Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta l-aħħar li saret manutenzjoni fl-għases tal-pulizija, tal-11 u t-12-il distrett elettorali, kull lokal b'mod differenti? F'kull ka¿ meta saret din l-aħħar manutenzjoni u fiex kienet tikkonsisti?
Response (MALLIA, EMANUEL)
Kif diġà kelli l-okkażżjoni ninforma lill-Kamra, ix-xogħol ta' manutenzjoni fl-Għases tal-Pulizija madwar Malta u Għawdex, huwa proċess li jsir kontinwament fejn ikun meħtieg u skont il-prijorità. Għaldaqstant it-tagħrif hekk kif mitlub mill-Onor. Interpellant, mhux disponibbli taħt forma ta’ statistika. Pero’ għall-għases fil-lokalitajiet imsemmija, matul din is-sena saru xogholijiet, fl-għases tal-Qawra, San Pawl il-Baħar, Mosta, Mellieħa u Għadira.
Jista' l-Ministru jgħid jekk ċittadin li jsir jaf b’korrispondenzi interni li ntbagħtu dwaru f'kunsill lokali,iżda ma jkunx infurmat bihom b'mod uffiċjali, jistax jitlob li jingħata kopja ta' tali korrispondenza, iktar u iktar meta din il-korrispondenza tkun qiegħda tiġi komunikata mas-segretarju eżekuttiv ta' xi kunsill lokali partikolari? Jekk iva x'inhi l-proċedura li għandha tintuża, biex tali korrispondenza tingħata lil min tkun tikkonċerna?
Response (VELLA, KARMENU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li f’dawn it-tip ta’ każi għandha tintalab il-gwida tal-Freedom of Information Co-ordinating Unit u tad-Data Protection Office skont il-każ.
Jista' l-Ministru jgħid x’inhuma d-drittijiet ta' ċittadin li jsir jaf b’korrispondenzi li jikkonċernaw lilu u li għaddew bejn persuni differenti u segretarju eżekuttiv ta' kunsill lokali iżda hu ma jiġix infurmat dwarhom? Kif jista' ċittadin jingħata kopja ta' tali korrispondenza? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk kunsill lokali hux ukoll obbligat li jirreġistra kull korrispondenza li tkun waslet għandu, inkluż e-mails? Kif qed jiġi assigurat li tali korrispondenza qiegħda tiġi rreġistrata?
Response (VELLA, KARMENU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-korrispondenza li tasal bil-posta jew bl-idejn għandha tkun reġistrata. Intant nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari 5456, għall-bqija tal-mistoqsija tiegħu.
Billi skont ir-risposta tal-mistoqsija parlamentari 5301 jirizulta li lanqas il-kunsilliera ma kienu avżati li se ssir laqgħa li hemm referenza għaliha fir-risposta, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien hemm laqgħat simili fuq kull tip ta' suġġett jew area matul l-ewwel disa' xhur ta' din is-sena li saru mill-kunsill u li għalihom lanqas kien hemm stedina/ talba għall-preżenza ta' kunsilliera lokali? F'kull każ, x'kienu s-suġġetti li ġew diskussi, fejn saru l-laqgħat u min kien mistieden u minn attenda?
Response (VELLA, KARMENU)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar li ma kienx hemm aktar laqgħat simili fl-ewwel disa’ xhur ta’ din is-sena.
Billi kien rappurtat li l-ministeru għandu jħabbar numru ta' miżuri short term għal dak li jirrigwarda t-traffiku f'pajjiżna, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema kienu l-istudji li saru biex il-ministeru wasal għall-konklużjonijiet tiegħu? Meta saru dawn l-istudji? Min għamel l-istess studji? Meta hu mistenni li jidħlu fis-seħħ dawn l-istess miżuri? F'liema nħawi ta' Malta u Għawdex?
