Legislature:
Category:
Reset
Active:

Buġibba u l-Qawra — negozju fuq il-front

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 28058 u ċjoè: B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari W449, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm instabu li kien hemm persuni li qed jarmaw fuq dan il-front mingħajr m’għandhom permess? Fejn hemm il-permessi, minn min huma maħruġa dawn l-istess permessi? Kemm kien hemm każi li ttieħdu passi fil-konfront ta’ dawk li kienu qed jaħdmu mingħajr ma kellhom il-permessi meħtieġa? Jekk le, x'inhi r-raġuni għal dan?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat illi matul is-sena 2016 kien hemm tnax (12) il-każ fejn il-Pulizija sabu persuni li qed jarmaw mingħajr permess fiż-żona rispettiva kif indikat fit-tweġiba tal-mistoqsija W449. Il-permessi għal dan it-tip ta’ negozju huma maħruga mit-Trading Licences Unit. F’kull każ fejn matul din is-sena instabu li persuni ħadmu mingħajr permess, inħarrgu it-taħrikiet meħtieġa.
Leg 12 PQ #29460 Sitting 469 2017-01-16 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

smart meters installati

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid in-numru ta' smart meters, jekk għandha l-Enemalta, li ġew installati s'issa f'residenzi privati, postijiet kummerċjali u postijiet ta' kategoriji oħra, b'mod separat? Kemm minn dawn l-arloġġi fil-fatt m'għandhomx bżonn jinqraw mill-meter readers li normalment għadhom jiġu jaqraw l-arloġġi kull sitt xhur?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ġejt infurmat minn Enemalta plc li 95% tal-meters tal-elettriku f’Malta u Għawdex, sal-aħħar ta’ Diċembru 2016 kienu mibdula għat-tip smart. Sadanittant, il-ħidma ewlenija bħalissa hi li dawn il-meters jiġu kkollegati biex jitrasmettu t-tagħrif dwar il-konsum b’mod awtomatiku, mingħajr il-bżonn taż-żjarat tal-meter reader. Sal-aħħar tas-sena l-oħra 76% tal-ismart meters kienu qed jittrażmettu t-tagħrif b’mod awtomatiku.
Leg 12 PQ #29461 Sitting 469 2017-01-16 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

ħruġ ta' kontijiet tad-dawl u ilma bħala estimate

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk meta jinħarġu l-kontijiet tal-konsum tad-dawl u l-ilma bħala estimate, u dan l-estimate jkun baxx għall-konsum li jkun sar, imbagħad meta jinqraw l-istess arloġġi tad-dawl u l-ilma, fil-fatt il-konsumatur hux qed jispiċċa jħallas b'rata għolja għall-parti sewwa mill-konsum, għaliex ikun ħallas ammont żgħir minħabba li l-konsum stmat, ikun baxx ħafna?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ġejt infurmat minn ARMS Ltd. li l-kumpanija hija kommessa li toħroġ il-kontijiet skont l-iskeda ffissata, ċioe’ kull xahrejn. F’ka¿ijiet fejn il-qari tal-meter ma jkunx wieħed awtomatiku, il-meter reader ikun irid imur jaqra l-arloġġi. Dan dejjem ikun possibbli jekk il-meter reader ikollu aċċess biex jaqra l-istess arloġġi tad-dawl u l-ilma. Meta jittieħed il-qari kull meta jmiss, ikun jista’ jinħareġ kont skont il-konsum propju u fuq ir-rati applikabbli.

graffiti li saru madwar Malta

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-pulizija investigatx min seta' għamel il-bosta graffiti, li qed jingħad li huma bil-lingwa Serba, li saru madwar Malta? Jekk iva, jista' jagħti tagħrif dwar jekk fil-fatt inqabadx xi ħadd minn dawk li għamlu dawn l-istess graffiti, u jekk ittieħdux passi kontra xi persuni, b'riżultat ta' dawn l-investigazzjonijiet?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat illi l-pulizija qed tieħu azzjoni biex jiġu evitati inċidenti ta’ kitba ta’ graffiti bil-lingwa Serba u qed tinvestiga min seta' għamilhom. Madankollu, sal-lum għadhom ma saru ebda arresti ta’ persuni li huma suspettati li għamlu dawn l-istess graffiti u għalhekk ma ttieħdu passi kontra ħadd.

