Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta hu mistenni li l-ministeru jibda x-xogħol neċessarju fuq il-Menqa ta' San Pawl il-Baħar u dan qabel ma titkompla ssir iktar ħsara lill-istess Menqa?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol ta' tindif tal-Menqa u ta’ qtugħ ta' ġebel mill-barriera nbdew matul l-ewwel il-ġimgħa tas-sena. Il-ġebel ser jinħadem il-barriera biex kemm jista' jkun innaqqsu l-inkonvenjent tar-residenti ta' San Pawl il-Baħar.
Servizz tal-Karozzi tal-linja – tnaqqis bejn il-Milied u s-6 ta’ Jannar
Question
Billi jidher li s-servizz tal-karozzi tal-linja se jitnaqqas bejn il-Milied 2016 u s-6 ta’ Jannar 2017, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk Transport Malta approvatx tali tnaqqis, u jgħid ukoll jekk tali tnaqqis sarx ukoll fi snin preċedenti?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalma ġara fis-snin l-imgħoddija, fiż-żmien tal-Milied u tal-Ewwel tas-Sena, is-servizz tat-trasport pubbliku jiġi mħaddem fuq l-iskeda tas-Sibt. Madanakollu, is-servizz fuq dawk ir-rotot li jitħaddmu biss fost il-ġimgħa baqgħu jiġu pprovduti. It-tibdil temporanju fl-iskedi seħħ bejn is-26 ta’ Diċembru 2016 u s-6 ta’ Jannar 2017. Ta’ min wieħed jinnota li f’jum il-Milied, kif ukoll fl-Ewwel tas-Sena, s-servizz tat-trasport pubbliku jkun sospiż bejn nofsinhar u t-tlieta ta’ wara nofsinhar.
Infurmat ukoll li Transport Malta, hekk kif għamlet fis-snin ta’ qabel, awtorizzat tali tibdil.
San Pawl il-Baħar – Triq San Ġorġ – xogħol ta’ trinek
Question
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk Transport Malta tatx permess għal xogħol ta’ trinek ħdejn il-GO fi Triq San Ġorġ f’San Pawl il-Baħar? Jista’ jieħu l-passi neċessarji biex it-trinka li saret, tingħalaq kif suppost?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li hemm żewġ permess li nħarġu fejn l-exchange tal-Go Plc ġewwa Triq San Ġorġ San Pawl il-Baħar. Jirriżulta li x-xogħlijiet fuq dawn iż-żewġ trinek ingħalqu bl-asfalt.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'wassal biex l-Airmalta se twaqqaf it-titjiriet tagħha lejn Manchester fiż-żmien li ġej? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk dan il-fatt kienx komunikat lill-imsieħba soċjali waqt il-laqgħa li kien hemm tal-MCESD? Jekk iva, x'kienet ir-reazzjoni għal dan? Jekk le, x'wassal biex dan ma ġiex komunikat meta jidher li d-deċiżjoni kienet diġà meħuda? Kemm kien in-numru ta' passiġġieri li nġarru mill-Airmalta minn din ir-rotta partikulari matul l-2016?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-laqgħa mal-MCESD kienet laqgħa tajba ħafna u li l-Ministru ser jibqa’ jagħmilha minn żmien għal żmien sabiex jibqa’ jinforma lill-imsieħba soċjali tax-xogħol li qed jagħmel il-Gvern bħala azzjonista tal-linja tal-ajru nazzjonali, flimkien mal-Bord tad-Diretturi u l-Manigment wara l-fjask wieħed wara l-ieħor li għamlu amministrazzjonijiet Nazzjonalisti preċedenti fl-Air Malta.
Fit-tieni lok, il-laqgħa mal-MCESD kienet laqgħa fuq livell ta’ Gvern u kif qed jara l-linja tal-ajru nazzjonali għaż-żmien li ġej. Tant huwa hekk, illi ma kien hemm ħadd mil-linja tal-ajru li attenda għal-laqgħa u l-laqgħa saret skont aġenda li ġiet innotifikata minn qabel. Din il-laqgħa saret ukoll skont il-mansjonijiet li għandha l-MCESD skont il-liġi, jiġifieri, li fuq livell ġenerali tiddiskuti materji ta’ natura ekonomiċi u soċjali ta’ pajjiżna. Hekk fil-fatt sar.
