Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ta’ Qali – Pitkalija — xogħlijiet

Question

B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 7661, billi fir-risposta qed jingħad li l-konsultazzjonjiet saru ma’ kulmin wera interess fuq din ir-riforma, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta ħarġet is-sejħa għall-espressjoni ta' interess dwar dan is-suġġett? Meta għalqet l-istess espressjoni ta' interess? Minbarra hekk min kienu dawk l-individwi li wrew interess wara tali sejħa? Jekk ma kienx hemm sejħa pubblika għal dan il-għan, kif seta’ bniedem jew għaqda juri interess fis-suġġett?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li f’din il-leġiżlatura s’issa ma nħarġet l-ebda sejħa ta’ interess iżda bħal f’kull ħaġa oħra, qed isiru diskussjonijiet ma’ kull min juri xi interess fuq kif jistgħu jitjiebu sistemi eżiżtenti.

San Pawl il-Baħar – Tal-Veccia – trasport pubbliku

Question

Billi fir-risposta tal-mistoqsija parlamentari 7684 jingħad li Transport Malta għamlet l-arranġamenti neċessarji għat-trasport pubbliku fl-inħawi, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'arranġamenti saru, ma’ min saru u kif saru? Minbarra hekk kemm ġew jiswew dawn l-arranġamenti u min ħallas għalihom?

Response (MIZZI, JOE)

Nibda billi ninforma lill-Onor. Interpellant li l-għan prinċipali tagħna huwa dak li naraw li l-pubbliku jkun moqqdi bl-aħjar mod possibli u li nnaqqsu kemm jista’ jkun kull inkonvenjent li jinħoloq. Wara li inqalgħu xi xogħlijiet urġenti li kien hemm bżonn isiru mill-Water Services Corporation fi Triq San Pawl, San Pawl il-Baħar (ħdejn il-Veċċja) il-karozzi tal-linja ma setgħux iservu ċ-ċentru ta’ din il-lokalita’. Għaldaqstant l-Operatur tat-trasport pubbliku ħa ħsieb biex jipprovdi shuttle service. Dan kien provdut minn żewġ mini buses, li operaw minn Triq San Pawl (ħdejn il-Mecca) sa Burmarrad u lura. Is-servizz tħaddem bejn il-05:10 ta’ filgħodu u 22:55 ta’ fil-għaxija bi frekwenza ta’ kull għaxar minuti, bejn l-Erbgħa 29 ta’ Jannar sal-Ġimgħa 31 ta’ Jannar 2014. Minħabba l-urġenza ta’ dan ix-xogħol ma’ kienx hemm żmien biżżejjed sabiex toħroġ Call for Quotation u għaldaqstant intuża l-istess arranġament li hemm fis-seħħ tal-Park and Ride tal-Floriana. Jiġifieri l-Mini Bus Coop Services ġew mitluba sabiex jagħtu dan is-servizz bl-istess rati. L-ispiża ta’ dan is-servizz ammontat għal €5,400. Din l-ispiża ser tiġi mħallsa mill-Operatur.

Ħlas għall-użu ta’ slip ways

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Ministeru hux se jintroduċi xi forma ta' ħlas għas-sajjieda, jew persuni oħra li jiġbdu jew ivaraw l-opri tal-baħar tagħhom mis-slip ways awtorizzati għal dan il-għan? Jista' jgħid li jekk se jiġi introdott tali ħlas - fil-fatt hux se jiġi introdott madwar Malta u Għawdex kollu, jew le? Minbarra hekk, jista' jagħti tagħrif dwar jekk is-sidien ta' dawn l-opri tal-bahar hux se jintalbu li jħallsu wkoll taż-żmien li l-opra tkun fuq l-art, jekk kemm-il darba l-istess opra ddum iktar minn 10 t'ijiem fuq l-art?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li fil-preżent m’hemmx pjanijiet bħal dawk li qed jirreferi għalihom l-Onor. Interpellant.

San Pawl il-Baħar – tal-Veccia — ankra

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Ministeru kienx responsabbli biex titqiegħed ankra/baga fl-inħawi Tal-Veccia San Pawl il-Baħar? Jekk iva għal-liema raguni se tintuża u minn min?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li t-tqegħid ta’ ankri/bagi fil-baħar ma taqax fir-responsabbilta tal-Ministeru tiegħi.

