Legislature:
Category:
Reset
Active:

Università — studenti

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta’ studenti, lokalità lokalità li qed jattendu xi kors fl-Università, għal kull waħda mil-lokalitjiet tas-7 u t-12 il-distrett elettorali?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra żewġ tabelli li juru n-numri ta' studenti, lokalità lokalità, li qed jattendu xi kors fl-Università għal kull waħda mil-lokalitajiet tas-7 u t-12 il-distrett elettorali. Peress li t-12-il distrett elettorali ma jinkludix il-lokalità tan-Naxxar kollu, wieħed irid jirrimarka li l-lista għall-istudenti minn dan id-distrett elettorali tinkludi studenti mil-lokalità tan-Naxxar kollu.

ITS — korsijiet

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta’ studenti li jattendu korsijiet f’xi dixxiplina marbuta mat-turiżmu fl-Istitut għall-Istudji Turistiċi (ITS)? Liema korsijiet qed jattendu, u minn liema lokalitajiet ġejjin?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru konċernat, il-Ministru għat-Turiżmu.
Leg 12 PQ #2794 Sitting 30 2013-06-12 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Lukanda Selmun Palace

Question

B’referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 2621 u 2326, jista’ l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar jekk is-Selmun Palace Hotel irritornatx fuq il-kotba tad-Dipartiment tal-Artijiet inkella le, u jekk hemmx xi pjan partikolari biex dan l-ispazju mibni jiġi użat b’xi mod matul is-snin li ġejjin?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi s-Selmun Palace Hotel għadha f’idejn il-Kumpanija li hija ċenswalista ta’ din il-proprjetà.
Leg 12 PQ #2795 Sitting 30 2013-06-12 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu

Kunsilli Lokali – xogħlijiet fuq ġonna u spazji pubbliċi

Question

B’referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 1842 u 2620, jista’ l-Ministru jinvestiga jekk il-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar wettaqx xogħol ieħor ta’ infrastruttura f’ġonna jew spazji pubbliċi oħra u li jidhru fir-risposti tal-mistoqsijiet parlamentari indikati? B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 2620, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk ix-xogħol imsemmi fir-risposta sarx għall-ewwel darba, inkella ilu jsir bl-istess mod għal diversi snin?

Response (VELLA, KARMENU)

Infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar li x-xogħol in kwistjoni kien u għadu jsir hekk annwalment. Dan il-proċess ilu jsir sa minn mindu tlesta l-proġett ta’ tisbiħ ta’ Buġibba u l-Qawra.

Akwakultura – stabbilimenti ġodda

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 2432, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar f’liema nħawi qed jiġu proposti l-applikazzjonijiet li hemm referenza għalihom fir-risposta? Jista’ jindika jekk dawn l-applikazzjonijiet/ittri sarux minn Maltin inkella minn barranin, u meta saru? X’inhi l-proċedura li qed tintuża biex jiġu approvati/rifjutati tali applikazzjonijiet u minn min?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li għad trid titlesta l-istrateġija tal-akwakultura ta’ Malta. L-ittri saru minn Maltin u intbagħtu f’Jannar u Lulju 2012 mingħajr ma ndikaw l-ebda żona partikiolari. Ser ikun hemm bżonn li jsiru studji meħtieġa b’konsultazzjoni tal-istakeholders kollha sabiex jiġi deċiż liema żona tista’ tintuża għall-akwakultura.
Leg 12 PQ #2624 Sitting 29 2013-06-11 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Is-Selmun — Fortizza Campbell

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar jekk l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) fasslitx, jew qiegħda tfassal xi pjan partikulari għal dak li jikkonċerna żvilupp f'dik li qabel kienet il-Fortizza Campbell, fis-Selmun, fl-inħawi tal-Mellieħa?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorita' ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar ma ppreparatx xi pjan għas-sit tal-Fortizza Campbell, f'Selmun. Madanakollu l-Pjan Lokali tal-Majjistral jagħti ħjiel tal-użu li jista jiġi kkunsidrat għal din il-Fortizza permezz tal-policy NWML 20 u li huma - akkommodazzjoni turistika, Istitut tar-Riċerka, Dar għar-rijabilitazzjoni ta' persuni li jkunu għamlu operazzjoni (Nursing home) jew xi użu komunitarju ieħor.