Fit-tielet lok, il-Gvern bħala azzjonista ma’ jindaħalx f’deċiżjonijiet ta’ maniġment u hekk ser jibqa’ jagħmel. Id-deċiżjoni ta’ Manchester kienet deċiżjoni tal-Air Malta li l-Gvern jaqbel magħha għaliex hija waħda minn ħolqa ta’ deċizjonijiet intiżi sabiex l-Air Malta ssir vijabbli.
Fir-raba lok, ser ikun hemm aktar deċizjonijiet importanti li ser jittieħdu mingħajr biżgħa ta’ xejn u b’determinazzjoni sabiex l-Air Malta tiġi kummerċjalment vijabbli lil hinn milli tissieħeb ma’ sieħeb strateġiku jew le.
L-ispjegazzjoni tal-Air Malta għal din id-deċizjoni hija s-segwenti:
“Bħala linja tal-ajru, li topera f’ambjent tant kompetittiv, l-Air Malta kontinwament taħdem biex tinkiseb effiċjenza operattiva u timmassimizza l-opportunitajiet billi topera skeda ta’ titjiriet l-aktar li huma konvenjenti. F'dan ir-rigward, il-linja tal-ajru qed tkompli bl-isforzi tagħha biex tirfina l-iskeda tagħha tas-sajf 2017 għal titjiriet aktar attraenti, kemm għall-vjaġġaturi minn Malta kif ukoll għall-turisti li jżuru l-gżejjer. Fuq kollox, huwa neċessarju illi l-Air Malta timmassimizza wkoll l-profittabbiltà u d-dħul fuq l-investiment tagħha. Dan huwa il-qalba ta' dak kollu li jsir mil-linja tal-ajru”.
“L-Air Malta tiddikjara li qed tiproġetta li titlef madwar żewġ miljun ewro fi spejjeż varjabbli jekk topera r-rotta lejn Manchester, b’erba’ titjiriet fil-ġimgħa, fis-sajf tal-2017.
L-Air Malta tieħu r-responsabbiltajiet tagħha bis-serjetà ħafna bħala linja nazzjonali tal-gżira. Id-deċiżjoni li tagħlaq ir-rotta ta' Manchester ittieħdet wara analiżi bir-reqqa tad-domanda u l-provvista. Minħabba d-distanza tal-vjaġġ, Manchester hija wkoll rotta għalja biex topera u għalhekk kellha tiġi mwaqqfa snin ilu. L-Air Malta tinnota illi din ir-rotta hija moqdija sew permezz ta’ diversi linji tal- ajru low-cost u l-linji charter, li huma kapaċi jissussidjaw ċerti rotot.
L-Air Malta ma tistax tinjora l-obbligi kummerċjali tagħha. Allura, filwaqt li konxji tal-ħtiġijiet tal-ekonomija lokali, ma jistgħux jittieħdu deċiżjonijiet li jipperikolaw il-vijabbiltà tagħha billi tkompli topera rotot li kienu qed jagħmlu telf. L-Air Malta għandha ssaħħaħ rotot profittabbli u tespandi l-offerta tagħha. Filfatt, minn Mejju 2017, il-linja tal-ajru ser iżżid il-frekwenzi fuq Munich, Brussell, Amsterdam, Vjenna, Zurich, Ruma, Catania, Lyon, Palermo, Praga u Moska. L-Air Malta ser tirdoppja titjiriet kuljum, waqt il-peak season, lejn Munich, Ruma u Catania. Dan filwaqt li ser iżżomm sittax-il titjira fil-ġimgħa lejn Pariġi u tlett servizzi kuljum lejn Londra. Għas-sajf li ġej, l-Air Malta ser tkun qed topera 150 titjira fil-ġimgħa lejn 29 destinazzjoni bil-għan illi ġġorr 1.2 miljun passiġġier bl-istess flotta ta’ tmien ajruplani bħal din is-sena”.
