B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 995, tista’ l-Ministru tagħti tagħrif dwar liema huma l-kategoriji ta’ applikazzjonijiet li taħthom huma maqsuma t-3,003 applikazzjoni indikati? Tista’ tagħti tagħrif dwar kif, skont il-kategorija tal-applikazzjoni, huma maqsuma l-applikanti, raħal b’raħal?
Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li sallum l-Awtorità tad-Djar għandha 3,186 applikazzjoni għall-akkommodazzjoni alternattiva. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra dokument li juri l-applikazzjonijiet u l-kategoriji kif inhuma mqassmin raħal b’raħal.
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 3511, tista’ l-Ministru tagħti tagħrif dwar x’kienu l-istqarrijiet li saru s’issa biex l-anzjani jkollhom 300 sodda oħra, provduti mill-privat, biex ikunu jistgħu jinqdew il-ħtiġijiet tal-anzjani?
Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant għall-istqarrija maħruġa mid-Dipartiment tal-Informazzjoni bin-numru ta’ referenza 1575, li kopja tagħha qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra..
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3514, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar x’kien il-kontenut ta’ stqarrija pubblika dwar dan is-suġġett? Jista’ jagħti tagħrif dwar kif kienet segwita din l-istqarrija? X’kuntatt sar mill-Ministeru mal-organizzazzjoni, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li ħarġet l-istqarrija oriġinali dwar l-istudju li sar?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi m’hemmx aktar x’inżid mal-istqarrija pubblika għaliex l-informazzjoni qiegħda kollha hemm. Rigward il-kumplament tal-mistoqsija u kif weġibt għall-mistoqsija nru. 3514, din ukoll għanda tiġi riferuta lill-Ministru kkonċernat.
San Pawl il-Baħar – Erba’ Mwieżeb – Applikazzjoni għal monument
Question
Jista’ l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar meta saret l-applikazzjoni għat-tqegħid ta’ monument fid-daħla ta’ San Pawl il-Baħar fir-roundabout ta’ Erba’ Mwieżeb? Min għamel din l-applikazzjoni? Meta ħareġ il-permess biex ix-xogħol ikun jista’ jinbeda?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari Nru 3767, l-applikazzjoni li qed jirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant, DN 568/11, ġiet sottomessa fit-8 ta' Ġunju 2011 mill-Kunsill Lokali ta' San Pawl il-Baħar. In-notifika ħarġet fl-4 ta' Lulju 2011.
12-il distrett elettorali — devoluzzjoni ta' proprjetajiet
Question
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema kienu l-proċessi ta’ devoluzzjoni li tlestew mil-kunsilli lokali tat-12-il distrett elettorali matul l-2012 u l-2013 sa Ġunju? Liema kienu l-proprjetajiet li għaddew għand il-kunsilli permezz ta’ dawn il-ftehim li ġew konklużi? F’kull każ, meta kien inbeda l-proċess għad-devoluzzjoni ta’ dawn il-proprjetajiet?
Response (VELLA, KARMENU)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Slielem max-xtut fis-7 u t-12-il distrett elettorali
Question
Jista’ l-Ministru jgħid liema huma l-kunsilli lokali tas-7 u t-12-il distrett elettorali li għamlu rapporti dwar slielem max-xtut li mhumiex f’kundizzjoni tajba u li jridu jiġu rranġati jew mibdula? Liema slielem kienu hekk irrapurtati?
Response (VELLA, KARMENU)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 3514 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima u li issa ġiet riferuta lilu u ċjoè: Billi xi ġimgħat ilu kien hemm rapport fil-media lokali dwar allegat użu tal-glysophate fuq prodotti agrikoli minn bdiewa Maltin, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'passi ħa l-Ministeru dwar l-istess rapporti u l-konsegwenzi tagħhom?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Ninsab infurmat li is-Sovritendenza tas-Saħħa Pubblika ma ħadet l-ebda azzjoni speċifika peress li kienet infurmata li kienu qed jittieħdu passi meħtieġa mill- Awtorita` Maltija għall-Kompetizzjoni u Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) li taħta taqa` ir-regolazzjoni ta’ tali prodotti. Għad-dettalji tal-passi li ttieħdu, nitlob lill-Onorevoli Membru jirreferi il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru responsabbli għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili (MSDC) li taħta taqa’ l-Awtorita .
