Jista' l-Ministru jinvestiga talba għal bozza ġdida li għadha pendenti, (in-notification number qed jintbagħat separatament) fi Triq il-Milord, limiti ta' San Pawl il-Baħar? Jista' jagħti tagħrif dwar meta saret it-talba għal din il-bozza, u xi żviluppi seħħew minn meta saret din it-talba sal-lum? Meta hu mistenni li titwaħħal din il-bozza?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li din il-lampa ġiet approvata mill-Korporazzjoni Enemalta. Kif il-Kunsill Lokali kkonċernat jinstalla l-bozza u jissottometti applikazzjoni, Form STL, lill-Korporazzjoni Enemalta, din il-bozza tkun tista’ tiġi mqabbda mas-sistema tal-elettriku.
Issa li tħabbru l-iskedi li fuqhom suppost jibda jopera s-servizz tat-trasport pubbliku f'Malta u f’Għawdex, jista' l-Ministru jagħti d-dettalji dwar kif se jiżdiedu l-miljun kilometru ta' rotot li ssemma diversi drabi matul il-ġimgħat li għaddew, u li suppost se jkunu miżjuda mal-kilometraġġ li kien isir taħt l-iskedi l-qodma?
Response (MIZZI, JOE)
Tajjeb infakkar lill-Onor. Interpellant li sa mill-ewwel ġranet tat-tmexxija ta’ dan il-Gvern, ridna nagħmlu analiżi tas-sitwazzjoni li writna biex inkunu nistgħu nimxu ‘l quddiem fil-qasam tat-trasport pubbliku f’pajjiżna. Konferma ta’ dan huwa dak li ġet indikat fl-istess rapport tat-telfa tal- Partit Nazzjonalista, fejn intqal hekk “Ir-riforma fit-trasport pubbliku kienet meħtieġa. Madankollu, inħolqu aspettattivi għoljin ħafna, saru ħafna żbalji u ġiet implimentata b’mod mgħaġġel wisq, bil-konsegwenza li l-ewwel reazzjoni kienet li ir-riforma ma kienetx suċċess. Dan baqa’ jinħass għal ħafna xhur wara li bdiet titwettaq ir-riforma.”
Għalhekk bdejna b’konsultazzjonijiet mal-pubbliku, fejn smajna is-suġġerimenti u kritika ta’ min juża s-servizz, min jaħdem fis-servizz u min jipprovdieh kif ukoll tajna każ ta’ dak li intqal fuq il-
media
lokali.
Barra minn hekk, iltqajna anke mal-Kunsilli Lokali fejn stedinnihom iressqulna s-suġġerimenti tagħhom. Din kienet konsulenza li għaliha, ma ħriġna xejn mill-but, mhux kif għamel Gvern preċedenti li nefaq kważi 900,000 ewro f’konsulenzi.
Wara li evalwajna s-suġġerimenti u l-ilmenti kollha, kien jidher ċar li l-poplu, wara sentejn mid-dħul tal-Arriva f’Malta, ma kienx moqdi.
Għalhekk, beda proċess sħiħ biex jitfassal pjan dwar rotot li jilħqu l-ħtiġijiet u x-xewqat tal-pubbliku, ibbażat fuq l-ilmenti u s-suġġerimenti li waslulna. Għidna li se nlestu dan il-pjan sa’ Novembru 2013 iżda fil-fatt, lestejna qabel.
Meta ir-rotot il-ġodda ġew issottomessi lill- Arriva, irriżulta li l-istess kumpanija kienet falluta u riedet tillikwida u għaldaqstant dawn ir-rotot ma setawx jiġu attwati. F’din is-sitwazzjoni ħdimna biex il-kumpanija ma tillikwidax għax konna ser nispiċċaw mingħajr trasport pubbliku u l-ħaddiema jispiċċaw mingħajr xogħol. Wara diskussjonijiet iebsin imma kordjali, intleħaq ftehim biex il-kumpanija jeħodha l-Gvern għal żmien tranżitorju sakemm jidħol operat ġdid. Issa li ħarġet l- Expression of Interest biex finalment jintgħażel operatur ġdid, din l- Expression of Interest torbot lil min jieħu l-operat tat-trasport pubbliku, li ir-rotot li kienu ġew sottomessi lill- Arriva f’Ottubru li għadda ikunu il-bażi illi l-operatur il-ġdid jopera fuqu.