San Pawl il-Baħar — kontrolli

Question

Billi f'San Pawl il-Baħar qed tikber ferm il-kwestjoni marbuta mal-atteġġjament ta' ċertu barranin, li jew joqogħdu fil-lokalità, jew jiġu għal xi żmien f'dawn in-naħiet, tant li spiss qed ikun hemm kitbiet ta' natura iebsa, fil-konfront tal-istess barranin, kemm minn Maltin, kif ukoll minn barranin oħra, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'kontoll partikulari qed isiru, mill-pulizija (mhux tad-distrett waħidhom, li diġà huma mgħobbija żżejjed bix-xogħol normali tagħhom), biex jiġi assigurat li dawk li joqogħdu f'dawn l-inħawi huma fil-fatt regolari bil-preżenza tagħhom f'pajjiżna? Meta saru l-aħħar spezzjonijiet mill-pulizija, minħabba dawn il-problemi ta' konflitt soċjali u razzjali li qed jinħolqu f'din il-lokalità?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat illi waqt li hu minnu li l-pulizija tad-Distrett jagħmlu minn kollox biex waqt ir-ronda tagħhom jikkontrollaw dak kollu li hu relatat ma kull ksur ta’ liġi, fil-każ ta’ kontrolli fuq persuni barranin, dawn isiru wkoll minn uffiċjali tat-Taqsima tal-Immigrazzjoni. Irid jingħad illi anke sezzjonijiet oħra li jkunu fuq ronda fl-inħawi indikati ukoll jieħdu azzjoni jekk u meta jiġi skopert ksur ta’ liġijiet fl-inħawi indikati u oħrajn. Fid-dawl tal-kontenut tal-mistoqsija, it-taqsimiet konċernati fi ħdan il-Korp qed jiġu mitluba biex dawn iż-żoni jiġu mħarsa u spezzjonati aktar frekwenti bil-għan illi min hu responsabbli ta’ xi ksur ta’ liġi, jiġi nvestigat u proċessat skond in-normi f’każijiet bħal dawn.

Negozji – Rimi ta’ Skart

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kif suppost għandhom jiddisponu mill-iskart li jkollhom x'jarmu bosta negozji, kemm jekk dan l-iskart ikun riċiklabbli, kif ukoll jekk ma jkunx riċiklabbli?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma l-Onor. Interpellant li t-tip ta’ skart ġġenerat minn negozji jiddependi fuq l-attività tan-negozju. Għaldaqstant in-natura u l-kompożizzjoni ta’ skart tvarja minn negozju għal ieħor u għalhekk il-mod ta’ kif jiġi mmaniġjat ivarja wkoll peress li dan jiddependi fuq in-natura u l-kompożizzjoni tal-iskart inkwistjoni. B’referenza għar-regolament 12 fuq dmir ta’ kura stipulat fl- L.S. 549.63, Regolament dwar l-Iskart, negozji għandhom jiżguraw li l-iskart iġġenerat minnhom ikun immaniġġjat skont il-paragrafi 2 u 3 tal-iskeda 5 dwar il-ġerarkija tal-iskart u ħarsien tas-saħħa tal-bniedem u l-ambjent rispettivament. F’dan il-kuntest, negozji għandhom jiddisponu mill-iskart tagħhom, kemm dak riċiklabbli kif ukoll dak li mhux, bi ftehim ma’ kollettur privat jew pubbliku ta’ skart u jassiguraw li l-iskart jasal u jkun immaniġġjat minn stabbilimenti jew negozji li jagħmel proċess ta’ trattament ta’ skart awtorizzati mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi. Fir-rigward ta’ skart riċiklabbli ġġenerat minn negozju bħal skart tal-ippakkjar, skart minn apparat elettriku u elettroniku u skart ta’ batteriji u akkumulaturi, in-negozjanti jistgħu jagħmlu użu minn sistemi ta’ ġbir u riċiklaġġ iffinanzjati mill-produtturi ta’ tali materjali skont il-liġijiet ta’ Malta. Negozji li jiġġeneraw skart li ma jkunx riċiklabbli u li n-natura u l-kompożizzjoni tiegħu mhux simili għal dak iġġenerat mid-djar, għandhom jagħmlu l-arranġamenti neċessarji ma’ kolletturi u faċilitajiet awtorizzati mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi sabiex jiddispondu minn tali skart.

