Legislature:
Category:
Reset
Active:

Agrikoltura — Kaxxi tal-plastic

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Ministeru reġax ħareġ kaxxi tal-plastic ġodda għall-użu agrikolu matul l-aħħar tliet xhur? Jekk iva, kemm ħarġu kaxxi ġodda u ta’ liema daqs huma?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li f’dawn l-aħħar tlett xhur intlaqgħu offerti għax-xiri ta’ 21,960 kaxxa tal-plastik li minnhom s’issa ħarġu għall-użu tal-bdiewa 1,168 kaxxi kbar.

Trasferiment ta’ art agrikola — talbiet

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien hemm talbiet biex art agrikola li hi tal-Gvern tinqaleb fuq persuni li fil-fatt qegħdin jaħdmuha, u dan skont skema li kienet tħabbret lejn l-aħħar tal-amministrazzjoni preċedenti?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li għall-fini ta’ paragrafu 6 (d) (ii) tal-Kap. 268, s’issa daħlu 8 applikazzjonijiet.

Biedja u sajd — diskussjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema huma l-koperattivi li magħhom saru diskussjonijiet dwar ħtiġijiet partikulari tal-biedja jew tas-sajd f'pajjiżna? Liema rakkomandazzjonijiet li saru waqt dawn il-laqgħat ġew aċċettati, u liema ġew rifjutati?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li l- koperattivi tal-biedja u s-sajd li kellna laqgħat magħhom dwar il-ħtiġijiet tal-biedja u s-sajd jinkludu: · FARMERS’ CENTRAL COOPERATIVE SOCIETY · GĦAQDA KOPERATTIVA TAS-SAJD · K.I.M. · K.P.H. · KOPERATTIVA GĦAQDA NAZZJONALI TAS-SAJD · MĠARR FARMERS COOPERATIVE SOCIETY · ASSOĊJAZZJONI TAL-KOPERATTIVI Ninsab infurmat ukoll li ġew diskussi diversi materji t’interess għall- biedja u s-sajd u saru diversi proposti u rakkomandazzjonijiet.

Pitkalija — Dħul ta' prodotti agrikoli

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien l-ammont ta' prodott agrikolu li daħal fil-Pitkalija fix-xhur April 2013 - Settembru 2013, xahar b'xahar? Kif jitqabbel dan l-ammont, ukoll xahar b'xahar, għall-istess perijodu tas-snin 2011 u 2012?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni li għaddewlna, t-tagħrif mitlub qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 12 PQ #5317 Sitting 67 2013-10-28 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu

San Pawl il-Baħar — U-bends

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 5163, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hemm iktar u-bends li għalkemm imwaħħla, m'għandhomx riklami mwaħħla magħhom? Fejn jinsabu dawn il-bends li huma mwaħħla iżda mhux użati?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninsab infurmat li tali informazzjoni mhux normalment tkun disponibbli għall-Kunsilli Lokali.

Qatla ta' Ċanga

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kienet il-qatla taċ-ċanga fil-perijodu April - Settembru 2013 xahar b'xahar? Kif titqabbel din il-qatla mal-qatla ukoll xahar xahar, għall-istess xhur matul l-2011 u l-2012?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni li għaddewlna, t-tagħrif mitlub qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Qatla ta' majjal

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kienet il-qatla tal-majjal fil-perijodu April - Settembru 2013 xahar b'xahar? Kif titqabbel din il-qatla mal-qatla ukoll xahar xahar, għall-istess xhur matul l-2011 u l-2012?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni li għaddewlna, t-tagħrif mitlub qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Qatla ta' fniek

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kienet il-qatla tal-fniek fil-perijodu April - Settembru 2013 xahar b'xahar? Fejn inqatlu dawn l-istess fniek? Kif titqabbel din il-qatla mal-qatla ukoll xahar xahar, għall-istess xhur matul l-2011 u l-2012?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni li għaddewlna, t-tagħrif mitlub qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Ninsab infurmat li dawn il-fniek inqatlu fiż-żewġ biċċeriji approvati għall-qtil tal-fniek li huma Furplay Rabbit Slaughterhouse and Farm Birżebbuġa u Bigfoot Rabbit Slaughterhouse il- Magħtab.