Fil-kuntest ta’ dan kollu ninforma lill-Onor. Interpellant li ż-żieda fil-kilometraġġ hija dovuta minħabba diversi fatturi fosthom:
- Żieda fil-frekwenzi minn u lejn il-Belt f’ċertu ħinijiet ta’ filgħodu u wara nofsinhar (rush hours);
- Introduzzjoni ta’ rotot ġodda biex jaqdu aħjar lil dawk il-lokalitajiet/akwati li jew s’issa m’għandhomx servizz inkella m’humiex moqdija sew;
- Tibdil f’rotot eżistenti biex jagħtu servizz aħjar bħar-rotot tal-isptar;
- Żieda fil-frekwenzi ta’ xi rotot meta domanda għalihom normalment tkun aktar għolja f’ċertu żminijiet tas-sena.
Il-Mellieħa, l-Imġarr u San Pawl il-Baħar: Xogħlijiet ta’ tindif u ġbir ta’ skart
Question
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm ġie jiswa x-xogħol marbut mal-ġbir ta’ skart, knis, qtugħ ta’ ħaxix fil-kampanja u ġbir ta’ bulky refuse xahar b’xahar, separatament, għal kull wieħed minn dawn ix-xogħlijiet differenti għas-snin 2011, 2012 u 2013 fil-lokalitajiet tal-Mellieħa, l-Imġarr u San Pawl il-Baħar rispettivament?
Response (VELLA, KARMENU)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Kunsilli Lokali – rotot ġodda tat-trasport pubbliku
Question
Issa li ġew ippubblikati r-rotot li fuqhom suppost se jibda jaħdem it-trasport pubbliku meta jkun hemm l-operatur il-ġdid, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema kienu s-suġġerimenti li saru mill-Kunsill Lokali tal-Imġarr, il-Mellieħa u San Pawl il-Baħar, li ġew aċċettati bħala parti mir-rotot il-ġodda? Liema kienu l-proposti minn dawn l-istess kunsilli li ma ġewx aċċettati?
Response (VELLA, KARMENU)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba rilevanti għall-Kunsill Lokali tal-Mellieħa, hekk kif provduta mill-istess Kunsill.
Intant infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Imġarr li ma ħassx il-bżonn li jagħti suġġerimenti fir-rigward tar-rotot ġodda. Infurmat ukoll mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar li uffiċċjalment għadu qed jistenna d-dettalji fir-rigward tar-rotot ġodda.
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema kienu l-proposti li saru mill-Kunsilli Lokali tal-Imġarr, il-Mellieħa u San Pawl il-Baħar li ġew aċċettati biex jiġu nkorporati fl-iskedi tat-trasport pubbliku li fuqhom suppost se jkun qed jaħdem l-operatur il-ġdid tat-trasport meta jidħol fis-seħħ l-arranġament ma’ dan l-operatur?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li qabel ma ġew iffinalizzati dawn ir-rotot kien sar proċess ta’ konsultazzjoni estensiv mal-pubbliku inġenerali anke permess ta’ laqgħat mal-Kunsilli Lokali, kif ukoll tajna widen għall-ilmenti u suġġerimenti li l-pubbliku kien iressaq permezz tal-mezzi tal- media lokali kollha. Qabel ma’ dawn ir-rotot il-ġodda ġew mgħoddija lill-kumpanija Arriva Malta Ltd., reġa kien hemm laqgħat mal-Kunsilli Lokali kollha u fejn kien hemm xi dubji dawn ġew ikkjarifikati. Nenfasizza ukoll li dawn l-istess rotot huma il-bażi li fuqha ser jibda jopera l-operatur il-ġdid u li huma ippubblikati fl-Expression of Interest li għadha kemm ħarġet.
