Legislature:
Category:
Reset
Active:

San Pawl il-Baħar – Tal-Veccia — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'kien ix-xogħol li sar mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma f’Tal-Veccia, Triq San Pawl, San Pawl il-Baħar? Meta sar dan l-istess xogħol u kemm sewa? Meta tlesta u x'passi ttieħdu biex ma jitħalliex periklu fl-istess triq wara li reġgħet infetħet għat-traffiku? Kemm sewa l-istess xogħol?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħolijiet imsemmija kienu jinkludu tiswijiet fuq is-sistema ta’ drenaġġ li damu minn nhar l-Erbgħa 29 ta’ Jannar sal-Ġimgħa 31 ta’ Jannar. Temporanjament il-wiċċ tat-triq qiegħed jiġi mantenut sakemm isir ix-xogħol b’mod permanenti mill-aktar fis possibli.

San Pawl il-Baħar – Tal-Veccia – trasport pubbliku

Question

B'referenza għax-xogħol li sar f’Tal-Veccia, Triq San Pawl, San Pawl il-Baħar, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'arranġamenti saru għal dak li jirrigwarda t-trasport pubbliku mix-Xemxija lejn San Pawl il-Baħar u viċe versa? Min ipprovda t-trasport u kemm ġie jiswa?Kemm dam jingħata dan is-servizz temporanju?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma ikkomunikat ma’ Transport Malta, li għamlet arranġamenti neċessarji għat-trasport pubbliku tal-inħawi.

Transport Malta — Twissijiet

Question

Peress li f’domandi parlamentari kelli risposti li jindikaw li Transport Malta ħarġet numru ta’ twissijiet lill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baġar matul l-aħħar sentejn, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema mit-twissijiet li ħarġu fil-fatt inbidlu f’enforcements fuq l-istess kunsill lokali u dan għal perijodu 2012/2013?

Response (MIZZI, JOE)

Jien infurmat li d-Direttiva Ministerjali li kienet inħarġet fis-27 ta’ Marzu 2008, rigward l-infurzar tal-kunsilli lokali ma laħqitx l-għanijiet tagħha u għaldaqstant l-Transport Malta waqqfet il-ħruġ ta’ ittri ta’ nfurzar f’Lulju tas-sena 2013. Jinħarġu biss ittri ta’ notifikazzjoni bil-għan li dawn jiġu riżolti b’diskussjoni u b’volonta’ tajba mill-kunsilli lokali rispettivi. Fejn tali każijiet xorta ma jiġux riżolti, l-Awtorita’ tirriżerva d-dritt li tieħu l-azzjoni neċessarja min-naħa tagħha.

San Pawl il-Baħar – talbiet għal zebra crossings

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 5672, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm xi żviluppi ġodda dwar din l-istess zebra crossing u t-talbiet għaċ-ċaqlieq tagħha? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-korrispondenza li rċieva mingħand il-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar?

Response (MIZZI, JOE)

Jien infurmat li l-Mandat ta’ Inibizzjoni, li ġie magħmul minn terzi kontra Transport Malta u l-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar, li kien relatat ma’ tali wessiegħ ta’ bankina fi triq it-Turisti, ġie miċħud fis-27 ta’ Settembru 2013. L-Awtorità ma rċeviet l-ebda korrispondenza mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Bahar f’dan ir-rigward iżda saret laqgħa bejn il-partijiet ikkonċernati u sar qbil li l-kunsill jissottometti l-proposta tiegħu sabiex din tiġi eżaminata mill-Awtorità.

Transport Malta – enforcement fuq zebra crossing

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar xi żviluppi kien hemm għal dak li jirrigwardja enforcements jew passi oħra li ttieħdu minn Transport Malta għal dak li jikkonċerna zebra crossing li hemm qrib il-bus terminus tal-Qawra f'San Pawl il-Baħar u li fuqha hemm ukoll xi proċeduri legali?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għar-risposta li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 7517.