Triq tar-Rabat tagħti għal Ta' Qali — Siġar maqlugħin

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'xogħol qed isir preżentement fid-daħla li mit-triq tar-Rabat tagħti għal Ta' Qali? Jista’ jagħti tagħrif dwar kemm siġar se jinqalgħu, jekk se jinqalgħu, b'riżultat ta’ dan ix-xogħol? Jista' jgħid jekk dawn is-siġar li se jinqalgħu, jekk se jinqalgħu, hux qed jinqalgħu bl-approvazzjoni tal-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA)? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk is-siġar li se jinqalgħu hux se jiġu kkumpensati permezz ta' siġar oħra li se jitħawlu minflokhom? Jekk iva, kemm se jitħawlu siġar oħra u fejn?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol li bħalissa qed isir fi Triq l-Imdina, Ħ’Attard huwa parti mill-proġett tal-MODUS li huwa proġett parti ffinanzjat mill-Unjoni Ewropea (ERDF) u li kien oriġina bħala parti mir-riforma tat-trasport pubbliku. L-ebda siġra m’hi se tinqala bħala parti minn dan ix-xogħol, dan minħabba l-fatt li għalkemm oriġinarjament il-permess tal-MEPA u dak tad-Dipartiment tal-Agrikoltura kienu jippermettu l-qlugħ ta’ numru ta’ siġar, minkejja dan ġie deċiż li jinbidel id-disinn biex dawn is-siġar ma jinqalgħux. Infatti, filwaqt li l-junction proposta kienet roundabout, issa qed tinbena traffic light cluster; fejn dan it-tibdil sar ukoll bil-permessi tal-Awtorità kkonċernata. Għalkemm dawn is-siġar mhux se jinqalgħu, Transport Malta xorta għadha kommessa li fejn ikun possibli jinżergħu siġar ġodda.

Bolol li se jinħarġu fl-2014

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk l-iStamp Design Advisory Committee fassalx il-pjan għall-bolol tas-sena d-dieħla? Jista' jgħid liema huma s-settijiet ta' bolol li mistennija jiġu maħruġa matul l-2014? Jista' jassigura li fost il-bolol tas-sena d-dieħla jkun hemm sett li jfaħħar b'mod sew il-50 anniversarju tal-Indipendenza ta' Malta?

Response (CARDONA, CHRIS)

Il-pjan għal ħruġ ta' bolol jitfassal skond il-ħtiġijiet tal-posta li llum hija entita' privatizzata għalkemm l-għażla tad-disinn huwa f’idejn l-iStamp Design Advisory Board kif maħtur mill-Gvern. It-temi tal bolol jinkludu okkażjonijiet speċjali , li jinqalgħu perjodikament , obbligi nternazzjonali li għandhom x’jaqsmu mal-posta per eżempju l-UPU jew l-Olimpijadi jew il FIFA kif ukoll kommemorazzjonijiet importanti bħal ma huma l-Milied jew xi żjara tal-Papa eċċ. Peress li spiss ikun hemm ħtieġa għat-tibdil fil ħruġ ta’ dawn il bolol għal raġunijiet li semmejt , il-pjan jiġi rivedut minn ħin għall-ieħor. Ninsab infurmat li hemm pjan biex jitfakkar il-50 anniversarju tal-Indipendenza ta’ Malta.

San Pawl il-Baħar – il-Menqa – ordnijiet fuq opri tal-baħar

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 5056, filwaqt li ma nippretendix li ningħata l-ismijiet ta' min għamel l-ilmenti li hemm referenza għalihom fir-risposta, jista' l-Ministru jagħti tagħrif meta saru dawn ir-rapporti fejn saru l-istess rapporti u kemm-il darba sdaru minn persuni differenti? Jista' jikkonerma li l-pulizija li marru fuq il-post mhux talli talbu lil min ineħħi xi dgħajjes, iżda ordnaw ukoll lill-oħrajn biex ma jpoġġux id-dgħajjes tagħhom bf'post li nbena għalihom snin twal ilu?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninsab infurmat illi l-ilmenti dwar karrijiet ta’ dgħajjes, dgħajjes u oġġetti oħra mitluqha fuq il-moll b’ingombru fuq il-moll fl-inħawi tal-Menqa, San Pawl il-Baħar kienu saru matul dawn l-aħħar gimgħat b’mod konfidenzjali. Infurmat ukoll illi l-pulizija ħadet azzjoni dwar dawk l-oġetti li kienu sors ta’ ngombru fuq il-moll. Pero’ jekk l-Onorevoli Interpellant għandu xi tagħrif għall kuntrarju ta’ dak li qed ikun rrapurtat lili, ġentilment nissuġerilu li jgħaddili it-tagħrif li għandu, sabiex inkun nista’ nivverifika ulterjorment

