Legislature:
Category:
Reset
Active:

San Pawl il-Baħar – ilmenti fuq rotta ta’ karozza tal-linja

Question

Peress li waslu xi rapporti li l-karozza tal-linja bin-numru 41 u 42, nhar is-Sibt 6 ta’ Lulju, prattikament m’għamlitx it-trip tagħha bejn is-6:00pm u t-8:00pm (fil-bus stop bl-isem Mary) fit-triq prinċipali ta’ San Pawl il-Baħar, jista’ l-Ministru jinvestiga l-każ u jinforma lill-Kamra dwar x’ġara?

Response (MIZZI, JOE)

Jien infurmat li minn investigazzjoni li għamlet Transport f’Malta fuq is-sistema elettronika li timmoniterja s-servizz tat-trasport pubbliku permezz ta’ sistema ta’ tracking tax-xarabanks, irriżulta s-sussegwenti fuq ir-rotot 41 u 42 li operaw nhar is-6 ta’ Lulju 2013 bejn is-6.00pm u t-8.00pm: · Minn sitt vjaġġi skedati li jitilqu miċ-Ċirkewwa lejn il-Belt Valletta, jirriżulta li l-vjaġġi kollha telqu miċ-Ċirkewwa. Madanakollu rriżulta li wieħed mill-vjaġġi li kellu jgħaddi minn fuq bus stop Mary għall-ħabta tas-7.08pm m’għaddiex minħabba li x-xufier wettaq devjazzjoni mhux awtorizzata u minflok għadda mill-Bypass ta’ San Pawl il-Baħar. · Minn sitt vjaġġi skedati li jitilqu mill-Belt Valletta lejn iċ-Ċirkewwa, jirriżulta li saru ħames vjaġġi minħabba li kien hemm xarabank li waqaf bil-ħsara. Irriżulta wkoll li wieħed mill-vjaġġi li kellu jgħaddi minn fuq bus stop Mary għall-habta tas-6.36pm m’għaddiex minħabba li x-xufier wettaq devjazzjoni mhux awtorizzata u minflok għadda mill-Bypass ta’ San Pawl il-Baħar. Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li Transport Malta ser timponi l-penali applikabbli skont il-kuntratt fiż-żewġ każijiet fejn saret devjazzjoni, filwaqt li ser timponi wkoll multa oħra minħabba li l-operatur tat-trasport naqas milli jibgħat karozza oħra minflok ix-xarabank li waqfet bil-ħsara, għalkemm nemmen li l-iktar ħaġa mportanti mhux il-multi imma li jkompli jitjieb is-servizz. Infurmat ukoll illi Transport Malta tagħmel moniteraġġ ffukat fuq rotot speċifiċi sabiex tassigura li r-rotot qed isiru kif suppost. F’każ li jiġu identifikati devjazzjonijiet mhux awtorizzati, Transport Malta tieħu l-azzjonijiet skont kif stipulat fil-kuntratt, kif ukoll tirrikjedi lill-operatur tat-trasport sabiex jieħu l-passi neċessarji sabiex dan ma jibqax iseħħ. Fil-ġimgħat li ġejjin Transport Malta ser tiffoka l-moniteraġġ tagħha fuq ir-Rotot 41 u 42 sabiex jekk isiru devjazzjonijiet mhux awtorizzati tinforma lill-operatur tat-trasport bil-ghan li jittieħdu l-passi neċessarji u jingħata servizz kif suppost. Nħeġġeġ lill-pubbliku li f’xi diffikulta jagħmlu kuntatt ma Transport Malta fuq freephone 80072393

San Pawl il-Baħar — Speed Camera

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 3336, billi l-camera partikolari li għamilt referenza għaliha, dik tal-bypass ta’ San Pawl il-Baħar, mhux biss kienet saret applikazzjoni għaliha, iżda kienet ukoll approvata, jista’ l-Ministru jagħti t-tagħrif kollu marbut ma’ din il-camera, għaliex ir-residenti ta’ San Pawl il-Baħar li joqogħdu qrib il-bypass qed ibatu minn bosta inkonvenjenti?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jerġa’ jirreferi għall-mistoqsija parlamentari 3336, fejn intqal li, skont proċeduri stabbiliti f’Ottubru 2012, kull applikazzjoni għal speed cameras, inkluż dawk eżistenti, kellha tiġi sottomessa mill-kumitat reġjonali. Skont dawn il-kriterji, din l-applikazzjoni partikulari kellha terġa’ tiġi sottomessa.

