Billi skont il-mistoqsija parlamentari 5369 jirriżulta li hemm sitt zebra crossings li ġew approvati minn Transport Malta, fil-lokalità ta' San Pawl il-Baħar, u li dawn iridu jinżebgħu mill-kunsill lokali nnifsu, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk dawn il-crossings inżebgħux? Fejn, fil-lokalità ta' San Pawl il-Baħar, jinsabu dawn il-crossings?
Response (VELLA, KARMENU)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar li ż-zebra crossings li qed jirreferi għalihom l-Onor. Interpellant huma dawk fi:
¨ Triq San Pawl (ħdejn il-Kappella tal-Karmnu);
¨ Triq it-Turisti (ħdejn il-Bandli tal-Veċċ);
¨ Triq il-Qawra (bejn Triq il-Porzjunkula u Triq il-Frejgatina);
¨ Triq il-Qawra (bejn Triq ir-Rizzi u Triq l-Arzell); u
¨ oħra fi Triq il-Qawra.
Minn dawn saret waħda fi Triq il-Qawra, bejn Triq il-Porzjunkula u Triq il-Frejgatina. L-oħrajn ser isiru fil-futur.
B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 5353, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema huma l-possibbiltajiet li qed jevalwa l-Gvern, preżentement, għal dak li jikkonċerna l-biċċeriji tal-fniek?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li fiż-żmien qrib ħierġa espressjoni t'interess għall-iżvilupp u mmaniġġar ta’ biċċerija oħra għall-qatla tal-fniek u skont l-offerti li jiġu sottomessi tittieħed deċizjoni finali.
Billi qed jingħad li l-Gvern għandu l-ħsieb li jagħmel investiment sostanzjali għal dak li jikkonċerna l-biċċerija fil-Marsa, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'tip ta' investiment hu mistenni li jsir, matul is-sena d-dieħla fl-istess biċċerija? Minn fejn se jiġu l-finanzi għal dan ix-xogħol? Kemm mistenni li jiġi jiswa, meta se jinbeda, u meta se jitlesta x-xogħol?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li x-xogħol li hemm ipprogrammat li jitlesta s-sena d-dieħla fil-Biċċerija jikkonsisti f’ tiswija fis-soqfa u partijiet oħra tal-bini, immodernizzar taż-żoni fejn jiġu skarnati l-annimali (bleeding areas), immodernizzar ta’ makkinarju u mekkaniżmu li tmexxi l-linja ta’ produzzjoni, xogħol fuq is-sistema elettrika u xogħol fuq is-sistema ta’ distribuzzjoni tal-ilma, msieħen u pajpijiet oħra tal-arja. Ninsab infurmat ukoll illi x-xogħol li jkun jista` jintlaħaq li jsir fis-sena 2014 huwa kkalkulat li jiswa s-somma ta’ €750,000 li ser titħallas minn fondi lokali. Dan ix-xogħol huwa parti minn programm itwal ta’ xogħol li għandu jitkompla fis-snin ta’ wara.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm xi bidliet għal dak li jikkonċerna għajnuna mill-Unjoni Ewropea għall-bdiewa, f'Malta u f'Għawdex? Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien hemm bdiewa li kellhom it-talbiet tagħhom approvati, u kemm minnhom għadhom ma ħadux dak li kien approvat lilhom? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm bidliet fl-ordni li biha kellhom jingħataw l-għajnuna l-istess bdiewa? Jekk iva, x'bidliet seħħew?
Response (BRINCAT, LEO)
Nitlob lill-Onor. Interpellant ikun aktar speċifiku fil-mistoqsija tiegħu għal dak li jirrigwarda liema skemi ta’ għajnuna għall-bdiewa mill-Unjoni Ewropea u għal liema sena qed jirreferi.