San Pawl il-Baħar – bini ta’ kumpless sportiv

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma li l-art f’San Pawl il-Baħar li kienet identifikata mill-Kunsill Malti għall-Isport, kif ukoll mill-pjan lokali ta’ San Pawl il-Baħar, biex fuqha jinbena kumpless sportiv ġietx irritornata lit-Taqsima tal-Proprjetà tal-Gvern? Jista’ jagħti tagħrif dwar jekk dan ifissirx li l-Gvern abbanduna l-pjan li f’San Pawl il-Baħar jinbena kumpless sportiv, u jekk le fejn se jinbena jekk l-art indikata ngħatat lura? Jista’ jagħti tagħrif dwar jekk sarux xi konsultazzjonijiet dwar dan mal-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar? Jekk saret konsultazzjoni, x’kienet ir-reazzjoni tal-Kunsill? Jekk ma saritx konsultazzjoni jista’ almenu l-Ministru jikkonferma jew le li l-Kunsill Lokali kien infurmat dwar din id-deċiżjoni? Jista’ jagħti tagħrif dwar x’kienet ir-reazzjoni tal-Kunsill dwar dan? Jista’ jikkonferma li din id-deċiżjoni tfisser li l-Gvern abbanduna l-idea li jkun hemm kumpless fit-Tramuntana ta’ Malta? Jekk le, fejn hu mistenni li jinbena dan il-kumpless?

Response (BARTOLO, EVARIST)

L-art li qiegħed jirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant ġiet irritornata lit-Taqsima tal-Proprjetà tal-Gvern. Nikkonferma li l-Gvern ma abbandunax il-pjan li jinbena kumpless sportiv. Għadhom ser isiru konsultazzjonijiet f’dan ir-rigward.
Leg 12 PQ #5301 Sitting 66 2013-10-23 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu

San Pawl il-Baħar — Kunsill Lokali - laqgħat

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 4912, liema domanda saret b’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 4694, billi hu evidenti li dawn ir-risposti jagħmlu referenzi għal laqgħat differenti minn xulxin u billi l-mistoqsija parlamentari 4912 saret għaliex it-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 4694 ma kenitx kompluta, u billi staqsejt dwar laqgħat pubbliċi, fejn mhux biss min ikollu proposta imma ukoll il-kunsilliera u r-residenti jkunu infurmati bil-laqgħa partikolari, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kif in-nies involuti kienu infurmati bil-laqgħa u meta, fejn u x’ħin inżammet il-laqgħa? Billi mit-tieni risposta jidher li kienu l-entitajiet governattivi li kienu mistiedna għal-laqgħa, jista’ jagħti tagħrif dwar jekk ir-residenti u l-kunsilliera tal-lokal kinux mistiedna jew le għal din il-laqgħa? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ l-email li qiegħda ssir referenza għaliha fir-risposta, kif ukoll lil min intbagħtet? Minbarra hekk, jista’ jagħti tagħrif dwar min kienu r-rappreżentanti tal-entitajiet li attendew? Jista’ jagħti ukoll tagħrif dwar kemm kien hemm residenti li attendew il-laqgħa?

Response (VELLA, KARMENU)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġibiet li tajt għall-Mistoqsijiet Parlamentari numri 4694 u 4912. Intant ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar li l-laqgħa li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant saret it-Tlieta 13 ta’ Awwissu 2013 fis-siegħa ta’ wara nofsinhar (1:00 pm), fl-uffiċini tal-Kunsill Lokali stess. Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-email li kienet intbgħatet dwar dan u li telenka l-persuni/entitajiet li kienu mistiedna. Ma kienx hemmx stediniet oħrajn apparti din il-lista fil-kopja tal-email li qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra.

Kumitat dwar is-Siġar — Membri

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar min huma l-membri tal-kumitat dwar is-siġar li twaqqaf xi xhur ilu? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm persuni li rreżenjaw minn dan il-bord, fil-każ, meta? Kemm-il laqgħa saret? X'deċiżjonijiet ħa dan il-bord?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-membri tal-Kumitat Konsultattiv tas-Siġar huwa kompost mis-Sinjuri Alfred Baldacchino, Steve Borg, Charles Grech u Anna Spiteri. Rigward it-tieni mistoqsija, nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari Nru 4399 fejn ir-riżenja seħħet fis-17 ta’ Lulju 2013. In-numru ta’ laqgħat li saru kien ta’ 14. Dan il-Bord kien wieħed purament konsultattiv.

Trobbija tan-Naħal — speċjalisti

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hemm persuni impjegati mal-Ministeru li huma persuni speċjalizzati fit-trobbija tan-naħal għall-produzzjoni tal-għasel? Kemm ilhom impjegati dawn il-persuni mal-Ministeru responsabbli mill-Agrikultura?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat illi fis-sezzjoni tal-apikultura fl-Għammieri hemm Senior Agricultural Officer li hu speċjalizzat fit-trobbija tan-naħal. Dan ilu mpjegat f’din il-kariga mal-Ministeru responsabbli mill-Agrikoltura mis-sena 2011.