Il-proposti li saru kemm mill-pubbliku kif ukoll mill-Kunsilli Lokali tal-Imġarr, il-Mellieħa u San Pawl il-Baħar tista’ tgħid li kollha ġew milqugħa. Fost dawn is-suġġerimenti kien hemm:
1. It-tneħħija tar-Rotta 101 minn ġewwa t-toroq residenzjali fil-Mellieħa;
2. Żieda fil-frekwenza tar-Rotta 42 minn 60 għal 30 minuta;
3. Trasport pubbliku aħjar biex iservi l-akwati tal-Gillieru, Pijunieri u l-Qawra ġewwa San Pawl il-Baħar lejn il-Belt;
4. Servizz aħjar għar-residenti ta’ Triq Għajn Tuffieħa u l-akwata tal-Ballut;
5. Servizz ta’ trasport pubbliku għal Paradise Bay ġewwa ċ-Ċirkewwa.
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar x’tip ta’ spezzjonijiet saru matul l-aħħar sentejn fil-biċċerija tal-Marsa? X’tip ta’ spezzjonijiet oħra hu mistenni li jsiru fil-biċċerija matul il-ġimgħat jew xhur li ġejjin? Minn min hu mistenni li jsiru dawn l-ispezzjonijiet fil-futur qrib?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li spezzjonijiet fil- biċċerija tal-Marsa jsiru fuq bażi regolari, skont il-ħtieġa u skont ir-regolamenti.
Jekk l-Onor. Interpellant qed jirreferi għal xi spezzjonijiet partikolari huwa mitlub ikun aktar speċifiku fil-mistoqsija tiegħu.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Kunsill Lokali tal-Mellieħa għadux qed jippjana li jsir xi forma ta' cable car/funikular bejn il-Mellieħa u l-Għadira? Fiex waslu l-pjanijiet għal dan il-proġett?
Response (VELLA, KARMENU)
Infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Mellieħa li dan il-proġett ma jistax ikun iffinanzjat mill-Kunsill waħdu. Il-Kunsill Lokali madanakollu lest li jidħol f’xi forma ta’ private public partnership mas-settur privat li jista’ jkun interessat jinvesti. Fi kwalunkwe każ, l-ewwel jeħtieġ li jsiru l-istudji li jistabbilixxu l-vijabilità tal-proġett.
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm xi bidla fil-mod ta’ kif jiġu mistiedna persuni pubbliċi għal dawk li huma prize days fl-iskejjel tal-Gvern, kemm dawk primarji kif ukoll dawk sekondarji? Jista jagħti tagħrif dwar liema kienu l-iskejjel primarji/sekondarji, tal-Gvern fis-7, l-11 u t-12-il distrett elettorali, li tagħhom saret il-prize day matul l-aħħar erba’ xhur u f’kull każ, min kien mistieden li jattendi dawn il-prize days, mingħajr m’għandu rabta diretta mal-edukazzjoni jew ma’ dik l-iskola partikolari?
Response (BARTOLO, EVARIST)
It-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
San Pawl il-Baħar – Skola Primarja — nazzjonalità tal-istudenti
Question
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hemm studenti fl-iskola primarja ta’ San Pawl il-Baħar, fil-klassijiet kollha, sena b’sena, preżentement? Kemm minn dawn l-istudenti huma Maltin, u kemm minnhom mhumiex Maltin? Ta’ liema nazzjonalità (nazzjonalità b’nazzjonalità) huma dawk l-istudenti li mhumiex Maltin?
Response (BARTOLO, EVARIST)
It-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 7014, jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar jekk fil-Mellieħa għadx hemm talba għall-bini ta' kamra tan-nar li għadha pendenti u dan billi ma tidhirx fil-papers laid? Fiex wasal il-proċess ta' din l-applikazzjoni?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
It-talba għal-kamra tan-nar fil-Mellieħa qiegħda fl-istadju ta’appell u mhux fil-proċess quddiem il-MEPA.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Ministeru wasalx għal xi konklużjoni dwar l-evalwazzjoni tar-rapport għas-sejħiet ta' operazzjoni ta' casino f'Malta wara li l-istess sejħa għall-interess għalqet numru ta' xhur ilu?