Buġibba – Water Park

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 3339 li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura u li issa ġiet riferuta lilu u jagħtu informazzjoni dwar l-attendenza ġimgħa ġimgħa għas-sajf 2012? Jista’ jagħti t-tagħrif għal-din is-sena, bl-istess mod?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li ma nżammitx l-ebda statistika ġimgħa b’ġimgħa tal-attendenza fis-sajf 2012. Madanakollu ninsab infurmat ukoll li bejn wieħed u ieħor kienu attendew madwar 91,500. Għal din is-sena qed tinġabar l-istatistika.

San Pawl il-Baħar – applikazzjoni mid-dipartiment tas-sajd

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar x’tip ta’ żvilupp saret applikazzjoni għalih mid-dipartiment responsabbli mis-sajd fl-inħawi tal-Veċċja, San Pawl il-Baħar? X’użu se jsir minn dan l-iżvilupp, u min hu mistenni li jagħmel użu minnu?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li preżentament qed isiru l-kunsultazzjonijiet meħtieġa mid-Dipartiment tas-Sajd u Akwakultura fi ħdan il-Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima, biex il-Breakwater f’tal-Veċċja jkun msaħħaħ. Huwa ntenzjonat ukoll li jsiru xogħolijiet oħra ta’ manutenzjoni fiż-żona ta’ madwaru li jinkludu s-slipways u l-moll. Bħalissa qegħdin jiġu finalizzati l-pjanti u stimi biex fil-ġimgħat li ġejjin tkun sottomessa applikazzjoni ta’ żvilupp mal-MEPA.

Xemxija – Żbir ta’ siġar

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar x’tip ta’ żabra qed issir lis-siġar taż-żebbuġ li hemm fix-Xemxija? Meta saret l-aħħar żabra?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li ż-żbir tas-siġar fix-Xemxija ma jaqax taħt ir-responsabilta tal-Ministeru tiegħi.

Il-Miżieb – spezzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-uffiċjali tad-dipartiment jagħmlux spezzjonijiet minn żmien għal żmien fl-inħawi tal-Miżieb biex jiġi assigurat li ma jkunx hemm ħaxix ħażin li jitħalla jikber u jinxef taħt is-siġar taż-żebbuġ, liema ħaxix jista’ jikkawża nirien kbar jekk jaqbad?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lil-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li għal numru konsiderevoli ta’ snin ma saru l-ebda spezzjonijiet minn l-uffiċjali tad-dipartiment fl-inħawi tal-Miżieb. Ser jiġi evalwat eżattment x’kuntratti hemm relatati ma dan il-post u x’obbligi kuntrattwali hemm jew m’hemmx sabiex imbagħad wieħed jkun jista’ jirregola aħjar x’għandu jsir.

Arriva –bendy buses

Question

Billi fil-paġna ta’ quddiem tal-ġurnal ‘it-Torċa’ tas-7 ta’ Lulju 2013, intqal li l-Arriva aċċettat li jitneħħew il-bendy buses minn fuq ir-rotot li ssuġġerixxa l-Ministru, jista’ l-Ministru jgħid liema kienu r-rotot li ssuġġerixxa li minnhom jitneħħew il-bendy buses?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Arriva Malta Ltd qablet mal-prinċipju li l-articulated buses jintużaw biss f’toroq prinċipali u li huma wesgħin biżżejjed li jakkomodaw xarabanks ta’ dan it-tip. Infurmat ukoll li r-relokazzjoni ta’ fejn ser jiġu utilizzati l-articulated buses ser tkun implimentata fix-xhur li ġejjin bħala parti mid-diskussjonijiet li qed isiru mal-Arriva Malta Ltd sabiex jiġi assigurat li t-transizzjoni ta’ tneħħija ta’ dawn il-vetturi minn fuq ċerta rotot ma jkolliex impatt negattiv fuq il-passiġġiera.