San Pawl il-Baħar — irbiet ta' dgħajjes

Question

Billi wara l-maltemp li kellna matul l-2016, il-Menqa tas-sajjieda San Pawl il-Baħar, ħdejn il-knisja ta' San Pawl Nawfragu sofriet bosta ħsarat, u l-ġebel li waqa fl-istess menqa qed jagħmilha diffiċli għal dawk li kienu jorbtu d-dgħajjes tagħhom biex jagħmlu dan mingħajr periklu, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta se issir it-tiswija neċessarja biex ma ssirx iktar ħsara, kif ukoll biex dawn l-inkonvenjenzi jitneħħew?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 28399.
Leg 12 PQ #29437 Sitting 468 2017-01-12 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

San Pawl il-Baħar – Triq Dawret il-Qawra u Triq it-Trunċiera – xogħol mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (WSC)

Question

Billi skont risposta parlamentari li ngħatat mill-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura ma jirriżultax li l-WSC talbet għall-konsultazzjoni ma’ Transport Malta dwar xogħol li jista' jkun li l-WSC trid tagħmel matul it-toroq Triq Dawret il-Qawra u Triq it-Trunċiera, San Pawl il-Baħar, jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar jekk fil-fatt l-istess WSC għandhiex pjan għal dawn it-toroq għal dak li jikkonċerna xogħol mill-WSC?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ġejt infurmat mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma li m’għandhiex pjan li tintervjeni fit-toroq imsemmija. Madanakollu, kemm-il darba jkun hemm il-ħsieb li jinbidel il-wiċċ tat-triq, il-Korporazzjoni hija tal-parir li jinbidlu wkoll is-servizzi relattivi.
Leg 12 PQ #29438 Sitting 468 2017-01-12 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

San Pawl il-Baħar – Toroq Dawret il-Gżejjer u Wileġ – xogħol mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (WSC)

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-WSC hux ser tkun qed twettaq xogħol marbut ma’ ħtiġijiet tal-WSC fit-toroq Triq Dawret il-Gżejjer, u Triq Wileġ, San Pawl il-Baħar? Jekk iva, jista' jagħti tagħrif dwar jekk l-istess korporazzjoni talbitx xi konsultazzjoni ma' Transport Malta? Jekk iva, meta saret tali talba?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ġejt infurmat mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma li m’għandhiex pjanijiet li twettaq xogħol marbut ma’ dawn it-toroq sakemm ma jkunx se jsir il-wiċċ tat-triq.
Leg 12 PQ #29439 Sitting 468 2017-01-12 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Il-Front ta’ Buġibba u l-Qawra u l-pjazza tas-Santana – bozoz maqtugħin

Question

Billi numru ta' bozoz li jinsabu fuq arbli tad-dawl, u li jeħtieġ li jiġu msewwija mill-Enemalta, matul il-front ta' Buġibba u l-Qawra, kif ukoll fil-pjazza hekk magħrufa bħala tas-Santana, jinsabu maqtugħa, jista' l-Prim Ministru jieħu l-passi neċessarji biex dawn l-istess dwal jissewwew?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ġejt infurmat mill-Enemalta plc li fl-inħawi indikati f’din il-mistoqsija, hemm lampi li tieħu ħsiebhom Enemalta u oħrajn f’idejn il-Kunsill Lokali kkonċernat jew entitajiet oħra. Enemalta rċeviet talba waħda għall-għajnuna mill-Kunsill Lokali konċernat dwar lampi f’dawn l-inħawi f’Novembru li għadda. Il-ħsarat indikati ġew irranġati mill-ewwel, ftit jiem wara. M’hemm l-ebda rapport ieħor pendenti mill-Kunsilli Lokali konċernati f’dawn l-inħawi minn dak iż-żmien ’l hawn. Sadanittant, minkejja li f’dan il-każ ma ġietx segwita l-proċedura stabbilità, ċioè li r-rapporti ta’ lampi bil-ħsara għandhom isiru lill-Kunsilli Lokali u mhux direttament lil Enemalta, il-Kumpanija xorta spezzjonat il-post u fejn instab li hemm xi ħsarat, qed isiru t-tiswijiet meħtieġa. Instabu wkoll bil-ħsara għadd ta’ dwal oħra li jaqgħu taħt ir-responsabilità tal-Kunsill Lokali konċernat. Dawn iridu jitranġaw mill-kuntratturi tal-Kunsilli Lokali, skont il-prassi stabbilita.