Billi fid-diskors tal-budget qed jingħad li se jkun hemm bidla fil-mod kif titmexxa l-Pitkalija, u billi qed jingħad li hemm diskussjonijiet mal-privat dwar dan, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar min mis-settur privat qed jiġi diskuss miegħu l-andament tat-tmexxija tal-Pitkalija? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk l-għaqdiet tal-bdiewa kenux ikkonsultati dwar din il-proposta?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li mhux prassi li jingħataw dettalji dwar taħdidiet li jkunu għadhom għaddejjin mas-settur privat. Inżid ngħid li jien infurmat li d-diskussjonijiet u l-laqgħat qegħdin isiru ma’ kull stakeholder u ma’ kull min qed juri xi interess fir-riforma u t-tmexxija tal-Pitkalija. Ninsab infurmat ukoll li fil-futur qrib ser toħroġ sejħa għall-espressjoni t’ interess għal dan il-għan.
Jista’ l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar x’inhu l-eżerċizzju li qed isir, skont kif qed jingħad mill-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, biex jittieħdu ritratti tal-faċċati tal-postijiet mibnija, madwar Malta? Fejn beda dan l-eżerċizzju? Ta’ liema rħula u bliet, s’issa, ttieħdu r-ritratti? Meta hu mistenni li jitlesta dan l-eżerċizzju?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
It-tagħrif dwar x’inhu l-eżerċizzju li qed isir biex jittieħdu ritratti tal-faċċati tal-postijiet mibnija madwar Malta ngħata fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 4990. L-eżerċizzju nbeda minn kull parti ta' Malta mid-diversi fotografi li qegħdin jiehdu r-ritratti. 60% tax-xogħol huwa lest. Dan l-eżercizzju mistenni li jitlesta sa' Jannar 2014.
Billi f’San Pawl il-Baħar qed jingħad li matul il-jiem li għaddew, wara nofsinhar, kien hemm laqgħa għas-sajjieda tal-inħawi, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar x’ġie diskuss waqt din il-laqgħa, u b’mod partikolari x’ġie deċiż għal dak li jirrigwarda t-tqegħid tad-dgħajjes fl-inħawi tal-Menqa peress li għadu jingħad li hemm theddida li l-ispazju minn dejjem maħsub għad-dgħajjes jibda jintuża bħala parkeġġ?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li saret laqgħa ta’ konsultazzjoni mas-sajjieda f’San Pawl il-Baħar fejn dawk preżenti ingħataw l-opportunita` li jressqu l-mistoqsijiet u lmenti tagħhom. Fost il-punti diskussi tqajjmet il-kwistjoni ta’ tqegħid tad-dgħajjes fl-inħawi tal-Menqa fid-dawl ta’ xniegħat li dan l-ispazju se jibda jintuża bħala parkeġġ. F’dan ir-rigward, nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 5165.
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema partijiet tat-TEN-T li jikkonċernaw l-inħawi ta’ bejn San Pawl il-Baħar u l-Mellieħa għadhom qed jiġu kkunsidrati minn Transport Malta? Jista’ jagħti tagħrif dwar liema partijiet mit-TEN-T għal dawn l-inħawi għadhom ma ġewx implimentati?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li dawn ix-xogħlijiet qed jiġu evalwati flimkien ma’ proġetti oħra tat-TEN T.
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta sar l-aħħar traffic count fuq it-triq li minn San Pawl il-Baħar tagħti għall-Mellieħa? X’kienu d-differenzi prinċipali li rriżultaw minn studji oħra li kienu saru qabel? F’liema ġranet u għal kemm żmien saru dawn l-istudji?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill- Onor. Interpellant li jien infurmat saru traffic counts fil-junction bejn il-bypass ta’ San Pawl il-Baħar kantuniera ma’ Triq il-Mosta, kantuniera ma Kennedy Drive, kantuniera ma Triq Burmarrad f’Awwissu 2010 u f’Mejju 2010. Mit-traffic counts li saru f’dan l-junction rriżulta li l-vetturi li jużaw il-bypass ta’ San Pawl il-Baħar jiżdiedu fix-xhur tas-sajf fil-ħinijiet bejn is-sebgħa u kwart u d-disgħa u kwart ta’ filgħodu u jonqsu bejn nofs in-nhar u s-sagħtejn ta’ wara nofs in-nhar. Dawn it-traffic counts ittieħdu fuq tlett ġranet.