Gozo Channel — passiġġieri bilwieqfa

Question

Billi qed jirriżulta li l-Gozo Channel qed tagħlaq parti mill-vapur għal numru ta’ vjaġġi li jsiru matul il-lejl, bil-konsegwenza li numru ta’ passiġġieri qed ikollhom jibqgħu bilwieqfa matul il-vjaġġ kollu, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwart x’tip ta’ struzzjonijiet u speċifikazzjonijiet qed jingħata l-Gozo Channel minn dawk responsabbli għat-trasport marittimu fi ħdan Transport Malta?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat li Transport Malta ma tat l-ebda struzzjonijiet lill-Gozo Channel rigward l-għeluq ta’ parti mill-vapur għal numru ta’ vjaġġi li jsiru matul il-lejl. Skont ir-regolamenti li Transport Malta timponi fuq l-operatur, l-Awtorita’ ma tirregolax is-seating capacity tal-vapuri iżda tiċċertifika biss in-numru ta’ passiġġieri li vapur jista’ jġorr.

Awtoritajiet tal-avjazzjoni ċivili – investigazzjonijiet fuq kwalità tal-fuel

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar x’investigazzjonijiet qed jwettqu mill-awtoritajiet tal-avjazzjoni ċivili għal dak li jirrigwarda t-tip/kwalità ta’ fuel li qed jingħata lill-Air Malta? Jekk saru tali investigazzjonijiet, x’irriżulta minnhom?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat li r-responsabbilta’ tad-Direttorat tal-Avjazzjoni Ċivili huwa li jagħmel moniteraġġ kemm fuq l-Enemalta u l-Air Malta sabiex jassigura li qegħdin isiru l-verifki meħtieġa u d-Direttorat huwa sodisfatt li l-verifki neċessarji qegħdin isiru u li t-tip/kwalita’ ta’ fuel li qed jingħata lill-Air Malta huwa skont il-kriterji rikjesti. Għaldaqstant mhumiex qegħdin jitwettqu investigazzjonijiet mill-awtoritajiet tal-avjazzjoni ċivili għal dak li jirrigwarda t-tip/kwalità ta’ fuel li qed jingħata lill-Air Malta. Investigazzjonijiet isiru biss meta jkun hemm għalfejn. Ta’ min jghid ukoll li l-Air Malta tagħmel parti minn pooling ta’ verifiki ta’ Fuel Providers (IFQP – IATA Fuel Quality Pool) u l-Enemalta Petroleum Division huwa wieħed mill-providers li l-Air Malta jivverifikaw. L-aħħar verifika saret f’Ġunju li għadda u din il-verifika kellha eżitu pożittiv. Id-Direttorat jagħmel spot checks fuq fuel li jkun ser jiġi imbarkat fuq l- ajruplani u japprova proċeduri tal-moniteraġġ tal-operaturi wkoll fil-każ ta’ fuel providers u fuel farms. Operaturi oħra li joperaw minn Malta wkoll jagħmlu l-verifiki tagħhom u qatt ma kien hemm rapporti negattivi rigward l-Enemalta Petroluem Division.

Buġibba — Water park – ilqugħ mix-xemx

Question

Jista’ l-Ministru jikkonsidra l-possibbiltà li fil-post fejn hemm il-water park ikun hemm ukoll xi forma ta’ lqugħ mix-xemx kemm għat-tfal infushom kif ukoll għall-ġenituri li jakkumpanjawhom? Kemm hu n-numru ta' nies li qed jaħdmu f'dan il-park preżentement?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li b’żieda mat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqisja Parlamentari Nru 2452, ser ikun hemm cleaner u 2 uffiċjali tas-sigurta kuljum. Ninsab infurmat ukoll li kemm it-tfal, kif ukoll min ikun qed jakkumpanjhom qed ikunu pprovduti lqugħ mix-xemx sakemm idumu jistennew biex jidħlu ġewwa l-park. Kull sezzjoni ġewwa l-park ma ddumx aktar minn għoxrin minuta u t-tfal ikunu l-ħin kollu taħt, jew imxarrbin bl-ilma.
Leg 12 PQ #3525 Sitting 48 2013-07-10 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għas-Saħħa

Sptar MAter Dei — Applikazzjonijiet mal-MEPA - swali ġodda

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk is-swali li dwarhom tkellem is-segretarju parlamentari responsabbli mill-fondi tal-Unjoni Ewropea, u li suppost se jkunu lesti sal-aħħar tal-2015 humiex swali ppjanati ġodda, jew b'mod differenti mill-Gvern preżenti jew li kienu diġà maħsuba mill-Gvern preċedenti? Jista' jagħti tagħrif dwar meta saru l-applikazzjonijiet relevanti mal-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, u meta ħarġu l-permessi jekk inhu l-każ li l-permessi diġà ħarġu?

