Legislature:
Category:
Reset
Active:

San Pawl il-Baħar – Triq San Pawl

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'kienet ir-raġuni li għaliha reġgħet kienet magħluqa t-triq prinċipali ta' San Pawl il-Baħar (Triq San Pawl) nhar il-Ġimgħa 28 ta' Frar 2014? Min talab li t-triq tingħalaq? X'koordinazzjoni kien hemm mal-Kunsill Lokali ta' San Pawl il-Baħar biex din it-triq tingħalaq? X'tip ta' diskussjonijiet saru bejn Transport Malta u l-Kunsill Lokali, qabel ma ttieħdet id-deċiżjoni li t-triq tingħalaq b'dan il-mod?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat li fl-20 ta’ Frar 2014 saret talba mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar sabiex tingħalaq Triq San Pawl għal raġunijiet ta’ sigurta’ minħabba li kienu se jsiru xogħlijiet li kienu ser jostakolaw il-passaġġ tat-traffiku. Transport Malta nfurmat lill-kunsill lokali bil-kundizzjonijiet li l-għeluq tat-triq isir wara d-disgħa ta’ filgħodu, li jkun hemm gwardjani lokali li jiggwidaw it-traffiku, li l-għeluq kellu jsir b’eċċezzjoni għall-vetturi ta’ emerġenza u li jiġi pprovdut is-servizz ta’ shuttle service permezz ta’ minibuses bejn Burmarrad u ċ-ċentru ta’ San Pawl il-Baħar. Dan is-servizz ta’ shuttle service kien bi qbil mas-sezzjoni tat-trasport pubbliku u kien bżonjuż minħabba li t-traffiku u t-trasport pubbliku kien se jiġi ddevjat minn Dawret San Pawl il-Baħar. Fil-25 ta’ Frar, il-Kunsill informa lill-Awtorita` li x-xogħlijiet kienu se jsiru nhar it-28 ta’ Frar u li l-kundizzjonijiet tal-Awtorita’ kien ser ikunu osservati. Nhar is-26 ta’ Frar l-Awtorita` infurmat lill-entitajiet konċernati dwar dan l-għeluq tat-triq.

San Pawl il-Baħar – Triq il-Ħatab – ilment rigward storbju

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm-il darba, matul dawn l-aħħar tliet xhur kien hemm rapporti fl-għassa tal-Qawra, jew f'xi għassa oħra, dwar ilmenti ta' storbju fi Triq il-Ħatab, San Pawl il-Baħar? X'kienet il-kawża ta' dan l-istorbju, u x'passi ttieħdu?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi matul l-aħħar tliet xhur indikati mil-interpellant, il-Pulizija tad Distrett tal-għassa tal-Qawra kellha rapport wiehed biss dwar incident ta’ storbju min gewwa ir residenza indikata mil-istess interpellant, cioe residenza fi Triq il-Hatab, San Pawl, li kien rizultat ta’ vjolenza domestika. Ir-rapport kien sar fl-1 ta’ Frar 2014. Konsegwenza ta’ dan ir-rapport iż-żewg persuni involuti ħargulhom taħrikiet relatati mal-każ in kwistjoni u peress li din hija kopja, il-każ ser jinstemgħa, f’seduta tal-Qorti tal-Familja

Transport Malta – Traffic Count f’San Pawl il-Baħar

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk Transport Malta hux qed tkompli fuq l-istudju marbut mal-problema tat-traffiku fl-inħawi tax-Xemxija fejn it-traffiku jgħaddi minn San Pawl il-Baħar lejn il-Mellieħa? Meta saru l-aħħar counts tat-traffiku f’dawn l-inħawi? X’differenzi rriżultaw f’dawn il-counts meta mqabbla mal-counts preċedenti?

Response (MIZZI, JOE)

Jien infurmat li din is-sena Transport Malta għandha żewġ proġetti maġġuri li jaffettwaw it-traffiku fl-inħawi tax-Xemxija. Għaldaqstant f’dan il-perjodu ta’ żmien ma jistgħux isiru studji fuq ix-Xemxija minħabba li t-traffic patterns mhux ser ikunu dawk tipiċi għaż-żona. L-Awtorita’ ser terġa tiġbor traffic count data fejn possibbli fl-inkroċji li jinstabu fit-toroq arterjali u dawk distributorji minħabba li l-aħħar sett komplut ta’ traffic counts ittieħed fis-sena 2010.