Trobbija tan-naħal — persuni reġistrati

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' persuni li huma reġistrati biex iżommu n-naħal għal produzzjoni tal-għasel bħalissa? Kemm kien in-numru ta' dwn il-persuni li kienu qed irabbu n-naħal fl-2011 u l-2012 rispettivament?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li mis-sena 2010 hemm 229 raħħal irreġistrati li jrabbu n-naħal għal produzzjoni tal-għasel. Ninsab infurmat ukoll illi s-sistema kompjuterizzata ma tisseggregax informazzjoni sena b’sena.
Leg 12 PQ #5162 Sitting 65 2013-10-22 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu

San Pawl il-Baħar – żbir ta’ siġar tal-palm

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar min kien responsabbli biex jinżabar il-palm fil-lokalità ta' San Pawl il-Baħar (jiġifieri min qata' l-weraq niexef jew żejjed)? Meta sar dan ix-xogħol, u minn min? Taħt is-superviżjoni ta' liema persuna li tifhem fis-siġar sar dan ix-xogħol? Liema inġenji ntużaw waqt il-qtugħ li kien neċessarju? Taħt liema kuntratt sar dan l-istess użu ta' makkinarju?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar li ż-żbir tal-palm li qed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant kien responsabbli minnu l-istess Kunsill Lokali. Dan iż-żbir sar mill-kuntrattur, imqabbad mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar, il-ġimgħa l-oħra. Iż-żbir sar b’mutur adegwat (grass cutter) bix-xogħol kollu sar taħt is-superviżjoni tal-kuntrattur innifsu.
Leg 12 PQ #5163 Sitting 65 2013-10-22 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu

San Pawl il-Baħar – U-Bends

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta’ u-bends li għandu mwaħħla l-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar fil-lokalità tiegħu? Fejn jinsabu dawn l-istess bends? Kemm minn dawn il-bends għandhom reklami fuqhom, u kemm ġabar flus il-kunsill lokali matul din is-sena minn dawn il-bends? Kemm hemm bends oħra li saru iżda s’issa mhux użati?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar li hemm 109 u-bends mwaħħla fil-lokalità. Infurmat ukoll li l-Kunsill Lokali ġabar €10,164.14 minn dawn il-bends għall-perjodu li jkopri bejn Jannar u tmiem Settembru 2013. Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra żewġ dokumenti li juru fejn jinsabu dawn l-istess bends u dawk li għandhom reklami fuqhom.
Leg 12 PQ #5164 Sitting 65 2013-10-22 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu

San Pawl il-Baħar – twaħħil ta’ Bus Shelters

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar in-numru ta’ bus shelters li twaħħlu fil-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar matul l-aħħar 18-il xahar? Kemm hemm applikazzjonijiet pendenti quddiem l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar jew Transport Malta li talabhom l-istess kunsill matul l-istess perijodu? F’kull każ, kemm ilhom biex jiġu deċiżi dawn l-istess talbiet?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar li ma twaħħal ebda bus shelter fil-lokalità matul dawn l-aħħar tmintax (18)-il xahar. Infurmat ukoll li hemm sitt (6) applikazzjonijiet pendenti għal bus shelters. Dawn l-applikazzjonijiet saru f’Diċembru 2012 lil Transport Malta.

San Pawl il-Baħar – il-Menqa – spazju għad-dgħajjes

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar x’pożizzjoni qed jieħu l-Ministeru għal dak li jikkonċerna l-użu ta’ parti mill-ispazju li hemm ħdejn il-Menqa ta’ San Pawl il-Baħar, li kienet ġiet irranġata biex fiha jitqiegħdu dgħajjes tradizzjonali tas-sajjieda u oħrajn u li f’dawn l-aħħar ġimgħat hemm theddida mill-Pulizija li jekk l-istess dgħajjes ma jitneħħewx, se jitneħħew mill-Pulizija? Jista’ jassigura li dan l-ispazju jibqa’ jintuża għad-dgħajjes, proprju fil-qofol ta’ fejn hemm il-Menqa u li ilha użata għal dan l-iskop minn meta saret?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li l-pożizzjoni tal-Ministeru tiegħi huwa li l-ispazju inkwistjoni għandu jintuża biex jitqegħdu fih dgħajjes tas-sajjieda. Ninsab infurmat ukoll li fuq dan hemm qbil ukoll mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar.