Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien hemm bdiewa jew oħrajn li talbu li jibdew jagħmlu użu mill-farmers’ markets tal-Birgu? Meta bdew f’kull każ joperaw minn dan is-suq u kemm-il darba fetaħ dan is-suq? Kemm hemm talbiet pendenti biex bdiewa jibdew jarmaw f’dan il-post? Minn liema lokalitajiet, separatament, huma dawk li għandhom applikazzjoni pendenti, u dawk li diġà qed jarmaw, lokal b’lokal?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li b’kollox kien hemm 22 applikazzjonijiet. Minn dawn 12 ġew aċċettati, 4 ġew rifjutati u 6 għadhom pendenti. Minn dawk li ġew aċċetati, 5 huma mis-Siġġiewi u l-oħrajn mill-Gudja, mill-Fgura, minn Ħaż-Żabbar, mir-Rabat, minn Ħad-Dingli, mill-Marsa u mill-Imġarr. Dawn kollha bdew joperaw fl-aħħar t’ Awwissu li għadda.
Ninsab infurmat ukoll li s-6 applikazzjonijiet pendenti huma mill-Qrendi, mill-Imġarr, tnejn mir-Rabat u tnejn minn Ħaż-Żebbug.
San Pawl il-Baħar – il-Menqa – ordnijiet fuq opri tal-baħar
Question
Jista’ l-Ministru jgħid għaliex is-sidien tad-dgħajjes li jtellgħu l-opri tal-baħar tagħhom ħdejn il-Menqa, San Pawl il-Baħar qed jiġu ordnati mill-pulizija biex ineħħu d-dgħajjes tagħhom minn dan il-post, meta l-ispazju nbena apposta biex dawk li għandhom opra tal-baħar itellgħuha f’din il-parti ta’ San Pawl il-Baħar, b’mod partikolari matul ix-xhur tax-xitwa, meta tkun qiegħda ssir manutenzjoni ta’ dawn l-opri?
Response (MALLIA, EMANUEL)
Ninsab infurmat illi l-Pulizija kellha diversi lmenti mill-pubbliku illi f’dan il-post kien hemm diversi opri tal-baħar u xi karrijiet tad-dgħajjes li kienu hemm mitluqgħa għal tul ta’ żmien. Għaldaqstant il-Pulizija bdiet eżerċizzju sabiex tidentifika lis-sidien tagħhom ħalli dawn l-oġġetti ta’ ingombru jitneħħew. Dan skond kif jipprovdu Regolamenti dwar l-ikklampjar u t -tneħħija ta’ vetturi bil-mutur u oġġetti ta’ ingombru. Ħafna minn dawn l-opri tal-baħar kienu ilhom mitluqa abbandunati hemm is-snin.
San Pawl il-Baħar – il-Menqa — tneħħija ta’ dgħajjes u opri tal-baħar
Question
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar x’rappreżentazzjonijiet għamel il-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar kontra t-tneħħija tad-dgħajjes u opri oħra tal-baħar minn ħdejn il-Menqa f’San Pawl il-Baħar? Meta saru dawn ir-rappreżentazzjonijiet u lil min? X’kienu r-risposti li rċieva l-kunsill dwar dawn l-ilmenti?
Response (VELLA, KARMENU)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar li ma għamilx rappreżentazzjonijiet kontra t-tneħħija tad-dgħajjes u opri oħra tal-baħar minn ħdejn il-Menqa f’San Pawl il-Baħar.
San Pawl il-Baħar – ħażna ta’ materjal li ttella’ mill-Qawra
Question
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 4813, jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar jekk l-imsemmi ramel għadux fis-sit imsemmi inkella ntradam b'xi materjal ieħor li twaddab fl-istess post? Jekk sar xogħol f'dan is-sit min wettaq dan l-istess xogħol, u taħt liema kundizzjonijiet? Jista' jagħti wkoll tagħrif dwar jekk fis-sit kienx hemm numru ta' siġar li spiċċaw bħal qasab jixxejjer mar-riħ minħabba l-mod ta' kif inqatgħu dawn l-istess siġar?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninforma lill-Onerovoli interpellant li l-MEPA m'ghandiex aktar informazzjoni xi zzid mar-risposta li nghatat ghall-Mistoqsija Parlamentari Nru 4813. Dan ghaliex skont regolament 12 tal-Avviż Legali 184/2011 huwa obbligu tal-'waste holder' biex jimmaniġġja l-materjal skont il-proviżjonijiet tal-ligi. Il-MEPA lanqas ma rċeviet applikazzjonijiet li jikkonċernaw żbir ta' siġar fl-istess sit.