Response (FARRUGIA, GODFREY)

Ninsab infurmat li l-applikazzjoni għall-fondi tal-Unjoni Ewropea għal dan il-proġett ġiet sottomessa lill- Planning & Priorities Co-ordination Divison (PPCD) fit 29 ta’ Ottubru 2012. Din l-applikazzjoni ġiet approvata fit 3 ta’ Lulju 2013. L-applikazzjoni għal dan l-iżvilupp ġiet sottomessa lill-MEPA f’Awwissu 2012 u l-proċess sabiex jinħareg il-permess għadu għaddej.
Leg 12 PQ #3538 Sitting 48 2013-07-10 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu

MEPA – kunsilli lokali San Pawl il-Baħar — applikazzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema huma l-applikazzjonijiet għal xi forma ta' żvilupp li l-Kunsill lokali ta' San Pawl il-Baħar għandu pendenti quddiem l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA)? Liema applikazzjonijiet tal-istess kunsill kienu approvati matul l-aħħar sentejn?

Response (VELLA, KARMENU)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Leg 12 PQ #3539 Sitting 48 2013-07-10 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu

San Pawl il-Baħar – manutenzjoni ta’ bandli

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema huma x-xogħlijiet li qed isiru bħalissa fil-bandli ta' Triq Parades San Pawl il-Baħar, mill-Kunsill lokali jew minn xi għaqda oħra? X'xogħol ieħor hu mistenni li jitwettaq fl-istess post fil-futur? Liema applikazzjonhijiet pendenti għandu l-kunsill għal dan is-sit?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar li bħalissa għaddej xogħol ta’ manutenzjoni regolari fil-lattrini pubbliċi fil-bandli ta’ Triq Parades. Infurmat ukoll li l-Kunsill Lokali mistenni li jkompli bl-istess proġett għall-istess sit, hekk kif pjanat mill-Kunsilli preċedenti.

Twelid ta’ ulied minn ġenituri barranin

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk ulied ta' ġenituri barranin (it-tnejn barranin) li jitwieldu f'Malta jiġux ukoll reġistrati f'xi reġistru f'Malta? Kemm kien in-numru ta' dawn it-tfal li ġew reġistrati matul l-aħħar għaxar snin, sena sena? Kemm minnhom kienu subien u kemm kienu bniet?

Response (MALLIA, EMANUEL)

B’referenza għall-mistoqsija ninforma lill-Onorevoli Interpellant lir-Reġistru Pubbliku jikkonferma li jirreġistra ulied ta' ġenituri barranin (it-tnejn barranin) li jitwieldu f'Malta. Madanakollu ma jirreġistrax in-nazzjonalità tal-ġenituri li jwelldu trabi f’Malta jew f’Għawdex. Fit-tabella t’hawn taħt, jidhru n-numru ta’ tfal reġistrati fir-Reġistru Pubbliku ta’ Malta u t’Għawdex, liema ġenituri huma imwielda barra minn Malta u Għawdex matul l-aħħar għaxar snin. Sena Subien (Malta) Bniet (Malta) Subien (Għawdex) Bniet (Għawdex) Total 2003 99 102 3 6 210 2004 84 85 12 13 194 2005 89 74 9 10 182 2006 110 105 7 13 235 2007 112 117 5 7 241 2008 133 144 11 14 302 2009 163 130 4 5 302 2010 156 135 5 8 304 2011 204 214 12 7 437 2012 245 248 12 8 513

