Legislature:
Category:
Reset
Active:

Organizzazzjonijiet rikonoxxuti bħala rappreżentanti tal-bdiewa, raħħala u sajjieda

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema huma l-organizazzjonijiet li huma rikonoxxuti bħala rappreżentanti tal-bdiewa, raħħala u sajjieda, mill-Ministeru? Kemm-il laqgħa saret s’ issa ma’ dawn l-organizazzjonijiet individwalment mill-elezzjoni ‘l hawn, kemm ilu li ġie ffurmat il-Gvern il-ġdid?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li l-Ministeru jirikonoxxi u lest li jiltaqa ma’ kull organizazzjoni jew kull grupp ta’ persuni bona fede li jirappreżentaw lill-bdiewa, raħħala u sajjieda. Ninsab infurmat ukoll li s’issa, kemm ilu li ġie ffurmat il-Gvern il-ġdid, il-Ministeru ltaqa ma’ numru ta’ għaqdiet kif elenkat fit-Tabella mehmuża li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

San Pawl il-Baħar – pjanti ġodda għal toroq

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-pjanti ġodda (jew mibdula) li ġew sottomessi għal dak li jirrigwarda t-triq li minn St Andrew's twassal għal San Pawl il-Baħar (coast road)? X'tip ta' konsultazzjoni ġdida se ssir biex jiġi diskuss l-effett li se jirriżulta mill-bidliet li qed jiġu proposti?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-uniċi tibdiliet fil-pjanti approvati tat-triq tal-Coast Road huma dawk imposti bħala reserved matters u kundizzjonijiet għall-permess approvat tal-MEPA. Sal-lum, waħda minn dawn il-bidliet ġiet sottomessa lill-MEPA, u dan id-disinn rivedut qed jitpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra. Id-dettalji addizzjonali, hekk kif meħtieġ mil-bqija tar-reserved matters u kundizzjonijiet tal-MEPA, bħalissa qegħdin jiġu ddisinjati. Meta l-pjanti sottomessi jkunu riveduti mill-MEPA, jiġi imniedi proċess ta' konsultazzjoni pubblika mill-MEPA stess, u dan qabel il-permess ikun jista’ jiġi approvat mill-MEPA.
Leg 12 PQ #3302 Sitting 43 2013-07-01 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għas-Saħħa

Ambulanzi fil-bajjiet

Question

Jista' l- Ministru jagħti tagħrif dwar jekk hux mistenni li jibdew jitpoġġew ambulanzi qrib l-iktar bajjiet popolari li għandna f'pajjiżna matul ix-xhur tas-sajf, peress li fl-iktar bajjiet popolari spiss jinqalgħu inċidenti li jkollhom bżonn ta' ambulanza biex persuni li jweġġgħu jkunu jistgħu jittieħdu lejn l-isptar, jew poliklinika, fl-iqsar ħin possibbli?

Response (FARRUGIA, GODFREY)

Ninsab infurmat li qatt ma kienet prassi li fis-sajf jitpoġġew ambulanzi qrib l-iktar bajjiet popolari. Dan għaliex m’hemmx evidenza biżżejjed li tiġġustifika l-użu ta’ dan ir-rizorż importanti b’dan il-mod. Barra minn hekk kuljum u s-sena kollha hemm ambulanza stazzjonata maċ-ċentri tas-saħħa tal-Mosta li taqdi in-naħa ta’ fuq ta’ Malta inklużi il-bajjiet f’dawn il-lokalitajiet.

Pannelli – ħlas dovut

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kif qed jitħallsu l-ħlas dovut lilhom dawk il-persuni li wara li jinstallaw il-pannelli, minflok ikollhom iħallsu l-kont tad-dawl, ikollhom ħlas dovut lilhom? Kull kemm żmien qed joħroġ dan il-ħlas u kif jista’ persuna hekk intitolata għall-ħlas japplika għal dan il-ħlas?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li skont ir-regulazzjonijiet tal-2010 (subsidiary legislation 423.46) li hija fuq feed tarrifs ġġenerati mill-fotovoltaici, ssemmi r-refunds fi klawzola 8. Fuq stallazzjonijiet ta' Kapaċità taħt 100kWp, persuni li jkollhom ħlas dovut lilhom, jistgħu jibagħtu korrispondenza bil-miktub lill-ARMS Ltd biex jingħataw l-kreditu dovut lilhom fuq il-kont permezz ta' cheque jew inkella l-kreditu jista' jiġi trasferit fuq kont ieħor. Dan il-kreditu jista' jintalab lura wara erbgha billing periods. Bħalissa billing period wieħed għall-kontijiet fotovoltaiċi hu ta' sitt xhur. Għal ċirkustanzi speċjali, jiġi kkunsidrat set off waqt l-ewwel erbgħa billing periods. Fuq stallazzjonijiet ta' kapaċità akbar minn 100kWp, dawn jidħlu f'arranġament mal-Enemalta għal set off jew pagamenti tal-kreditu.