Response (CARDONA, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Eżamijiet għall-promozzjonijiet fil-gradi ta’ messaġiera
Question
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 7035, jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien in-numru ta' persuni li għaddew mill-eżami msemmi f'kull kategorija ta' impjieg li hemm referenza għaliha fl-istess risposta?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li twieġeb din il-Mistoqsija Parlamentari
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 6938, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema art qed tintalab li tiġi esproprijata għaliex sa fejn infurmat jien, l-art li dwarha dejjem sar diskors dwar bini ta' skejjel diġà hi proprjetà tal-Gvern u riċentament kien hemm ukoll risposti parlamentari li jgħidu li l-iskola se tinbena fl-istess inħawi li kellu jinbena l-kumpless sportiv? Jista' jagħti ukoll tagħrif dwar x'inhi mistenni li jsiru mill-bini li s'issa jintuża bħala skola primarja?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li l-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta' Għada talbet il-Kummissarju tal-Artijiet biex jibda l-proċeduri biex isiru t-terminazzjonijiet ta' kirjiet tal-artijiet kif indikat bl-aħmar fil-pjanta li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar min huma (mhux individwalment, jew permezz ta' ismijiet) il-persuni li huma intitolati li jagħmlu użu mill-parking area li hemm ħdejn l-uffiċċju tal-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjnet u l-Ippjanar (MEPA) fejn jiltaqgħu l-EPC boards? X'irid jagħmel individwu biex ikun jista' jidħol f'dan il-parkeġġ? Billi sa ftit tal-ġimgħat ilu dawk responsabbli miż-żamma tal-ordni f'dan il-post dejjem kienu jsibu mod kif il-persuni li jattendu għall-bordijiet tal-EPC jipparkjaw fl-ispazji li hemm, jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm xi bidla partikulari biex jiġi limitat in-numru ta' persuni li jidħlu f’dan post? Jista' jara li f'dan il-post ikun hemm numru ta' parkeġġi li bihom jistgħu jinqdew il-periti u l-applikanti li jattendu għal-laqgħat f'dan il-post? Kemm hemm parkeġġi riservati fl-istess inħawi, u kemm hemm parkeġġi b'kollox fl-istess post?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninforma lill-Onor Interpellant li l-Awtorita tal-Ambjent u L-Ippjanar għandha fil-pre¿ent 57 (sebgħa u ħamsin) post tal-parkeġġ f’Hexagon House fejn jiltaqgħu il-Bordijiet ta' l-EPCs.
Dan il-Parkeġġ huwa maħsub biex jakkomoda l-membri tal-Bordijiet, membri tal-istess Awtorita, persuni bi b¿onnijiet speċjali, periti u membri tal-pubbliku li jigu sabiex jinqdew mit-taqsimiet differenti fid-dipartiment tal-Ambjent li jinsab fl-istess binja.
Il-persuni taż-żamma tal-ordni fl-Awtorità għandhom id-dmir li jzommu l-ordni fil-parkeġġ u meta l-ispazju tal-parkeġġ ikun mimli, minħabba ragunijiet ta’saħħa u sigurtà ma jistgħux jitħallew vetturi jimblukkaw xi aċċess fil-parkeġġ. L-Awtorità tikkomferma li ma sar l-ebda tibdil f’dan ir-rigward tal-parkeġġ mil-prattici ta’ qabel u l-postijiet assenjati. Dan il-parkeġġ hu wieħed fuq il-bażi ta' first come first served peress li hemm numru limitat ta postijiet riservati għal kull minn jagħmel użu minn dan il-lok.
Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar jekk l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) ħarġitx xi permessi biex isir xogħol fuq il-bini li hemm fil-heliport ta' Għawdex jew fl-art li hemm riċintata fl-istess inħawi matul l-aħħar xhur? Jekk iva, jista' jagħti tagħrif dwar liema kien ix-xogħol li ġie approvat fl-istess żmien?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Fl-10 ta’ Dicembru 2013 il-MEPA ikkonfermat li l-iżvilupp ta’ tqiegħid ta’ materjal inert u, jew ħamrija huwa permess skont l-Avviz Legali 115/07 Klassi 8.2(i).
