JIsta' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'inhuma l-applikazzjonijiet pendenti quddiem l-Aworità ta' Malta dwar l-Ambjnet u l-Ippjanar għall-proġetti li hu mistenni li jwettaq il-Ministeru, għal dak li jikkonċerna żviluppi marbuta mas-sajd, mal-biedja u ma' ġonna pubbliċi? Meta saru l-applikazzjonijiet li għadhom pendenti quddiem l-Awtorità? Minn min saru dawn l-istess applikazzjonijet?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skont l-informazzjoni li għaddewli, qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'tip ta' kummerċ hu mistenni li jsir fil-park tan-nofsinhar? Meta hu mistenni li jinħarġu l-offerti għal dan il-kummerċ? X'kundizzjonijuiet hu mistenni li jkun hemm marbuta ma' dawn l-istess inizjattivi ta' kummerċ f'dawn in-naħat?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi se tinħareġ Sejħa għall-Interess fil-ġejjieni qrib li fiha se jkun hemm id-dettalji neċċessarji.
Billi riċentement is-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-biedja ta indikazzjoni li kienu għaddejjin xi diskussjonijiet dwar l-esportazzjoni tal-majjal, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar ma' min saru dawn l-istess diskussjonijiet, u x'riżultati nkisbu sa issa?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li d-diskussjonijiet tal-esportazzjoni tal-majjal saru ma’ diversi pajjiżi tramite l-Ambaxxati tagħna f’dawn il-pajjiżi. It-taħditiet għadhom għaddejin u għalkemm kien hemm interess f’ċerti pajjiżi, minħabba żviluppi internazzjonali li seħħu f’dawn l-aħħar ġimgħat li kkaġunaw waqa fil-prezz tal-majjal fis-suq internazzjonali, ma jidhirx li fil-preżent tista’ timmaterjalizza esportazzjoni tal-majjal f’dan il-perjodu.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk l-OHSA jew xi awtorità oħra li taqa' taħt ir-responsabilità tal-istess Ministeru għamlitx xi studju jew investigazzjoni dwar il-Glyphosate u dan wara li matul is-sena l-oħra ġew rappurtati indikazzjonijiet dwar il-preżenza ta' din is-sustanza fil-bniedem u li reġgħet saret referenza għaliha fil-media lokali llum?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Ninsab infurmat li ma sar l-ebda studju dwar dan il-kemikali.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'suppost hi l-funzjoni marbuta mal-laqgħat annwali tal-lokalitajiet (għal dawk li huma l-kunsilli lokali)? Meta hu mistenni li jsiru dawn il-laqgħat f'kull waħda mil-lokalitajiet ta' Malta u Għawdex? Liema lokalitajiet għadhom ma żammewx il-laqgħa tagħhom għal din is-sena?
Response (VELLA, KARMENU)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għall-Artiklu 70 tal-Att dwar Kunsilli Lokali (Kap. 363) dwar il-laqgħat annwali tal-lokalità.
Intant qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba, kif miġbura mingħand il-Kunsilli Lokali.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kienet in-nefqa tax-xogħol li sar madwar Malta u Għawdex għal dak li hu xogħol li sar fuq iz-zuntier tal-knejjes differenti madwar il-Gżejjer maul l-aħħar tnax-il xahar? Liema kienu l-knejjes li sar ix-xogħol fuq iz-zuntier tagħhom matul dan l-istess perijodu?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li f'dawn l-aħħar 12-il xahar sar xogħol fuq żewġ zuntieri. Dak tal-Parroċċa ta’ San Gużepp il-Kalkara li fuqu sal-lum saru ħlasijiet ta' €144,000 (in-nefqa sħiħa fuq dan il-proġett mistennija li tlaħħaq €233,717) u dak tal-paroċċa ta' San Gejtanu l-Ħamrun li fuqu sal-lum saru ħlasijiet ta' €30,224.(in-nefqa sħiħa fuq dan il-proġett mistennija li tlaħħaq €65,299).