San Pawl il-Baħar — Triq ir-Rebbiegħa – reserved parking spaces
Question
B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 4812, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta ġew approvati kull waħda mit-talbiet imsemmija fir-risposta? Jista' jagħti wkoll tagħrif dwar taħt liema wieħed mill-kriterji ta' Transport Malta ġew approvati, individwalment, kull waħda minn dawn il-kaxxi? Jista' l-Ministru jagħti wkoll tagħrif dwar jekk sarux spezzjonijiet fuq il-post minn uffiċjali ta' Trasport Malta qabel ġew approvati? Jista' jagħti wkoll tagħrif dwar jekk l-applikanti għandhomx il-blue sticker ta' persuni b'diżabilità? Jista' jagħti wkoll tagħrif dwar jekk fil-fatt ġewx verifikati ċ-ċertifikati li kienu ppreżentati jekk kienu ppreżentati?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Inperpellant li ninsab infurmat li dawn l-applikazzjonijiet għal parkeġġ riservat ġew approvati f’dawn id-dati: 6 ta’ Jannar 2009, 10 ta’ Settembru 2012 u 29 ta’ Lulju 2013. Dawn il-kaxxi ta’ parkeġġ riservat kienu kollha jissodisfaw il-kriterju ta’ nuqqas ta’ mobbiltà kif ukoll il-kriterji amministrattivi. Transport Malta ma kellha l-ebda indikazzjoni mill-kunsill lokali li kien hemm bżonn ta’ spezzjoni fuq il-post waqt il-proċess inizjali ta’ konsultazzjoni rigward dawn l-applikazzjonijiet.
L-applikanti kollha għandhom il-Blue Badge tal-persuni b’diżabbiltà, kif ukoll kull applikazzjoni kellha ċ-ċertifikati kollha meħtieġa ffirmati u ttimbrati mit-tobba rispettivi.
San Pawl il-Baħar — Triq Ġulju - Trasport Pubbliku
Question
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 4805, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta saru t-talbiet biex id-devjazzjonijiet imsemmija jiġu fis-seħħ? Min talab il-permessi meħtieġa, min approva l-istess talbiet, u kif kien mgħarraf lill-pubbliku inġenerali li kien se jkun hemm dawn il-bidliet imsemmija fir-risposta? Fejn ħarġu l-avviżi neċessarji dwar dan it-tibdil, u meta, f'kull dehru l-avviżi (jekk kien hemm avviżi)? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' dawn l-istess avviżi? Jista' jagħti wkoll l-informazzjoni mitluba fid-domanda oriġinali, u dik mitluba f'din id-domanda, għax-xhur Ġunju sa Awwissu ta' din is-sena?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tlett talbiet għall-għeluq ta’ Triq Ġulju saru mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar skont kif ġej:
- “European Mobility Week” fejn it-talba saret nhar l-4 ta’ Settembru 2013
- “Festival Marittimu” fejn it-talba saret nhar is-17 ta’ Settembru 2013
- “Russian Cultural Event” fejn it-talba saret nhar is-26 ta’ Settembru 2013
Infurmat ukoll illi id-Direttorat għat-Trasport fuq l-Art m’oġġezzjonax għat-talbiet li saru sabiex jinżammu l-attivitajiet, madanakollu l-permess tal-għeluq tat-triq ma’ nħariġx minn Transport Malta. Ir-responsabbilta’ li tavża lill-pubbliku in ġenerali b’għeluq ta’ triq hija ta’ min qed jagħmel it-talba, jiġifieri f’dan il-każ tal-Kunsill Lokali ta’ San Paw il-Baħar. Għaldaqstant, Transport Malta m’għandhiex għad-disposizzjoni tagħha kopja ta’ xi avviż li seta’ nħareġ f’dan ir-rigward.