Il-Mellieħa – xogħlijiet fuq toroq

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta u minn min hu mistenni li jsir ix-xogħol meħtieġ fi: a) Triq il-Wied ta’ Ruman b) Triq Għarukaza u toroq oħra fl-inħawi tal-Mellieħa?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li x-xogħol ta’ ffurmar ta’ Triq il-Wied ta’ Ruman sar min-naħa tal-iżviluppatur skont l-obbligi legali tiegħu. L-asfaltar ta’ parti ta’ din it-triq li qatt ma saret, taqa’ taħt ir-responsabbiltà ta’ Transport Malta. Ix-xogħol ta’ bini mill-ġdid tal-parti ffurmata ta’ Triq Għar u Casa sar min-naħa ta’ Transport Malta s-sena l-oħra. Il-parti l-oħra ta’ din it-triq għadha ma ġietx ffurmata minn min kellu l-obbligu legali li jiffurmaha. L-iżviluppaturi ta’ din it-triq ma wettqux l-obbligi legali tagħhom u għalhekk din it-triq għadha taħt ir-responsabbilta’ tagħhom. It-toroq residenzjali l-oħra li ser jiġu mibnija mill-ġdid, u li jagħmlu parti mill-programm tax-xogħlijiet li għaddej bħalissa huma elenkati hawn taħt: 1. Bħalissa għaddej ix-xogħol fi Triq bejn Triq il-Mellieħa u Triq Dun Manwel Grima, Mellieħa. 2. Ix-xogħol ta’ kostruzzjoni fi Triq it-Trill qiegħed fil-pjan kurrenti ta’ Transport Malta. Fill-fatt, bħalissa għaddej ix-xogħol fuq din it-triq u għandu jitlesta fil-futur qarib. 3. Ix-xogħol fi Triq il-Qasab ġie aġġudikat u għandu jinbeda fil-ġimgħat li ġejjin. 4. Bħalissa qed isir ix-xogħol preparatorju ta’ Triq il-Qortin sabiex tinħareġ sejħa għall-offerti. Sakemm ma jinstabux problemi li l-Awtorita’ ma tkunx tista’ ssolvi u sakemm l-obbligi kollha tal-iżvilipputari huma mwettqa, huwa ppjanat li tinħareġ is-sejħa għall-offerti f’ Settembru sabiex x-xogħol ikun jista’ jinbeda lejn l-aħħar ta’ din is-sena. Il-Ministeru tiegħi, wara konsultazzjoni mal-Kunsilli Lokali, qed jippjana il-programm tax-xogħlijiet li jmiss.

Pitkalija – ħruġ ta’ kaxxi ġodda

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta nħarġu l-aħħar kaxxi ġodda li jintużaw fil-Pitkalija? Kemm kien l-ammont ta' kaxxi li nħarġu? Meta hu mistenni li joħorġu iktar kaxxi ġodda u kemm se jkun in-numru tagħhom? Kif se jiġi assigurat li l-bdiewa ma jkollhomx jistennew għal ħin twil biex jieħdu l-kaxxi li jkollhom bżonn għall-użu tagħhom?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li fis-7 ta’ Lulju 2012 kienu nħarġu 19,000 kaxxa. Ninsab infurmat ukoll li għada kemm għalqet tender fejn qed jiġi stmat li ħa jinxtraw kważi 21,000 kaxxa. Sadanitant inxtraw numru ta’ kaxxi sabiex il-bdiewa ma jkollomx jistennew ħafna.