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6881, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hemm liċenzji għall-spiżeriji li bħalissa qegħdin ikomplu jiġu pproċessati għaliex jilħqu l-kriterji li hemm stabbilit fl-avviż legali indikat? Jista’ jgħid liema hi l-aħħar statistika li fuqha qed jaħdem il-Ministeru għas-Saħħa għal dak li jikkonċerna l-popolazzjoni tal-lokalitajiet li fihom hemm applikazzjonijiet pendenti?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Ninsab informat li bħal issa hemm 7 applikazzjonijiet għal liċenzji ġodda ta’ spiżeriji f’Malta u Għawdex li qegħdin jiġu pproċessati għaliex jilħqu l-kriterji li hemm stabbilit fl-avviż legali indikat. L-aħħar statistika li tiġi użata għal dak li jikkonċerna l-popolazzjoni tal-lokalitajiet li fihom hemm applikazzjonijiet pendenti hija dik pubblikata mill-Ufficcju Nazzjonali ta’ l-Istatistika (NSO) skont kif mitlub mill-istess avviż legali. L- aħħar demographic review ipplubblikat mill-Ufficcju Nazzjonali ta’ l-Istatistika (NSO), huwa id- Demographic Review 2010 ippublikat fit-8 ta’ Novembru 2011.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 8315, billi jien ma nixtieq l-ebda informazzjoni iżda qed nitlob informazzjoni dwar il-perijodu taż-żmien li fih is-sajjieda ma jistgħux jistadu, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm-il closed season għandna f'Malta li jaffettwa s-sajd? Jista' jagħti tagħrif mitlub għad-mistoqsija parlamentari 8315?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li f’Malta l-closed seasons regolati huma dawk tal-Pixxispad u tal-Lampuki. Is-sajda tal-Pixxispad tkun magħluqa matul ix-xhur sħaħ ta’ Marzu, Ottubru u Novembru. Fil-każ tal-Lampuki s-sajd jiġi awtorizzat mill-15 ta’ Awwissu sal-31 ta’ Diċembru biss.
Arloġġi tad-dawl u l-ilma — applikazzjonijiet pendenti
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hemm talbiet pendenti għall-istallazzjoni ta’ arloġġi tad-dawl u l-ilma fil-lokalitajiet tat-12-il distrett elettorali, lokalità lokalità?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li sa nhar il-Ġimgħa 7 ta’ Marzu il-Korporazzjoni Enemalta kellha 41 applikazzjoni pendenti fil-lokalitajiet tat-12-il distrett.
Jista’ l-Ministru jgħid meta hu mistenni li jerġa’ jsir ċensiment tal-biedja f'pajjiżna? Meta sar l-aħħar ċensiment? Jista' jgħid jekk fil-preparazzjoni ta' dan iċ-ċensiment ġdid li jista’ jkun qed isir, hux se jkun hemm tibdil fil-mod kif tinġabar l-informazzjoni, fis-sens li se jkun hemm bidla fid-domandi li kien hemm qabel?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-mistoqsija għanda tiġi riferuta lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk din is-sena sarx bejgħ ta' siġar tal-frott għat-tħawil fl-għelieqi, lill-bdiewa full-time lill-bdiewa part-time u lid-delettanti mid-dipartiment li jaqgħu taħt ir-responsabilità tal-Ministeru? Jekk iva, kemm inbiegħu minn dawn is-siġar, u ta' liema frott, f'ammonti għal kull kwalità ta' frott inbiegħu siġar lil dawn il-persuni?
Response (BRINCAT, LEO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi r-risposta għall-ewwel parti tal-mistoqsija hija fl-affermattiv. Skont l-informazzjoni li għaddewli qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba fit-tieni parti tal-mistoqija.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' sajjieda li ħadu sehem fis-sajd tat-tonn matul l-2013 u kemm hu mistenni li jkun in-numru ta' sajjieda li aktarx jieħdu sehem f'dan is-sajd din is-sena? Kemm hu mistenni li jinqabad tonn (bħala massimu ta' kwota) din is-sena? Minn liema lokalitajiet huma s-sajjieda li ħarġu għas-sajd tat-tonn is-sena li għaddiet?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li n-numru ta’ bastimenti tas-sajd li ħadu sehem fis-sajd tat-tonn matul l-2013 kien ta’ tlieta u għoxrin (23) bastiment. In-numru ta’ bastimenti għal din is-sena mistenni li jkun l-istess. Il-kwota massima ta’ l-2014 hija ta’ 160.02 tunnellata.
Ninsab infurmat ukoll li l-lokalitajiet minn fejn għandhom ir-residenza tagħhom is-sajjieda sidien tal-bastimenti li ħadu sehem fis-sajd tat-tonn matul l-2013 huma dawn li ġejjin: Birżebbuġa, Għargħur, Marsaskala, Marsaxlokk, Mellieħa, Mġarr, Msida, San Pawl il-Baħar, Siġġiewi, Żejtun u Xewkija (Għawdex).
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta hu mistenni li jinbeda x-xogħol fuq it-titjib li hemm ippjanat li jsir fil-pitkalija f'Ta' Qali?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li x-xogħol fuq il-proġett pilota flimkien mal-Koperattiva tal-Bdiewa miexi kif ippjanat u jinkludi ħruġ ta’ tenders fosthom għax-xiri ta’ magni u għax-xiri ta’ kaxxi, kif ukoll għadejjin negozjati mal- MITA għal sistema ġdida tal-IT.