Infurmat ukoll li bejn Ġunju u Awissu ta’ din is-sena kien hemm żewġ okkażjonijiet fejn ġie affetwat it-traffiku li jgħaddi minn Dawret il-Gżejjer u li t-talbiet tagħhom saru mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar:
- Fit-2 ta’ Lulju għall-“Community Chest Fund” fejn fid-9 t’ Awissu l-karozzi tal-linja ġew devjati minn Triq il-Qawra;
- Fit-23 ta’ Lulju għall-“Karnival tas-Sajf” fejn fis-17 u t-18 t’Awissu l-karozzi tal-linja ġew devjati minn Triq il-Qawra.
Infurmat ukoll illi fl-14 ta’ Lulju ġiet organizzata attivita’ mill-Korp tal-Pulizija fil-pjazza ta’ Buġibba u minħabba f’hekk, it-trasport pubbliku hu u dieħel lejn il-bus terminus ta’ Buġibba ġie devjat minn Triq il-Pijunieri għal Triq it-Turisti filwaqt illi l-ħruġ mit-terminus kien devjat minn Triq il-Ħallel għal Triq il-Pijunieri.
Kunsilli lokali — talbiet għall-fondi għal wirt storiku
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hemm talbiet pendenti sottomessi minn kunsilli lokali differenti, mis-7 u t-12-il distrett elettorali, biex jingħataw għajnuna ħalli l-istess kunsilli lokali jkunu jistgħu jħarsu xi wirt storiku partikolari? F'kull każ liema huma t-talbiet li għadhom pendenti f'dan ir-rigward?
Response (VELLA, KARMENU)
Nifhem li l-Onor. Interpellant qed jirreferi għall-aħħar Skema ta’ Restawr ta’ Postijiet Storiċi Żgħar. Din l-iskema kienet deċiża u l-aġġudikazzjoni tagħha finalizzata. Għaldaqstant infurmat li ma hemmx talbiet pendenti.
Jista’ l-Ministru jassigura li kull deċiżjoni li tittieħed mill-kunsilli lokali tkun rekordjata fil-minuti tal-istess kunsill, b'vot kull darba, għal kull proposta, wara li dik il-proposta tkun ġiet diskussa formalment, u ma jkun hemm l-ebda azzjoni li tittieħed mingħajr ma jkun hemm deċiżjoni formali dwarha, ukoll jekk tali deċiżjoni tkun ta' benefiċċju għal xi residenti?
Response (VELLA, KARMENU)
L-Onor. Interpellant jifhem li t-teħid tal-minuti tal-laqgħat tal-Kunsilli Lokali, inkluż riżultati ta’ votazzjonijiet, proposti mressqa u deċiżjonijiet meħuda fost l-oħrajn, huwa kompitu tas-Segretarju Eżekuttiv. Il-minuti ta’ kull laqgħa wara li jinqraw jiġu approvati mill-Kunsill, u wara ffirmati mis-Segretarju Eżekuttiv u mis-Sindku tal-lokalità.
L-Onor. Interpellant japprezza wkoll li għal kull minuta li ssir hemm lok u spazju biex issir korrezzjoni, skont kif imqajma u mitluba mill-membri tal-Kunsill Lokali, li jirriflettu dak li jkun seħħ fil-laqgħa li tagħha jkunu ttieħdu l-minuti.
Jista’ l-Ministru jgħid liema huma l-kunsilli lokali li bdew jagħmlu live streaming tal-laqgħat tal-kunsill? Meta, f'kull każ, bdew dawn il-laqgħat, liema laqgħat ġew streamed, u kif wieħed jista' jaċċessa dawn l-istess trażmissjonijiet?
Response (VELLA, KARMENU)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 4694, fejn jien tlabt speċifikament dwar laqgħat pubbliċi dwar xogħlijiet infrastrutturali, jista’ l-Ministru jagħti r-risposta għad-domanda kif saret, u jagħti risposta dwar x'kienu r-rakkomandazzjonijiet li ġew diskussi u maqbula? Jista' jagħti tagħrif dwar x'inhi t-tifsira tal-kliem 'LAQGĦA ĠENERALI' kif użata fir-risposta, u jagħti wkoll tagħrif dwar liema proġetti partikulari ġew diskussi? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-reklami li saru fil-gazzetti u fin-notice boards?