San Pawl il-Baħar – talbiet għal zebra crossings

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3822, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar hekk kienx hemm talbiet ġodda għal zebra crossing jew pelican lights fil-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar? Jista’ jagħti ukoll informazzjoni dwar jekk kienx hemm approvazzjonijiet jew refusals ġodda għal zebra crossings f’din il-lokalità mid-data tat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari sal-lum?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kien hemm talba oħra għal zebra crossing fi Triq San Pawl iżda din it-talba ġiet miċħuda għax diġa teżisti zebra crossing oħra f’distanza ta’ 70 metru minn din mitluba.

Is-Salina – faċilitajiet ta’ catering/rikreazzjoni

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 3824, jista’ l-Ministru jgħid kienx hemm żviluppi ġodda għal dak li jirregwardja l-faċilitajiet ta’ catering/rikreazzjoni li jistgħu jinfetħu fis-Salina, fejn qed isir ir-restawr tas-salini?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma kienx hemm żviluppi ġodda.
Leg 12 PQ #7521 Sitting 117 2014-02-05 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu

Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar – talbiet għal zebra crossing

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm talbiet għal zebra crossing li saru mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar li għalkemm ġew approvati minn Transport Malta, baqgħu ma sarux? X’inhi r-raġuni għal dan? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-korrispondenza kollha li saret bejn Transport Malta u l-Kunsill Lokali u għal kull waħda minn dawn it-talbiet kemm dawk li ġew approvati/rifjutati jew li għadhom la ġew approvati u lanqas rifjutati?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar li jirriżulta li kien hemm zebra crossings li kienu approvati minn Transport Malta u għadhom ma sarux minħabba raġunijiet finanzjarji. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-korrispondenza kollha relatata.

Buġibba — Water Park - apparat espost għall-elementi tan-natura

Question

Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex l-apparat li hemm fil-Water park f'Buġibba ma jitħalliex iktar espost għall-elementi tan-natura billi qiegħdha ssir ħafna ħsara lil dan l-istess apparat u li jkun diffiċli biex jerġa jintuża meta jkollu jerġa jinfetaħ il-water park għas-sajf li ġej?

Response (BRINCAT, LEO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li din l-amministrazzjoni sabet ma’ wiċċha sitwazzjoni fil-WaterPark tal-Qawra fejn fit-tender li kien ingħata għal dan il-park mill-amministrazzjoni preċedenti u li jkopri perjodu ta’ 5 snin sal-2017, imkien ma ssir referenza jew li dan ikopri biex fix-xhur tax-Xitwa jitneħħa l-apparat mill-park ħalli dan jiġi salvagwardjat mill-elementi tat-temp u ma ssirlux ħsara. Minħabba f’hekk ta’ kull sena l-Works Department, li qabel kien responsabbli mill-ħruġ u l-għoti tat- tenders relatati, kien ikollu jirrikorri għal direct order biex jitneħħa l-apparat u hekk reġa’ sar din is-sena fejn jien infurmat li l-apparat issa tneħħa. Fid-dawl ta’ dan qed isir proċess fejn qed ikun evalwat id-dossier tat- tender mgħoti u l-ftehim li kien hemm mal- management bl-iskop li jiġu mnaqqsa l-ispejjeż. Sakemm jiskadi l-kuntratt marbut mat- tender , fuq livell amministrattiv qed isiru arranġamenti biex ma tibqax tingħata direct order kull sena lill-kuntrattur involut u jkun hemm miżuri aktar trasparenti.
Leg 12 PQ #7387 Sitting 116 2014-02-04 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu

MTA – lukandi u stabbilimenti tal-irqad

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta’ sodod li hemm f’kull lokalità f’Malta u Għawdex għal dak li jikkonċerna lukandi u stabbilimenti oħra tal-irqad, skont il-kategorija li l-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta tirreġistra din l-akkomodazzjoni? Kemm kien in-numru ta’ persuni li raqdu f’dawn l-istabbilimenti, lokalità lokalità matul l-2013?

