liema skema tipperemetti li jkun hemm żieda ta' żewġ sulari fuq il-height limitation li hi permissibbli preżentment skont il-pjani lokali, u dan billi applikaw mal-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) għal tali żvilupp?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li skont is-sistema tal-informatika tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, ma ddaħlet ebda applikazzjoni li għandha x'taqsam ma' estensjoni ta' lukandi mill-21 ta' Mejju 2013 sa' llum (29 ta' Mejju) u li waslet fi stadju li ngħatat it-tracking number. Jista jkun hemm applikazzjonijiet għal screening fejn l-iżvilupp jikkonċerna estensjonijiet ta' lukandi però dawn ikunu għadhom ma ngħatawx tracking number u għalhekk ma jkunux għadhom daħlu fis-sistema tal-informatika tal-istess Awtorità.
Leg 12 PQ #2239 Sitting 26 2013-06-04 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu

Lokalitajiet turistiċi

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema huma l-inħawi, meqjusa bħala lokalitajiet, jew partijiet mill-lokalità, li jitqiesu bħala li huma inħawi turistiċi, u li allura fihom ma jkunx jista' jsir xogħol matul ix-xhur tas-sajf? Bejn liema dati hu mistenni li tali xogħlijiet ma jkunux jistgħu jsiru, u x'tip ta' xogħol mhux permess li jsir f'dawn l-istess inħawi? Liema toroq huma effettwati minn dawn ir-regoli f'kull lokalità?

Response (VELLA, KARMENU)

Qieghed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista ta’ toroq u żoni li ġew indentifikati mill-Awtorita’ tat-Turiżmu għall-iskop tal-Avviż Legali 295 ta’ 2007 skeda III (Regolament 5).

Awtorità tad-Djar — Applikazzjonijiet għal residenza alternattiva

Question

Tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar kemm hu preżentement in-numru ta' familji/persuni li ghandhom applikazzjonijiet pendenti għal residenza alternattiva, raħal raħal, skont il-kategoriji differenti li għalihom jistgħu japplikaw dawk interessati?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorità tad-Djar fil-preżent għandha 3,064 applikazzjoni għall-akkommodazzjoni alternattiva u huma mqassmin kif murija fit-tabella li tinsab fuq il-Mejda tal-Kamra.

Awtorità tad-Djar – residenzi disponibbli

Question

Tista' l-Ministru tagħid kemm hu preżentement in-numru ta' residenza li bħalissa għandha għad-dispożizzjopni tagħha l-Awtorità tad-Djar lokalità lokalità? Kemm minn dawn il-proprjetajiet, f'kull każ huma tal-Gvern, u kemm tal-privat?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

L-informazzjoni qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Enemalta – tibdil ta’ arbli tal-high tension

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu mistenni li jinbidlu arbli tal-high tension, mill-Korporazzjoni Enemalta, matul din is-sena, u f'liema lokalitajiet?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.

Arbli tad-dawl — tiswija

Question

Billi f’diversi toroq f’pajjiżna bħalissa hawn numru ta' arbli li kienu ħabtu fihom xi vetturi bil-konsegwenza li jinsabu fi stat li jistgħu jikkawżaw inċidenti oħra, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta hu mistenni li dawn l-arbli jinbidlu ma’ oħrajn ġodda?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.
Leg 12 PQ #1842 Sitting 25 2013-06-03 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu

Kunsilli Lokali – xogħlijiet fuq ġonna u spazji pubbliċi

Question

Jista' l- Ministru jagħti tagħrif dwar liema xogħlijiet saru mill-kunsilli lokali tas-7, 9, 11, u 12-il distrett elettorali fil-lokalitajiet rispettivi individwali, lokal, lokal, bejn Ġunju 2012 u Mejju 2013, fil-ġonna u spazji pubbliċi oħra li hemm f'kull waħda minn dawn il-lokalitajiet? Jista' jindika jekk dawn il-ġonna humiex pubbliċi jew privati? Min wettaq dan ix-xogħol u kemm kienet l-ispiża?