Billi Transport Malta hi l-Awtorità responsabbli għaċ-ċertifikazzjoni tal-vapuri tal-Gozo Channel, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta saret l-aħħar ċertifikazzjoni ta’ dawn il-vapuri? Jista’ jagħti tagħrif ukoll dwar jekk Transport Malta ntalbitx li tiċċertifika wkoll l-għeluq ta’ partijiet mill-vapur fuq ċertu vjaġġi peress li hu naturali li vapur nofsu magħluq għandu kapaċitajiet differenti minn meta l-area kollha tal-passiġġieri tkun miftuħa? Min awtorizza li l-Gozo Channel tagħlaq partijiet mill-vapur fuq ċertu vjaġġi b’mod partikolari bil-lejl?
Response (MIZZI, JOE)
Filwaqt li nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għar-risposta mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 3579, ninfurmah li l-vapuri għaddew miċ-ċertifikazzjoni neċessarja ta’ kull sena, fl-ewwel erba’ xhur ta’ din is-sena, minn organizazzjoni appuntata skont l-Att dwar il-Bastimenti Merkantili.
Sa Maison – rwejjaħ – investigazzjoni minn Transport Malta
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk Transport Malta għamlitx xi investigazzjoni partikulari dwar ir-raġuni li għaliha qed ikun hemm irwejjaħ qawwija fl-inħawi ta' Sa Maison (fil-baħar)?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta investigat dan il-każ u għaddiet l-ilment lill-awtoritajiet konċernati.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien hemm reserved parking bays approvati fin-Naxxar matul din is-sena? F'liema toroq ġew approvati dawn il-bays? Kemm minn dawn il-bays, wara li ġew approvati, u forsi wkoll wara li ġew immarkati fuq il-post, fil-fatt ġew mibdula minn fejn kienu oriġinarjament approvati? X'kienet, f'kull każ, ir-raġuni li għaliha dawn il-bays inbidlu minn kif oriġinarjament approvati?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Bord tal-Parkeġġ Riservat Persuni b’Diżabbilta’ approva ħames applikazzjonijiet għal parkeġġ riservat għal persuni b’diżabbilta’ fin-Naxxar matul din is-sena. Kaxxa waħda biss minn dawn il-ħames approvazzjonijiet ma ġietx implimentata eżatt quddiem id-dar tal-persuna b’diżabbilta’ skont il-polza. Transport Malta ħadet passi mmedjati sabiex jiġi tranġat dan l-iżball li kien qed joħloq tbatija lill-persuna b’diżabbilta’.
reserved parking bays – persuni bi bżonnijiet speċjali
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk Transport Malta għadhiex tinsisti li biex tiġi approvata reserved parking bay għal persuni bi bżonnijiet speċjali, dak li jkollu l-blue card fuq ismu, irid ikun ukoll l-applikant għal tali reserved parking?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li biex jiġi approvat parkeġġ riservat għal persuni b’diżabbilta’ għal perjodu ta’ sena li jiġġedded, l-applikant jew il-persuna b’diżabbilta’ għal min tkun qed issir l-applikazzjoni, irid ikollu Disabled Blue Card valida fuq ismu.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar fejn jinsabu t-traffic lights li għandna madwar Malta, lokalità lokalità? Kemm ilhom f'posthom dawn l-istess lights? Billi qed jingħad li saru aġġustamenti għal dawn il-lights, għal dak li jikkonċerna l-kontroll tat-traffiku, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm minn dawn il-lights ġew aġġustati, u kif? Meta sar dan l-istess aġġustament? Fiex kien jikkonsisti dan il-bdil li seħħ?
Response (MIZZI, JOE)
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra lista ta’ traffic lights li għandna madwar Malta, lokalità lokalità, u kemm ilhom f'posthom dawn l-istess lights.