San Pawl il-Baħar, Qawra, Mellieħa — għases tal-pulizija

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk hux mistenni li jkun hemm żieda fin-numru ta' pulizija li jaqdu d-doveri tagħhom fl-għassa tal-Qawra, ta' San Pawl il-Baħar u f'dik tal-Mellieħa, matul ix-xhut tas-sajf li ġej? Kemm pulizija ġew trasferiti minn dawn l-għases u lejhom, matul l-ewwel ħames xhur ta' din is-sena?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Kif ġa għidt fit-tweġiba għall-mistosija parlamentari 1189, matul is-sajf il-Pulizija se ssaħħaħ il-preżenza tagħha fil-lokalitajiet imsemmija mill-Onorevoli Interpellant. Għal kuntrarju, dawn il-membri tal-Korp mhux ser ikunu ġewwa l-Għases, imma fuq ronda fit-toroq u fuq ix-xtajtiet u jiġu hekk assenjati minn Taqsimiet oħra tal-Korp. Infurmat ukoll illi bejn Jannar u Mejju ta’ din is-sena kien hemm 20 membru tal-Korp li ġie assenjat xogħol fil-lokalitajiet imsemmija mill-Onorevoli Interpellant, filwaqt li kien hemm 16-il membru tal-Korp li ġew assenjanti xogħol f’lokalitajiet oħra. Għandu jingħad ukoll li, għall-ewwel darba ġie assenjat Supretendent, bl-uffiċċju fl-Għassa tal-Qawra, sabiex ikun hemm kordinament aħjar fix-xogħol tal-Pulizija f’dawn l-istess lokalitajiet.

San Pawl il-Baħar – xogħlijiet fuq ġonna/spazji pubbliċi

Question

Billi fir-risposta għall-mistoqsija parlamentari 1842 intqal li ħaddiema tal-ministeru wettqu xogħol fuq ġonna/spazji pubbliċi fl-inħawi ta’ San Pawl il-Baħar, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema kienu x-xogħlijiet li saru f’din il-lokalità mill-ħaddiema tal-ministeru? Jista’ jagħti tagħrif dwar liema kienu l-inħawi li fihom saru dawn ix-xogħlijiet? Kemm ġew jiswew dawn ix-xogħlijiet?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat li saru dawn ix-xogħlijiet mill-ħaddiema tal-Ministeru fl-inħawi ta’ San Pawl il-Baħar: Xemxija promenade : Żebgħa ta’ railings u ta’ benches tal-injam Ta’ l’Ghasselin : Żebgha ta’ railings u ta’ benches tal-injam Dawret il-Gżejjer : Żebgha ta’ concrete bolards u żebgħa ta’ railings Pjazza ta’ Bugibba : Xogħlijiet ta’ manutenzjoni fil-paviment Twaħħil ta’ gradilji ta’ culverts Kisi u tibjid tal-kolonni tal-istruttura tal-injam Żebgħa tax- shed tal-injam Area vicin il-Fun Park : Art tal-konkos quddiem il- garages ta’ viċin Xogħlijiet ta’ tiswija fil-Fun Park Area ta-‘Dolmen’ : Żebgħa ta’ railings u ta’ benches tal-injam Żebgħa ta’ concrete bolards Sa l-ahhar tlett snin il costings globali ta’ dawn ix-xogholijiet huma: Sena 2011 EUR 73, 454.88 Materjal, Labour u Makkinarju Sena 2012 EUR 38,782.15 Materjal, Labour u Makkinarju Sena 2013 EUR 48,492.72 Materjal, Labour u Makkinarju (sa issa) TOTALI EUR 160,729.75

Kunsilli lokali – laqgħat dwar it-trasport pubbliku

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kienu l-laqgħat li saru mal-kunsilli lokali għal dak li jikkonċerna r-riforma tat-trasport pubbliku, u ma’ liema kunsilli saru dawn il-laqgħat? X’ħareġ minn dawn il-laqgħat? Jista’ jagħti tagħrif dwar liema kunsilli lokali wasslu s-suġġerimenti tagħhom? Jista’ jagħti dettalji ta’ x’kienu dawn is-suġġerimenti mill-kunsilli lokali differenti?