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm diskussjoni fil-laqgħat tar-reġjun tat-Tramuntana matul l-2012 u l-2013 sa’ Ġunju dwar il-ħtieġa ta’ speed camera/cameras fil-bypass ta’ San Pawl il-Baħar? Meta saru dawn id-diskussjonijiet u x’kienu l-pożizzjonijiet li ħadu d-diversi kunsill lokali ta’ dan ir-reġjun dwar din l-istess camera?
Response (VELLA, KARMENU)
Ninsab infurmat mill-Kumitat Reġjonali Tramuntana li fl-aħħar laqgħa li kellu u li nżammet it-Tlieta 9 ta’ Lulju 2013, kien hemm diskussjoni fuq l-ispeed cameras.
Infurmat li r-Reġjun Tramuntana talab lil Transport Malta permess għal żewġ
speed cameras
oħra, waħda fil-Mellieħa u oħra fin-Naxxar.
Sadanittant ninsab infurmat li kien il-Kumitat Konġunt tat-Tramuntana (illum xolt) li kien għamel l-ewwel talba għal speed camera fil-By Pass ta’ San Pawl il-Baħar, liema applikazzjoni kienet approvata minn Transport Malta lura fl-2009.
Jirriżulta li minħabba diżgwid bejn Transport Malta, il-Kumpanija Guard & Warden u l-Kumitat Konġunt tat-Tramuntana dan ix-xogħol qatt ma kien sar.
Jista’ l-Prim Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tas-CD b’dettalji partikolari li hu mistenni li jingħataw l-applikanti li se juru interess biex jieħdu sehem fil-land reclamation, kif rappurtat fil-media?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tac-CD b’dettalji partikolari li ngħatat lil 23 applikanti li wrew interess biex jieħdu sehem fil-land reclamation.
B’referenza għal-launch tal-espressjoni ta’ interess għar-reklamazzjoni tal-art, jista’ l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar kif il-Gvern qed jaħseb li se tintuża din l-art reklamata, meta qed jingħad li “the government is not aiming for real estate development but a mix of projects” kif ġie rrappurtat li ddikjara s-segretarju parlamentari?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-espressjoni ta’ interess għar-reklamazzjoni tal-art hija ntiża sabiex jinġabru ideat għall-żvilupp sostenibbli fl-ispazju tal-kosta u tal-baħar li jdawru l-gżejjer Maltin. Dawn l-ideat iridu jwasslu għall-proposti innovattivi li jkunu teknikament u finanzjarjament vijabbli kif ukoll ambjentalment sostenibbli. Il-Gvern huwa kommess li jikkunsidra kull proposta li tintbagħat dwar żvilupp ta’ proġetti innovattivi mir-riklamazzjoni tal-art, u l-għażla ssir għall-proġetti li jissodisfaw standards għolja fl-oqsma ambjentali, soċjali, ekonomiċi, ta’ ippjanar u żvilupp sostenibbli u li jassiguraw valur ekonomiku u l-ħolqien tax-xogħol
Tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' appartamenti li għadhom proprjetà tal-Gvern li huma mikrija lil terzi persuni? F'liema lokalitajiet jinsabu dawn l-istess appartamenti, lokal lokal?
Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)
L-informazzjoni qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3440, jista’ l-Ministru jgħid kemm saru spezzjonijiet fuq il-karozzi tal-linja kif indikat fit-tweġiba matul l-ewwel sitt xhur tal-2013? Kemm hu l-ammont ta’ multi li ġew imposti f’dan l-istess perjodu minħabba l-ksur indikat fil-mistoqsija?
