San Pawl il-Baħar – Il-Veċċja – permess lill-uffiċjali responsabbli mis-sajd
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'użu se jsir mill-ispazju li għalih ħareġ il-permess f'isem l-uffiċjali responsabbli mis-sajd, fl-inħawi tal-Veċċja San Pawl il-Baħar?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li l-imsemmi spazju se jintuża bħala landing facility sabiex b’hekk aħna nwettqu dak li ma rnexillux iwettaq il-Gvern ta’ qabel.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm-il darba Transport Malta tat permess għall-bdil tar-rotta tal-karozzi tal-linja fil-lokalità ta' San Pawl il-Baħar matul ix-xhur Ġunju - Settembru 2013? Liema kienu r-rotot hekk effettwati u f'liema ġranet saru l-bidliet li ġew approvati?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li matul ix-xhur ta’ bejn Ġunju u Settembru 2013 ma kien hemm l-ebda tibdil fir-rotta tal-karozzi tal-linja fil-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar.
L-aħħar bdil li sar ġie fis-seħħ fit-30 ta’ Ġunju 2013 wara qbil bejn il-partijiet konċernati.
It-tibdiliet li saru huma hekk kif ġej:
1. Estensjoni tar-rotta bin-numru 13 ġewwa Pembroke fi Triq il-Professur Ganado;
2. Modifika fir-rotta 21 sabiex tibda tgħaddi minn Rue D’Argens minflok Triq Testaferrata f’triqitha lejn Tas-Sliema;
3. Estensjoni tar-rotta 82 biex tinkludi r-roundabout tal-Freeport;
4. Estensjoni tar-rotta 124 sabiex tinkludi l-lokalita’ tal-Isla.
Ġiet introdotta ukoll ir-rotta ġdida bin-numru 237 illi isservi lill-Paradise Bay, l-Għadira u Anchor Bay.
Fil-ġimgħat li għaddew, il-Kunsilli Lokali reġgħu ġew ikkonsultati biex jitħejjew ir-rotot finali skont kif propost. Dan l-eżerċizzju li kien imwiegħed li kellu jitlesta sal-aħħar ta’ Novembru diġa’ ġie iffinalizzat.
Ir-rotot il-ġodda ser jiġu ppubblikati fil-ġimgħat li ġejjin. Wara isiru it-taħditiet mal-operatur sabiex jiġi stabbilit kemm hemm bżonn ta’ aktar vetturi biex dawn ir-rotot ikunu jistgħu jiġu implimentati.
Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar liema kienu l-kunsilli lokali li talbu lill-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) biex jieħdu sehem fil-car free day ta' din is-sena? Liema minn dawn il-kunsilli ngħataw l-għajnuna ta' €2,000? Jista' jagħti tagħrif jekk hux kull kunsill li talab tali għajnuna fil-fatt ingħata din għajnuna?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Car free day Preparatory Committee rċieva ħmistax (15)-il talba mingħand Kunsilli Lokali biex jieħdu sehem fil-car free day. Minn dawn, il-Kunsilli Lokali tal-Furjana, Santa Venera, Ħad-Dingli, il-Kalkara, il-Mellieħa, Għajnsielem, Ħal Lija, il-Fgura, Ħ'Attard u l-Birgu ngħataw l-għajnuna ta' €2,000, fil-waqt li t-talba ta' ħames kunsill oħra ma ġietx milqgħuha.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 3746, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk fil-fatt il-camera li qed tissemma fir-risposta, għal dak li jikkonċerna l-bypass ta' San Pawl il-Baħar, fil-fatt kellha kollox lest għaliha, inkluż l-arbli fil-post, u li fil-fatt kien hemm vandaliżmu fuq il-parti tal-equipment li kienet diġà twaħħlet fil-post, vandaliżmu li kien jikkonsisti fi ħruq ta' dak li kien diġà fuq il-post?
Response (VELLA, KARMENU)
Ninsab infurmat mill-Kumitat Reġjonali Tramuntana li l-camera konċernata hi dik li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant. Din kienet twaħħlet fil-post imsemmi u sfat vandalizzata. Il-camera qatt ma ffunzjonat minħabba nuqqas ta’ qbil bejn il-Kumitat Konġunt Tramuntana, Transport Malta u l-operatur. Intant infurmat ukoll li l-Kumitat Reġjonali Tramuntana jinsab fil-proċess li jkomplu fuq din l-applikazzjoni.