Finalment inserraħ ras l-Interpellant li s-sena 2017, minn ottika turistika, ser tkun sena ta’ suċċess akbar mis-sena li għaddiet u l-Gvern determinat li jilħaq l-objettivi li huwa diġa’ poġġa għas-sena 2017.
Billi d-dwal fuq l-arbli li hemm fi Triq il-Pijunieri, hekk kif tikser lejn Triq l-10 ta' Frar, ilhom bil-ħsara għal diversi ġimgħat, jista’ l-Prim Ministru jitlob lill-Enemalta biex twettaq it-tiswijiet neċessarji fuq dawn l-istess dwal?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ġejt infurmat mill-Enemalta plc li t-tiswijiet meħtieġa fit-triq indikata tlestew fil-jiem li għaddew.
Fondi għand il-PA bħala parti mill-ħruġ ta’ permessi għall-bini
Question
Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif, lokalità b’lokalità dwar kemm huma l-fondi li hemm preżentement għand il-PA, jew f'xi fond ieħor li jista' qed jieħu ħsieb dawn il-flus, li huma miġbura permezz ta' ħlasijiet ta' CPPS, UIF, u ħlasijiet oħra li jista’ saru, bħala parti mill-ħruġ ta' permessi għall-bini, lokalità lokalità għal kull wieħed minn dawn is-sorsi differenti?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra it-tagħrif mitlub.
Bini ta’ Selmun Palce Hotel u l-Fortizza ta’ Campbell
Question
Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar x'inhuma l-aħħar żviluppi li seħħew għal dak li jikkonċerna l-bini li kien jifforma Selmun Palace Hotel, kif ukoll dak li jikkonċerna l-bini li kien jifforma l-Fortizza ta' Campbell, it-tnejn f'Selmun, limiti tal-Mellieħa? Meta hu mistenni li jkun hemm żvilupp f'dawn is-siti ta' importanza storika? Kif qed jiġi assigurat li ma' jkunx hemm iktar ħsarat f'dawn l-istess inħawi?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fir-rigward tal-Fortizza Campbell, m’hemm l-ebda żviluppi ġodda dwar din il-proprjeta.
Rigward l-propjeta l-ohra, nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija lill Ministru kkonċernat.
Billi jidher li matul il-jiem li ġejjin l-MCESD ser ikun qed jiddiskuti dak li qed jiġri fl-AirMalta, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'kienu l-aħħar żviluppi li seħħew, kif ukoll x'informazzjoni ġdida hi mistennija li tingħata lill-MCESD, li sa issa għadha mhix magħrufa lill-pubbliku, u b'mod partikulari lill-ħaddiema ta' din l-istess organizzazzjoni? X'żamm lill-Gvern milli ma jgħaddix lill-Parlament l-informazzjoni li ser tgħaddi lill-MCESD?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, ninsab ferm sorpriż b’din id-domanda. Din is-sena għamilt żewġ stqarrijiet Ministerjali fil-Parlament u weġibt id-domandi kollha rivolti lili mill-membri tal-Oppożizzjoni, inwieġeb regolarment għal domandi Parlamentari li jigu rivolti lili fuq l-Air Malta, u kif ukoll stedint lill-Oppożizzjoni stess, inkluż lill-Onorevoli Ċensu Galea fil-Ministeru fejn ingħata preżentazzjoni dwar l-Air Malta.
Dan jikkuntrasta ħafna l-mod kif kienet taħdem l-Oppożizzjoni meta kienet fil-Gvern fil-leġislatura preċedenti fejn kienet dejjem tinħeba taħt sensittivita’ kummerċjali u ma twieġeb bażikmanet xejn dwar l-Air Malta.