Response (VELLA, KARMENU)

Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-istatistika mitluba dwar in-numru ta’ sodod li hemm f’kull lokalitá f’Malta u Għawdex għal dak li jikkonċerna Lukandi, Guest Houses, Hostels u Villaġġi Turistiċi. Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi dwar it-tieni parti tal-mistoqsija, ninsab infurmat illi l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika ma jippubblikax ċifri dwar iljieli li jqattgħu persuni f'lokalitajiet differenti u għaldaqstant l-informazzjoni mitluba ma tistax tiġi pprovduta.

Skejjel tal-Gvern – Prize Days

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 7255, jista’ l-Ministru jagħti l-informazzjoni mitluba għall-kumplament tal-iskejjel li hemm fis-7, 11 u t-12-il distrett elettorali?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, tabella sħiħa tal-iskejjel kollha tal-Istat fid-distretti ndikati mill-Onor Interpellant. Uħud mill-iskejjel ma ġewx inklużi fit-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 7255 għax il-Prize Day kienet għadha ma saritx. Jien nieħu gost li l-iskejjel jistiednu l-membri parlamentari tal-lokalitajiet waqt li nħalli f'idejn l-iskejjel individwali jiddeċiedu lil min jagħżlu.

San Pawl il-Baħar – Triq il-Milord — bozza

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 7273, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif mitlub fid-domanda u ċioè meta saret it-talba għal din il-bozza, u meta hu mistenni li l-istess bozza titwaħħal? Minbarra hekk, billi fir-risposta hemm indikat li l-bozza ġiet approvata mill-Korporazzjoni Enemalta, jista’ jagħti tagħrif dwar meta din il-bozza ġiet approvata mill-istess Enemalta? Jista’ jinforma lill-Kamra meta l-Enemalta infurmat lill-kunsill bl-approvazzjoni tal-istess bozza? Kemm normalment iddum bozza biex tiġi mwaħħla wara li tkun approvata mill-Enemalta?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar kien għamel it-talba għal din il-lampa fit-13 ta’ Mejju 2013. Din il-lampa ġiet approvata mill-Korporazzjoni Enemalta fit-22 ta’ Jannar 2014.

Enemalta – spezzjoni tal-arbli

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kull kemm żmien ikun hemm spezzjoni tal-arbli tal-Korporazzjoni Enemalta għal dak li jikkonċerna ħsarat fil-bażi tagħhom fejn dawn imissu mal-art? Jista’ jagħti tagħrif dwar jekk dawn l-istess arbli humiex inxurjati għal dawk li jistgħu jkunu ħsarat jekk dawn l-arbli jinqasmu u jagħmlu ħsara fuq proprjetà ta’ terzi, jew inkella jħallu wkoll xi vittmi minħabba li jaqgħu fuq persuni li jistgħu jkunu għaddejja mill-istess inħawi?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li minħabba li l-arbli li tuża l-Korporazzjoni (ħlief dawk li qegħdin jinbidlu) huma tal-azzar iggalvanizzat, dawn huma meqjusa ‘maintenance free’. Qabel ma jkunu se jitqabbdu xi linji mal-arbli li jkunu propjeta ta’ l-Enemalta, dawn l-arbli jiġu spezzjonati biex jiġi assigurat li dawn jkunu fi stat tajjeb. Il-Korporazzjoni Enemalta hija koperta bil-‘Public and Products Insurance Policy’.

Transport Malta – programm ta’ xogħol fit-toroq

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk Transport Malta issa ffinalizzatx il-programm tax-xogħol tagħha għat-toroq li se jsiru matul din is-sena? Jekk iva, jista’ jagħti tagħrif dwar liema toroq f’kull lokalità tas-7, l-11 u t-12-il distrett elettorali hu mistenni li jsiru matul din is-sena? Meta ħarġu jew se joħorġu t-tenders għal dan ix-xogħol?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 6936.