Response (VELLA, KARMENU)

Qiegħed inpoġġi l-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 12 PQ #1975 Sitting 25 2013-06-03 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MEPA – Skema ta’ Height Relaxation

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar fiex jikkonsistu l-bidliet tal-iskema ta’ height relaxation mill-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) għal-lukandi? Meta bdew id-diskussjonijiet dwar dawn il-bidliet u liema partijiet mill-proposti oriġinali ġew mibdula qabel tħabbru uffiċjalment? Lil min saru l-preżentazzjonijiet dwar dawn il-bidliet,u x'riservi kien hemm dwarhom?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Għan ewlieni ta’ din il-policy kien li jindirizza ċirkostanzi fejn lukandi li qegħdin f’żoni definiti bħala “Qualifying Tourism Areas (QTA)” Sezzjoni 2C, b’xi mod u f’parti mis-sit konċernat, ma jkunux jistgħu jilħqu l-għoli massimu tal-bini kif indikat fil-Pjan Lokali relevanti. Dan jista jiġri għal diversi raġunijiet bħal restrizzjonijiet minħabba skedar, tran¿izzjoni ta’ kundizzjonijiet fiż-zoning minn post għall-ieħor fis-sit, spazju żviluppabli li ma jkunx jista’ jinbena biex jinżammu standards tal-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu u ċirkostanzi restrittivi oħra. Għaldaqstant, din il-policy tintroduċi il-kunċett ta’ height limitation adjustment, li tirreferi għat-trasferiment ta’ spazju minn parti għall-oħra ta’ proġett fl-istess sit, possibilment permezz ta’ żieda limitata (sa massimu ta’ żewġ sulari addizzjonali) fuq il-height limitation massimu kif indikat fil-Pjan Lokali rispettiv. Għan ieħor tal-policy kien li jinħoloq bilanċ sostenibbli bejn il-ħtiġijiet tas-settur tal-lukandi u l-kuntest tal-madwar. L-oġġettivi tal- policy kienu maħruġa għall-proċess ta’ konsultazzjoni pubblika nhar it-12 t’Ottubru 2012. Dan l-eżerċizzju dam fis-seħħ gimgħatejn. Wara dan sar l-ewwel abbozz tal- policy li nħareġ għal darb’oħra għal proċess ta’ konsultazzjoni mal-pubbliku, din id-darba għal perjodu ta’ seba’ (7) gimgħat. Dan it-tieni proċess ta’ konsultazzjoni pubblika kien inbeda nhar is-16 ta’ Novembru 2012. Il-proċess ta’ konsultazzjoni mal-pubbliku kien jinkludi ukoll laqgħat ma’ diversi aġenziji, assoċjazzjonijiet u għaqdiet mhux governattivi. Dawn il-laqgħat saru kemm f’Malta u kemm f’Għawdex. Saru wkoll laqgħat ma individwi li urew interess fl-eżitu ta’ din il-policy. Wara t-tieni proċess ta’ konsultazzjoni pubblika il-MEPA irċeviet 28 sottomissjonijiet. Ir-rapprezentanti u partijiet interessati li kienu jinkludu fost l-oħrajn il-Kamra tal-Periti u Din l-Art Ħelwa, l-Awtorita Maltija għat-Turizmu (MTA) u l-Assocjazzjoni dwar il-Lukandi u r-Ristoranti (MHRA), il-Kamra tal-Kummerċ Għawdxija (GBC) u L-Assoċjazzjoni dwar it-Turiżmu għal-Għawdex (GTA). Il-punti ewlenin tqajjmu waqt il-proċess ta’ konsultazzjoni pubblika jistgħu prinċiparjament jinqasmu f’dawn il-kategoriji: - Punti dwar il- Qualifying Tourism Areas (QTAs). - Il-bżonn ta’ kmamar addizzjonali fil-lukandi u t-tħassib dwar l-u¿u fil-futur ta’ sulari miżjuda b’effett ta’ din il- policy , - Il-bżonn ta’ kjarifika meta tiġi applikata il- Hotel Height Limitation Adjustment u t-tħassib dwar l-impatt li ser jkollha fuq il-bini tal-madwar meta jkun hemmżieda fil-għoli tal-bini. - Konsiderazzjonijiet marbuta ma' Parkeġġ Is-sottomissjonijiet li saru kienu prinċiparjament fuq lati opposti tal-ispettru. Min-naħa kien hemm numru ta’ kontributuri xtaqu aktar flessibilta’ filwaqt li oħrajn xtaqu li jkun hemm aktar restrizzjonijiet. It-tibdiliet relevanti saru wara il-proċess ta’ konsultazzjoni pubblika u kienu jinkludu kjarifiki dwar il-kunċett tal-“ height limitation adjustment ”, u ż-żieda ta’ numru ta’ salvagwardji. Żewġ klawsoli oħra (klawsola H u J) kienu miżjuda mal-policy fis-sezzjoni 4.2 tad-dokument. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-emendi prinċipali u xi notamenti fuqhom.
Leg 12 PQ #2054 Sitting 25 2013-06-03 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għall-Finanzi

