B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 5839, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar xi proposti saru mill-kunsilli lokali indikati għal dawk li huma l-kunsilli lokali fid-domanda li ressqu proposti dwar bidliet fir-rotot tal-linja u dwar it-toroq one ways jew two ways, lill-Transport Malta u dan matul l-aħħar 12-il xahar? Liema toroq kienu proposti li jiġu affettwati u liema proposti ġew aċċettati?
Response (MIZZI, JOE)
Ninsab infurmat li f’dawn f'dawn l-aħħar tnax-il xahar, fis-seba’ u fit-tnax-il distrett elettorali kien hemm total ta' ħmistax-il talba għal bdil fid-direzzjoni tat-traffiku fit-toroq fejn sebgħa minnhom ġew approvati u s-sebgħa l-oħra għadhom pendenti sakemm l-kunsill lokali rispettiv jibgħat l-informazzjoni addizzjonali mitluba minn Transport Malta. Kien hemm ukoll talba għal kjarifika fuq id-direzzjoni tat-traffiku fi triq minnhom. Il-lista qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Rigward bidliet fir-rotot għat-trasport pubbliku ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proposti mressqa mill-Kunsilli Lokali kollha ġew milqugħa, liema proposti għadhom suġġett tad-diskussjonijiet bejn l-Arriva u Transport Malta.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kif se jittħadmu in-National Tourism Zones li ssemmew mill-Ministru għat-Trasport? X'se jkunu l-funzjonijiet tal-Kumitat fiż-żoni? Minnfejn se jiġu finanzjati l-ħidmiet li se jitwettqu?
Response (VELLA, KARMENU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Gvern qed jaħdem fuq programm flimkien mal-entitajiet kollha konċernati u fil-jiem li ġejjin se jitħabbru d-dettalji dwar kif se jkunu qed jiffunzjonaw in-National Tourism Zones.
Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar kemm huma l-fondi tal-UIF li hemm fil-fond għal-Lokalità ta' San Pawl il-Baħar? Kif inbidel dan l-ammont xahar bx'ahar bejn Lulju 2011 u Ottubru 2013? Jekk hemm fondi li gġadhom fil-UIF li diġà huma committed, iżda għadhom ma ntużawx, jista' jagħti tagħrif dwar kemm hemm fondi committed li iżda għadhom fil-Fond? Għal liema proġetti huma committed il-fondi li għadhom fl-istess fond?
Billi f'mistoqsija parlamentari 5903 il-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima wieġeb li kien il-Kunsill Lokali ta' San Pawl il-Baħar li sejjaħ il-laqgħa għas-sajjieda indikata fl-istess risposta, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar b'liema mod u lil min stieden għal din il-laqgħa l-kunsill lokali? Jista' jinvestiga ukoll jekk il-membri tal-Kunsill Lokali kenux infurmati b'din il-laqgħa? Jista' jagħti ukoll tagħrif dwar min kienu l-membri tal-kunsill li attendew għal din il-laqgħa u min kienu?
Response (VELLA, KARMENU)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar li l-laqgħa li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant kienet waħda ta’ natura informali u kienet miftuħa għal kulħadd. Infurmat ukoll li għal-laqgħa kien mistieden ukoll il-membru tal-Kunsill Lokali li għandu x’jaqsam mas-sajd.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema policies inbidlu għal dak li jikkonċerna l-għoti ta' reserved parkings spaces wara Marzu 2013? Jista' jagġti tagħrif dwar jekk kienx hemm talbiet għal reserved parking spaces li kienu rifjutati qabel Marzu 2013 u li wara dan ix-xahar ingħataw il-persuna meħtieġa għal reserved parking spaces? X'bidliet kien hemm fil-kompożizzjoni tal-bord li jiddeċiedi dawn it-talbiet?
Response (MIZZI, JOE)
Jien infurmat li hemm xi partijiet mill-polza għall-Parkeġġ Riservat Persuni b'Dizabbilta’ li ġew mibdula b'konsultazzjoni mal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabbilta'.