Bini ta’ appartamenti tal-gvern

Question

B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 28074, jista' l-Ministru jgħid f'liema siti nbeda x-xogħol kif qed jingħad fir-risposta, sal-aħħar tal-2016? Jista' jagħti tagħrif dwar kemm, f'kull każ imsemmi f'dik ir-risposta, kien in-numru ta' offerti li ntefgħu, separatament għal kull wieħed mill-proġetti indikati? Min tefa’ t-tender, f'kull każ, u min intgħażel biex jagħmel ix-xogħol li hu mistenni li jsir? Kemm hu mistenni li jintefqu flus fuq dawn l-istess proġetti ndikati fir-risposta msemmija?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, kif diġà weġibt f’mistoqsija parlamentari 28074, il-proċess tal-evalwazzjoni ta’ dan il-Framework Agreement għalaq fil-25 ta’ Ottubru 2016. Għalih kien hemm 18-il applikant li minnhom 12 kienu eliġibbli skont il-kriterji ppublikati. Ir-riżultat huwa wieħed pubbliku skont ir-regoli tad-Dipartiment tal-Kuntratti. Il-proġett kollu mistenni li jkun jiswa €50 miljun kif ġie mħabbar diversi drabi.

San Pawl il-Baħar – tħaffir ta’ trinek

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm saru spezzjonijiet fuq xogħol li sar mill-kumpanija GO, għal dak li jikkonċerna tħaffir ta' trinek, fil-lokalità ta' San Pawl il-Baħar, (inkluż Buġibba u l-Qawra), matul l-2016? F'liema każijiet kellu jinqala' x-xogħol li sar, u jerġa’ jsir mill-ġdid? Jista’ jagħti tagħrif dwar jekk sarux, spezzjonijiet fuq ix-xogħol li sar fi Triq il-Port Ruman, u fi Triq Dawret il-Qawra, dejjem f'San Pawl il-Baħar u fil-każ li saru, meta kienu dawn l-ispezzjonijiet? X'kienu r-riżultati ta' dawn l-ispezzjonijiet, u jista’ jagħti tagħrif ukoll dwar jekk kienx meħtieġ li ssir tiswija mill-ġdid?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul is-sena 2016 saru 128 spezzjoni fuq permessi li jikkonċernaw tħaffir ta’ trinek fil-lokalità ta’ San Pawl, inklużi Buġibba u l-Qawra. Inħareġ permess wieħed fi Triq il-Port Ruman fejn saru żewġ spezzjonijiet fl-20 ta’ Diċembru u fit-3 ta’ Jannar fejn irriżulta li x-xogħol ta’ tħaffir tlesta u t-trinka qegħda temporanjament sal-wiċċ. Mal-ewwel disponibiltà tal-asfalt, jiġi mgħoti l-wiċċ bl-asfalt. Inħarġu tlett permessi fi Triq il-Qawra b’total ta’ 10 spezzjonijiet fid-dati ta’ hawn taħt. Jirriżulta li tnejn minnhom ingħalqu bl-asfalt filwaqt li waħda minnhom tlestiet temporanjament sal-wiċċ tat-triq. Mal-ewwel disponibiltà tal-asfalt, jiġi mgħoti l-wiċċ skont il-kundizzjonijiet tal-permess. Fost dawn l-ispezzjonijiet kien hemm żewġ notifiċi biex jirranġaw il-compaction fejn it-tiswija saret il-ġurnata ta’ wara. a. Żewġ spezzjonijiet fuq żewġ permessi differenti fit-23 ta’ Novembru b. Tlett spezzjonijiet fuq tlett permessi differenti fil-25 ta’ Novembru c. Żewġ spezzjonijiet fuq żewġ permessi differenti fit-30 ta’ Novembru d. Żewġ spezzjonijiet fuq żewġ permessi differenti fit-2 ta’ Diċembru e. Spezzjoni waħda fuq permess wieħed fid-9 ta’ Diċembru Ninsab infurmat ukoll li d-Direttorat tat-Toroq fi ħdan Transport Malta, ma rċieva l-ebda rapport ta’ konformità ta’ xogħlijiet (dan ir-rapport jiskatta il-proċess ta’ moniteraġġ li jagħmel id-Direttorat tat-Toroq matul is-sentejn garanzija – aktar tagħrif rigward dan il-proċess jinsab f’mistoqsijiet parlamentari 26798, 28066 u 28067) mill-kumpanija GO, fil-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar, u għalhekk jirriżulta li għad m’hemmx każijiet fejn kellu jinqala' x-xogħol li sar u jerġa’ jsir mill-ġdid. Ninforma ukoll lill-Onor. Interpellant li fir-rigward ta’ xogħlijiet li saru fi Triq il-Port Ruman u fi Triq Dawret il-Qawra, id-Direttorat tat-Toroq lanqas ma rċieva l-ebda rapport ta’ konformita’ ta’ xogħlijiet f’dawn it-toroq u għalhekk jirriżulta li ma kienx hemm każijiet li ssir tiswija mill-ġdid.
Leg 12 PQ #29397 Sitting 467 2017-01-10 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