Industrija tat-trobbija tal-Majjal

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema huma l-inizjattivi ġodda li ħa l-Ministeru matul l-2013, biex jassigura li dawk li jrabbu l-majjal ikomplu jsostnu l-industrija tat-trobbija tal-majjal? Kemm kienet il-qatla tal-majjal matul l-2013, u kemm kienet l-istess qatla matul is-sentejn ta’ qabel? Kemm kien il-piż tal-qatla tal-majjal matul l-2013 u kemm kien il-piż tal-istess qatla matul l-2011 u l-2012, xahar b’xahar rispettivament? F'liema kategorija ġie graded il-majjal matul l-2011, l-2012 u l-2013, skont il-piż globali tal-qatla li kien hemm matul dawn l-istess snin? Kemm kienu kull waħda minn dawn is-snin il-persuni li daħħlu majjal għal qatla fil-biċċerija? Kemm mill-majjal li nqatel mar għall-konsum, u kemm mar għall-ipproċessar matul dawn it-tliet snin, sena sena individwalment?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li s-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Biedja kellhu laqgħat fuq bażi regolari ta’ kull xahar mal-Koperattiva ta’ Min Irabbi l-Majjal (KIM LTD) biex ikollu subajgħ fuq il-polz ta’ kif ikun sejjer dan is-settur. Dan bid-differenza ma’ dak li kien jiġri fis-snin ta’ qabel fejn l-istess Koperattiva kienet tilmenta min nuqqas ta’ laqgħat mal-Ministru kkonċernat. Ninsab infurmat ukoll illi wara din it-telqa li sofra s-settur tal-majjal f’dawn l-aħħar snin b’riżultat aħħari li l-qatla ta’ madwar 120,000 ras (10,000 tunellata) fl-2004, naqset bin-nofs għal qatla ta’ madwar 60,000 ras (5,000 tunellata) fl-2012. Waħda mill-inizjattivi ġodda li ħa l-Ministeru f’dawn l-aħħar xhur kienet illi beda sensiela ta’ laqgħat ukoll mal-proċessuri lokali tal-majjal biex dawn jużaw il-majjal prodott lokalment għall-iproċessar tal-prodotti tagħhom. Saru laqgħat ukoll mal-proċessuri kollha individwalment, fejn dawn ġew imħeġġa biex jippromwovu l-majjal lokali fil-produzzjoni ta’ prodotti proċessati. Inizjattiva oħra li ttieħdet kienet li l-Gvern esiġa biex f’sejħiet għall-offerti għal-provvista ta’ majjal għal-ħtiġijiet tal-isptarijiet jinxtara majjal frisk. Filwaqt li s-Segretarjat Parlamentari jinstab għaddej bi sforzi biex jinstabu swieq barranin għall-majjal prodott lokalment. Għal-kumplament tal-mistoqsija nirreferri lill-Onor Interpellant għat-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ta’ Qali – Pitkalija — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema xogħlijiet hu mistenni li jitwettqu fil-Pitkalija f’Ta’ Qali, matul l-2013? Meta hu mistenni li jinbeda dan ix-xogħol u kemm hu mistenni li jiġi jiswa dan l-istess xogħol? F’liema mill-pitkaliji differenti hu maħsub li jitwettaq ix-xogħol li hemm ippjanat u min hu mistenni li jwettqu?

Response (BRINCAT, LEO)

Naħseb li l-Onor. Interpellant qed jistaqsi dwar xogħlijiet li mistenni jitwettqu fil-Pitkalija f’Ta’ Qali fl-2014 – u mhux fl-2013 kif staqsa hu. B’referenza tax-xogħolijiet li mistenija jitwettqu fil-Pitkalija fl-2014 u l-quddiem dan jiddependi mit-taħtidiet u diskussjonijiet li qegħdin isiru għar-riforma tal-Pitkalija li hemm ippjanata. Dettalji ta’ dawn ix-xogħolijiet jingħataw aktar 'il quddiem.