Kien hem għaxar talbiet li kienu ġew rifjutati qabel Marzu u li ġew approvati wara Marzu għar-raġunijiet kif ġej:
- waħda minnhom ġiet riveduta w approvata bħala 1.5m KEEP CLEAR bay;
- tlieta minnhom ġew approvati mir-Review Panel wara li l-applikanti appellaw id-deċiżjoni tal-Bord għall-Parkeġġ Riservat Persuni b'Diżabbilta’;
- tlieta minnhom ġew approvati fuq bażi temporanja għal sitt xhur minħabba perjodi ta' konvalexxenza/kimoterapija;
- waħda minnhom ġiet approvata għax mid-data tal-ewwel approvazzjoni sar jgħix persuna li ssuq mal-applikant u għaldaqstant l-applikant sar eliġibbli għal parkeġġ riservat għax issodisfa l-kriterji kollha ta' eliġibilita';
- tnejn oħra ġew riveduti fuq ċertifikat mediku li jgħid li l-kundizzjoni medika tal-applikant iddeterjorat.
Il-bidliet li saru fil-Bord għal Parkeġġ Riservat Persuni b'Diżabbilta’ kienu kif ġej:
- Chairperson: Perit Audrey Testaferrata De Noto li ma nbidlitx
- Segretarja: Sinjura Doreen Busuttil li ma nbidlitx
- Membru: Sur Kevin Zahra, rappreżentant ta’ Transport Malta, li bidel lil Josie Brincat minħabba li dan tal-aħħar m'għadux jagħmel xogħol ta' konsulenza ta' mmanniġġjar tat-traffiku
- Membru: Sinjura Amy Zahra, rappreżentanta tal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabbilta’, li ma nbidlitx
- Membru: Sinjura Joanne Debono Grech, rappreżentanta tal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali, li ġiet nominata minn wara Marzu wara li l-Awtorita’ kienet ilha żmien twil titlob li jiġi nominat rappreżentant mill-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali.
Transport Malta — Controlled Residential Parking Schemes
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'inhi l-polza li fuqha Transport Malta tagħti l-kunsens tagħha għall-Controlled Residential Parking Scheme? Jista' jqieħged fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-polza kif indikata? Jista' jagħti tagħrif dwar min huma l-membri uffiċjali li qed jaħdmu biex ibiddlu din il-polza? Meta hu mistenni li l-polza ġdida tiġi applikata?
Response (MIZZI, JOE)
Jien infurmat li bħalissa Transport Malta mhux qed tipproċessa aktar talbiet għall-Controlled Residents Parking Schemes minħabba li l-polza ġiet riveduta. Din il-polza l-ġdida għaddejja konsultazzjoni nterna u sussegwentament tibda l-konsultazzjoni pubblika mal-entitajiet kollha kkonċernati. L-uffiċċjali tal-Awtorita’ li ħadmu fuq ir-reviżjoni tal-polza huma mid-Dipartiment għall-Immanniġġjar tat-Traffiku u Sigurta’ fit-Toroq. Il-polza l-ġdida tiġi applikata meta tintemm l-konsultazzjoni pubblika u jsiru t-tibdiliet li jista’ jkun hemm bżonn.
B'referenza għall-mistoqsijsa parlamentari 5826, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema konsultazzjoni saret mal-Kunsill Lokali ta' San Pawl il-Baħar minn Transport Malta għal dak li jikkonċerna l-bidliet marbuta mar-rotta tat-trackless train? Ma min saret il-konsultazzjoni min-naħa tal-Kunsill Lokali ta' San Pawl il-Baħar u meta ġew approvati l-istess bidliet mill-istess kunsill lokali? Kemm-il laqgħa ta' konsultazzjoni saret mill-Kunsill Lokali u meta u fejn inżammu dawn l-istess laqgħat?
Response (VELLA, KARMENU)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar li ma kellu l-ebda laqgħa ta’ konsultazzjoni kif qed jirreferi l-Onor. Interpellant. Jien infurmat iżda li għaddiet korrispondenza bejn Transport Malta u l-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar dwar xi tibdil.
B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 5827, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk Transport Malta spezzjonatx l-inħawi biex tara li dak li kien approvat fil-fatt sar? Jekk f'xi każijiet indikati fir-risposta kien hemm kundizzjonijiet li jolqtu t-traffiku li jgħaddi mill-istess inħawi u l-permessi ngħataw biex ix-xogħol jiġi implimentat f'perijodu fiss ta' żmien, jista' jagġti tagġrif dwar jekk dan il-perijodu ta' żmien inżammx inkella le?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li wħud minn dawn il-permessi kienu jeħtieġu applikazzjoni u permess mill-MEPA qabel ma jsir ix-xogħol. Fl-ebda każ Transport Malta ma ġiet infurmata li x-xogħlijiet saru u allura ma kienx hemm lok ta' spezzjoni fuq il-post. Nitlob lill-Onoveroli Interpellant sabiex jekk jixtieq xi informazzjoni dwar xi każ partikolari jgħaddi d-dettalji sabiex l-Awtorita’ tkun tista' ssegwi l-każ mill-qrib.