San Pawl il-Baħar – fawran tad-drenaġġ ħdejn l-Iskola Primarja

Question

Billi qed jiġri spiss li ħdejn l-iskola primarja ta' San Pawl il-Baħar qed ikun hemm fawran tad-drenaġġ, u skont rapport f'ġurnal lokali ngħad li dan qed jiġri minħabba xogħol ta' tiswija fuq il-pompa tad-drenaġġ li hemm fil-Pwales, jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar meta hu mistenni li jitlesta dan l-istess xogħol, u dwar jekk hux possibbli li jiġi ppjanat mod ieħor ħalli l-fawran ħdejn l-iskola ma jibqax jirriżulta?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ġejt infurmat mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma illi qed isir xogħol ta’ upgrading fis-sistema tad-drenaġġ tal-Pwales biex din tiġi ħafna aħjar u tkun tiflaħ għaż-żieda fl-ammont ta’ nies fl-akwata ta’ San Pawl il-Baħar. Dan ix-xogħol mistenni jitlesta din is-sena.
Leg 12 PQ #29398 Sitting 467 2017-01-10 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex – Tieqa tad-Dwejra – tabelli biex ma jgħaddux nies minn fuq it-tieqa

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Ministeru waħħalx tabelli li juru li persuni ma jistgħux jgħaddu minn fuq it-tieqa tad-Dwejra, Għawdex, u wkoll li min jinqabad jgħaddi minn hemm irid iħallas multi qawwija minħabba l-ksur ta' regolamenti li jkun qed iwettaq? S’issa, kemm kien hemm persuni li ġew b'xi mod immultati talli għaddew minn fuq l-istess tieqa?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Oneroveli Interpellant li twaħħlet tabella li tinforma li min jgħaddi minn fuq it-tieqa tad-Dwejra ikun qiegħed jikser ir-regolamenti u jista jeħel multa. Dwar kemm kien hemm persuni li ġew b'xi mod immultati talli għaddew minn fuq l-istess tieqa ninforma lill-Oneroveli Interpellant biex jirreferri l-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.
Leg 12 PQ #29399 Sitting 467 2017-01-10 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex – rwejjaħ f’diversi partijiet

Question

Billi fl-20 ta' Diċembru u fil-jiem ta' qabel kien hemm riħa qawwija f'diversi partijiet ta' Għawdex, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'investigazzjoni għamel il-Ministeru, u minn fejn irriżulta li kienet ġejja din l-istess riħa? X'passi ttieħdu biex dawn l-irwejjaħ jinqatgħu?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Oneroveli Interpellant biex jirreferri l-Mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.