Response (MIZZI, JOE)
Jien infurmat li sar moniteraġġ tas-sistema tat-traffiku u kien hemm diversi diskussjonijiet mal-pulizija f’dan ir-rigward. Ġew identifikati l-aktar postijiet kruċjali fejn ikun hemm konġestjonijiet tat-traffiku u saru traffic surveys u analiżi tad-disinn tat-toroq u junctions rispettivi. Dawn l-istudji bdew f’dan l-aħħar xahar u saru mit-Taqsima għall-Immanniġġjar tat-Traffiku w Sigurta fit-Toroq. Dawn il-miżuri ser jibdew jiġu mplimentati fil-ġimgħat li ġejjin. Dawn l-interventi se jsiru fl-inħawi ta’ Birkirkara, Ħal Qormi, Paola, Ħ'Attard, il-Gudja, San Ġwann/Swieqi.
San Pawl il-Baħar — Lukandi li se jagħlqu għax-xitwa
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' lukandi li avżaw li se jagħlqu matul il-perijodu tax-xitwa din is-sena fl-inħawi ta' San Pawl il-Baħar? Jista' jagħti tagħrif dwar x'kategorija ta' lukanda huma dawn il-lukandi li avżaw li se jagħlqu għal perijodu ta' żmien? Meta hu mistenni li jagħlqu dawn il-lukandi u meta hu mistenni li jerġgħu jiftħu mill-ġdid?
Response (VELLA, KARMENU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn total ta’ disgħa u tletin (39) lukanda, fl-inħawi ta’ San Pawl il-Baħar, se jkunu sitta (6) li avżaw lill-Awtoritá tat-Turiżmu li ser jagħlqu għal perjodu ta’ żmien. Dan huwa fost l-inqas numru fl-aħħar snin.
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra aktar dettalji għall-informazzjoni mitluba.
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hemm biċċeriji awtorizzati biex joqtlu t-tjur f’Malta u Għawdex? Fejn jinsabu dawn il-biċċeriji?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li hemm 4 biċċeriji approvati biex joqtlu t-tjur li jinsabu kollha Malta. Dawn qegħdin waħda fil-Qrendi, tnejn f’Burmarrad u waħda fis-Siġġiewi.
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema kienu l-bankini li ġew estiżi mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar matul din is-sena? Fejn jinsabu u, f’kull każ, kemm kienet l-ispiża involuta? Jista’ jagħti tagħrif dwar kemm bankini ġew mogħtija wiċċ tal-konkos matul din is-sena u fejn jinsabu?
Response (VELLA, KARMENU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni għadha qed tinġabar u għaldaqstant tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Triq mix-Xemxija sal-Mellieħa – sinjali tat-traffiku
Question
Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex fit-triq li tieħu mix-Xemxija lejn il-Mellieħa fil-parti tat-triq li tiġi bejn id-daħliet u l-ħruġ tat-toroq li jagħtu għall-Mistra s-sinjal tat-triq li qigħed fin-nofs isir line maqtugħ minflok wieħed sħiħ (fil-partijiet li jista' jippermetti), u dan għaliex dan il-line qed iservi ta' nassa, biex joħorġu ċitazzjonijiet kontra sewwieqa li jaqbżu l-line minħabba xi trakk kbir li jkun tiela', u li prattikament iwaqqaf it-traffiku?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li jien infurmat li l-linja kontinwa fin-nofs tal-karreġġjata tat-telgħa ta’ Selmun u fl-inħawi tad-daħliet tal-Mistra hija bżonnjuża minħabba n-nuqqas ta’ tul tal-linji ta’ viżibilità tad-daħliet tal-Mistra u minħabba l-kurvi vertikali w orizzontali li hemm qabel tibda l-kurva tat-telgħa ta’ Selmun.
Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar kemm mill-magni tad-dqiq (flour mills) li kellna mibnija f'Malta (ħafna drabi mħaffra fil-blat) fil-perijodu tal-gwerra għadhom taħt il-kustodja tal-Gvern, u kemm qegħdin għand il-privat? Meta għaddew għand il-privat dawn l-istess magni? Xi ftehim hemm dwar l-amministrazzjoni ta' dawn il-magni bejn il-Gvern u l-privat? X'inhuma l-kundizzjonijiet li bihom dawn l-istess magni għaddew għand il-privat?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
L-informazzjoni għadha qed tingabar u tingħata f’seduta oħra
Jista’ l-Ministru jieħu l-passi neċessarji, naturalment permezz tal-Kunsill Lokali, biex Triq San Pawl, San Pawl il-Baħar, minn fejn il-Pescatore sal-Veċċja, tiġi rranġata billi issa din it-triq tinsab fi stat ħażin ħafna?
Response (VELLA, KARMENU)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar illi hekk kif ikun hemm il-fondi allokati, il-Kunsill ikun jista’ jagħmel ix-xogħol meħtieġ fit-triq in kwistjoni.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm xi żviluppi partikulari għal dak li jikkonċerna l-biċċerija għall-qatla tal-fniek? Fejn hu mistenni li ssir din il-biċċerija? Jista' jagħti tagħrif dwar kemm-il talba għal ftuħ ta' biċċeriji għandu quddiemu l-ministeru għal dak li jirrigwarda l-qatla tal-fniek?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li l-Gvern huwa sensittiv għall-ħtiġijiet tas-settur tal-produtturi tal-fniek, u bħalissa qiegħed jevalwa l-possibiltajiet tiegħu fid-dawl tal-parametri stabbiliti mir-regolamenti Ewropej.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema tipi ta' ħut qed jiġu mkabbra bħalissa miċ-Ċentru tal-Akwakultura f'San Luċjan, jew f'xi post ieħor, b'kollaborazzjoni ma’ dan iċ-ċentru? Jista' jagħti wkoll tagħrif dwar, f'kull ka¿, kemm ilhom li nbdew l-esperimenti fuq it-trobbija tal-istess tipi ta' ħut? Jista’ jagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm ħut li għalkemm kienu nbdew esperimenti fuqu fil-fatt l-esperimenti twaqqfu? X'kienet ir-raġuni li għaliha twaqqfu dawn l-istess esperimenti? Ma' liema organizzazzjonijiet lokali, jew barrani għandu kuntratt dan iċ-ċentru?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni li għaddewlna, t-tagħrif mitlub qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Torri ta' San Luċjan — inċidenti fuq il-post tax-xogħol
Question
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm xi inċidenti fuq il-post tax-xogħol (inċidenti li jikkonċernaw is-sigurtà fuq il-post tax-xogħol) fit-Torri ta' San Luċjan matul l-aħħar sitt xhur? Jekk kien hemm, meta seħħew dawn l-istess inċidenti? X'tip ta' inċidenti kienu?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li matul l-aħħar sitt xhur fit-Torri ta’ San Luċjan kien hemm inċident wieħed żgħir fejn ħassiela fil-laboratorju rrapurtat li kien hemm xi switch jixxokkja. Ninsab infurmat ukoll li d-dipartiment ħa l-prekawzjonijiet meħtieġa u sabiex jiġi evitat kull dubju n-nies tal-manutenzjoni biddlu s-switches kollha tal-laborartju.
Biċċerija tal-Gvern — inċidenti fuq il-post tax-xogħol
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm inċidenti fuq il-post tax-xogħol (inċidenti li jikkonċernaw is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol) fil-biċċerija tal-Gvern matul dawn l-aħħar sitt xhur? Jekk kien hemm tali inċidenti meta seħħew u x'tip ta’ inċidenti kienu?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni li għaddewli, fil-biċċerija tal-Gvern ġew irrapurtati 6 inċidenti hekk kif murija fit-Tabella mehmuża li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm miż-zebra crossings/pelican lights li hemm imsemmija fir-risposta tal-mistoqsija parlamentari 3822 fil-fatt ġew approvati? Kemm minnhom ġew rifjutati u f'dak il-każ għal liema raġuni? Kemm minn dawk li ġew approvati fil-fatt saru fuq il-post? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk il-Kunsill Lokali ta' San Pawl il-Baħar għamilx xi rappreżentazzjonijiet partikulari dwar uħud jew iż-zebra crossings kollha li hemm imsemmija fl-istess risposta? Jekk kien hemm rappreżentazzjonijiet, jista' jgħid, f'kull każ x'kienu r-rappreżentazzjonijiet li saru?