San Pawl il-Baħar — Permessi għall-bidliet fil-one ways
Question
B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 5828, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema kienu t-toroq indikati fir-risposta? Jista' jagħti risposta ukoll għall-aħħar żewġ domandi li hemm fid-domanda 5828?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tlett toroq li qed tirreferi għalihom il-mistoqsija parlamentari 5828 huma Triq Mons. A. Mifsud, Triq l-Erba' Mwieżeb u Triq San Ġeraldu.
B’referenza għall-aħħar żewġ domandi, jien infurmat li wħud minn dawn il-permessi kienu jeħtieġu applikazzjoni u permess mill-MEPA qabel ma jsir ix-xogħol. Fl-ebda każ Transport Malta ma ġiet infurmata li x-xogħlijiet saru w allura ma kienx hemm lok ta' spezzjoni fuq il-post. Nitlob lill-Onoveroli Inperpellant sabiex jekk jixtieq xi informazzjoni dwar xi każ partikolari jgħaddi d-dettalji sabiex l-Awtorita’ tkun tista' ssegwi l-każ mill-qrib.
San Pawl il-Baħar – Triq Għawdex – stallazzjoni ta’ dawl
Question
Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex il-Kunsill Lokali ta' San Pawl il-Baħar jassigura li fi Triq Għawdex, f’San Pawl il-Baħar, jinxtegħel id-dawl pubbliku fiha, minħabba n-nuqqas ta' dawl li hemm?
Response (VELLA, KARMENU)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar li fit-triq li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant hemm erba’ bozoz: tlieta (3) stallati ma’ ħitan u oħra (1) ma’ arblu. Il-Kunsill Lokali ma rċieva l-ebda rapport jew ilment dwar ħsarat jew nuqqas ta’ dawl. Madankollu l-Kunsill se jara x’nuqqas jista’ jkun hemm u, jekk ikun il-każ, jara li s-sitwazzjoni titjieb.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 4936, jista' l-Ministru jikkonferma li bla ebda dubju l-iktar domanda li se tqum biex titwieġeb hi l-istess mistoqsija parlamentari 4936 billi biex titwieġeb din il-mistoqsija trid tinġabar in-nefqa separata ta' eluf ta' domandi li saru matul l-istess ħames snin?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi t-tweġiba ma tistax tkun kwantifikabbli minħabba l-fatt illi kull mistoqsija parlamentari hija ta’ natura differenti u allura mhux kull mistoqsija tirrikjedi l-istess ammont ta’ riżorsi u volum ta’ riċerka biex titwieġeb.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 5800, billi f'din ir-risposta qed jingħad li se toħroġ sejħa ta' espressjoni ta' interess għall-iżvilupp u maniġjar ta' biċċerija oħra, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk dan ifissirx li l-Gvern se jieħu sehem f'tali biċċerija jew jekk hux se jingħataw inċentivi partikolari biex din il-biċċerija tinbena?
Response (BRINCAT, LEO)
Naħseb li jkun għaqli li wieħed jistenna l-ħruġ tas-sejħa pubblika li se ssir fir-rigward.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema huma t-30 proġett li bħalissa l-Gvern qed jikkunsidra li jipparteċipa fihom fil-forma ta' Private Public Partnerships kif iddikjara l-istess Ministru waqt li ndirizza konferenza f'Tas-Sliema? Jista' jagħti tagħrif dwar l-area ta' xogħol li fihom hu propost li jaħdmu dawn il-partnerships?
Response (CARDONA, CHRIS)
L-aġenzija tal-Gvern MIMCOL fil-preżent qed taħdem fuq dawn it-tletin proġett ġdid tal-Private Public Partnership. Xi wħud minnhom se jiġu mħabbra fl-ewwel xhur tas-sena d-dieħla.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 5811, billi hu iktar important li jsir ix-xogħol milli li x-xogħol meħtieġ ikun fuq lista, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta hu mistenni li jsir ix-xogħol meħtieġ f'din il-parti tat-triq?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-triq imsemmija hija fuq il-lista ta’ toroq li għandhom bżonn ta’ intervent.
Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien hemm każijiet ta' persuni li għamlu użu mill-provediment tal-Whistleblower Act biex jirrapurtaw każijiet ta' allegat korruzzjoni jew abbuż ta' poter? Kemm kien in-numru ta' persuni li ħassewhom vittimazzati minn allegazzjonijiet ta' persuni kontra tagħhom li talbu li l-każ tagħhom jiġi investigat skont il-provediment tal-Whistleblower Act? X'kienu l-każijiet li ntalbu li jiġu investigati s'issa?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Fil-każ tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru ma kien hemm l- ebda każ.
Għar-rigward tal-Ministeri l-oħra, l-Onor Interpellant huwa mitlub jagħmel il-mistoqsija lill-Ministri kkonċernati.
Kunsill Lokali tal-Mellieħa, n-Naxxar u San Pawl il-Baħar — fondi extra
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kif inhuma maqsuma t-talbiet għall-fondi extra li saru mill-Kunsill Lokali tal-Mellieħa, n-Naxxar u San Pawl il-Baħar għaż-żmien li ġej? Billi qed jingħad li almentu wieħed minn dawn il-kunsilli għamel rapport li fih jiġġustifika talba ta' €9,000,000 extra għas-snin li ġejjin, jista' jagħti breakdownta' x'kienu dawn it-talbiet?
Response (VELLA, KARMENU)
Ninsab infurmat mid-Dipartiment għall-Gvern Lokali li ma rċeviex talbiet bl-ammonti li qed isemmi l-Onor. Interpellant mill-Kunsilli Lokali rispettivi.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Ministeru għadx għandu kontroll fuq il-kwarantina ta' pajjiżna? Jekk iva, x'tip ta' annimali qed jinżammu taħt kwarantina għalissa? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm każijiet matul l-aħħar sena li fihom annimali li kienu fil-kwarantina fil-fatt intilfu u ma nstabux? Jekk iva, x'kienu dawn l-annimali li ma baqgħux fil-kwarantina?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li fil-fatt il-kwarantina taqa’ taħt il-kontroll tad-Dipartiment tal-Veterinarji u fil-kwarantina jinżammu kull tip ta’ annimal. Bħalissa hemm klieb, fkieren, għasafar u tjur tal-priża. Dawn normalment ikunu annimali li jew ma jkunux konformi mar-regoli tal-EU jew inkella jkunu ġew maqbuda mill-Qorti jew mid-Dwana jew mid-Dipartiment. F’xi każijiet fil-kwarantina jinżammu wkoll għasafar u tjur għar-riabilitazzjoni. Ninsab infurmat ukoll li ma kien hemm l-ebda annimal li ntilef mill-kwarantina.
Billi f'ġurnal lokali llum 9 ta' Novembru, s-Segretarju Parlamentari ġie kkwotat li qal li minkejja n-nefqa li saret fl-agrikoltura l-prodott Malti (dak agrikolu) ma weriex titjieb fil-kwalità tiegħu mill-2004 sal-lum, jista' l-Ministru jagħti tagġrif dwar abbażi ta' xiex wasal għal din il-konklużjoni?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li l-fatt li sal-lum għadhom ma daħlux fis-seħħ ċertifikazzjoni ta’ kwalita tal-prodott (QM) li jistabillixu l-kwalita għal-benefiċċju tal-konsumatur, jissostanza r-rimarka li għamel is-Segretarju Parlamentari.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar fiex waslu d-diskussjonijiet dwar l-assikurazzjoni tal-bdiewa/biedja f'Malta? Ma' min saru d-diskussjonijiet dwar dan il-punt?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li peress li d-diskussjonijiet dwar il-materja għadhom għaddejjin, mhux etika kummerċjali li tingħata din l-informazzjoni.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar fiex waslu l-preparamenti biex il-problemi marbuta ma' Triq is-Simar San Pawl il-Baħar jiġu solvuti biex l-istess triq tkun tista' tiġi rranġata u mogħtija t-tarmak u fiha jsiru s-servizzi meħtieġa?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Triq is-Simar San Pawl il-Baħar qiegħda tiġi żviluppata u għaldaqstant Transport Malta tistenna li jkun hemm mill-inqas 70% żvilupp qabel tibni t-triq. Madankollu saru konsultazzjoni mas-servizzi w jirriżulta li l’ Water Services Corporation trid tgħaddi s-servizzi neċessarji.