Permessi lill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma dwar tiswijiet ta’ ħsarat fis-sistemi tad-drenaġġ

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'tip ta' permessi jingħataw lill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għal dak li jirrigwarda tiswijiet ta' ħsarat kemm fis-sistemi tad-drenaġġ kif ukoll fejn jikkonċernaw tiswijiet tal-pajpijiet tal-ilma? X'tip ta' spezzjonijiet jagħmel il-Ministeru biex jassigura li dawn it-tiswijiet isiru skont is-sengħa? Billi spiss jingħad li hemm koordinazzjoni sħiħa ma' entitajiet governattivi oħra, jista' jagħti tagħrif dwar kif Transport Malta tkun infurmata bix-xogħol li jwettqu tali entitajiet governattivi?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li f’każ li jkun hemm bżonn ta’ tiswijiet fuq is-servizzi tad-drenaġġ kif ukoll dawk tal-ilma u li huma ta’ natura urġenti, l-entità tista’ tagħmel użu tal-permessi tal-emerġenza li jinħarġu fuq diskrezzjoni tal-perit li jkun on call fi ħdan id-Direttorat tat-Toroq. F’din is-sitwazzjoni hi responsabbilità tal-kuntrattur/entità li tagħmel il-konsultazzjoni neċessarja. Kull meta jinħareġ permess tal-emerġenza tiġi mibgħuta notifika awtomatika mis-sistema kemm lill-Kunsill konċernat, kif ukoll lil dawk l-entitajiet li għandhom servizzi taħt l-art. F’każ li l-ħsara mhiex ta’ natura urġenti, l-entità tista’ tagħmel użu mis-sistema elettronika tal-permessi fejn din tissottomessi applikazzjoni u wara li tali applikazzjoni tiġi ivvalidata, din tintbagħat elettronikament lil diversi entitajiet kif ukoll lill-Kunsill konċernat kif ukoll lill-perit tar-reġjun fi ħdan id-Direttorat tat-Toroq sabiex jiġu konsultati u jagħtu l-kundizzjoni u/jew rimarki neċessarji għall-ħruġ tal-permess. Fiż-żewġ każijiet isiru spezzjonijiet waqt it-twettiq tax-xogħol minħabba sigurta’, kif ukoll jiġi spezzjonat, meta ix-xogħol hu komplut u jiġi sottomess iċ-ċertifikat tal-compliance mill-kuntrattur, mill-perit responsabbli fi ħdan id-Direttorat tat-Toroq. Tali spezzjonijiet iseħħu f’perjodu ta’ sentejn miċ-ċertifikazzjoni tax-xogħol fejn l-kuntrattur jibqa’ responsabbli matul dan iż-żmien li jirranġa xi difetti li jista’ jkun hemm.