Response (VELLA, KARMENU)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar li, apparti l-Laqgha Annwali tal-Lokalità, issejħet laqgħa pubblika apposta dwar xogħlijiet infrastrutturali fil-perjodu ndikat. Infurmat li għal din il-laqgħa kienu mistiedna l-entitajiet kollha konċernati permezz ta’ email. Matul il-laqgħa kien maqbul l-immaniġġjar tat-traffiku waqt l-iżvilupp tal-kumpless San Antonio Hotel & Spa Malta.
Intant qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-Aġenda tal-Laqgħa Annwali tal-Lokalità, kif ukoll kopja tar-reklam mitlub.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema kienu l-laqgħat li saru mill-Kunsill Lokali ta' San Pawl il-Baħar, dwar proġetti jew ħtiġijiet oħra fil-lokalità ta' San Pawl il-Baħar, bejn April u Settembru ta' din is-sena, ma' ministri u segretarji parlamentari differenti, f'kull każ b'referenza individwali għall-proġett/ħtieġa li kienet taqa' taħt dan il-ministru/segretarju parlamentari, u li ġew diskussi f'dawn il-laqgħat? F'kull każ min kien mistieden jattendi min-naħa tal-kunsill u kif ħarġu l-inviti? Jista' jqiegħed kopja ta' dawn l-istess inviti fuq il-Mejda tal-Kamra? Min fil-fatt attenda għal kull waħda minn dawn il-laqgħat, individwalment?
Response (VELLA, KARMENU)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar li bejn April u Settembru 2013 kellu sitt laqgħat ma’ Ministri u Segretarji Parlamentari. Qed inpoġġi d-dettalji fuq il-Mejda tal-Kamra.
San Pawl il-Baħar — Spezzjonijiet fuq Latrini Pubbliċi
Question
B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 4756 li kienet tirreferi għall-mistoqsija parlamentari 4463 u r-risposti rispettivi għalihom, jista' l-Ministru jassigura li l-informazzjoni mogħtija hija korretta? Jista' jassigura li l-partijiet tad-domandi li ma ġewx imwieġba fil-fatt jitwieġbu? Minbarra hekk, jista' jagħti tagħrif dwar kemm-il darba l-manutenzjoni meħtieġa saret mill-Kunsill innifsu u mhux mill-kuntrattur?
Response (VELLA, KARMENU)
Waqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġibiet li tajt għall-Mistoqsijiet Parlamentari numri 4463 u 4756, qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra r-riżultat tal-ispezzjonijiet tal-latrini pubbliċi bejn Jannar u Ġunju 2013, kif provdut mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar. Minn dawn l-ispezzjonijiet l-Onor. Interpellant jista’ jara s-sitta u tletin (36) nuqqas li rriżultaw u li rreferejt għalihom fit-tweġibiet tiegħi għall-Mistoqsijiet Parlamentari relatati preċedenti.
Intant infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar li huwa l-kuntrattur stess li jipprovdi l-istess bżonnijiet skont il-kuntratt, waqt li l-manutenzjoni meħtieġa dejjem issir mill-Kunsill Lokali.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 4755, billi r-risposta mogħtija hi differenti mir-risposta mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 4464, jista' l-Ministru jagħti tagħrif mitlub fiż-żewġ domandi, u jagħti ukoll il-ħin (approssimattiv) li fih suppost li sar il-ħasil fil-perjodu msemmi? Billi fir-risposta ngħad li l-kontroll biex jiġi assigurat li x-xogħol isir hu fir-responsabbilità ta' min jissuġerixi x-xogħol, jista' jagħti tagħrif dwar kif hemm iċ-ċertezza li l-istess xogħol sar? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk il-Kunsill Lokali jagħmilx spezzjonijiet dwar dan ix-xogħol?
Response (VELLA, KARMENU)
Nirreferi mill-ġdid lill-Onor. Interpellant għat-tweġibiet li tajt għall-Mistoqsijiet Parlamentari numri 4464 u 4755.
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar li matul il-perjodu li qed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant saru 153 ħasla mill-GreenMT matul il-bankina tax-xatt, bix-xogħol isir fit-3.30 am. Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra informazzjoni dwar il-frekwenza ta’ tali ħasil tal-bankini minn GreenMT.
Ma’ dawn il-ħasliet saru wkoll 24 ħasla oħra mid-Dipartiment tal-Manutenzjoni u t-Tindif. Dawn saru fuq frekwenza ta’ tliet darbiet fil-ġimgħa, ġimgħa iva u ġimgħa le għal tmien ġimgħat, fis-2.00 am, matul il-bankina mill-Gillieru Harbour Hotel sal-Iskola Primarja ta’ San Pawl il-Baħar.