Kienu l-istess MCESD li stednuni sabiex niltaqa’ magħhhom u jiena aċċettajt l-invit tal-MCESD sabiex issir diskussjoni.
Nieħu l-okkazzjoni li nwiegħed lill-pubbliku ġenerali u b’mod partikolari lill-ħaddiema tal-Air Malta, li kwalunkwe żvilupp ser ikun ikkomunikat lilhom kif dejjem sar u nirringrazzja lill-istess ħaddiema tax-xogħol tant siewi li jagħmlu għal-linja tal-ajru nazzjonali tagħna.
Ġbir ta’ flus permezz tal-ħlas ta’ 50 ċenteżmu għal kull lejl li ħallsu t-turisti
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien sa issa l-ammont ta' flus li nġabar permezz tal-ħlas ta' 50 ċenteżmu għal kull lejl li ħallsu t-turisti li ġew Malta u Għawdex minn meta daħal dan l-istess ħlas? Jista' l-Ministru jagħti tagħrif, lokalità b'lokalità dwar kemm kien il-ġbir minn kull waħda minn dawn il-lokalitajiet?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, minħabba li l-ewwel perjodu ta’ skadenza, għall-ġbir ta’ din il-kontribuzzjoni mill-Kummissjaru tat-Taxxi għadu mgħaddiex, hu prematur li wieħed iwieġeb għal din id-domanda.
Mellieħa, Naxxar u San Pawl il-Baħar – rapporti ta’ abbuż ta’ ħsejjes li joriġinaw mill-bars u restaurants
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien in-numru ta' rapporti dwar abbuż ta' ħsejjes li joriġinaw minn bars u restaurants, fil-lokalitajiet tal-Mellieħa, in-Naxxar, u San Pawl il-Baħar, rispettivament, xahar b’xahar, matul din is-sena?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u r-risposta se tingħata f’seduta oħra.
B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 29117, jista' l-Ministru jagħti t-tagħrif mitlub f'dik id-domanda, billi l-informazzjoni li ta fir-risposta hi limitata għal informazzjoni ta' xahrejn partikulari u l-kumplament tad-domanda kif imqiegħda, ma ġietx imwieġba?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi Transport Malta ma tista’ żżomm l-ebda records ta’ vetturi bi pjanċi barranin li jkunu fiċ-ċirkolazzjoni u dan peress li Artikolu 18 tal-Att dwar ir-Reġistrazzjoni u l-liċenzjar ta' vetturi bil-mutur, jistipola li kull vettura rreġistrata f’pajjiż ieħor tista' tiddaħħal u tinstaq f’Malta temporanjament għal perjodu konsekuttiv li ma jkunx jaqbeż seba’ xhur f’perjodu ta' tnax il-xahar, izda l-Ufficjali tal-Pulizija kif ukoll l-Ufficjali ta' l-Awtorita' jwaqqfu dawk is-sidien li l-vetturi tagħhom ma jkunux qegħdin skont ir-regolamenti stipulati u jekk jinstab li dawn mhux konformi allura dik il-vettura tiġi rmunkata.
Fir-rigward tal-informazzjoni dwar kontravenzjonijiet li twettqu minn vetturi bi pjanċi barranin minn Ottubru 2016 ‘l quddiem jiena nfurmat illi din l-informazzjoni tinsab għand l-Awtoritajiet kompetenti.
Triq minn ħdejn il-breakwater ta’ Buġibba sa ħdejn il-Qawra Palace Hotel – dwal mitfija
Question
Billi jidher li numru sostanzjali ta' dwal matul it-triq li twassal minn ħdejn il-breakwater ta' Buġibba, sa ħdejn il-Qawra Palace Hotel huma mitfija, minħabba xi manutenzjoni jew raġunijiet oħra, jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex dawn l-istess dwal jiġu mixgħula kemm jista' jkun malajr peress li qed jinħolqu diffikultajiet għal dawk li jgħaddu minn dawk l-inħawi?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li mill-investigazzjoni li għamlu uffiċjali tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet irriżulta li n-numru ta’ arbli fi stat ħażin kien ħafna akbar milli oriġinarjament maħsub. Għal dan il-għan ittieħdet deċiżjoni li dawn l-arbli tad-dawl dekorattivi jinbidlu kollha u għall-bidu tas-sena d-dieħla ser tinħareġ sejħa għall-offerti biex isiru oħrajn ġodda minflokom.