Covers tal-plastik — servizzi fuq il-bankina

Question

Billi madwar Malta u Għawdex huma bosta dawk, kemm entitajiet uffiċjali, kif ukoll individwi li jużaw covers tal-plastik biex jgħattu numru ta' servizzi li jkunu fuq il-bankini, u billi dawn l-istess covers mhumiex b'saħħithom biżżejjed biex minn fuqhom jgħaddu l-vetturi, bil-konsegwenza li jinkisru mill-ewwel, u joħolqu periklu mhux żgħir għal dawk li jgħaddu minn fuqhom, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'inhuma l-istandards li wieħed suppost japplika għal tali covers, kif ukoll x'passi jittieħdu biex dan il-periklu jitneħħa?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-istandards applikati mid-Direttorat tat-Toroq għall-covers ta’ manholes (servizzi) li jservu fit-toroq huma inklużi fil-leġiżlazzjoni sussidjarja 499.57: Regolamenti dwar Toroq Ġodda u Xogħlijiet f’Toroq, Volum 1, Specifications for Road works, Series 500 – Drainage and Service Ducts. Dawn jorbtu lil Transport Malta u lil kull min jagħmel xogħol fit-toroq pubbliċi li juża covers skont l-istandard EN 124 – Gully Tops and Manhole Tops for Vehicular and Pedestrian Areas. Dan jinkludi kategorizzazzjoni ta’ covers skont il-piż li jifilħu a bażi tal-pożizzjoni tagħhom fit-triq. Peress illi l-bankini jaqgħu f’kategorija indikata bħala Group 2, jiġifieri spazju ġeneralment riservat għall-pedestrians, il-covers jiġu speċifikati bħal Class B125 (jiġifieri kapaċi li jirreżistu biss traffiku okkażjonali / emergenza). Fir-rigward ta’ toroq arterjali u distributorji li Transport Malta hija responsabbli għal manutenzjoni tagħhom, l-Awtorità tagħmel l-almu tagħha sabiex rapporti ta’ covers imkissrin jiġu ndirizzati u jsir is-sostituzzjoni tagħhom. Ħsarat fil-kumplament tat-toroq, li allura jaqgħu taħt ir-responsabilità tal-Kunsill Lokali, għandhom jiġu rrapurtati lill-Kunsill ikkonċernat.

Trasport pubbliku b'xejn lill-persuni li jagħlqu t-18-il sena

Question

Billi fid-diskors tal-budget ingħadd li din is-sena, dawk il-persuni li jagħlqu t-18-il sena se jingħataw sena trasport publiku b'xejn, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk dawk il-persuni li għalqu 18-il sena matul is-sena li għaddiet iżda għadhom ma għalqux id-19-il sena hux se jingħataw parti minn dan it-trasport pubbliku b'xejn sakemm jagħlqu d-19-il sena? Jista' jagħti ukoll tagħrif dwar jekk dawk li jagħlqu t-18-il sena din is-sena hux se jingħataw servizz għal sena sħiħa, jew minn meta jagħlqu 18 sal-aħħar tal-2017?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif ġie spjegat fir-risposta li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari 29102, l-iskema fejn persuni li jagħlqu it-18-il sena fl-2017 jikkwalifikaw għal sena trasport b’xejn, sa massimu ta’ €312, permezz tat-trasport publiku bl-iskeda hija applikabbli għal dawk il-persuni li jagħlqu it-18-il sena fis-sena li qegħdin fiha, jiġifieri fl-2017. Għaldaqstant, persuni li għalqu it-tmintax il-sena fl-2016 ma jikkwalifikax taħt din l-iskema.

Sirens Waterpolo Pitch – Ħsarat minħabba maltemp

Question

Billi għal darba oħra l-pitch tal-waterpolo tas-Sirens ASC safa vittma tal-maltemp li kien hawn f'dawn l-aħħar jiem, matul Diċembru 2016, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk hux ser ikun qed jingħataw xi forma ta' sostenn finanzjarju biex dawn l-istess ħsarat jiġu msewwija? Jista' l-Ministru jgħid jekk il-ministeru hux ser ikun qed jgħin finanzjarjament lil dan il-klabb, matul is-sena 2017? Jekk iva, kif ser tingħata din l-għajnuna?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta' Għada ġiet mitluba mill-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol sabiex issib fondi ħalli jsiru t-tiswijiet meħtieġa. Iżda minn stħarriġ preliminari rriżulta illi l-ħsarat huma konsiderevoli u anke strutturali. Għalhekk tiswija mhix biżżejjed u hemm bżonn illi jsiru xogħlijiet anke fil-pedamenti tal-istruttura. Bħalissa għaddej l-istħarriġ li hemm bżonn sabiex jiġi stabbilit x'xogħol għandu jsir u stima tax-xogħlijiet kollha.

Malta u Għawdex – parkeġġi riservati

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema huma l-postijiet ta' parkeġġi riservati madwar Malta u Għawdex li fil-fatt huma approvati minn Transport Malta, u li huma hekk approvati, minn Jannar 2013 sal-lum?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jispeċifika għal liema reserved parkings qed jirreferi.