Infurmat ukoll mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar li x-xogħol li sar mid-Dipartiment tal-Manutenzjoni u t-Tindif kien iffinanzjat kollu mill-Ministeru għat-Transport u l-Infrastruttura bħala parti mill-għajnuna li ngħatat fir-rigward ta’ indafa f’żoni turistiċi. Għaldaqstant il-Kunsill Lokali ma ħallas xejn lid-Dipartiment tal-Manutenzjoni u t-Tindif għal dan ix-xogħol
Intant ninsab infurmat ukoll mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar li GreenMT huma ngaġġati wara sejħa ta’ espressjoni ta’ nteress f’Jannar 2013. Kif diġa spjegajt fit-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 4464 ix-xogħol ta’ ħasil tal-bankini tax-xatt minn GreenMT ukoll ma sewa xejn finanzjarjament.
Dwar l-aħħar parti tal-mistoqsija jien infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar li kull filgħodu kemm il-kunsill inniffsu għamel spezzjonijiet tax-xogħol li jkun sar ftit tas-siegħat qabel filgħodu kmieni, kif ukoll minn GreenMT.
San Pawl il-Baħar — Triq Ġulju - Trasport Pubbliku
Question
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 4467, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk meta Triq Ġulju f'San Pawl il-Baħar, ġiet magħluqa matul ix-xahar ta' Settembru 2013, Trasport Malta tatx permessi biex il-karozzi tal-linja jgħaddu minn xi mkien ieħor? Minn fejn għaddew tal-linja f'dawn l-okkażjonijiet meta Triq Ġulju kienet magħluqa? Jista' jagħti tagħrif dwar okkażjonijiet simili meta t-triq bejn il-Gillieru Restaurant u l-moll kienet magħluqa?
Response (MIZZI, JOE)
Ninsab infurmat illi fix-xahar ta’ Settembru kien hemm okkażjoni waħda fejn Transport Malta approvat l-għeluq temporarju ta’ Triq Ġulju minħabba l-attivita’ organizzata mill-Kunsill Lokali in konnessjoni mal-European Mobility Week. F’din l-okkażżjoni s-servizz tat-trasport pubbliku ġie devjat sabiex jgħaddi minn Triq Toni Bajada u Dawret il-Gżejjer.
Infurmat ukoll illi f’Settembru l-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar organizza Festa Marittima fejn minħabba din l-attivita’ ngħalqet Dawret il-Gżejjer. Minħabba li t-triq kienet magħluqa, s-servizz tat-trasport pubbliku ġie devjat minn Triq Ġulju u Dawret il-Gżejjer.
Infurmat ukoll li fil-bidu t’Ottubru ġiet organizzata attivita’ fil-pjazza ta’ Buġibba li minħabba f’hekk is-servizz tat-trasport pubbliku kellu jiġi devjat minn Triq il-Wileġ għal Dawret il-Qawra.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 4468, jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar liema kienu l-kunsilli lokali li t-talba tagħhom ma ġietx milqugħa? X'kienet ir-raġuni għal dan? Kemm minn dawn il-kunsilli li ma ngħatawx għajnuna mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambejnt u l-Ippjanar (MEPA) fil-fatt xorta organizzaw il-car free day tagħhom? Minbarra l-kunsilli liema għaqdiet oħra talbu u ma ngħatawx appoġġ finanzjarju biex jorganizzaw attivitajiet marbuta ma' din l-attività?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tweġiba ser tingħata f’xi seduta oħra.