Bdiewa – rifużjoni tal-bolla tas-sigurtà nazzjonali

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' bdiewa li huma intitolati li jieħdu lura nofs il-ħlas tal-bolla tas-sigurtà nazzjonali? Meta l-aħħar li tħallsu dan l-ammont, u meta hu mistenni li jitħallsu dak li għadu dovut jekk hemm ħlasijiet dovuti?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-mistoqsija għanda tiġi riferuta lill-Ministru kkonċernat.
Leg 12 PQ #3179 Sitting 39 2013-06-26 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Bdiewa – raba’ miktuba fuq isimhom

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar jekk l-iskema li permezz tagħha bdiewa full-time kien se jkollhom il-possibbiltà li jiddawwar fuq isimhom raba’ tal-Gvern li huma qed jaħdmu li għadu mhux maqlub fuq isimhom, kif kien deċiż permezz ta' liġi li għaddiet mill-Parlament qabel l-aħħar elezzjoni?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

L-iskema li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant kienet imnedija qabel l-elezzjoni mill-Ministeru tar-Riżorsi u Affarijiet Rurali wara li f’Diċembru 2012, daħħlu fis-seħħ l-emendi li saru fl-Att li jirregola t-Trasferiment ta’ Artijiet tal-Gvern (Kapitlu 268) tal-Liġijiet ta’ Malta. L-istess Ministeru kellu wkoll jilqa’ l-applikazzjonijiet u jipproċessa dawn it-talbiet qabel ma jgħaddu lid-Dipartiment Proprjetà tal-Gvern biex isir ir-rikonoxximent tal-bdiewa. Peress li minn meta tħabbret din l-iskema, id-Dipartiment ma rċieva l-ebda talba għar-rikonoxximent taħt din l-iskema, nitlob lill-Onor. Membru sabiex iressaq id-domanda tiegħu lill-Ministru konċernat.

Il-Mellieħa – Triq it-Trill — xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk Triq it-Trill fil-Mellieħa hix fil-pjani ta' Transport Malta biex issir fil-futur qarib? Jekk le meta hu mistenni li jsir ix-xogħol neċessarju fuq l-istess triq?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li x-xogħol ta’ kostruzzjoni fi Triq it-Trill, Mellieħa qieghed fil-pjan kurrenti ta’ Transport Malta. Fill-fatt, bħalissa għaddej ix-xogħol fuq din it-triq u għandu jitlesta fil-futur qarib.
Leg 12 PQ #3018 Sitting 35 2013-06-25 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu

Kunsilli lokali – direct orders

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' direct orders li ngħataw minn kull wieħed mill-kunsilli lokali tat-12-il distrett elettorali matul l-aħħar sitt xhur? Kemm kien il-valur ta' kull waħda minn dawn id-direct orders u lil min ngħataw? X'tip ta' xogħol kien involut f'dawn id-direct orders?

Response (VELLA, KARMENU)

Qed inpoġġi l-informazzjoni mitluba, skont kif miġbura mingħand il-kunsilli lokali rispettivi, fuq il-Mejda tal-Kamra.

San Pawl il-Baħar – servizz tat-trasport pubbliku

Question

Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex jassigura li matul ix-xhur tas-sajf (iktar milli fix-xhur tax-xitwa, għalkemm spiss jiġri li jkun hemm bżonn ukoll fix-xitwa), ikun hemm żieda fis-servizz ta' trasport pubbliku f'San Pawl il-Baħar? Jista' jiġi assigurat li tibda titlaq ukoll karozza tal-linja minn ħdejn il-knisja tax-Xemxija?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li għaż-żmien tas-sajf, il-frekwenza fil-lokalita’ ta’ San Pawl il-Baħar ser tiżdied fin-numru ta’ karozzi tal-linja li jgħaddu kull siegħa. Ir-rotot 37, 41, 42, 221 u 222 kollha jgħaddu minn quddiem il-knisja tax-Xemxija. Infurmat ukoll li bħalissa għaddej proċess biex jitjiebu kemm ir-rotot eżistenti kif ukoll il-frekwenzi matul is-sena kollha. Meta dan l-eżerċizzju jitlesta, ir-riżultati ser jiġu diskussi kemm mal-operatur kif ukoll mal-Kunsilli Lokali rispettivi.