Response (MIZZI, JOE)
Ninsab infurmat li fil-perijodu ta’ bejn Jannar u Ġunju tas-sena 2013, l-uffiċjali ta’ Transport Malta għamlu 608 spezzjonijiet sabiex jaraw li t-temperatura ġewwa x-xarabanks hija skont kif stipulata fil-kuntratt, jiġifieri bejn l-20 u l-24 gradi celcius.
Infurmat ukoll li minn dawn l-ispezzjonijiet, 21% instabu mhux konformi mal-kuntratt filwaqt li 79% instabu konformi mal-kuntratt.
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-perijodu ta’ bejn l-1 ta’ Jannar u s-16 ta’ Ġunju tat-2013 Transport Malta mponiet 117-il multa f’dan ir-rigward li jammontaw għal €2,925.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta’ biljetti tal-ġurnata, ta’ ġimgħa u ta’ xahar li nxtraw bejn Jannar u Ġunju tal-2013 minn persuni li jużaw it-trasport pubbliku provdut mill-Arriva? Jista’ jagħti tagħrif dwar kemm kien in-numru ta’ passiġġieri li użaw it-trasport f’dan l-istess perijodu?
Response (MIZZI, JOE)
Ninsab infurmat li, skont informazzjoni provduta mill-operatur tat-trasport pubbliku, fil-perijodu ta’ bejn Jannar u Ġunju 2013 in-numru ta’ biljetti mibjugħa huwa hekk kif ġej:
Tip ta’ Biljett
Ammont ta’ biljetti mibjugħa
Ta’ sagħtejn
857,637
Ta’ ġurnata
4,294,994
Ta’ ġimgħa
310,188
Ta’ xahar
18,475
Ta’ disgħin ġurnata
1,479
Total
5,482,773
L-ammont ta’ passiġġieri li ġew rapportati mill-operatur tat-trasport pubbliku li użaw is-servizz fl-istess perjodu jammonta għal 18,595,665.
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar x’tip ta’ taħriġ kien possibbli li jsir għat-tfal/żgħażagħ li jridu jieħdu sehem f’xi sport akwatiku, skont xi skema tal-Kunsill Malti għall-Isport matul ix-xhur tas-sajf? Fejn qed jingħataw dan it-taħriġ marbut ma’ dan l-isport akwatiku?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li għax-xhur tas-sajf il-Kunsill Malti għall-Isport se jorganizza programm ta' tmien ġimgħat Summer on the Move. Bħala parti mill-programm se jsiru sessjonijiet tal-għawm, aqua fitness, triathlon u għawm sinkronizzat. Dawn is-sessjonijiet se jsiru fil-Kumpless Sportiv tal-Qroqq, fil-Kumpless Sportiv ta' Ħal Kirkop, fil-Kumpless Sportiv tal-Cottonera u fl-iskola Primarja tas-Siġġiewi.
Billi qed jingħad li se jkun hemm bidliet fil-local plans, jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar jekk applikazzjonijiet pendenti quddiem l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) hux se jiġu evalwati skont ir-regolamenti u policies li jeżistu llum, jew skont meta jiġu deċiżi? Jista' jagħti wkoll tagħrif dwar jekk hemmx il-ħsieb li permessi diġà validi jinbidlulhom il-kundizzjonijiet skont il-policies il-ġodda li għad jistgħu jiġu approvati?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-applikazzjonijet li hemm quddiem l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) se jiġu evalwati skont ir-regolamenti u l-policies meta jiġu deċiżi sakemm ma jkunx hemm klawsola tat-transazzjoni meta dawn jiġu approvati. Fir-rigward tat-tieni parti tad-domanda, ninforma lill-Onor. Membru li l-permessi mhux se jinbidlulhom il-kundizzjonijiet tagħhom.
San Pawl il-Baħar – Triq Parades — xogħlijiet fuq bandli
Question
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar x’tip ta’ xogħol qed isir bħalissa fil-bandli ta’ Triq Parades, San Pawl il-Baħar? Meta hu mistenni li jitlesta x-xogħol li għaddej?