San Pawl il-Baħar — Triq ir-Rebbiegħa – reserved parking spaces
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'wassal biex fir-risposta li ngħatajt għall-mistoqsija parlamentari 4471 dwar reserved parking spaces f'San Pawl il-Baħar intqal li fi Triq ir-Rebbiegħa kien hemm kaxxa waħda li ġiet approvata? Jista' jordna li ssir spezzjoni f'din l-istess triq biex jiġi aċċertat li fil-fatt ma saritx iktar minn kaxxa waħda? Jista' wara tali spezzjoni jagħti tagħrif dwar x'inhuma l-kaxxi l-oħra li hemm miżbugħa fl-istess triq? Min żeba' dawn il-kaxxi?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, skont ir-rekords ta’ Transport Malta, hemm tlett kaxxi tal-parkeġġ għall-persuni b’diżabbilta’ approvati fi Triq il-Rebbiegħa, San Pawl il-Baħar, fejn waħda minnhom biss ġiet approvata matul din is-sena. Nitlob lill-Onor. Interpellant jerġa’ jirreferi għall-mistoqsija parlamentari 4471 fejn tali mistoqsija kienet talbet informazzjoni dwar approvazzjonijiet għal kaxxi riservati għall-persuni b’diżabbilta’ li ġew approvati matul din is-sena u mhux kemm kien hemm approvati bħala total matul is-snin li għaddew. Uffiċċjali ta’ Transport Malta għamlu spezzjoni f’din it-triq u kkonfermaw li t-tlett kaxxi riservati li hemm fuq il-post huma kollha approvati u li tali kaxxi kienu ġew implimentati mill-Awtorita’ stess skont il-proċedura.
San Pawl il-Baħar – ħażna ta’ materjal li ttella’ mill-Qawra
Question
Billi madwar sena ilu l-Kunsill lokali ta' San Pawl il-Baħar kien stqarr li b'kollaborazzjoni mal-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) kien poġġa materjal li tella’ mill-baħar mill-inħawi tal-Qawra, f'post sigur biex imbagħad l-istess materjal ikun jista' jerġa’ jitqiegħed fil-baħar, jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar fejn intrefa’ dan il-materjal, u jekk sa issa kienx hemm xi ftehim mal-MEPA dwar il-post li fih għandu jintuża dan il-materjal?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninforma lill-Onerovoli Interpellant li l-materjal li ttella' mill-Qawra ġie maħżun f'żona magħrufa bħala ta' Bellik, viċin ta' Triq Domeniko De Nizza, Il-Qawra. Skont regolament 12 ta' LN 184/2011 huwa obbligu tal-'waste holder' biex jimmaniġja il-materjal skond il-provisjonijiet tal-liġi.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'bidliet hu mistenni li jkun hemm fil-budget tal-miżura 121? X'tip ta' bidliet kien hemm f'dan l-istess budget, u kemm persuni oħra huma mistennija li jibbenefikaw minn dawn il-miżuri? Liema huma l-applikazzjonijiet pendenti li hemm bħalissa minn persuni li huma intitolati għal dawn l-għajnuniet?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li fil-budget tal-Pjan ta’ l-Iżvilupp Rurali għal Malta 2007-2013, għall-Miżura 121, kien hemm t-trasferiment ta’ fondi minn Miżuri oħra. Permezz ta’ dan, 32 applikazzjonijiet oħra ser jibbenefikaw minn din il-Miżura. Ninsab infurmat ukoll li l-applikazzjonijiet sottomessi ġew kollha ipproċessati u għaldaqstant m’hemmx applikazzjonijiet pendenti.
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema kienu s-suġġetti li ġew diskussi mis-segretarju parlamentari waqt il-laqgħat li kellu fil-Food and Agriculture Organisation (FAO), matul dawn il-jiem? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm deċiżjonijiet partikulari li jolqtu l-agrikoltura f'pajjiżna? Jekk iva, liema kienu dawn id-deċiżjonijiet partikulari?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor Interpellant illi ninsab infurmat li l-laqgħat ta’ dan l-aħħar fi ħdan l-FAO, is-suġġetti li ġew diskussi kienu dawk tal-Kumitat dwar is-Sigurta’ tal-Ikel u l-aspetti prinċipali li ħarġu mir-rapport dwar l-istat tal-insigurta’ tal-ikel 2013.
L-Onor. Roderick Galdes fl-intervent tiegħu saħaq li għalkemm kien hemm sinjali inkoraġġanti fit-tnaqqis tal-prezzijiet fl-aħħar xhur ta' ċertu ikel bażiku bħaċ-ċereali, r-rapport juri kif f'ċertu pajjiżi fl-Afrika għad hemm nuqqasijiet kbar tal-ikel li jwasslu għall-instabbilita, u għall-migrazzjoni. Tenna jgħid li għandhom isiru iżjed sforzi mill-komunità internazzjonali u l-aġenziji tal-ikel biex titnaqqas din it-tbatija.