L-arbli dekorattivi li nqalgħu ma jistgħux jerġgħu jeħlu għax huma fi stat ta’ deterjorazzjoni, tant li uħud minnhom kienu qed ikunu ta’ periklu għall-pubbliku li juza l-promenade.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 29119 li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura u li issa ġiet riferuta lilu u jagħti tagħrif dwar liema kienu l-kunsilli lokali li kienu applikaw biex jasfaltaw rural roads permezz ta’ fondi mill-Unjoni Ewropea, meta kien hemm din l-iskema? Liema minn dawn it-talbiet intlaqgħu u liema le? Fejn it-talbiet ma ntlaqgħux, x’kienet ir-raġuni għal dan?
Response (GRECH, LOUIS)
Ninsab infurmat li l-Kunsilli Lokali imsemmija kif ġej, applikaw mal-Local Action Groups (LAGs) rispettivi biex jasfaltaw rural roads permezz ta’ fondi mill-Unjoni Ewropea għall-Programming Period 2007-2013: Attard, Birżebbuġa, Dingli, Għarb, Għasri, Għargħur, Kirkop, Lija, Luqa, Marsaskala, Mdina, Mellieħa, Mġarr, Nadur, Qala, Qrendi, Sannat, San Pawl il-Baħar, Siġġiewi, Xagħra, Żabbar, Żebbuġ, Żejtun u Żurrieq.
Jirriżulta li l-LAGs laqgħu l-applikazzjonijiet tal-Kunsilli Lokali kollha minbarra dik tas-Siġġiewi peress li ġiet sottomessa tard kif ukoll dik ta’ San Pawl il-Baħar minħabba li kien hemm inkonsistenza fl-applikazzjoni.
Xtaqt ninforma lill-Onorevoli Interpellant wkoll li l-Kunsill Lokali ta’ Ħal Lija rtira min-naħa tiegħu l-applikazzjoni.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'tip ta' xogħol sar matul l-aħħar jiem, minn ħaddiema ta' Transport Malta (TM), jew minn kuntratturi mqabbda minn TM, biex jagħmlu xogħol fit-triq prinċipali li mix-Xemxija twassal sal-Mellieħa? Meta sar dan ix-xogħol?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan l-aħħar sar xogħol ta’ patching kif ukoll xi xogħol ta’ manutenzjoni fuq il-bankini.
Front ta’ Buġibba, Toroq dawret il-Gżejjer u Triq il-Qawra – xogħlijiet mill-WSC
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk Transport Malta (TM) għamlitx xi koordinazzjoni partikulari mal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (WSC) biex jiġi koordinat ix-xogħol li l-WSC qed tgħid li trid tagħmel fil-front ta' Buġibba, fit-toroq Dawret il-Gżejjer, u Triq il-Qawra? Jekk iva, meta saret din il-koordinazzjoni? X'tip ta' permessi ngħataw minn TM lill-WSC biex twettaq dan ix-xogħol? Għal liema żmien ingħataw dawn l-istess permessi?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta ma kellha l-ebda talba għall-konsultazzjoni jew ħruġ ta’ permessi mill- Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għal dawn ix-xogħlijiet.
San Pawl il-Baħar, Buġibba u l-Qawra – belisha lights mhux jaħdmu
Question
Billi kważi l-belisha lights kollha li hemm madwar San Pawl il-Baħar, Buġibba u l-Qawra mhux qed jaħdmu, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta saru l-aħħar spezzjonijiet fuq dawn il-lights, u x'irriżulta minn dawn l-istess spezzjonijiet? Meta hu mistenni li dawn il-lights jiġu rranġati?