Pitkalija – kaxxi għall-użu tal-bdiewa

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kif se jittieħdu passi konkreti biex il-bdiewa ma jkollhomx għalfejn immorru l-pitkalija numru ta’ drabi biex jieħdu l-kaxxi li jkollhom bżonn għall-prodotti tagħhom? Billi qed jirriżulta li kontinwament ikun hemm nuqqas ta’ kaxxi għall-użu tal-bdiewa, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar x’inhu qed isir konkretament, biex il-bdiewa jkollhom il-kaxxi meħtieġa għall-użu tagħhom?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li minn Ottubru 2013 ‘l hawn daħlu fis-sistema numru konsiderevoli ta’ kaxxi ġodda li suppost kienu biżżejjed għal ħtiġijiet normali tal-bdiewa, pitkala u xerreja. Huwa fatt magħruf ukoll li fis-sistema suppost li hemm eluf u eluf ta’ kaxxi mixtrija matul is-snin imgħoddija u li dawn il-kaxxi suppost li huma biżżejjed għal-ħtiġijiet normali tal-bdiewa, pitkala u xerreja. Ninsab infurmat ukoll li l-fatt li f’ċertu żminijiet jidher li jkun hemm nuqqas fiżiku ta’ dawn il-kaxxi jirriżulta minn abbużi li jwettqu l-istess pitkala, bdiewa, xerreja u individwi oħra li jżommu u jaħżnu għal-użu tagħhom dawn il-kaxxi, b’detriment għall-użu minn bdiewa, pitkala u xerreja oħrajn. Nassigura lill-Onor. Interpellant li fir-riforma tal-Pitkalija qed jiġi ppjanat x’passi ser jittieħdu biex din il-problema tiġi indirizzata u jkun hemm kontrol aħjar tal-użu ta’ dawn il-kaxxi.

Qbid ta’ Pixxispad

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kienet il-qabda tal-pixxispad matul l-2013? Kif titqabbel din il-qabda mal-qabda tas-snin ta’ qabel? Kemm minn din il-qabda nbiegħet fis-suq lokali u kemm marret barra minn Malta?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li l-qabda tal-pixxispad li kien hemm matul l-2013 kienet tammonta għal 341 tunnellata. Meta mqabbla mal-qabdiet ta’ dawn l-aħħar 5 snin, din il-qabda kienet l-ikbar waħda. Minn din il-qabda 226 tunnellata nbiegħet fis-suq lokali u 115 tunnellata marret barra minn Malta.

Kontroll fuq il-Fish Farms

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kif qed isir kontroll fuq il-fish farms f’pajjiżna biex jiġi assigurat li l-ħut imrobbi jkun dejjem ta’ l-għola kwalità? Jista’ jagħti tagħrif dwar kif isir kontroll fuq il-fingerlings li jaslu għat-trobbija fil-fish farms Maltin? Jista’ jagħti tagħrif dwar x’kontrolli jsiru fuq dawn il-fingerlings meta jaslu hawn Malta?

Response (BRINCAT, LEO)

Naċċerta lill-Onor. Interpellant li l-kontrolli fuq il-fish farms f’pajjiżna jsiru skont in-National Residue Plan ta’ Malta u skont ir-regolamenti imposti f’EC853/2004. Ninsab infurmat li jsiru kontrolli kemm fiżiċi kif ukoll tad-dokumenti tal- fingerlings li jaslu Malta għat-trobbija fil- fish farms .

Baqar tal-Ħalib – kwota fil-produzzjoni tal-ħalib

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu preżentament in-numru ta’ raħħala li jżommu l-baqar tal-ħalib f’pajjiżna? Jista’ jagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm każijiet matul l-2013 li fihom il-kwota tal-produzzjoni tal-ħalib inqabżet? Jekk kien hemm każijiet hekk, jista’ jagħti tagħrif dwar x’użu sar minn dan l-istess ħalib?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li preżentament hawn 118 raħħal li jżommu l-baqar tal-ħalib f’pajjiżna. Jekk l-Onor. Interpellant qed jirreferi għal kwota Nazzjonali kif mifthiema fit-Trattat ta’ Sħubija, ninsab infurmat li din il-kwota qatt ma nqabżet.