(ara dokumenti nru PL 2185 li tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra f’Seduta 113 tat-Tlieta, 28 ta’ Jannar 2014)
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk l-awtoritajiet responsabbli mill-Avjazzjoni Ċivili ntalbux u tawx permessi biex ikun hemm estensjoni tal-heliport ta' Għawdex? Jekk iva, x'tip ta' estensjoni ntalbet? B'kemm hu mistenni li tittawwal l-istess landing area? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk l-awtoritajiet tal-Avjazzjoni Ċivili Maltin għamlux studji partikulari dwar il-livell ta' sigurtà li hu meħtieġ għal-landing ta' ajruplani f'dan il-post?
Response (VELLA, KARMENU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li filwaqt li f’dan l-istadju ma hemmx talba għall-estensjoni tal-heliport lid-Direttorat tal-Avjazzjoni Ċivili, qed isiru konsultazzjonijiet ma’ l-entitatjiet kollha konċernati.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 7034 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Enerġija u Konservazzjoni tal-Ilma u issa ġiet riferuta lilu u jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta’ persuni li huma awtorizzati li joħorġu ċertifikati dwar l-enerġija fil-bini? Meta sar l-aħħar kors biex ikunu jistgħu jiġu akkreditati tali persuni u meta hu mistenni li jsir kors ieħor għal dan l-istess għan?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa n-numru t’assessuri reġistrati huwa ta’ 193. L-aħħar korsijiet li saru kienu fis-26/27 u 29/30 ta’ Novembru 2012. Fil-preżent l-Uffiċċju għar-Regolamentazzjoni tal-Bini qed jiddiskuti internament il-perjodu meta jkun jista’ isir kors ieħor għal dan il-għan liema deċizzjoni tkun magħmulha pubblika.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk l-Arriva Malta, jew wara t-tluq tagħhom minn Malta, l-kumpanija l-ġdida li qed tmexxi t-trasport pubbliku f'Malta għamlitx rapporti dwar suspetti ta' serq li setgħa kien hemm minn fondi tal-Arriva jew tal-kumpanija l-ġdida? Jekk ma kienx hemm tali rapporti, jista' jagħti tagħrif dwar jekk il-Pulizija għamlitx investigazzjoni dwar dan wara dikjarazzjonijiet pubbliċi li saru dwar dan is-suġġett?
Response (MALLIA, EMANUEL)
Ninsab infurmat illi l-pulizija ma żżomx statistka fil-format u dettal kif qed ikun mitlub. Dwar it-tieni parti tal-Mistoqsija, jekk l-Onorevoli Interpellant jagħti tagħrif aktar speċifiku dwar id-dikjarazzjonijiet pubbliċi li allegatament saru dwar dan is-suġġett, inkun nista nitlob li ningħata dan it-tagħrif.
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta’ persuni li huma awtorizzati li joħorġu ċertifikati dwar l-enerġija fil-bini? Meta sar l-aħħar kors biex ikunu jistgħu jiġu akkreditati tali persuni u meta hu mistenni li jsir kors ieħor għal dan l-istess għan?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.
Eżamijiet għall-promozzjonijiet fil-gradi ta’ messaġiera
Question
Jista’ l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar meta saru l-aħħar eżamijiet għall-promozzjonijiet fil-gradi differenti tal-messaġġiera? Kemm kien in-numru ta’ messaġġiera li qagħdu għal dan l-eżamijiet? Għal kemm kien validu l-istess eżami? Meta hu mistenni li jingħataw il-promozzjonijiet dawk li kienu għaddew minn dawn l-istess eżamijiet?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li twieġeb l-ewwel parti ta’ din il-mistoqsija parlamentari.
Rigward l-aħħar parti, ninforma lill-Onor Interpellant li l-postijiet jimtlew skont l-eżiġenzi tas-Servizz u l-prijoritajiet tal-Amministrazzjoni.