Response (MIZZI, JOE)

Ngharraf lill-Onor. Interpellant li l-Onor. Joe Mizzi ltaqa’ mal-Kunsilli Lokali kollha ta’ Malta, inkluż dawk Għawdxin u matul dawn il-laqgħat, saret konsultazzjoni dwar il-materji kollha li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu. Dwar dak li jikkonċerna r-riforma tat-trasport pubbliku, ħareġ ċar li minkejja li r-riforma kienet meħtieġa, inħolqu aspettattivi għoljin ħafna, saru ħafna żbalji u r-riforma ġiet implimentata b’mod mgħaġġla wisq, tant li din ma ħallietx ir-rizultat mixtieq mill-poplu u l-poplu għadu jbghati l-konsegwenzi sal-lum. Kienu l-Kunsilli Lokali kollha li wasslu s-suġġerimenti tagħhom dwar kif is-servizz jista’ jitjieb, fosthom biex il-karozzi tal-linja jkunu aktar frekwenti, biex iżommu l-ħin u biex ikun hemm servizz aħjar lejn l-Isptar Mater Dei u biex ikun servizz li jaqdi aħjar lill-anzjani.

Bejgħ ta’ siġar tal-frott

Question

Jista’ l-Ministru jagħti dettalji dwar liema tipi ta’siġar tal-frott inbiegħu din is-sena mid-dipartimenti li jaqgħu taħt il-ministeru? Kemm kien in-numru ta’ siġar ta’ kull tip li nbiegħu lil dawk li applikaw għalihom?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li s-siġar tal-frott jinbiegħu biss mill-Mixtla ta’ San Vinċenż de Paule fi ħdan id-Direttorat tal-Agrikoltura. Bejn Ottubru 2012 u Mejju 2013, is-sena ta’ bejgħ ta’ dawn is-siġar, inbiegħu l-ispeċi u ammonti ta’ siġar tal-frott li jidhru fit-Tabella mehmuża li qiegħda titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Pitkalija – preżenza tal-pulizija

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar min qed jassigura li tinżamm l-ordni fid-daħla tal-pitkalija f’Ta Qali? Jista’ jikkonferma li l-pulizija li kienu jagħmlu għassa max-xatba tal-pitkalija m’għadhomx jagħtu s-servizz tagħhom hemmhekk?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li n-nies tas-sigurtà, li huma mpjegati tal-Gvern, jagħmlu għassa max-xatba tal-pitkalija. Ninsab infurmat ukoll illi qegħdin isiru arranġamenti biex jerġa jibda jkun hemm stazzjonat pulizija għassa max-xatba tal-pitkalija.

Akwakultura – stabbilimenti ġodda

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Ministeru, jew id-dipartimenti li jaqgħu taħtu hux qed jikkunsidraw xi applikazzjonijiet partikulari għal dak li jirrigwarda stabilimenti ġodda ta' akwakultura?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi nisab infurmat li kien hemm żewġ applikanti li bagħtu ittra ta’ applikazzjoni għall-farm b’gaġeġ ġol-baħar.

ċentru tal-akwakultura – esperimenti

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema speċi ta' ħut qed isiru esperimenti fuqhom fiċ-ċentru tal-akwakultura fit-Torri ta' San Luċjan, jew xi mkien ieħor? Kemm ilhom sejrin dawn l-esperimenti għal kull speċi ta' ħut partikolari? X'riżultati nkisbu sa issa minn dawn l-esperimenti li kienu għaddejjin?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li fiċ-Ċentru tal-Akwakultura fit-Torri ta’ San Luċjan isiru esperimenti fuq t-tfaqqis tal-aċċjol, tat-tonn, tal-gurbell, tas-sargi, tar-rizzi, taċ-ċeren u speċji ta’ shark. L-esperimenti nbdew mill-2005 u jvarjaw minn speċi għal oħra. Ir-riżultati huma li qegħdin nipproduċu bajd u friegħ biex ikollna sistemi integrati tal-akwakultura.
Leg 12 PQ #2620 Sitting 28 2013-06-10 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu

Kunsilli Lokali – xogħlijiet fuq ġonna u spazji pubbliċi

Question

B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 1842, fejn fit-tabella ta' xogħlijiet li saru hemm miktub li ħaddiema tal-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura għamlu xi xogħlijiet jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk dan jgħoddx biss għall-Kunsill Lokali ta' San Pawl il-Baħar jew inkella għall-kunsilli lokali kollha? F'kull każ jista' jagħti tagħrif dwar fiex kien jikkonsisti x-xogħol li sar mill-ħaddiema msemmija, fejn sar u kemm ġie jiswa dan l-istess xogħol? Min se jħallas għal dan ix-xogħol?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li saru biss xogħlijiet mill-ħaddiema tal-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura fiż-żona turistika ta’ San Pawl il-Baħar matul ix-xatt. Ix-xogħol imsemmi li kien jikkonsisti f’railings u pavimentar ġie jiswa €11,000. Il-Ministeru kopra l-ispejjeż tal-ħaddiema (labour costs) waqt li l-Kunsill ħareġ l-ispejjeż tax-xiri taż-żebgħa.
Leg 12 PQ #2621 Sitting 28 2013-06-10 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu

Lukanda Selmun Palace

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar il-pjanijiet tal-Gvern għal dik li kienet il-lukanda Selmun Palace?

Response (VELLA, KARMENU)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 2326.

Serer

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' bdiewa li huma reġistrati li għandhom serer madwar Malta u Għawdex? Kemm hi l-art li tintuża għall-iskop ta' tkabbir ta' prodotti agrikoli fis-serer?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li skont l-aħħar ċensiment tal-biedja li sar fl-2010, l-informazzjoni mitluba hi: - Numru ta’ bdiewa reġistrati li għandhom serer madwar Malta u Għawdex – 256. - L-art li tintuża għall-iskop ta' tkabbir ta' prodotti agrikoli fis-serer – 79.8 etteru.

Għelieqi għat-tkabbir tad-dwieli

Question

Jista' l-Minsitru jagħti tagħrif dwar kemm hi l-art agrikola li hi reġistrata bħala li qed tintuża għat-tkabbir tad-dwieli? F'liema nħawi tinsab din l-art, u jekk hemm l-informazzjoni, f'liema lokalitajiet, lokalità lokalità, hemm dawn l-għelieqi reġistrati għal dan l-iskop?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat illi l-art li qed tintuża għatt-tkattir tad-dwieli hi ta 683.8 etteru. Ma tinżammx rekord tal-lokalitajiet, lokal lokal, li fihom jitkattru dawn id-dwieli.
Leg 12 PQ #2325 Sitting 27 2013-06-05 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu

San Pawl il-Baħar – Torri ta’ Wignacourt — tiswija

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta hu mistenni li jinbeda x-xogħol ta' restawr fuq it-Torri ta' Wignacourt f'San Pawl il-Baħar?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi s-sejħa għall-offerti għar-Restawr tat-Torri ta’ Wignacourt flimkien mal-beach gun post li nstab matul ix-xogħlijiet fuq il-promenade giet ippubblikata fil-21 ta’ Mejju 2013 u tagħlaq fis-16 ta’ Lulju. Huwa maħsub li sabiex ma jinħoloqx inkonvenjent matul is-sajf, ix-xogħol ta’ restawr ma jibdiex qabel l-aħħar ta’ Settembru.
Leg 12 PQ #2326 Sitting 27 2013-06-05 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu

Lukanda Selmun Palace

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Gvern hux se jerġa' jibda juża l-lukanda Selmun Palace għal skop ta' turiżmu? Jekk iva, min hu mistenni li jibda jopera din il-lukanda u meta?

Response (VELLA, KARMENU)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi l-Mistoqsija lill-Ministeru konċernat.

Trasport Pubbliku — Tibdil ta’ rotot

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema rotot tal-karozzi tal-linja mistennija jinbidlu in konnessjoni mal-lokalitajiet ta' San Pawl il-Baħar u l-Mellieħa? Meta mistennija li jidħlu fis-seħħ dawn il-bidliet?

Response (MIZZI, JOE)

Transport Malta qiegħda fi stadju ta’ tħejjija tar-rotot inklużi dawk konnessi ma’ San Pawl il-Baħar u l-Mellieħa, fejn f’ kull każ qed tieħu inkonsiderazzjoni tas-suġġerimenti tal-pubbliku in ġenerali u tal-Kunsilli Lokali. Wara li jiġu konklużi diskussjonijiet ma’ l-Arriva, isiru laqgħat mal-Kunsilli Lokali qabel ma t-tibdil jidħol fis-seħħ. Dan il-proċess se jsir gradwalment.