Transport Malta – toroq ġodda

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema toroq ġodda saru minn Transport Malta matul l-2013 f’kull wieħed mil-lokalitajiet tat-12-il distrett elettorali? Meta nbeda x-xogħol fuq dawn it-toroq, meta tlesta, u f’kull każ kemm ġie jiswa dan ix-xogħol?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 12 PQ #8311 Sitting 127 2014-03-10 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Proprjetà fuq art tal-Gvern

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar kif jista' bidwi li bena proprjetà fuq art li hi tal-Gvern jew li ġiet għand il-Gvern mingħand il-Joint Office, jixtri l-art li fuqha tkun mibnija l-istess proprjetà (kemm jekk din tkun proprjetà abitabbli kif ukoll jekk tkun għall-użu agrikolu)?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Bi tweġiba għall-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Inerpellant, il-prassi tad-Dipartiment Proprjetà tal-Gvern f’każijiet bħal ma qiegħed jirreferi għalih l-Onorevoli Membru huwa kif ġej: jekk il-proprjeta’ qed tintuza’ għall-użu agrikolu, mhix policy tal-Gvern illi l-proprjeta’ tinbiegħ, i¿da jekk l-imsemmija proprjeta’ tintu¿a bħala residenza ordinarja allura tista’ tinxtara l-parti residenzjali biss. F’dan il-każ il-bejgħ jista’ jsir jew permezz ta’ waħda mill-iskemi li d-Dipartiment joħrog minn ¿mien għal ¿mien (bħalissa l-iskema għall-fidi u bejgħ ta’ propjetajiet tinsab temporanjament magħluqa); jew inkella billi tinħareġ sejħa għall-offerti fuq il-parti residenzjali. F’dawn il-każi l-kumplament tal-proprjeta’ li mhix residenzjali tibqa’ għand il-bidwi b’titlu ta’ qbiela. Dan il-bejgħ ikun jista’ jsir biss sakemm ma jkunx hemm kundizzjoni specifika fil-kuntratt li l-bidwi ma setgħax jibni proprjeta’ fuq l-art in kwistjoni, kif ukoll, li l-proprjeta’ in kwistjoni hija koperta bil-permessi kollha meħtiega tal-bini.

Pitkalija — proposti dwar tmexxija

Question

Billi jidher li l-għaqdiet tal-bdiewa ma ġewx uffiċjalment mitluba jikkummentaw fuq xi proposti li jista' jkun hemm biex ikun hemm tibdil fil-mod kif titmexxa l-pitkalija, jista' l-Ministru jagħti tagħrif li juri li dan mhux il-każ? Kemm-il darba saru laqgħat mal-għaqdiet tal-bdiewa dwar dan is-suġġett, matul l-aħħar tnax-il xahar?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li fid-diversi laqgħat li saru mal-għaqdiet tal-bdiewa, dejjem tqajjem is-suġġett tar-riforma fil-Pitkalija u nfakkar lill-Onor. Interpellant li dawn it-taħdidiet huma kontinwazzjoni ta’ taħdidiet u deċiżjonijiet meħuda mill-amministrazzjoni preċedenti f’dak li jirrigwarda l-proġett pilota dwar l-istess riforma.

Servizz ta’ home help – talbiet pendenti

Question

Tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' persuni li għandhom talba pendenti mal-Gvern biex jingħataw l-għajnuna ta' servizz ta' home help, lokalità lokalità, madwar Malta u Għawdex?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

L-informazzjoni qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

MCA

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'kien id-dħul tal-MCA matul l-2012 u l-2013? X'kienet in-nefqa tal-istess Awtorità matul l-istess perijodu ta' żmien? Jista' jagħti tagħrif dwar kemm kienu l-flus li għaddew mingħand il-Gvern lill-Awtorità matul dawn l-istess sentejn? Minn fejn oriġinaw il-flus li għaddew mingħand il-Gvern għal għand l-MCA? Jista' jagħti tagħrif dwar kemm kien id-dħul u l-ħruġ li sar mill-MCA fis-sentejn indikati?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninsab infurmat li d-dħul tal-MCA għall-2012 u 2013 kien ta' €9,168,481 u €9,794,295 rispettivament. In-nefqa għall-2012 kienet ta' €4,581,714 filwaqt li nefqa għall-2013 kienet ta' €4,075,391. Fl-2012, il-Gvern għadda lill-Awtorità s-somma ta' €428,627 u fl-2013 l-ammont kien ta' €489,100. L-ammont trasferit jiġi approvat kull sena b'vot fil-parlament.
Leg 12 PQ #8192 Sitting 126 2014-03-05 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu

Kunsilli Lokali – għajnuna għall-attivitajiet kulturali

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema kienu l-kunsilli lokali li ma talbux għajnuna finanzjarja biex jorganizzaw attivitajiet kulturali matul l-2014? Liema kienu l-kunsilli li minkejja li applikaw għal din l-għajnuna, ma ngħatawx din l-istess għajnuna? X’kienet ir-raġuni għal dan?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Kunsilli Lokali li ma applikawx għall-iskema li qed jirreferi għaliha, la fl-ewwel parti tal-iskema u lanqas fit-tieni parti, kienu l-Kunsilli Lokali tal-Gżira, ta’ Pembroke, ta’ San Lawrenz, ta’ San Pawl il-Baħar, ta’ Tas-Sliema, tas-Swieqi, ta’ Ta’ Xbiex u taż-Żebbuġ. Intant il-Kunsilli Lokali li applikaw u ma ngħatawx l-għajnuna kienu dawk tar-Rabat, Għawdex u ta’ Ħal Qormi peress li dawn issottomettew diversi applikazzjonijiet u setgħu jibbenefikaw biss minn tnejn. Il-Kunsilli Lokali tal-Fgura, tal-Imqabba, tal-Kalkara u tax-Xgħajra bbenefikaw minn attività waħda biss miż-żewġ applikazzjonijiet li ssottomettew, peress li l-applikazzjoni l-oħra ma kinetx skont il-linji gwida. Il-Kunsilli Lokali ta’ Ħ’Attard, tal-Fontana, ta’ San Ġwann u ta’ Ta’ Sannat, kif ukoll il-Kumitati Amministrattivi tal-Kappara u ta’ Marsalforn u l-Kumitat Reġjonali Tramunata ma bbenefikaw minn xejn peress li l-applikazzjonijiet tagħhom ma kienux skont il-linji gwida.
Leg 12 PQ #8236 Sitting 126 2014-03-05 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

ODZ — applikazzjonijiet

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar x'tip ta' applikazzjonijiet ġew approvati fl-ODZ matul l-2013? F'liema lokalitajiet jinsabu dawn l-istess applikazzjonijiet li ġew approvati? Jista' jagħti wkoll tagħrif dwar kemm hemm applikazzjonijiet pendenti f'ODZ preżentement, fejn jinsabu, u x'tip ta' żvilupp hu propost f'dawn l-istess applikazzjonijiet?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

It-tagħrif għadhu qed jinġabar
Leg 12 PQ #8237 Sitting 126 2014-03-05 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għas-Saħħa

Proċess tal-IVF

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm huma l-koppji li sa issa ġew mistiedna jattendu l-isptar biex ikunu jistgħu jieħdu t-trattament tal-IVF? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk dawn l-istess koppji hux qed jintalbu li jħallsu ċertu spejjeż li mbagħad eventwalment jiġu mogħtija lura lill-koppja li tkun ħadet it-trattament? Jekk iva, x'inhuma l-kundizzjonijiet li fuqhom se tkun ibbażata d-deċiżjoni dwar jekk l-istess koppji jingħatawx il-ħlas lura inkella le? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm koppji li wara li ntalbu jħallsu dawn il-pagamenti, ma baqgħux jattendu kif mitluba? Kemm kienu?