Dipartiment tal-Agrikoltura – permessi għal irziezet taż-żwiemel
Question
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 4258, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien hemm talbiet għall-permessi għat-trobbija taż-żwiemel li ġew approvati mill-Ministeru jew xi dipartiment li jaqa' taħtu? Fejn huma dawn it-talbiet li ġew approvati, lokalità b’lokalità?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni li għaddewlna, t-tagħrif mitlub qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema huma l-kriterji li qed jintużaw minn Transport Malta għal dak li jirrigwarda approvazzjoni ta' reserved parking spaces f'lokalitajiet bħal San Pawl il-Baħar? Kemm ġew approvati talbiet simili f'San Pawl il-Baħar matul din is-sena u f'kull każ f'liema triq?
Response (MIZZI, JOE)
· L-approvazzjoni ta’ kaxxa riservata għal persuni b’diżabbilta’ tkun implimentata fl-eqreb parkeġġ skont il-liġi li jinsab fit-triq, mill-aċċess ta’ bieb ta’ barra tar-residenza reġistrata tal-persuna b’diżabbilta’. Din il-kaxxa tkun immarkata bis-simbolu internazzjonali ta’ siġġu tar-roti ġewwa kaxxa safra;
· Il-post ta’ residenza tal-persuna b’diżabbilta’ (hekk kif indikat fil-karta tal-identita’) m’għandux ikollu garaxx
, drive-in
jew spazju ieħor fil-konfini tal-istess propjeta’, jew f’distanza ta’ 100 metru ta’ din il-propjeta’, li jista’ jintuża bħala spazju għall-parkeġġ jew
car port,
suġġett għal xi permessi mitluba mill-MEPA
;
· F’każ li l-persuna b’diżabbilta’ għandha residenza tas-sajf, l-applikant għandu jiddikjara dan fl-applikazzjoni għal parkeġġ riservat fejn din tkun implimentata fir-residenza tas-sajf bejn ix-xhur ta’ Ġunju u Settembru, u/jew tkun implimentata wkoll fir-residenza prinċipali reġistrata bejn Ottubru u Mejju;
· Il-persuna b’diżabbilta’ ma tkunx tista’ timxi jew ikollha diffikulta’ severa biex timxi;
· Il-persuna b’diżabbilta’ għandha tkun ix-xufier/a tal-vettura, jew f’każ li l-persuna tuża’ siġġu tar-roti b’mod regolari jew għandha inqas minn tmittax-il sena, il-vettura trid tkun reġistrata fl-istess indirizz tar-residenza li għaliha qed issir it-talba;
· Il-vettura għandha tkun reġistrata fl-istess indirizz tal-parkeġġ riservat;
· Il-persuna b’diżabbilta’ għandha tkun Blue Badge holder;
· Il-persuna b’diżabbilta’ trid tkun residenti f’Malta mhux inqas minn tliet mija u ħamsa u tletin ġurnata fis-sena;
· Bħala regola ġenerali, kull permess għal parkeġġ riservat jiġi rivedut kull sena, madankollu l-bord jirriserva d-dritt li jirrevedi kull każ skont l-esiġenzi;
· Id-deċiżjoni tal-Bord tista’ tigi appellata fir-Review Panel, li jinsab fil-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabbilta’, Hamrun High Street, St. Venera, fi żmien tletin ġurnata mid-deċiżjoni tal-Bord;
· F’każ fejn il-parkeġġ riservat jintalab f’każ fejn ikun hemm diffikulta’ għall-aċċess tal-garaxx fir-residenza tal-applikant, u jekk l-applikant huwa eliġibli għal tali parkeġġ, din il-kaxxa riservata tiġi mmarkata quddiem dan il-garaxx.