Tagħlim dwar l-agrikoltura — scholarships

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Ministeru fassalx xi programm partikolari, flimkien mal-ministeru responsabbli mill-edukazzjoni biex jiġi assigurat li jingħataw scholarships f'oqsma marbuta mal-agrikoltura, kemm fil-programm Master It, kif ukoll fi programmi oħra?

Response (BRINCAT, LEO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 7714.

Tagħlim dwar l-agrikoltura — studenti

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' studenti li qed jattendu fl-istitut għall-agrikoltura, fl-MCAST? F'liema oqsma ta' studju qed jagħmlu l-korsijiet dawn l-istess studenti?

Response (BARTOLO, EVARIST)

It-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Università – korsijiet marbuta ma’ l-agrikoltura

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema korsijiet, marbuta ma' l-agrikoltura qed jinżammu preżentement fl-Università? Kemm hu n-numru ta' studenti li qed jattendu dawn il-korsijiet, skont is-suġġett ta' studju?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li l-għadd ta’ studenti li bħalissa qed isegwu kors marbut mal-Agrikoltura fid-Diviżjoni tax-Xjenzi Rurali u Sistemi tal-Ikel fi ħdan l-Istitut tas-Sistemi Ambjentali fl-Università ta’ Malta, hu kif ġej: Kors Numru ta’ Studenti rreġistrati Kors Preparatorju għad-Diploma fl-Agrikoltura 5 Id-Diploma fl-Agrikoltura 6 Baċellerat fl-Immaniġjar tas-Sistemi Agroambjentali tal-Mediterran 18 Master fir-Riċerka fuq is-Sistemi Rurali 4 Total 33

San Pawl il-Baħar — skola primarja

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk ġiex iċċarat x'se jiġri mill-iskola primarja eżistenti f'San Pawl il-Baħar? Jekk le, meta hu mistenni li jkun deċiż x'se jsir minn din l-iskola?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Żgur li għadu kmieni wisq biex tittieħed deċiżjoni dwar li l-bini eżistenti ma jibqax jintuża għal skola primarja.
Leg 12 PQ #7719 Sitting 120 2014-02-17 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu

Kunsilli lokali — budget

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar b'kemm hu permissibbli li jinqabeż il-budget li jkun approvat għal xi kunsill lokali partikulari? X'passi jieħu d-dipartiment meta kunsill lokali partikolari jaqbeż il-budget li jkollu allokat għalih?

Response (VELLA, KARMENU)

Qed nassumi illi l-Onor Interpellant qed jirreferi għall-allokazzjoni finanzjarja li kull Kunsill Lokali jingħata mill-Gvern Ċentrali. Kull Kunsill Lokali jħejji l-Budget (i.e. l-Estimi Finanzjarji) tiegħu skont l-allokazzjoni li jkun ingħata. Għalkemm Kunsill jista’ jonfoq aktar milli jdaħħal f’xi sena partikulari (i.e. il-ħruġ fuq id-dħul), fl-ebda ħin ma jista’ jkolli shortfall fil-working capital tiegħu, jiġifieri bejn it-total tal-assi kurrenti (current assets) kollha u t-total tal-rbit kurrenti (current liabilities) kollha. Anzi, Kunsill huwa obbligat li jżomm għaxra fil-mija (10%) bilanċ pożittiv sakemm ma jkollux eżenzjoni biex jagħmel dan. Nitlob lill-Onor. Interpellant ikun speċifiku jekk jixtieq aktar dettalji dwar xi Kunsill Lokali partikolari.
Leg 12 PQ #7720 Sitting 120 2014-02-17 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu

Kunsilli lokali – attivitajiet kulturali — fondi

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu maħsub li se jkun hemm programmi ta' għajnuna għal attivitajiet kulturali li se jkunu organizzati mill-kunsilli lokali matul din is-sena? Meta se jinħarġu s-sejħiet għal dawn l-applikazzjonijiet?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-sejħa ħarġet f’Ottubru 2013 għall-attivitajiet li se jsiru minn Diċembru 2013 sa Diċembru 2014 u se jitqassmu madwar mitejn u ħamsin elf Ewro (€250,000). Hu ppjanat li tinħareġ sejħa simili f’Ottubru 2014 għall-attivitajiet minn Diċembru 2014 sa Diċembru 2015.