Response (MIZZI, JOE)
Ninsab infurmat li f’Awwissu ta’ din is-sena, il-Belisha lights kollha ta’ San Pawl il-Baħar, Buġibba, Qawra u Xemxija saritilhom manutenzjoni, li kienet tikkonsisti fi bdil ta’ arbli, żebgħa, u bdil ta’ bozoz u globi.
Minn spezzjoni li saret il-bieraħ, irriżulta li kien hemm xi dwal li ma kienux qed jiffunzjonaw . Dawn ser jiġu rranġati fil-jiem li ġejjin.
B'referenza għar-risposta ta' mistoqsija parlamentari 28980, jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar kif se jiġi assigurat li l-basemap li għaddiet mingħand l-Awtorità tal-Ippjanar għal għand Identity Malta hi kompluta meta hemm binjiet li ilhom mibnija numru kbir ta' snin , li uħud minnhom huma wkoll mibnija mill-gvern, li iżda xorta ma jidhrux fuq il-pjanti li għaddew għal għand Identity Malta? Jista' jieħu l-passi neċessarji biex dawn il-pjanti fil-fatt jiġu aġġornati?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità għadha kif xtrat software ġdid li jista’ ma jkunx kompatibbli mas-sistema li għandhom Identity Malta. Bħalissa qed issir proċess ta’ quality control fuq id-data li ngħatat lil Identity Malta biex, jekk huwa l-każ, jigu vverifikati xi nuqqasijiet u tinstab soluzzjoni mmedjata.
Jista' l-Prim Ministru jieħu l-passi neċessarji biex Triq Daħlet ix-Xmajjar, fil-parti magħrufa bħala Żona C, fejn xi żmien ilu kien sar xogħol mill-Enemalta, li iżda baqa’ qatt ma ġie rranġat sew wara li sar l-istess xogħol, jittieħdu l-passi neċessarji biex din il-parti tat-triq tiġi rranġata mill-ġdid, u dan biex ma jibqgħux isiru ħsarat kemm lill-istess triq kif ukoll għal dawk il-vetturi li jgħaddu minnha?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ġejt infurmat minn Enemalta plc li saru xogħlijiet ta’ tħaffir f’din it-triq biex tissaħħaħ is-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku u tkompli titjieb il-kwalita’ tas-servizzi lill-klijenti. It-trinka saret fi trejqa fil-kampanja li mhijiex miksija bl-asfalt. It-tiswijiet tal-partijiet tat-triq fejn saret it-trinka ser jitlestew fil-ġimgħat li ġejjin.
Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar jekk Projects Malta fasslitx xi programm ta' xogħol bħal dak li tfassal għall-inħawi ta' Marsaxlokk, biex isir l-investiment neċessarju fuq it-toroq ta' Buġibba, Qawra u San Pawl il-Baħar, u dan għaliex kif inhu magħruf, dawn l-inħawi jservu ta' residenza għal madwar erbgħin elf ruħ, u wkoll il-lokal li fih l-ikbar numru ta' sodod għat-turisti (iktar minn 12,000 sodda)? Jista' jagħti tagħrif jekk fil-fatt Projects Malta għandhiex xi pjan ta' investiment għal dawn l-inħawi, u fil-każ, fiex mistenni li jintefqu l-flus?
Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma — twettiq ta’ xogħol infrastrutturali fil-front ta’ Buġibba/Qawra
Question
B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 29074, jista’ l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (WSC) hux ser takkwista l-istess site plan minn xi entità governattiva jew għandhiex inkun jien li nipprovdi din is-site plan, għaliex naħseb li t-triq indikata hija ċara biżżejjed liema hi, ukoll jekk għandha ismijiet differenti għal partijiet differenti tagħha?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ġejt infurmat mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma illi dawk kollha li jkunu qegħdin jitolbu xi informazzjoni, jistgħu jagħmlu dan billi jagħmlu riferenza għal site plan u dan bil-għan li ma jkunx hemm nuqqas ta’ ftehim.