F’din l-aħħar sena ġew approvati sittax-il kaxxa riservata għall-persuni b’diżabbilta’ kif ġej:
Kaxxi Riservati għall-Persuni b’Diżabbilta’ għal perjodu ta’ sena li tiġġedded huma fi:
Triq San Publiju
Triq Sir Luigi Preziosi
Triq il-Ħġejjeġ
Triq Parades
Triq ir-Rebbiegħa
Triq it-Torri
Triq il-Villeġġatura
Kaxxi Riservati għall-Persuni b’Diżabbilta’ għal perjodu ta’ erba’ xhur minn Ġunju sa Settembru huma fi:
Triq it-Turisti
Triq il-Katidral
Triq il-Knisja
Triq Għawdex
Plajjet Bognor
Triq San Ġwann Battista
Triq ta’ Żandu
Triq San Ġużepp
Triq in-Nawfraġju
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema rotot li jservu l-lokalitatjiet tal-Mellieħa u San Pawl il-Baħar huma mistennijia li jinbidlu fi żmien qasir?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li wara li saru l-ewwel konsultazzjoni mal-kunsilli lokali u mal-pubbliku inġenerali, saret analiżi mill-esperti tas-suġġerimenti u tal-kritika mressqa minnhom.
Fil-ġimgħat li għaddew, il-Kunsilli Lokali reġgħu ġew ikkonsultati biex jitħejjew ir-rotot finali skont kif propost. Dan l-eżerċizzju li kien imwiegħed li kellu jitlesta sal-aħħar ta’ Novembru, diġa’ ġie iffinalizzat.
Ir-rotot il-ġodda ser jiġu ppubblikati fil-ġimgħat li ġejjin. Wara isiru taħditiet mal-operatur sabiex jiġi stabbilit kemm hemm bżonn ta’ aktar vetturi biex dawn ir-rotot ikunu jistgħu jiġu mplimentati.
Transport Malta — enforcement notices lill-Kunsill lokali ta' San Pawl il-Baħar
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm-il każ ta' enforcement kien hemm minn Transport Malta għal dak li jirrigwarda l-Kunsill Lokali ta' San Pawl il-Baħar? X'kienu l-każijiet li għalihom ħarġu l-enforcement notices? X'passi oħra ttieħdu mill-Kunsill jew mill-istess Awtorità wara l-ħruġ ta' dawn in-notices?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li għalkemm inħarġu numru ta’ twissijiet ta’ nfurzar lill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar, inħarġet ittra ta’ nfurzar waħda fi Triq it-Turisti minħabba l-bini ta’ estenzjoni ta’ parti mill-bankina mingħajr il-permessi neċessarji tal-Awtorita’. Transport Malta ħadet il-passi neċessarji fuq il-post sabiex tiġi mneħħija l-estensjoni tal-bankina li saret bla permess.
San Pawl il-Baħar — devoluzzjoni ta' proprjetajiet
Question
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 3617, f’dak li jirrigwarda s-sit indikat għall-Kunsill Lokali ta' San Pawl il-Baħar, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema hu s-sit indikat fir-risposta? X'użu qed isir minn dan is-sit bħalissa, u kif mistenni jintuża l-istess sit matul iż-żmien li ġej?
Response (VELLA, KARMENU)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar li s-sit qed issirlu l-manutenzjoni meħtieġa. Parti minn dan is-sit ser jiġi użat bħala latrini pubbliċi, filwaqt li l-parti l-oħra ser tintuża bħala fergħa tal-uffiċini amministrattivi flimkien mal-Awtorità Maltija tat-Turiżmu, suġġett għall-permessi meħtieġa.
San Pawl il-Baħar — Spezzjonijiet fuq latrini pubbliċi
Question
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar xi spezzjonijiet isiru mill-Kunsill Lokali ta' San Pawl il-Baħar għal dak li jirrigwarda l-latrini pubbliċi tal-lokalità? Kemm isiru spezzjonijiet kuljum, u minn min? Kemm-il nuqqas ġie rappurtat wara dawn l-istess spezzjonijiet matul ix-xhur Lulju sa Settembru 2013?
Response (VELLA, KARMENU)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar li jsiru żewġ spezzjonijiet kuljum mill-kuntrattur responsabbli mil-latrini pubbliċi tal-lokalità, kif ukoll minn persuna oħra impjegata taħt l-iskema tal-Korporazzjoni għax-Xogħol u t-Taħriġ.