Response (FARRUGIA, GODFREY)

Ninsab infurmat li hekk kif il-Ministeru tas-Saħħa ħabbar il-bidu tas-servizz tal- IVF b'xejn f'Ottubru 2013, kien hemm iktar minn 120 koppja li ġew riferuti għal IVF, għalhekk inħatar ART Prioritisation Committee biex ipoġġi f'ordni ta' preċedenza dawn il-koppji fuq kriterji stabilliti ta' eta biex jintgħażlu l-ewwel 50 koppja biex jagħmlu l-IVF.(kif kien ħabbar il-gvern li sa Dicembru 2013 ikollna 50 cycle ta IVF) Is-servizz tal-IVF kollu kien bla ħlas (aparti il-medicini) u l-koppji ma ħallsux la għal IVF innifisha u lanqas għal cryopreservation (iffrizar tal-bajd) offrut lilhom. Mill-koppji magħzula, 27 għazlu li jagħmlu il-proċess li nbeda f'Dicembru waqt li oħrajn iposponewħ għal data aktar tard. Bi pjacir inħabbar li kellna riżultati pozittivi u diġa għandna koppji li qed jistennew l-ewwel tarbija tagħhom.

12-il distrett — rotot ġodda

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema kienu s-suġġerimenti speċifiċi li ntbagħtu mill-kunsilli lokali tat-12-il distrett elettorali, u li ġew aċċettati mill-Gvern (permezz ta' Transport Malta), u li allura issa se jkunu inkorporati mar-rotot il-ġodda li suppost se jibda jħaddem l-operatur il-ġdid meta jibda jaħdem?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat li s-suġġerimenti speċifiċi li ntbagħtu mill-kunsilli lokali tat-12-il distrett u li qed jiġu proposti fin-network il-ġdid li ġie ppubblikat fl-Expression of Interest li ħareġ il-Gvern (permezz ta’ Transport Malta) huma: Mellieħa: 1. Żieda fil-frekwenzi tar-rotot li jaqdu l-Mellieħa mal-Belt li bħalissa jammontaw għal 4 karozzi fis-siegħa – ser jiżdiedu għal 6 fis-siegha (peak) u 5 (off-peak) 2. Biex ir-Rotta X1 tibda miċ-ċentru tal-Mellieħa minflok mill-bypass. Ir-rotta ġdida X1A ser tibda tgħaddi miċ-ċentru tal-Mellieħa. 3. Ir-rotot 101 u 102 ma jidħlux aktar fiż-żoni residenzjali tal-Mellieħa. Ir-rotot il-ġodda ser jibdew jgħaddu miċ-ċentru tal-Mellieħa. San Pawl il-Baħar: 1. Rotta li sservi n-naħa ta’ Triq Bordin bħalma kienet tagħmel ir-rotta l-antika 49 - Inħolqot rotta ġdida bin-numru 48 li ser tibda sservi l-akwata msemmija kemm minn, kif ukoll lejn il-Belt u fl-istess ħin isservi parti miċ-ċentru ta’ San Pawl il-Bahar. 2. Rotta li sservi l-Qawra kemm minn, kif ukoll lejn il-Belt għax illum biex jaslu lura mill-Belt l-ewwel iridu jduru d-dawra ta’ bognor u Bugibba biex fl-aħħar jaslu l-Qawra . Il-Qawra ser tkun servuta bir-rotta 45 minn u lejn il-Belt. 3. Żieda fil-frekwenzi tar- rotot li jgħaqqdu ċ-ċentru ta’ San Pawl il-Bahar mal-Belt li bħalissa jammontaw għal 4 karozzi fis-siegħa – ser jiżdiedu għal 6 fis-siegħa (peak) u 5 (off-peak) minn naħa tal-Mellieħa u 3 oħra (Rotta 48) li jkunu ġejjin minn naħa ta’ Triq Bordin, kif spjegat f’punt Nru. 2. 4. Biex ir-Rotta X1 tibda miċ-ċentru ta’ San Pawl il-Baħar flok mill-By Pass. Ir-Rotta ġdida X1A ser tibda tgħaddi miċ- Ċentru ta’ San Pawl il-Baħar. Naxxar: 1. Biex il-karozzi tal-linja ma jibqgħux jgħaddu minn Triq il-Birguma. Ir-Rotot l-ġodda li jservu din l-akwata ser jiġu estiżi sar-Roundabout ta’ Alla w’Ommu. 2. Biex terġa tiddaħħal rotta simili għar-rotot l-antiki 55/56 biex il-poplu Naxxari jinqeda aħjar – Ser tiġi introdotta rotta ġdida bin-numru 46 mill-Għargħur li sservi San Pawl Tat-Tarġa u ċ-Ċentru tan-Naxxar minn u lejn il-Belt kif ukoll ir-rotta 43 ġiet imdawwra biex isservi ċ-ċentru tan-Naxxar direzzjoni lejn il-Belt. 3. Ir-residenti tan-naħa tas-Salini bħalissa m’għandhom l-ebda servizz tat-trasport Pubbliku. Din l-akwata ser tibda tkun servuta bir-rotta ġdida Nru. 49 minn u lejn il-Belt.

Trasport pubbliku — talba għal iżjed informazzjoni

Question

Billi minn stqarrijiet li ħarġu fil-pubbliku qed jingħad li l-Gvern għandu sal-24 ta' Marzu biex iwieġeb għal xi informazzjoni li fil-fatt seta’ kellhom bżonn dawk li kienu/huma interessati biex jipprovdu t-trasport pubbliku, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien hemm organizzazzjonijiet/persuni li talbu li jingħataw iktar informazzjoni minn dak li kien provdut oriġinarjament? Jista' jagħti tagħrif dwar kemm minn dawk li talbu iktar informazzjoni ma baqgħux juru interess f'din l-istess informazzjoni li kienet mitluba minnhom, u li kienet għadha ma ngħatatilhomx?

Response (MIZZI, JOE)

L-informazzjoni li qed jitlob l-Onor. Interpellant f’dan l-istadju meta għadha anqas għalqet is-sejħa għall-Expression of Interest hija kummerċjalment sensittiva u għaldaqstant għandu jifhem li m’huwiex prudenti li tingħata meta l-proċess ta’ sottomissjonijiet għadu miftuħ.

Pitkalija — riforma

Question

Billi mill-informazzjoni mogħtija qed jirriżulta li qatt ma kien iddikjarat interess fit-tmexxija tar-riforma fil-pitkalija, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kif saru jafu b'din il-possibilità dawk li magħhom suppost qed isiru diskussjonijiet dwar l-istess riforma? Meta sar l-ewwel kuntatt bejn il-Gvern u dawk li magħhom għaddejjin id-diskussjonijiet bħalissa? Kemm hemm persuni/għaqdiet li qed jieħdu sehem f'dawn l-istess diskussjonijiet?

Response (BRINCAT, LEO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għall-wegħda 131 fil-Manifest Elettorali tal-Partit Laburista, illum fil-Gvern. Għall-kumplament tad-domanda, nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 8174.

San Pawl il-Baħar – breakwaters — xogħlijiet

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 7933, jista' l-Ministru jagħti l-informazzjoni dwar fiex wasal il-proċess tal-applikazzjoni quddiem l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-mistoqsija għanda tiġi riferuta lill-Ministru kkonċernat.

Kumitat dwar is-siġar

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'rakkomandazzjonijiet speċifiċi ngħataw s'issa lill-Ministeru mill-kumitat li kien twaqqaf dwar is-siġar f'pajjiżna, fi ħdan l-istess Ministeru? Kemm-il darba ltaqa' dan l-kumitat minn meta twaqqaf, u x'ġie implimentat s'issa mill-istess rakkomandazzjonijiet li għamel? Meta saret l-aħħar laqgħa dwar dan is-suġġett?

Response (BRINCAT, LEO)

Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsijiet parlamentari 4398 u 5313, ninsab infurmat li l-aħħar laqgħa saret fid-29 t’Awwissu 2013.

Riforma tal-Pitkalija — rappreżentanti tal-bdiewa

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'tip ta' proposti saru mir-rappreżentanti tal-bdiewa. dwar dak li jikkonċerna dik li tissejjaħ ir-riforma tal-Pitkalija? Billi kull bidwi li tkellimt miegħu mhux infurmat bl-ebda mod dwar dak li suppost għandu jolqot lill-bdiewa b'mod mill-iktar dirett, jista' jassigura lill-bdiewa li l-ebda bidliet ma jidħlu fis-seħħ qabel mal-istess bdiewa jkunu nfurmati, u magħhom diskussa l-bidliet proposti?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li saru diversi laqgħat mal-bdiewa permezz tal-Koperattiva Ċentrali u l-Assoċjazzjoni tal-Bdiewa. Ninsab infurmat ukoll li huwa ppjanat illi qabel tiġi implimentata r-riforma, jsiru diskussjonijiet mal-istakeholders kollha.