Statistika dwar il-proprjetà

Question

Billi l-istqarrija tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) tindika li l-prezzijiet tal-proprjetà f'Malta matul l-ewwel tliet xhur ta' din is-sena żdiedu b'iktar minn 3% ma tikkorrispondix mal-figuri li għandhom dawk il-persuni li għandhom proprjetà għall-bejgh, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kif l-Uffiċċju wasal għall-konkluzjonijiet tiegħu dwar dawn il-prezzijiet? Kemm kien in-numru ta' proprjetajiet li ttieħdu in konsiderazzjoni biex sar l-istudju msemmi, u ma’ liema tip ta' proprjetà tqabbel l-istess studju?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-indiċi tal-prezzijiet tal-proprjetà ilu jkun maħdum mill-2004 u l-metodoloġija baqgħet konsistenti. Fl-istudju jittieħdu tliet tipi ta' proprjetà: appartamenti, maisonettes u terraced houses. B'kollox f'kull kwart ta’ sena, il-kampjun ikun magħmul minn madwar elf osservazzjoni, bil-biċċa l-kbira jkunu prezzijiet ta’ appartamenti. Biex titnaqqas kemm jista' jkun il-volatilità ta’ dan il-kejl, jintuża l-prezz medjan (median) minflok il-prezz medju (average). Ir-raġuni hi li dan tal-aħħar għandu tendenza ikbar li jkun affetwat minn ċaqliq fil-prezzijiet ta' proprjetà. L-indiċi aggregat huwa stabbilit skont it-teknika tal-aġġustar (weighting) rigward it-tliet tipi ta' proprjeta' trattati fl-eżerċizzju. Is-sors tal-informazzjoni wżata fl-indiċi huwa l-prezzijiet tal-proprjetà (fejn jinvolvi t-tliet tipi msemmija) irrapurtati min-nutara fl-applikazzjoni biex ikun irreġistrat il-bejgħ tal-proprjetà mad-Dipartiment tat-Taxxa.
Leg 12 PQ #2055 Sitting 25 2013-06-03 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Natura 2000 — siti