Ninsab infurmat ukoll li xogħol ieħor li jifforma parti mir-riforma tal-Pitkalija jibda meta jkunu ffinalizati l-pjanijiet.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta hu mistenni li tibda l-esportazzjoni (il-moviment tal-prodott tal-patata lokali), minn Malta għall-pajjiżi oħrajn tal-Unjoni Ewropewa din is-sena? Lejn liema pajjiżi hu mistessi li jintbagħtu l-prodotti?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li kif naħseb li jaf tajjeb l-Onor. Interpellant dan is-settur ilu għal snin twal immexxi mill-privat. L-informazzjoni li qed tintalab hija waħda kummerċjali.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' permessi li ħarġu lill-bdiewa biex ikunu jistgħu jbiegħu l-prodotti tagħhom fil-farmers market tal-Birgu? Kemm minnhom fil-fatt qed jarmaw f'dan is-suq? Kemm mill-bdiewa li ngħataw permess mhux qed jagħmlu użu minn dan l-istess permess? X'inhuma r-raġunijijet għal dan il-fatt?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li n-numru ta' permessi li ħarġu lill-bdiewa biex ikunu jistgħu jbiegħu l-prodotti tagħhom fil-farmers market tal-Birgu huwa ta’ 12. Minn dawn, 10 bdiewa qed jarmaw f’dan is-suq. Hemm żewġt bdiewa li mhux qed jarmaw għax bħalissa m’għandhomx prodotti tagħhom xi jbiegħu.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kienet il-qatla, f'termini ta' piż għal dak li jikkonċerna l-majjal, iċ-ċanga, il-fniek u nagħaġ/mogħoż, xahar b'xahar matul is-sena li għaddiet? Kif jitqabbel dan il-piż mal-qatla tal-istess xhur, fis-sentejn preċedenti?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni li għaddewli, qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella bl-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Ministru jagħit tagħrif dwar kemm hemm sajjieda li għażlu li jipparteċipaw fl-iskema tal-closed season għas-sajjieda, matul l-aħħar sentejn? Kemm kienu l-bastimenti involuti, u kemm kien hemm persuni li fil-fatt ħadu sehem f'din l-iskema? Minn liema lokalitjiet huma dawk li huma benefiċjarji?
Response (BRINCAT, LEO)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jiċċara x’tip ta’ informazzjoni jixtieq.
Billi minkejja diversi domandi parlamentari li għamilt dwar l-iskola primarja eżistenti f'San Pawl il-Baħar, u r-risposti għalihom, f'San Pawl il-Baħar għadha għaddejja persistentement id-diskussjoni dwar il-fatt li l-iskola preżenti se titneħħa minn fejn qiegħda, u dan ukoll b'dikjarazzjonijiet li qed jagħmel il-Kunsill Lokali permezz tas-sindku, jista' l-Ministru jassigura li fil-fatt l-iskola primarja preżenti mhux se titneħħa minn fejn qiegħda?
Response (BARTOLO, EVARIST)
L-Onor. Interpellant jifhem li ħadd mhu awtorizzat jitkellem għall-Ministru tal-Edukazzjoni ħlief il-Ministru nnifsu. Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġibiet mogħtija għall-Mistoqsijiet Parlamentari numri 6398 u 7718.
Jista' l-Ministru jispjega għaliex il-Kunsill Lokali ta' San Pawl il-Baħar, permezz tas-sindku qed jiddikjara li l-iskola primarja ta' San Pawl il-Baħar se titneħħa minn fejn qiegħda, u li għal din ir-raġuni l-Kunsill mhux se jkompli bix-xogħol li kien hemm maħsub u diġà approvat u mibdi fil-bandli ta' ħdejn l-istess skola? Jista' jagħti tagħrif dwar minn fejn qiegħda tirriżulta din l-informazzjoni lis-sindku?
Response (VELLA, KARMENU)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar li f’laqgħa li kellu mas-Segretarju Parlamentari għall-Ippjanar u s-Simplifikazzjoni ta’ Proċessi Amministrattivi, kien mgħarraf sabiex iżomm on hold il-proġett tal-bandli biswit l-Iskola Primarja li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant. Dan sakemm tittieħed deċiżjoni uffiċjali dwar proġetti fl-inħawi. L-Onor. Interpellant jifhem u japprezza li b’hekk ma jinħlewx flus li jistgħu jkunu nvestiti aħjar b’mod ċert.
Jista' l-Ministru jgħid meta ttieħdet id-deċiżjoni biex jitneħħew it-tankijiet tal-Qajjenza? Meta hu mistenni li jitneħħew? Min se jkun responsabbli mit-tneħħija ta' dawn l-istess tankijiet? Jista' jgħid ukoll jekk l-istess tankijiet hux se jinbiegħu għall-materjal, jew jekk hux se jerġgħu jiġu stallati f'xi post ieħor?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni tingħata fil-ħin opportun.