MCA

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'kien id-dħul tal-MCA matul l-2012 u l-2013? X'kienet in-nefqa tal-istess Awtorità matul l-istess perijodu ta' żmien? Jista' jagħti tagħrif dwar kemm kienu l-flus li għaddew mingħand il-Gvern lill-Awtorità matul dawn l-istess sentejn? Minn fejn oriġinaw il-flus li għaddew mingħand il-Gvern għal għand l-MCA? Jista' jagħti tagħrif dwar kemm kien id-dħul u l-ħruġ li sar mill-MCA fis-sentejn indikati?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f’xi seduta oħra.

Pitkalija – użu ta’ kaxxi

Question

Billi f'risposta għal domanda parlamentrati preċedenti qed jingħad li suppost hemm biżżejjed kaxxi biex jinqdew il-bdiewa, meta fil-prattika hu magħruf li hemm diffikultajiet dwar dan is-suġġett li qed jiġu ffaċċjati bih il-bdiewa, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru totali ta' kaxxi li suppost hemm fis-sistema? Kemm minn dawn il-kaxxi huma kbar u kemm huma żgħar? Kemm hu maħsub li jitkissru kaxxi miż-żewġ tipi kull sena, u kull sena x'qed isir biex fil-fatt jiġu evitati inkonvenjenzi lill-bdiewa?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li huwa stmat li hemm biżżejjed kaxxi kemm kbar kif ukoll zgħar fiċ-ċirkulazzjoni. L-ammont ta’ kemm hemm kaxxi attwalment fis-sistema ma jistax jiġi determinat bi preċiżżjoni għar-raġunijiet elenkati fit-tweġiba għal-mistoqsija parlamentari 7336. Huwa wkoll ikalkulat li kull ġimgħa fil-Pitkalija jkun hemm ċirkulazzjoni ta’ madwar 150,000 kaxxa u dan in-numru normalment adekwat għal-ħtiġijiet ta’ kull ġimgħa. Għal rigward ta’ tkissir ta’ kaxxi jien ninsab infurmat li min sena għal sena jitkissru madwar 5,000 kaxxa żgħira u 13,000 kaxxa kbira. Filwaqt li kull sena jiġu mixtrija madwar 20,000 kaxxa kbira u 8,000 kaxxa żgħira li jitqisu biżżejjed biex jagħmlu tajjeb għal dawk il-kaxxi mkissra. Dan jikkonferma li hemm numru sostanzjali ta’ kaxxi li abbużivament huma maħżuna minn bdiewa u xerreja, kif ukoll użati għal ħtiġijiet oħra mhux relatati mal-agrikoltura.

Pitkalija – konsultazzjoni dwar riforma

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'konsultazzjoni saret sa issa ma' għaqdiet jew koperattivi tal-bdiewa, għal dak li jikkonċerna r-riforma li qed jingħad li se sseħħ fil-Pitkalija? X'kienu sa issa r-reazzjonijiet li kien hemm minn dawk l-għaqdiet li ġew ikkonsultati, jekk saret konsultazzjoni?

Response (BRINCAT, LEO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari nru. 7661. Aktar dettalji jingħataw meta jkun il-waqt.

Biċċerija — spezzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar xi spezzjonijiet saru fil-biċċerija tal-Gvern fil-Marsa, matul l-2013 u l-2014 sal-lum? Minn min saru dawn l-ispezzjonijiet u x'miżuri ntalbu biex ikun jista' jsir titjib fl-istess biċċerija tal-Gvern?

Response (BRINCAT, LEO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari nru. 7332.

Prodotti agrikoli — esperimenti

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema esperimenti qed isiru preżentement f'kull dipartiment li jaqa’ taħt il-ministeru, għal dak li jirrigwarda l-agrikoltura, għal dak li jikkonċerna prodotti agrikoli ġodda li possibilment jistgħu jibdew jitkabbru f'Malta,?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li x-xogħol ta’ esperimentar dwar tkabbir ta’ prodotti, varjetajiet, metodi ta’ kontrol fuq mard u insetti, metodi ta’ irrigazzjoni, tilqim u introduzzjoni ta’ varjetajiet ġodda huma part and parcel mix-xogħol ta’ kuljum tad-Dipartiment tal-Agrikoltura. Jekk l-Onor. Interpellant jixtieq informazzjoni fuq xi suġġett partikolari, nitolbu jindika fuq xiex jixtieq l-informazzjoni.