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti taghrif dwar liema huma s-siti kollha li qegħdin taħt il-programm ta' Natura 2000? F'kull każ meta ġew dikjarati bħala siti Natura 2000? X'tip ta' restrizzjonijiet hemm imposti fuq dawn is-siti?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fil-g¿ejjer Maltin għandna 39 sit Natura 2000 li huma ta' żewg tipi. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Karma ż-żewg listi: a) Dawk iddikjarati bħala Siti ta' Importanza għall-Komunità ( Sites of Community Importance, SCIs ) permezz tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta’ Mejju 1992 dwar il-Konservazzjoni tal-Ambjenti Naturali u tal-Fawna u l-Flora Selvaġġa (il- Habitats Directive ). Dawn is-siti huma mniżżla fit-tabella bit-titlu Siti Natura 2000 - Siti ta' Importanza ghall-Komunità u tinkludi id-data ta' meta dawn is-siti ġew ippublikati l-ewwel darba bħala siti Natura 2000 u n-numru tad-Deċi¿joni tal-Kummissjoni li permezz tagħha dawn is-siti saru Natura 2000. B'kollox hemm 32 sit Natura 2000 ta' dan it-tip. b) Dawk iddikjarati bħala Siti ta' Protezzjoni Specjali ( Special Protection Areas, SPAs ) permezz tad-Direttiva tal-Kunsill 2009/147/KEE dwar il-Konservazzjoni tal-Għasafar Slavaġġ. Dawn is-siti huma mniżżla fi t-tabella bit-titlu Siti Natura 2000 - Siti ta' Protezzjoni Spe ċ jali u tinkludi d-data ta' meta ġew ippreżentati lill-Kummissjoni u aċċettati bħala siti Natura 2000. B'kollox hemm13-il sit Natura 2000 ta' dan it-tip. Hemm sitt siti li huma kemm Siti ta' Importanza għall-Komunità kif ukoll Siti ta' Protezzjoni Speċjali, u b'hekk imniżżlin fiż-żewġ listi. Is-siti Natura 2000 jinkludu siti fuq l-art kif ukoll fil-baħar. Fil-fatt, għal Malta s-siti li jissejħu bir-referenza " Marine Conservation Areas " huma s-siti Natura 2000 fil-baħar. Ir-restrizzjonijiet legali imposti fuq siti Natura 2000 huma miġbura f'Artikli 2.2, 4.4 u 6 tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE, u dawn huma: Artiklu 2.2 Il-miżuri meħ uda skont din id-Direttiva jkunu ddisinjati bie x i żommu jew jirripristinaw, fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, l-habitat naturali u l-ispeċi tal-fawna u l-flora selvaġġa li huma ta’interess għall-Komunità. Artiklu 4.4 Ladarba Sit ta’ Importanza għall-Komunità jkun adottat, l-Istat Membru konċernat irid jinnomina dak is-sit bħala żona Speċj ali ta’ Konservazzjoni kemm jista’ jkun malajr u f’mhux aktar minn sitt snin ¿ mien, u jistabilixxi prijoritajie t skont l-importanza tas-siti għa¿-¿ amma jew ir-ripristinar, fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, ta’ tip ta’ habitat naturali fl-Anness I jew speċi fl-Anness II u għall-koerenza ta’ Natura 2000, u fl-isfond tat-theddid ta’ degradazzjoni jew qerda li jkunu esposti għaliha dawk is-siti. Artiklu 6 6.1 Għa l ¯oni Speċ jali ta’ Konservazzjoni, l-Ist ati Membri għandhom jistabilixxu l-mi żuri ta’ konservazzjoni me ħtieġa li jinkludu, jekk hemm b¿ onn, pjanijiet ta ’ tmexxija xierqa disinjati speċifikament għas-siti jew imdaħħla fil-pjanijiet ta’ ¿vilupp oħ ra , u mi¿ uri xierqa statutorji, amministrattivi jew kuntrattwali li jaqblu mal-ħtiġiet ekologiċi tat-tipi ta’ habitat naturali fl-Anness I u l-ispeci fl-Anness II li hemm fis-siti. 6.2 L-Istati Membri għandhom jieħdu l-mi¿uri xierqa biex jevitaw, fi ż- żoni Speċ jali ta’ Konservazzjoni, id-deterjorament ta’ l-habitat naturali u l-habitat ta’ l-ispeċi kif ukoll t-tfixkil tal-ispeċi li għalihom ġew nominati ¿-¿ oni, safejn dak it-tfixkil jista’ jkun sinifikanti meta jitqies skont l-għanjiet ta’ din id-Direttiva. 6.3 Kull pjan jew proġett li mhux marbut direttam ent ma’ jew li ma hux meħtieġ għat-tmexxija tas-sit i żda li x’aktarx se jkollu effett sinifikanti fuqu, jew b’mod individwali jew inkella flimkien ma’ xi pjanijiet jew proġetti oħra, għandu jkun suġġett għal evalwazzjoni xierqa ta’ l-implikazzjonijiet tiegħu għas-sit in vista tal-għanjiet ta’ konservazzj oni tas-sit. Fl-isfond tar-ri żultati tal-evalwazzjoni tal-implikazzjonijiet g ħas-sit u skont id-dispo¿ izzjonijiet tal-paragrafu 4, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jaqblu dwar il-pjan jew il-pro ġett biss wara li jkunu ¿guraw li dan ma jaffettwax ħażin l-integrit à tas-sit konċernat u, jekk xieraq, wara li jkunu raw l-opinjoni tal-pubbliku generali. 6.4 Jekk, minkejja li jkun hemm evalwazzjoni negattiva tal-implikazzjonijiet għas-sit u fin-nuqqas ta’ soluzzjonijiet oħra, pjan jew proġett irid isir xorta waħda għal raġunijiet obbligatorji oħra li huma konness i mal-interess pubbliku, inklu¿ i dawk ta’ tip soċjali jew eko nomiku, l-Istat Membru irid jieħu l-miżuri kollha kumpensatorji meħtieġa biex ji żgura li tkun protetta l-koerenza globali ta’ Natura 2000. Hu jrid jgħarra f lill-Kummissjoni dwar il-mi¿ uri kumpensatorji adottati. Meta s-sit konċernat jospita tip ta’ habitat naturali ta’ prijorità u/jew speċi ta’ prijorità, l-uniċi kunsiderazzjonijiet li jistgħu jitqajmu huma dawk marbuta ma’ saħħet il-bniedem jew is-sigurtà pubblika, dawk li għandhom konsegwenzi ta’ benefiċċju u ta’ importanza ewlenija għall-ambjent jew, wara opinjoni mill-Kummissjoni, ma raġunijiet obbligatorji oħra ta’ interess pubbliku li jieħu l-preċedenza.
Leg 12 PQ #2056 Sitting 25 2013-06-03 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Marine Conservation Areas

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar liema huma s-siti li huma dikjarati bħala marine conservation areas f'Malta u f'Għawdex? F'kull każ meta ġew dikjarati bħala conservation areas u x'restrizzjonijiet hemm fuq dawn is-siti?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Nirreferi l-Onorevoli Ċensu Galea għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari 2055.