Jien infurmat li ġew aġġustati s-sistema ta’ traffic lights tal-junction bejn Triq Labour, kantuniera ma’ Vjal Santa Luċija, u kantuniera ma’ Vjal Sir Paul Boffa, Marsa u s-sistema ta’ traffic lights tal-junction bejn Triq l-Imrieħel u Triq l-Imdina, Birkirkara. Dan l-aġġustament sar fuq bażi tar-riżultati tal-queues, delays and traffic count surveys li saru f’dawn il-junctions. Dawn l-aġġustamenti saru skont il-bżonn sabiex dawn il-junctions jaħdmu bl-aktar mod effiċjenti. Il-bdil li seħħ kien fil-ħinijiet tal-programm fejn żdiedu jew naqsu xi sekondi skont ir-riżultati tas-surveys li saru.
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 5285 mwieġba mill-Ministru tal-Edukazzjoni, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar x’konsultazzjoni saret dwar dan mall-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar, jekk saret? Jekk iva, x’kienet ir-reazzjoni tal-Kunsill Lokali dwar dan il-fatt? Jekk ma saritx konsultazzjoni, x’kienet ir-reazzjoni tal-Kunsill Lokali?
Response (VELLA, KARMENU)
Infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar li l-konsultazzjoni dwar il-materja li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant, għadha fil-proċess li ssir.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 5349, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kienu t-talbiet għall-bini ta’ serer għal skop agrikolu li ġew approvati minn xi dipartiment li jaqa’ taħt il-Ministeru tiegħu matul din is-sena? Meta saru l-approvazzjonijiet u kemm kienet l-area li kellha tingħata għass-serer? Fejn jinsabu l-istess applikazzjonijiet li ġew approvati?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni li għaddewli kien hemm ħames talbiet li ġew approvati għal-serer f’żoni rurali, hekk kif murija fit-Tabella mehmuża li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 5352, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema kienu r-rakkomandazzjonijiet li saru waqt il-laqgħat imsemmija fir-risposta li ġew aċċettati? Jista’ jagħti tagħrif dwar liema mir-rakkomandazzjonijiet ġew aċċettati u mwettqa?
Response (BRINCAT, LEO)
L-Onor. Interpellant żgur li japprezza li f-laqgħat ta’ din ix-xorta, li minnhom saru mijiet mill-bidu ta’ din il-leġiżlatura, jiġu diskussi suġġetti varji u jittieħdu deċiżjonijiet skont il-ħtieġa ta’ dak il-mument partikolari u s-settur speċifiku li jkun qed jiġi diskuss. Bħalma sar fil-leġislaturi preċedenti, m’hijiex il-prassi tal-Ministeri li jippublikaw il-kontenut ta’ laqgħat, speċjalment fejn jingħataw dettalji kunfidenzjali, għaliex il-partijiet ikollhom fiduċja reċiproka li hija essenzjali f’dawn it-tip ta’ laqgħat.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Korporazzjoni Enemalta waslulhiex rapporti konsistenti dwar ħsarat li qed iseħħu fil-pompi tal-magni diesel, liema ħsarat, skont dawk li għandhom dan it-tip ta' vetturi huma riżultat ta' kwalità ta' diesel li mhux sodisfaċenti? Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm bidliet fit-tip ta' diesel li qed jiġi impurtat hawn Malta?
Response (MIZZI, KONRAD)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 5376.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Ministeru investigax ir-raġuni li għaliha, matul l-aħħar żmien qed jerġa' jkun hemm riħa qawwija u tinten, fl-inħawi ta' Sa Maison? Jekk investiga, x'kienu r-riżultati? Jekk le, jista' jinvestiga s-sors ta' din ir-riħa?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li s-sors ta' din ir-riħa hija l-isbroff ta' drenaġġ fl-inħawi u għaldaqstant dan l-ilment għandu jiġi riferut lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru, permezz tal-Kunsill Lokali ta' San Pawl il-Baħar, jieħu l-passi neċessarji biex Triq Għawdex tiġi rranġata qabel ma tkun kawża ta’ xi inċident fatali?
Response (VELLA, KARMENU)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar li hekk kif ikun hemm il-fondi disponibbli, issir il-manutenzjoni meħtieġa fit-triq in kwistjoni.