Response (VELLA, KARMENU)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar li x-xogħlijiet li qed jirreferi għalihom l-Onor. Interpellant huma dawk ta’ manutenzjoni fuq bażi regolari. Sadanittant nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 3539.
San Pawl il-Baħar – Applikazzjonijiet għal car parks
Question
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm-il applikazzjoni għal car parks issottometta l-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar minn April 2012 sal-lum? Fejn huma dawn is-siti li għalihom saru l-applikazzjonijiet? Meta saru u meta mistenni li jibda x-xogħol fuqhom?
Response (VELLA, KARMENU)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar li minn April 2012 sal-lum ma għamel l-ebda applikazzjoni għal car parks.
Minkejja dan f’dawn l-aħħar xhur il-Kunsill Lokali San Pawl il-Baħar żied parkeġġi ġodda billi għamel użu aħjar tat-toroq u fejn kien possibli minn parkeġġi orizzontali għamilhom splayed sabiex jidħlu aktar karozzi.
Żdiedu ukoll parkeġġi matul il-promenade kollu ta’ San Pawl il-Baħar.
Jista’ l-Ministru jgħid x’investigazzjonijiet wettaq il-Ministeru wara rapport fil-ġurnali dwar il-kwalità/tip ta’ fuel li qed tingħata l-Air Malta biex tħaddem l-ajruplani tagħha? X’irriżulta minn dawn l-investigazzjonijiet?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi r-rapport li deher fil-ġurnal Malta Today nhar il-Ħadd 7 ta’ Lulju 2013, kien investigat u mwieġeb dakinhar stess. Ir-risposta dehret nhar it-Tnejn 8 ta’ Lulju 2013. Ir-rapport isemmi densita’ ta’ fjuwil Jet A1 fornut lill-ajruplani Air Malta mhux skont l-istandards. Ir-risposta li ntbagħtet lill-ġurnal tispjega illi d-densita’ tiddependi mit-temperatura u r-referenza għad-densita’ għandha ssir f'temperatura standard. Meta tikkoreġi d-densita’ minħabba l-effetti tat-temperatura, id-densita’ tal-fjuwil hija fil-limiti permessi. Għalhekk il-Korporazzjoni Enemalta qed tipprovdi fjuwil bi ispeċifikazzjoni korretta lill-ajruplani kollha.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk waslux ilmenti fil-Ministeru dwar il-fatt li l-Gozo Channel qiegħda tagħlaq partijiet mill-vapuri tagħha għal numru ta’ vjaġġi matul ċertu ħinijiet tal-ġurnata/lejl, bil-konsegwenza li l-passiġġieri jkollhom joqogħdu bilwieqfa matul il-vjaġġ kollu? Jekk iva, x’irriżulta minn dawn l-investigazzjonijiet/rapporti?
Response (REFALO, ANTON)
Jiena infurmat li l-Ministeru għal Għawdex ma rċieva l-ebda ilmenti kif imsemmija mill-Onorevoli Interpellant. Barra minn hekk ninsab infurmat li l-anqas il- Gozo Channel ma irċeviet ilmenti simili. Minn investigazzjoni li għamet il-Gozo Channel ma jirriżultax li hemm vjaġġi fejn il-passiġieri qed ikollhom joqgħodu bilwieqfa matul il-vjaġġ f'dawn il-ħinijiet billi hemm partijiet oħrajn fuq il-vapuri fejn il-passiġieri jistghu joqgħodu bilqiegħda.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Ministru tax ordni biex partijiet mill-vapuri tal-Gozo Channel jingħalqu għall-passiġieri matul numru ta’ vjaġġi, u dan minkejja li jkun hemm numru kbir ta’ persuni abbord, bil-konsegwenza li n-nies li jkun hemm fuq il-vapur ikollhom jagħmlu l-vjaġġ bilwieqfa?
Response (CARDONA, CHRIS)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.