Response (MIZZI, JOE)
Jien infurmat li kien hemm sitt talbiet għall-faċilitajiet biex jaqsmu n-nies li ġew approvati minn Transport Malta. Kien hemm talba waħda li ġiet rifjutata minħabba raġunijiet ta’ sigurtà. L-implimentazzjoni ta’ tali faċilitajiet jiġu mplimentati mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar u mhux minn Transport Malta.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' persuni li huma uffiċjalment reġistrati bħala li jkabbru s-siġar taż-żebbuġ, f'Malta u f'Għawdex? Kemm hu n-numru ta' persuni li huma reġistrati bħala produtturi taż-żejt miż-żebbuġ hawn Malta u Għawdex? Kemm minnhom huma reġistrati bħala li jagħmlu żejt tal-ogħla kwalità?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li n-numru ta’ bdiewa li jkabbru s-siġar taż-żebbuġ u li huma reġistrati mat-taqsima responsabbli għat-tkabbir tas-siġar taż-żebbuġ, fi ħdan id-Direttorat tal-Agrikoltura huma 1,462.
Ninsab infurmat ukoll li n-numru ta’ produtturi taż-żejt taż-żebbuġa, inkluż dak extra verġni, li huma reġistrati f’Malta u f’Għawdex huwa ta’ 10.
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'tip ta' siġar tħawlu bħala parti mix-xogħol li qed isir fil-front ta’ bejn Bormla u l-Birgu? Kemm tħawlu siġar f'dan il-post u x'tip ta' siġar tħawlu? Dan it-tħawwil sar skont l-approvazzjoni tal-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar jew le? Min ta pariri biex jitħawlu dawn it-tipi ta' siġar? Minn liema pajjiż ġew dawn is-siġar u kemm hi l-istima tas-siġar li tħawlu?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-għażla tas-siġar saret mill-Architectural and Landscaping Consultants. Dawn is-siġar ġew impurtati mill-Italja u t-tħawwil tagħhom ġie approvat b’ permess tal-MEPA. L-istima ta’ dawn is-siġar li ġew imħawla hija ta’ €30,124. Il-kumplament tal-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien hemm każijiet ta' siġar li ġew rappurtati lill-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) li mietu f'daqqa waħda, jekk kien hemm? Fejn kienu dawn is-siġar li ġew rappurtati jew li indunaw bihom l-uffiċjali tal-awtorità? X'passi qed tieħu l-Awtorità meta jkun hemm rapporti ta' dan it-tip? X'investigazzjonijiet tagħmel l-istess Awtorità f'ċirkostanzi bħal dawn? Fejn tali siġar jirriżulta li kienu f'postijiet li fuqhom ikun hemm applikazzjonijiet għall-bini, jista' jagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm xi effett fuq l-applikazzjonijiet li jkunu pendenti?
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hemm talbiet pendenti quddiem xi wieħed mid-dipartimenti li jaqgħu taħt il-Ministeru li hu responsabbli minnu, biex jinbnew serer għal skop agrikolu, madwar Malta u Għawdex? X’area hi proposta li jkollhom dawn it-talbiet hekk pendenti? F’liema lokalitajiet ta’ Malta u Għawdex jinsabu t-talbiet pendenti?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li preżentament m’hemm l-ebda talba għall-bini ta’ serer għal skop agrikolu.