Sajd f'Postijiet mhux permessi

Question

B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 2799, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien hemm persuni li ttieħdu passi fil-konfront tagħhom li jinqabdu jistadu fejn ma kienx permessibbli? Min liema lokalitajiet kienu dawk li inqabdu jistadu kif mhux permess? F'liema postijiet inqabdu jistadu dawk li ttieħdu passi kontrihom?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li mill-1 ta’ Jannar sal-15 ta’ Ġunju ta’ din is-sena, ma’ kien hemm l-ebda każ irrapurtat.

Ordni għall-Qatla ta' annimali

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 2875, jista' l-Ministru jagħti tagħrif mitlub għall-perijodu Ottubru 2012 sal-15 ta' Ġunju 2013?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lil Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni li għaddewlna, qiegħed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra it-tagħrif mitlub, miġbur f’tabella.

MEPA – pjanijiet għall-Coast Road

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk hux maħsub li l-pjanta li ġiet approvata mill-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) għall-Coast Road, li minn St Andrew’s twassal sa San Pawl il-Baħar hux se tinbidel, wara li ġiet approvata? Jista' jagħti tagħrif dwar meta hu mistenni li jinbeda x-xogħol fuq is-sit?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-proġett tal-Coast Road kien ġie approvat mill-Mepa taħt żewġ applikazzjonijiet, u ċioe’ PA 3883/08 u PA 3758/09. Din l-approvazzjoni ngħatat b’numru ta’ “reserved matters” fil-kundizzjonijiet tal-istess permessi. Għalhekk kellhom isiru pjanti ġodda biex jiddettaljaw dawn ir-“reserved matters”, fejn l-istess pjanti qegħdin jiġu evalwati mill-MEPA. Fid-dawl tad-diversi aċċidenti tat-traffiku li qed iseħħu fi Triq il-Kosta, Transport Malta hija konxja mill-fatt li din it-Triq hija l-agħar road killer f’pajjiżna. Il-pjanijiet ta’ Transport Malta huma li d-difetti strutturali li hemm fi Triq il-Kosta, ikunu indirizzati. Il-proġett jaħseb biex fost l-oħrajn ikun hemm żewġ karreġġjati fl-istess direzzjoni (kull naħa) kif ukoll crash barriers li jisseparaw id-direzzjonijiet opposti. Dan għandu jnaqqas drastikament mill-overtaking perikoluż kif qed isir bħalissa kif ukoll se jkun hemm aktar safety features bħal traffic lights, asphalting aħjar tat-triq innifisha, fosthom high friction f’partijiet partikolari. Se jkun hemm ukoll bicycle lanes apposta kull naħa tat-triq biex anki ċ-ċiklisti jkunu aktar siguri u protetti. Ix-xogħol huwa ppjanat li jibda għall-aħħar ta’ din is-sena.

Żoni għall-għawm

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema se jkunu ż-żoni riservati għall-għawm f'dan l-istaġun? Meta hu mistenni li jitqiegħdu f'posthom il-markings li s-soltu jkun hemm fid-diversi żoni biex jimmarkaw l-inħawi li fihom ma jkunx jista' jsir dħul ta' dgħajjes, u allura jkunu riservati għall-għawwiema?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ż-żoni riservati għall-għawm għal din is-sena huma 47, b’żewġ żoni ġodda, li huma s-Salina u Balluta. Iż-żoni kollha huma dawn: Mġarr ix-Xini Xlendi Qbajjar Marsalforn San Blas Ramla l-Ħamra Ħondoq ir-Rummien San Niklaw Santa Marija Blue Lagoon Ġnejna Għajn Tuffieħa Ir-Ramla tal-Mixquqa Ċirkewwa Paradise Bay Armier Għadira It-Tunnara Buġibba L-Imġiebah Selmun Tal-Veċċja Tal-Għażżelin Bajja Ta’ San Ġorġ Spinola San Ġiljan Exiles Rinella Żonqor Point M’Scala (Jerma) Bajja ta’ San Tumas Xrobb l-Għaġin Delimara Birżebbuġa Marsamxett Buġibba (Dolmen) Salini(hdejn il-Coastline) Salina (ħdejn is-Suncrest) Fond Għadir Ta’ Xbiex Xemxija Fekruna Birżebbuġa (San Ġorġ) Qawra M’Xlokk Tigne’ Balluta Dawn iż-żoni se jkunu lesti sal-aħħar ta’ Ġunju.
Leg 12 PQ #2985 Sitting 34 2013-06-24 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Estensjoni ta’ Permessi