Reġistru tal-Artijiet – pjanti

Question

Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex il-pjanti li jinxtraw mil-land registry ikunu aġġornati skont il-Pjanti tal-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar? Jista' jieħu l-passi neċessarji biex dawn l-istess pjanti jibda jkun possibbli li jinxtraw online mill-uffiċċji tal-periti/nutara, bħalma hu possibbli li wieħed jixtri l-pjanti tal-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li f’Ġunju tal-2011, il-MEPA kienet għaddiet l-aħħar aġġornament ta’ pjanti lir-Reġistru tal-Artijiet. Minn dakinhar ‘l hawn ma saru l-ebda aġġornamenti oħra. Il-possibilità li l-pjanti jkunu aċċessibli online ġiet ikkunsidrata kemm-il darba fil-passat. Minħabba l-ħsieb li kellu jiġi introdott l-Att dwar ir-Reġistru Ċentrali u miegħu, sistema elettronika moderna sabiex dan l-Att ikun jista’ jiġi implimentat, ma nħassx li jkun prudenti u vijabbli finanzjarjament li jsiru modifiki maġġuri tas-sistema kompjuterizzata li preżentament tintuża fir-Reġistru tal-Artijiet biss imma li kellu jsir eżerċizzju ħolistiku. Madankollu ir-Reġistru tal-Artijiet se jkompli jinsisti dwar l-immodernizzar tas-sistema kompjuterizzata tar-Reġistru u tat-tqegħid tiegħu online. Reċentement saru wkoll diskussjonijiet ma’ rappreżentanti tal-Kunsill Notarili sabiex tiġi diskussa l-inizzjattiva li l-pjanti jitpoġġew online flimkien ma’ inizzjattivi oħra bl-iskop li jiġu esplorati dawn il-possibilitajiet msejsa fuq lil-modernizzar fl-istess Reġistru tal-Artijiet. Aktar diskussjonijiet huma mistennija.

Akkomodazzjoni għall-anzjani

Question

Billi dehru xi reklami li jitolbu li l-privat jipprovdi 300 sodda biex ikunu jistgħu jintużaw minn anzjani, tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar jekk it-talba hix maħsuba li tkun għal post wieħed jew inkella maqsuma f'diversi lokalitajiet? F’kull każ, tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar f'liema lokalitajiet hu maħsub li hemm l-iktar bżonn ta' dawn il-faċilitajiet?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li sallum ma kienu ppubblikati ebda riklami f'dan ir-rigward.

Servizz ta’ home help – talbiet pendenti

Question

Tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' persuni li għandhom talba pendenti mal-Gvern biex jingħataw l-għajnuna ta' servizz ta' home help, lokalità lokalità, madwar Malta u Għawdex?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Tweġiba għal din il-mistoqsija parlamentari se tingħata f'seduta oħra.

San Pawl il-Baħar – stallazzjoni ta’ speed camera

Question

Billi f'risposta preċedenti għal dak li jikkonċerna talbiet pendenti għal stallazzjoni ta' speed cameras, l-ispeed camera tal-bypass ta' San Pawl il-Baħar mhix imniżżla bħala waħda li qed tistenna li tiġi stallata, jista’ l- Ministru jagħti tagħrif dwar f'liema stadju tinsab din il-camera, almenu f’dak li jikkonċerna Transport Malta?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għar-risposta li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 3336.

Użu ta’ glysophate fuq prodotti agrikoli

Question

Billi xi ġimgħat ilu kien hemm rapport fil-media lokali dwar allegat użu tal-glysophate fuq prodotti agrikoli minn bdiewa Maltin, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'passi ħa l-Ministeru dwar l-istess rapporti u l-konsegwenzi tagħhom?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li l-mistoqsija għanda tiġi riferuta lill-Ministru kkonċernat.

Bdiewa — Trasferiment ta' art tal-gvern

Question

B’referenza għat-tweġiba għal mistoqsija parlamentari 3179 indirizzata lill-Prim Ministru jista’ l-Ministru jagħti informazzjoni dwar kemm hu n-numru ta' bdiewa li talbu li jkollhom art tal-Gvern trasferita fuq isimhom wara li għaddiet il-liġi fil-Parlament li tippermetti tali trasferiment, fl-aħħar tal-Leġiżlatura li għaddiet?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li kien hemm applikazzjoni waħda, li qegħda tiġi evalwata, għal trasferiment tal- art tal-Gvern.