Il-Manikata — Park tat-Tramuntana

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema bidliet seħħew wara l-elezzjoni għal dak li jikkonċerna l-amministrazzjoni tal-Park tat-Tramuntana fil-Manikata? Kemm hu l-ispazju tal-art agrikola li jifforma parti minn dan l-istess park?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li ma seħħ l-ebda tibdil fl-amministrazzjoni tal-Park tat-Tramuntana minn wara l-Elezzjoni Ġenerali 'l hawn. L-ispazju tal-art agrikola huwa l-istess kif kien qabel u ninsab informat li jkopri medda ta’ 166,032 metri kwadri.
Leg 12 PQ #2178 Sitting 25 2013-06-03 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu

Kunsilli Lokali – xogħlijiet fuq ġonna u spazji pubbliċi

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 1842, u jagħti tagħrif dwar liema xogħlijiet saru mill-kunsilli lokali tas-7, 9, 11, u 12-il distrett elettorali fil-lokalitajiet rispettivi individwali, lokal, lokal, bejn Ġunju 2012 u Mejju 2013, fil-ġonna u spazji pubbliċi oħra li hemm f'kull waħda minn dawn il-lokalitajiet? Jista' jindika jekk dawn il-ġonna humiex pubbliċi jew privati? Min wettaq dan ix-xogħol u kemm kienet l-ispiża?

Response (VELLA, KARMENU)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba tal-Mistqosija Parlamentari Numru 1842.

TRASPORT PUBBLIKU — bendy buses

Question

Billi riċentement saru diversi dikjarazzjonijiet dwar it-tneħħija tal-bendy buses minn fuq ċerti rotot tat-trasport pubbliku, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema mir-rotot eżistenti hu mistenni li jiġu affettwati b'dawn id-deċiżjonijiet? Meta mistenni jidħol fis-seħħ it-tibdil indikat?

Response (MIZZI, JOE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 1239, u ċioe` li d-deċiżjoni fir-rigward ta’ liema rotot, kif ukoll iż-żmien meta sejrin jitneħħew il-bendy buses għadha fil-proċess li tittieħed wara li issir analiżi kompleta u dettaljata tas-suġġerimenti u l-ilmenti illi tressqu lil Transport Malta permezz tal-konsultazzjoni pubblika, kif ukoll minn laqgħat mal-Kunsilli Lokali .

TRANSPORT MALTA – REĠISTRAZZJONI TA’ VETTURI

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar in-numru ta' vetturi, kemm ġodda kif ukoll second hand, separatament, li ġew reġistrati ma' Transport Malta, kull xahar bejn Jannar 2008 u Diċembru 2011? Kemm minn dawn il-vetturi huma intitolati li jingħataw lura rifużjoni, kif propost mill-gvern preżenti?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li n-numru ta' vetturi, kemm ġodda kif ukoll second hand, li ġew reġistrati ma' Transport Malta, kull xahar bejn Jannar 2008 u Diċembru 2011 qegħdin jidhru fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra.. Dwar it-tieni parti tal-mistoqsija nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba għall-mistoqsija 1946.

REĠISTRAZZJONI TA’ VETTURI — RIFUŻJONIJIET

Question

Billi saru diversi dikjarazzjonijiet pubbliċi dwar il-fatt li dawk li xtraw vetturi kienu se jingħataw lura l-ħlas imsejjaħ żejjed li kienu ħallsu meta rreġistraw il-vettura tagħhom, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar in-numru ta’ persuni li rreġistraw il-vetturi tagħhom fiż-żmien imsemmi u li huma intitolati li jieħdu rifużjoni ta' dak li tħallas żejjed?

Response (MIZZI, JOE)

Il-flus imħallsa f’VAT fuq it-taxxa tar-reġistrazzjoni tal-karozzi huma flus imċaħħda lill-Maltin u lill-Għawdxin. L-impenn tal-Gvern għadu dak li l-konsumaturi milquta jingħataw rimedju. Il-Gvern bħalissa għaddej b’xogħol tekniku biex iżomm dan l-impenn.