Konsultazzjonijiet mas-sajjieda rigward l-istorage tanker tal-gass

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'tip ta' konsultazzjoni għamel il-Ministeru mas-sajjieda ta' Marsaxlokk, Birżebbuġa u Wied il-Għajn minħabba l-bidliet li jistgħu jseħħu fil-portijiet rispettivi b'riżultat tal-istorage tanker tal-gass li mistenni jitpoġġa f'dawk l-inħawi biex jissuplixxi l-gass lill-power station? X'tip ta' rapprezentazzjonijiet għamel il-Ministeru, mal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, minħabba s-sajjieda?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li konsultazzjonijiet pubbliċi u settorjali jsiru mill-Ministeru li jkun qed imexxi proġetti simili. Ninsab infurmat ukoll li meta l-MEPA titlob rappreżentazzjonijiet minn naħa ta’ dan il-Ministeru dwar xi proġett li jista’ jkollu xi impatt fuq l-industrija tas-sajd, dawn jiġu riferuti lill-Bord għas-Sajd għall-osservazzjonijiet tal-membri tal-istess Bord.

Riformi fil-Pitkalija — laqgħat mal-bdiewa

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta saru xi laqgħat mal-bdiewa dwar ir-riformi li suppost se jsiru fil-Pitkalija? Fejn saru dawn il-laqgħat u minn min kienu indirizzati?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li r-riforma tal-Pitkalija tinsab fi stadju ta’ ‘open consultation’ fejn kull min hu interessat f’din il-materja jista jressaq il-proposti tiegħu. Ninsab infurmat ukoll li laqgħat mal-bdiewa dwar ir-riforma tal-Pitkalija jsiru b’mod regolari u kull meta jkun hemm bżonn. Jekk hemm xi bdiewa li jixtiequ jesprimu l-opinjoni tagħhom, nistedinhom jagħmlu laqgħat mal-uffiċjali kkonċernati jew mas-Segretarjat Parlamentari. Il-proposti kollha li jsiru jiġu kkunsidrati qabel ma toħroġ xi sejħa għall-espressjoni ta’ interess meta jkun il-waqt.

Sistema tat-trasport pubbliku — rappreżentazzjonijiet dwar ir-rotot

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema kienu l-kunsilli lokali li ressqu rappreżentazzjonijiet ġodda dwar ir-rotot li suppost iridu jiġu implimentati mill-operatur il-ġdid iktar tard din is-sena jew fil-bidu tas-sena d-dieħla? Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' dawn l-istess rappreżentazzjonijiet? Billi l-proposti li jistgħu jiġu aċċettati jista' jkollhom impatt fuq il-mod ta' kif titħaddem is-sistema ta' trasport pubbliku f'Malta u Għawdex, jista' jagħti tagħrif dwar jekk s' issa l-istess informazzjoni għaddietx għand dawk l-operaturi li wrew interess li jħaddmu s-servizz ġdid? Jista' jagħti tagħrif dwar kemm kien hemm operaturi li ġabru d-dokumentazzjoni marbuta mal-bidliet imsemmija fis-sistema tat-trasport pubbliku?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat li l-Kunsilli Lokali kollha, kemm f’Malta u kif ukoll f’Għawdex, ressqu xi forma ta’ rappreżentazzjoni, li tvarja minn bidliet żgħar fir-rotot għal-talbiet ta’ rotot ġodda, kif ukoll talbiet biex jiżdiedu l-frekwenzi. Ir-rotot il-ġodda, hekk kif ġew imħabbra ftit tal-ġimgħat ilu, u li jinkludu parti kbira mir-rappreżentazzjoniet li għamlu l-Kunsilli Lokali, jiffurmaw parti ntegrali tal-Espressjoni ta’ Interess u għaldaqstant l-informazzjoni kollha ġiet/qegħda tiġi mgħoddija lil dawk l-operaturi li wrew/qegħdin juru nteress li jħaddmu s-servizz il-ġdid. Fir-rigward tan-numru ta’operaturi li ġabru d-dokumentazzjoni marbuta mal-bidliet imsemmija fis-sistema tat-trasport pubbliku, ninforma lill-Onorevoli Interpellant li din l-informazzjoni mhux qiegħda tiġi sottomessa minħabba s-sensittivita’ kummerċjali liema informazzjoni tista’ tinfluwenza l-proċess qabel ma talaq id-data tas-sottomissjoni, jiġifieri sas-7 t’ April.