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar kif intgħażlu l-permessi li għalihom ingħata estensjoni ta' 10 xhur (jekk sa Marzu 2014), li għalihom tħabbret din l-estensjoni? Kif kien magħruf liema permessi li kienu skadew kien għadu ma sarx ix-xogħol li kien mogħti fil-permess oriġinali (jew diġà mġedded)? Jekk jirriżulta li hemm permessi oħra li qegħdin fl-istess ċirkostanzi, jista' jagħti tagħrif dwar jekk dawn il-permessi hux se jiġu estiżi wkoll?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-ebda permess ma intgħażel. L-aħħar Pjanijiet Lokali ġew approvati fit-3 ta' Awwissu 2006 u din kient il-cut off date.
Leg 12 PQ #2986 Sitting 34 2013-06-24 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MEPA — estensjoni għall-permessi skaduti

Question

Huwa minnu li l-estensjoni għall-permessi skaduti qed tingħata biex dawk li sabu diffikultajiet ta' finanzjament ikunu jistgħu jkomplu x-xogħol tagħhom? Jekk iva, jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar jekk hux se tingħata l-possibiltà li jsir il-ħlas li kien rikjest mill-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA), iżda li ma tħallasx mill-applikanti, biex b'hekk l-applikazzjonijiet li ġew imwaqqfa għal din ir-raġuni (nuqqas ta' ħlas) ikunu jistgħu jitkomplew? Dan ifisser ukoll li anke min ħallas se jkollu flus mogħtija lura lilu?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

L-Onorevoli Interpellant għandu ikun infurmat li iva l-estensjoni għall-permessi skaduti ngħata biex jingħata nifs lil dawk li għadhom ma lestewx, mingħajr spejje¿ ¿ejda. Għal din l-estensjoni ma hemmx ħlas għaliha u hija limitata sal-31 ta' Marzu 2014. Dawk li jridu jġeddu iktar, jigifieri jħallu ħames snin, iridu jkomplu bl-applikazzjoni li għandhom jew li jistgħu jissottomettu. Ir-rifuzzjoni tal-flus hija irregolata permezz ta' l-Avvi¿ Legali li jirigwardja l-fees ta' l-Awtorita' konċernata.

Ħsara fuq siġar tal-bajtar ta' San Ġwann, tin u farkizzan

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm rapporti ta' ħsarat ġodda (u iżjed mis-soltu) lis-siġar tal-bajtar ta' San Ġwann, tin u farkizzan (u siġar oħra tal-istess familja) minħabba xi raġunijiet ġodda? Kemm kien hemm siġar li ġew rappurtati milquta minn dawn iċ-ċirkostanzi, f'liema lokalitajiet, u kemm f'kull każ?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lil Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li din is-sena d-Direttorat għas-Saħħa tal-Pjanti ma kellu l-ebda rapport ta’ każijiet kawża ta’ raġunijiet ġodda fuq siġar tal-bajtar ta' San Ġwann, tin u farkizzan u siġar oħra tal-istess familja. Ninsab infurmat ukoll li minn rapporti li kellna din is-sena, kien hemm ħames każijiet kollha relatati mas-susa tat-tin, b’total ta’ 33 siġra infettati, li sussegwentement id-Direttorat ta l-pariri meħtiega skont kull każ. Aktar dettalji jinsabu fit-Tabella mehmuża li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 12 PQ #2988 Sitting 34 2013-06-24 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu

ITS — korsijiet

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 2632 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol u li issa ġiet riferuta lilu u jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta’ studenti li jattendu korsijiet f’xi dixxiplina marbuta mat-turiżmu fl-Istitut għall-Istudji Turistiċi (ITS)? Liema korsijiet qed jattendu, u minn liema lokalitajiet ġejjin?

Response (VELLA, KARMENU)

Qiegħed inpoġġi l-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 12 PQ #2989 Sitting 34 2013-06-24 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Lukanda Selmun Palace

Question

B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 2794, jista’ l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar liema kumpanija tgħajjat il-Lukanda Selmun Palace?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-kumpanija in kwistjoni li hija ċ-ċenswalista tal-Lukanda Selmun Palace hija s- Selmun Palace Hotel Company Limited – kumpanija sussidjarja tal-Air Malta.