Infurmat ukoll li kien hemm diversi rapporti ta' nuqqasijiet li rriżultaw minn dawn l-ispezzjonijiet, uħud minuri u oħrajn riżultat ta’ vandaliżmu.
Ir-rapporti għall-perjodu bejn Lulju u Settembru 2013 għadhom qed jiġu evalwati sabiex tittieħed azzjoni.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm-il darba nħaslu l-bankini/toroq ta' San Pawl il-Baħar matul il-perijodu Ġunju - Settembru 2013? Min jaħsel dawn l-istess spazji u kemm ġie jiswa x-xogħol indikat? B'liema mod ingħata x-xogħol indikat?
Response (VELLA, KARMENU)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar li matul il-perjodu li jkopri minn Ġunju sa Settembru 2013, il-bankini u t-toroq max-Xatt ta’ Buġibba u l-Qawra inħaslu kuljum minn kuntrattur tal-Green MT u mid-Dipartiment tal-Manutenzjoni u Tindif.
Dan ix-xogħol ma sewa xejn finanzjarjament, wara ftehim bejn il-Kunsill Lokali u Green MT. Filwaqt li l-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar qiegħed jagħmel ġbir ta’ kartun sabiex jgħaddieh lil Green MT, il-kumpanija Green MT qiegħda tagħmel ix-xogħol tal-ħasil mingħajr ħlas.
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hemm dgħajjes luzzijiet tas-sajjieda jew privati, li huma reġistrati fir-reġistru bħala MFA, MFB u MFC rispettivament? Minn liema lokalitajiet huma dawk li għandhom tali opri tal-baħar reġistrati fuq isimhom?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni li għaddewlna, t-tagħrif mitlub qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar minn meta hu mistenni li jibdew jiġu organizzati tliet karnivali fis-sena? Fejn hu mistenni li jibdew jiġu organizzati dawn l-istess karnivali? Jekk hemm il-ħsieb li din is-sena jsir karnival ieħor, meta hu mistenni li jsiru, u fejn? Jista’ jagħti tagħrif dwar x’diskussjonijiet saru s’issa mal-kunsilli lokali involuti?
Response (VELLA, KARMENU)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li wara konsultazzjoni mad-dilettanti tal-Karnival il-Gvern iddeċieda li jsaħħaħ iċ-ċelebrazzjonijiet tal-Karnival tradizzjonali.
Fost numru ta’ inizjattivi ġodda, il-Karnival ser jirritorna fi Pjazza San Ġorġ fejn orġinarjament kien jiġi organizzat filwaqt li l-programm t’attivitajiet mistenni jkun aktar intensiv.
Sadanittant is-Segretarjat Parlamentari għall-Kultura u l-Gvern Lokali ta sehem dirett biex flimkien mal-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar jerġa’ mill-ġdid jiġi organizzat il-Karnival tas-sajf, b’mod aktar professjonali u attrajenti għal Maltin, l-Għawdxin u t-turisti li jattendu. L-esperjenza tal-Karnival f’San Pawl il-Baħar din is-sena jidher li intlaqgħet tajjeb kemm mill-pubbliku li attenda kif ukoll mid-dilettanti tal-karnival nfushom.
Id-deċiżjonijiet meħuda qegħdin isiru b’konsultazzjoni diretta mad-dilettanti tal-Karnival fl-aħjar interess tal-partijiet koncernati.
Kunsilli Lokali – xogħlijiet fuq ġonna u spazji pubbliċi
Question
B'referenza għar-risposti tal-mistoqsijiet parlamentari 1842, 2178, 2620, 2626 u 2795, jista' l- Ministru jagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm xogħol ieħor li sar minn dak iż-żmien sal-lum? Jista' jaġġorna l-Kamra dwar x'kien ix-xogħol li sar minn meta saru dawn id-domandi u minn min sar, sal-lum?
Response (VELLA, KARMENU)
Qiegħed inpoġġi l-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra.