Tagħlim dwar l-agrikoltura

Question

Jista' l-Minstru jagħti tagħrif dwar x'tip ta' kollaborazzjoni qed ikun hemm bejn il-Ministeru tal-Edukazzjoni u l-Ministeru li tiegħu hu responsabbli għal dak li jirrigwarda tagħlim ta' suġġetti marbutin ma' agrikoltura? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk hux maħsub li jkun hemm xi korsijiet ġodda dwar dan is-suġġett, b'riżultat ta' din il-kollaborazzjoni?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li għaddejjin diskussjonijiet preliminari bejn il-Ministeru tal-Edukazzjoni u s-Segretarjat Parlamentari fi ħdan il-Ministeru tiegħi, sabiex is-sistema tat-tagħlim ta' suġġetti marbutin ma' agrikoltura tiġi mtejba u tkun waħda li verament tirrifletti s-sitwazzjoni u l-ħtiġijiet preżenti u futuri tal-agrikoltura f’pajjiżna.
Leg 12 PQ #7543 Sitting 118 2014-02-11 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MEPA — conservation orders

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien hemm conservation orders li ħarġu mill-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar matul l-2012 u l-2013? Kemm minn dawn huma proprjetajiet tal-privat?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Matul l-2012 u l-2013, il-MEPA ħarġet Ordni ta' Konservazzjoni ( Conservation Order) waħda fuq il-qiegħ ta' Wied il-Qlejgħa (Chadwick Lakes) hekk kif ippubblikat fuq in-Notifika tal-Gvern 1235 fuq il-Gazzetta tal-Gvern tas-7 ta' Dicembru 2012. Il-MEPA m'għandhiex informazzjoni dwar min huma s-sidien ta' din il-parti tal-Wied.

Park and ride — mini buses

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm se jkunu l-mini buses li se jkunu qed jipprovdu servizz ta' trasport bejn il-park and ride u l-Belt Valletta fuq iż-żewġ rotot li se jkunu qed jagħtu dan is-servizz? X'tip ta' ħlas se jkunu qed jingħataw l-operaturi ta' dan is-servizz u għal kemm żmien?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat li b’kollox hemm seba’ mini-buses li qegħdin jipprovdu servizz ta’ trasport bejn il-Park & Ride u l-Belt Valletta, speċjalment waqt il-ħinijiet peak tal-ġurnata. Il-kuntratt li ġie ffirmat huwa għal sena u tas-servizz provdut, il-kuntrattur se jitħallas tlieta u għoxrin elf ewro (€23,000) fix-xahar.

Ta’ Qali – Pitkalija — xogħlijiet

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 7335, filwaqt li nikkonferma li t-talba kellha tkun dwar l-2014 mhux għall-2013, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'taħdidiet saru sa issa dwar ir-riforma tal-Pitkalija u wkoll ma' min saru? Meta hu mistenni li jiġu konklużi t-taħdidiet dwar ir-riforma fil-Pitkalija?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li konsultazzjonijiet saru ma’ kull min wera’ interess fuq din ir-riforma. F’dan l-istadju, fejn it-taħdidiet għadhom għaddejjin, mhux fl-interess kummerċjali li jingħataw aktar dettalji.
Leg 12 PQ #7682 Sitting 118 2014-02-11 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu

Il-Qawra – Triq Annetto Caruana — xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'passi ħa jew se jieħu l-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar biex il-ħsarat li hemm fi Triq Annetto Caruana, il-Qawra u f'toroq oħra jiġu msewwija? B'mod partikulari għal dak li jirrigwarda Triq Annetto Caruana, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'passi ttieħdu sabiex wara li sar ix-xogħol fl-istess triq, ma jibqgħux je¿istu l-ħofor li hemm u li huma ta' periklu għas-sewwieqa?

Response (VELLA, KARMENU)

Infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar li minn spezzjoni li saret fit-triq imsemmija jirriżultaw xi ħsarat konsegwenza ta’ xogħlijiet f’sit ġdid ta’ kostruzzjoni fl-inħawi. Infurmat ukoll li l-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar se jagħmel il-manutenzjoni meħtieġa.