B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 5802, jista' l-Ministru jagħti t-tagħrif mitlub għal dak li jirrigwarda l-għajnuna għall-bini ta' serer u ta' ġibjuni rispettivament? Għar-rigward ta' dawn iż-żewġ għajnuniet partikolari, jista' jagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm bidliet fl-ordni ta' min kine intitolat għall-għajnuna bejn l-ordni li kien hemm qabel u dik li hemm wara l-elezzjoni?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li bejn il-perjodu ta' qabel u wara l-elezzjoni ma kien hemm l-ebda tibdil fl-għajnuna li tingħata minn fondi Ewropej għall-bini ta’ serer u ta' ġibjuni. Ninsab infurmat ukoll li fl-istess perjodu lanqas ma kien hemm ċaqliq fl-ordni ta' min kien intitolat.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 5803, jista' l-Ministru jagħti lista ta' stakeholders li sa issa saru diskussjonijiet magħhom għal dak li jikkonċerna l-Pitkalija u l-amministrazzjoni tal-istess Pitkalija? Jista' jagħti tagħrif dwar kif dawk li għandhom interess setgħu jkunu jafu dwar dan u fejn dehru xi avviżi li jitolbu tali interess? Kemm kien hemm persuni jew għaqdiet li urew interess li għandhom biex jieħdu sehem f'dawn id-diskussjonijiet?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi waqt li mhuwiex il-prassi li tingħata din l-informazzjoni f’dan l-istadju, ninsab infurmat li f’diversi okkażjonijiet pubbliċi saret referenza għar-riforma fil-pitkalija u kull min hu interessat seta’ jitlob biex jiltaqa’ mal-persuni kkonċernati fi ħdan l-uffiċċju tas-Segretarju Parlamentari. Ninsab infurmat ukoll li ma saru l-ebda talbiet għal laqgħat dwar dan il-għan li ma ġewx milqugħa.
Inkompli nżid li fis-sejħa għall-espressjoni ta’ interess, kull min hu b’xi mod interessat jista’ juri l-interess tiegħu.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 5641, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema partijiet mill-proposti tat-TEN T għandhom ma ġewx implimentati u liema huma skont it-toroq jew inħawi affettwati li għadhom mhux implimentati?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-regolament il-ġdid għar-reviżjoni tal-gwidi għat-Trans-European Transport Network (TEN-T) qiegħed fl-istadju finali li jiġi addottat mill-Unjoni Ewropea. Din ir-reviżjoni għandha testendi in-network tat-TEN-T minn 52km għal madwar 125km.
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista dettaljata ta’ dan in-network il-ġdid għal Malta ta’ toroq li ġew identifikati għal ugrading flimkien ma’ mappa fejn dawn it-toroq qed jiġu murija b’ dashed lines ħomor.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 5640, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien hemm sajjieda li attendew għal din il-laqgħa hekk imsejħa ta' konsultazzjoni? Kif twassal għand dawk ikkonċernati l-messaġġ li se tinżamm din il-laqgħa? Kemm attendew sajjieda u min attenda aktar minbarra dawn is-sajjieda?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li peress li l-laqgħa kienet waħda informali u miftuħa għal kulħadd, ma kienx hemm ħtieġa li tittieħed l-attendenza tal-persuni preżenti għal din il-laqgħa u li fosthom kien hemm sajjieda full-time u part-time, membri oħra tal-pubbliku li kienu interessati, kif ukoll membri tal-Kunsill Lokali.
Ninsab infurmat ukoll li s-sejħa ta’ din il-laqgħa saret mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 5639, jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar jekk b'mod speċifiku, u partikulari ttieħdux ritratti fi Triq San Pawl il-Baħar għaliex jista' jagħti l-każ li kien hemm abbuż minn persuni li dehru suspettużi jieħdu ritratti ta' ċertu faċċati u mhux ta' oħrajn (u li probabilment mhux il-persuni li huma uffiċjalment mqabbda jagħmlu dan ix-xogħol)? Peress li kien hemm minn inkwieta minħabba l-fatt li ttieħdu ritratti partikulari, jista' jagħti tagħrif meta ttiħedu ir-ritratti f'din it-triq?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ir-ritratti fi Triq San Pawl il-Baħar ittieħdu fit-2 u l-4 ta' Novembru 2013 minn fotografu li huwa uffiċċjalment imqabbad mill-MEPA biex jagħmel dan ix-xogħol.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Ministeru kellux rapporti ta' xi mard fost l-annimali li jitrabbew f'Malta u f'Għawdex? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk sarux spezzjonijiet li minnhom irriżulta mard fil-merħliet tal-majjal u dawk tal-baqar/ barrin? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk kienux hemm xi mard rappurtat fit-tjur li għandna jitrabbew f'Malta u Għawdex?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li d-Dipartiment tas-Servizzi Veterinarji matul is-sena jirċievi diversi rapporti mingħand ir-raħħala.
Tali rapporti jiġu investigati u spezzjonati skont il-ħtieġa u skont il-proċeduri normali li huma stabbiliti fl-Att tas-Servizzi Veterinarji, Kap. 437 u liġijiet sussidjarji.
Mid-9 ta’ Marzu 2013 ‘l hawn jirriżulta li d-Dipartiment irċieva rapporti minn 4 rziezet li jrabbu bovini u 2 rziezet tal-mogħoż u nagħaġ.
Spezzjonijiet fil-merħliet tal-majjal, tiġieġ, bovini, mogħoż, nagħaġ u annimali oħra jsiru b’mod regolari.
Ninsab infurmat ukoll li f’xi rziezet ta’ mogħoż u nagħaġ irriżultaw każi ta’ Q Fever, filwaqt li rriżultaw żewġ każi ta’ salmonellosi f’irziezet tat-tiġieġ.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 5642, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta sar l-aħħar traffic count fin-niżla tax-Xemxija u dik tal-Mistra? Jista' jagħti tagħrif dwar x'kienu l-bidliet li rriżultaw fin-numru ta' vetturi li jgħaddu minn dawn l-istess inħawi?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li skont ir-rekords ta’ Transport Malta saru traffic counts fil-junction tad-daħla tal-Mellieħa fl-2010. Minn dawn il-counts jirriżulta li l-vetturi li jgħaddu min-niżla tal-Mistra (it-triq bejn il-Mellieħa u x-Xemxija) jiżdiedu fix-xhur tas-sajf fil-ħinijiet bejn is-sebgħa u kwart u d-disgħa u kwart ta’ filgħodu u jonqsu bejn nofsinhar u s-sagħtejn ta’ wara nofsinhar. Jien infurmat li ma sarux traffic counts fin-niżla tax-Xemxija.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar fejn intuża r-ramel (u materjal ieħor) li ttella mill-baħar fil-Qawra, iktar minn sena ilu u li tpoġġa għal numru ta' xhur, f'post pubbliku fil-Qawra stess? Billi hu l-kunsill lokali (la darba r-ramel kien fil-kustodja tiegħu) li kien responsabbli għal dan l-istess ramel, jista' jagħti tagħrif dwar meta tneħħa minn fejn kien dan l-istess ramel, u min għamel is-superviżjoni ta' dan ix-xogħol?
Response (VELLA, KARMENU)
Ninsab infurmat li r-ramel in kwistjoni kien tnaddaf mill-fliexken u skart ieħor u tpoġġa madwar l-arbuxelli tal-Oleander li hemm fl-istess sit.
Infurmat ukoll li dan ix-xogħol sar mill-kuntrattur li tqabbad mill-Maniġer ta’ San Antonio Hotel & Spa, fit-28 ta’ Ottubru 2013, bħala inizjattiva ta’ responsabilta’ soċjali għall-inkonvenjent li t-tali lukanda toħloq lir-residenti tal-madwar.
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema kienu l-bankini li ġew estiżi mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar matul din is-sena? Fejn jinsabu u, f’kull każ, kemm kienet l-ispiża involuta? Jista’ jagħti tagħrif dwar kemm bankini ġew mogħtija wiċċ tal-konkos matul din is-sena u fejn jinsabu?
Response (VELLA, KARMENU)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar li kien hemm bankina waħda li sar ix-xogħol fuqha. Din tinsab bejn Triq it-Turisti u Triq il-Maskli u swiet €2,411.03.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien in-numru ta' persuni minn Għawdex li kellhom jattendu għal sezzjonijiet ta' kura mill-kanċer f'Malta, kull xahar, matul l-2013? Kemm minn dawn il-pazjenti kienu taħt l-10 snin, kemm kienu bejn 10 u 18-il sena u kemm kienu ta’ età ta' iktar minn 18-il sena?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk hux se jkun hemm bidliet f'dik li hi l-ekoriduzzjoni fil-kontijiet tad-dawl u ta l-ilma? Kif inhu mistenni li tinbidel din l-istess riduzzjoni, matul iż-żmien li ġej?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi bir-roħs fit-tariffi tad-dawl u ilma, il-konsumaturi xorta se jibqgħu jibbenefikaw mill-ekoriduzzjoni.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'passi ħadet il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma minħabba l-irwejjaħ esaġerati li qed ikun hemm f'Sa Maison? Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien hemm rapporti formali dwar dan, kemm minn individwi, kif ukoll minn entitajiet governattivi? Fil-każ tal-entitajiet governattivi, jista' jagħti tagħrif dwar liema kienu dawn l-entitajiet u meta saru r-rapporti li għamlu?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma qed tagħmel l-investigazzjoni meħtieġa biex tasal għal kawża propja ta' dawn l-irwejjaħ.
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema huma l-lokalitajiet li fihom hemm kunsill taż-żgħażagħ din is-sena? Jista’ jagħti tagħrif dwar meta, f’kull lokalità kien hemm kunsill taż-żgħażagħ, minn mindu bdew jitwaqqfu dawn l-istess kunsilli?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Il-Kunsilli Lokali taż-Żgħażagħ bdew fis-sena 2009-2010 u sa issa kien hemm erba` edizzjonijiet. Għal din is-sena diġà ġiet imnedija l-ħames edizzjoni (2013-2014) u bdew jidħlu l-applikazzjonijiet mingħand il-Kunsilli Lokali
a) Fis-sena 2009-2010 ipparteċipaw 15-il kunsill lokali taż-żgħażagħ.
b) Fis-sena 2010-2011 ipparteċipaw 27 kunsill lokali taż-żgħażagħ
ċ) Fis-sena 2011-2012 ipparteċipaw 24 kunsill lokali taż-żgħażagħ
d) Fis-sena 2012-2013 ipparteċipaw 25 kunsill lokali taż-żgħażagħ
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista bid-dettalji tal-lokalitajiet kollha li ħadu sehem.
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema kienu l-kunsilli lokali li applikaw biex ikunu jistgħu jibdew il-live streaming tal-laqgħat tal-kunsill? Liema huma l-kunsilli lokali li għadhom ma bdewx jagħmlu live streaming? Meta hu maħsub li dawn il-laqgħat se jkun live streamed b’mod permanenti?
Response (VELLA, KARMENU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li huwa ppjanat li l-laqgħat tal-Kunsilli Lokali jkunu live streamed sa tmiem din is-sena. Intant nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari 4907 għall-bqija tal-mistoqsija tiegħu.
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ Kunsilli Lokali li bbenefikaw mill-iskema li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant.
B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 5630, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema kienu l-ħames bays li ġew approvati? F’liema toroq jinsabu? Minbarra hekk, billi fir-risposta jirriżulta li kien hemm ilment dwar waħda minnhom tant li ċċaqalqet minn fejn oriġinarjament saret, jista’ jagħti tagħrif dwar kemm kien hemm ilmenti dwar din il-bay meta saret l-ewwel darba u kemm saru ilmenti wara li saret it-tieni darba, jekk kien hemm?
Response (MIZZI, JOE)
Jien infurmat li l-ħames kaxxi riservati għall-persuni b’diżabbiltà ġew approvati fi Triq il-Mosta, Triq Nutar E. Debono, Triq Ħal Dgħejf, Triq il-Lanġas u Triq Mezzi. Fir-risposta li tajt għall-mistoqsija parlamentari 5630 m’għamilt l-ebda referenza għal ilmenti.
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema huma l-parks nazzjonali jew reġjonali li għadhom qed jiġu amministrati mill-Gvern? F’dawn il-parks, jista’ jagħti tagħrif dwar jekk hux mistenni li jkun hemm bidliet dwar il-mod kif jitmexxew? Jekk iva, jista’ jagħti tagħrif dwar x’inhuma l-bidliet li mistennija jidħlu fis-seħħ?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li l-parks nazzjonali amministrati mil-Ministeru tiegħi huma: Ta' Qali National Park, Salina National Park, Buskett Woodlands, Buġibba Water Park, Majjistral Park, Marsascala Family Park, Xrobb l-Għaġin Park u Foresta 2000.
L-aħħar tnejn huma amministrati flimkien ma NGO’s filwaqt li t-tnejn ta’ qabilhom huma amministrati minn bord maħtur għal tal-apposta.
Għalkemm xejn mhu eskluż, fil-preżent m’hemm l-ebda pjan biex ikun hemm tibdil kif dawn jitmexxew.
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta’ veterinarji li jaħdmu mal-Ministeru? Jista’ jagħti tagħrif dwar liema huma l-oqsma ta’ speċjalizzazzjoni li fihom huma mħarrġa dawn l-istess veterinarji?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li fil-preżent hemm 26 uffiċjali li għandhom il-professjoni ta’ veterinarji fi ħdan id-Dipartiment Veterinary and Animal Welfare. Dawn il-veterinarji huma mħarrġa f’attivitajiet regolatorji li jinkludu spezzjoni tal-karkassi u prodotti, spezzjoni tal-annimali, spezzjoni ta’ iġene u bio sigurta’ fuq l-irziezet, attivitajiet ta’ kummerċ bejn l-istati membri fi prodotti ta’ oriġini annimali u annimali ħajjin, importazzjoni u esportazzjoni ta’ prodotti ta’ oriġini annimali u annimali ħajjin lejn pajjiżi terzi, testijiet fil-laboratorju fuq kampjuni differenti li jwasslu għall-analiżi u kundizzjonijiet ta’ annimali singoli jew merħliet, identifikazzjoni u reġistrazzjoni tal-annimali differenti u trattament xieraq tal-annimali.
kunsilli lokali – 7 u 12-il distrett – bidliet aċċettati minn Transport Malta
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema kienu l-bidliet, proposti mill-Kunsilli Lokali tas-7 u 12-il distrett elettorali, kif imressqa lill-Transport Malta, li ġew aċċettati minn Transport Malta? Meta hu mistenni li dawn il-bidliet jidħlu fis-seħħ?
Response (MIZZI, JOE)
Nitlob lill-Onor. Interpellantt sabiex ikun iktar ċar fil-mistoqsija tiegħu u jispeċifika għal xhiex qed jirreferi.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kif qed isir il-ħlas mill-passiġġieri li minflok il-karozzi pprovduti mill-Arriva, qed jagħmlu użu mill-karozzi provduti mill-Unscheduled Bus Service? Kif qed isir il-punching tal-biljetti fuq dawn il-vetturi, peress li m'għandhomx ticketing machines?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li minħabba l-fatt illi l-coaches tal-Unscheduled Bus Service qed jintużaw fuq ir-rotot tat-trasport pubbliku bħala miżura temporanja, dawn il-vetturi mhumiex mgħammra b’ticketing machines. Għaldaqstant, kif ġie mħabbar mill-operatur tat-trasport fuq il-mezzi tax-xandir, ix-xufiera ta’ dawn il-vetturi mhux ser ikunu qed ibiegħu biljetti u għalhekk il-passiġġieri għandhom jixtru l-biljetti minn ticketing machines li jinstabu f’vened madwar Malta, mingħand l-aġenti tal-Arriva Malta Limited u mingħand it-ticket sellers tal-Arriva.
Infurmat ukoll illi fuq il-biljetti normali li jintużaw fuq vetturi tal-Arriva Malta Limited ma’ jsirx punching. Dan bl-eċċezzjoni tas-Saver Card liema card tiġi skenjata fuq apparat apposta.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kif qed jiġi assigurat li l-kunsilli lokali qed jirreġistraw il-korrispondenza kollha li jkun hemm, kemm korrispondenza minn awtoritajiet governattivi, kif ukoll minn persuni privati? Kull kemm żmien qed ikun hemm xi forma ta' spezzjoni biex jiġi assigurat li din ir-reġistrazzjoni qiegħda sseħħ? X'passi jittieħdu kontra min ma jagħmilx tali reġistrazzjoni? Jista' jagħti tagħrif dwar kemm kien hemm każijiet fejn inqabdu impjegati li ma rreġistrawx kull korrispondenza li daħlet? X'passi ttieħdu?
Response (VELLA, KARMENU)
Kif jaf ben sewwa l-Onor. Interpellant, is-Segretarju Eżekuttiv tal-Kunsill Lokali huwa l-Kap Amministrattiv tal-Kunsill u allura għandu jassigura li ssir tali reġistrazzjoni. Fl-eventwalità li s-Segretarju Eżekuttiv isib xi problema dwar dan, huwa obbligat bħala Uffiċċjal Pubbliku, li jirrapporta minnufih lid-Dipartiment għall-Gvern Lokali. Sa issa ma jirriżultalix li d-Dipartiment għall-Gvern Lokali qatt kellu xi rapport dwar dan, la mingħand Segretarji Eżekuttivi, la minn Membri ta’ Kunsilli Lokali u lanqas mill-pubbliku.
F’dan id-dawl nappella lill-Onor. Interpellant sabiex, jekk huwa konxju ta’ xi każ partikolari, nistiednu jagħti l-informazzjoni li għandu lid-Dipartiment għall-Gvern Lokali, jew inkella lili sabiex ngħaddieha lid-Dipartiment għall-Gvern Lokali, għall-investigazzjoni tiegħu.