B'referenza għar-risposti tal-mistoqsijiet parlamentari 171, 172, 390, 391, 430 431, 440 u 450 jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x’passi ħadet Transport Malta biex tassigura li d-deċiżjonijiet tagħha jiġu rispettati, u x'passi ħadet l-istess Transport Malta biex tassigura li ma twaħħlux sinjali u tabelli li mhumiex awtorizzati minn l-istess Transport Malta?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li kull meta Transport Malta tinġibdilha l-attenzjoni li jkunu twaħħlu xi tabelli li jkunu twaħħlu mingħajr l-awtorizazzjoni tagħha, l-istess Transport Malta tieħu l-passi meħtieġa bħal ma ġara fil-każijiet li qed jirreferi għalihom l-Onor. Interpellant.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm talbiet mill-Kunsill Lokali ta' San Pawl il-Baħar lil Transport Malta biex isiru zebra crossings, pelican lights jew traffic lights fil-lokalità ta' San Pawl il-Baħar, matul l-aħħar sena u nofs? Liema kienu dawn it-talbiet jekk saru, meta saru l-istess talbiet talba talba, u għal liema parti tal-lokalità ntalbu dawn l-istess domandi?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk fil-faċilitajiet li qed jiġu mibnija mill-ġdid fil-proġett tas-salini, (riabilitazzjoni u bini ta' huts u salini) hux se jkun hemm faċilitajiet ta' catering biex jaqdu lil dawk li jmorru jżuru s-sit? Jekk iva, jista' jagħti tagħrif dwar jekk ħarġux it-tenders għal dak li hu management ta’ dawn l-istess faċilitajiet? Jekk ħarġu t-tenders meta ħarġu, u min ħa l-istess tenders? Jekk ma ħarġux meta hu mistenni li joħorġu t-tenders għal dawn il-faċilitajiet?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill- Onorevoli Interpellant li l-intenzjoni hi li ġewwa Hut B li ser jintuża bhala Mużew fuq il-Melh ikun hemm cafeteria li tipprovdi 'lights snacks'. Bħalissa għadna fil-proċess li napplikaw il-MEPA għal 'change of use' minħabba li il-permess originali ma kienx jieħu ħsieb dan. Ninfurmah ukoll li ma inħarġu ebda tenders għal management.
San Pawl il-Baħar — Triq it-Turisti - Zebra crossing
Question
Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex jitlob lill-Kunsill lokali ta' San Pawl il-Baħar ħalli ż-zebra crossing li hemm fi triq it-Turisti, qrib l-Għassa tinżewbaħ għaliex qiegħda tkun ta' periklu għal dawk li jaqsmu minn hemmhekk?
Response (VELLA, KARMENU)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar li x-xogħlijiet rikjesti ma jistgħux isiru fil-preżent minħabba mandat ta’ inibizzjoni mill-Qrati ta’ Malta maħruġ fl-10 ta’ Settembru 2013.
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk kunsill lokali li jorganizza laqgħat għal xi settur jew sezzjoni tar-residenti fil-lokalità hux mistenni li jinforma lill-membri kollha tal-kunsill li laqgħa bħal dik tkun se tiġi organizzata, biex jiġi assigurat li l-membri kollha tal-kunsill lokali jkunu jistgħu jattendu għal tali attività? Kif inhu maħsub li l-kunsilliera jiġu infurmati b’laqgħat bħal dawn?
Response (VELLA, KARMENU)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-membri kollha ta’ Kunsill Lokali għandhom ikunu avżati b’kull attivita’ li ssir f’isem il-Kunsill Lokali. Kull Kunsillier għandu email account fis-sistema elettronika tal-Gvern u allura għandu jirċievi kull avviż permezz tal-posta elettronika. Dan kif stipulat f’Artiklu 32(3) tal-Liġi dwar il-Kunsilli Lokali.
Il-Kunsilliera jingħataw email personali u għaldaqstant hija fir-responsabilta’ tas-Segretarju Eżekuttiv li jinforma lill-Kunsilliera bl-attivitajiet.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 995, tista’ l-Ministru tagħti tagħrif dwar f’kemm mit-3,003 applikazzjoni pendenti saru spezzjonijiet minn uffiċjali tal-Awtorità tad-Djar matul l-aħħar erba’ xhur? F’liema lokalitajiet saru dawn l-ispezzjonijiet, bl-informazzjoni lokalità b’lokalità?
Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)
L-informazzjoni qed titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra.