Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 12 PQ #8672 Sitting 134 2014-03-26 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Simplifikazzjoni ta’ regolamenti

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid liema regolamenti ġew simplifikati matul l-aħħar 12-il xahar? Meta daħlu fis-seħħ ir-regolamenti hekk simplifikati?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li kellna bosta laqgħat regolari dwar il-htieġa tas-simplifikazzjoni ma’ diversi dipartimenti fosthom tas-Sigurta` Socjali, tas-Sahha, tal-Housing, tal-Gustizzja u oħrajn. Neħħejna l-voucher tal-energija, il-htiega ta’ applikazzjonijiet bla bzonn għas-sigurta socjali, tagħrif b’sms lil dawk li jkollhom jidhru l-qorti u ħwejjeg oħrajn. Filwaqt li certi decizjonijiet mittiehda diga` bdew jaghtu l-frott, hemm oħrajn li daqt jidhlu fis-sehh jew se jidħlu fis-sehh sa tmiem din is-sena. Intlahaq ftehim mal-kapijiet tac-Civil fir-rigward ta’ reklutagg ta’ ħaddiema mac-Civil, issimplifikajna l-process dwar bini ta’ fabbriki fil-Malta Industrial Parks kif ukoll għal applikazzjonijiet mill-Armata dwar postijiet ta’ importanza strategika. Sadanittant qed naħdmu wkoll fuq temi li jolqtu t-tobba tal-familja u sistemi aktar facli rigward affarijiet relatati mas-settur farmċewtiku u ma proċeduti ohrajn.
Leg 12 PQ #8673 Sitting 134 2014-03-26 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu

Kunsilli Lokali – bdil ta’ uffiċċju

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma l-kunsilli lokali li talbu li jbiddlu l-uffiċċju tal-kunsill lokali tagħhom matul dawn l-aħħar 12-il xahar? Kemm kunsilli lokali oħra għandhom it-talba tagħhom li ilha pendenti għall-bdil tal-uffiċċju tal-istess kunsill ? F’liema każijiet ikun hemm l-approvazzjoni tad-dipartiment biex din il-bidla sseħħ, u f’kull każ, jista’ jagħti tagħrif dwar jekk it-talbiet humiex għal xiri jew kiri ta’ post ġdid?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninforma lill-Onor Interpellant li kull meta Kunsill Lokali jbiddel l-uffiċini amministrattivi tiegħu dan irid iġib l-approvazzjoni tal-Ministru responsabbli mill-Gvern Lokali skont l-Artiklu 48(1) tal-Att dwar Kunsilli Lokali (Kap 363). Intant qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni dwar il-Kunsilli Lokali illi kellhom konnessjoni ma’ ċaqlieq fl-uffiċini amministrattivi tagħhom dawn l-aħħar tnax-il xahar.
Leg 12 PQ #8674 Sitting 134 2014-03-26 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu

MTA – żieda fis-sulari ta’ lukandi u complexes

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hemm lukandi li applikaw mal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu biex ikunu jistgħu jgħollu n-numru ta’ sulari fuq il-bini li preżentement jifforma lukandi/ complexes li jikkwalifikaw għal din il-bidla? F'liema lokalitajiet jinsabu dawn il-postijiet li għalihom qed issir it-talba? Kemm u fejn jinsabu l-postijiet li ġew approvati mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu? X'se tkun tfisser f'termini ta' żieda ta' kmamar/sodod, jekk kemm-il darba l-istess applikazzjonijiet jiġu approvati?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li huma tnejn (2) il-lukandi li applikaw mal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu biex ikunu jistgħu jgħollu n-numru ta’ sulari fuq il-bini li preżentement jifforma lukandi/complexes li jikkwalifikaw għal din il-bidla. Dawn iż-żewġ lukandi jinsabu waħda f’San Ġiljan u oħra f’San Pawl il- Baħar. Kemm-il darba dawn l-applikazzjonijiet jiġu approvati, ser ikunu jfissru żieda ta' mija, sitta u tletin (136) kamra jew mitejn u erbgħa u sebgħin (274) sodda.

MDP — Bdil ta’ premises

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Malta Dairy Products (MDP) għadx għandha l-ħsieb li tbiddel il-post li minnu topera għall-ħtiġijiet tagħha?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li l-kumpanija Malta Dairy Products (MDP) hija kumpanija privata.
Leg 12 PQ #8625 Sitting 133 2014-03-25 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għas-Saħħa

Sistema tal-GPS fuq ambulanzi

Question

Jista’ l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex l-ambulanzi li jużaw l-isptarijiet tal-Gvern tkun stallata fihom is-sistema tal-GPS għaliex spiss niltaqa’ ma’ ambulanzi jfittxu xi indirizz u dan ikun qed jikkawża ħela ta’ ħin li jista’ jkun vitali għal dawk li għalihom tkun marret l-istess ambulanza?

Response (FARRUGIA, GODFREY)

Ninsab infurmat li l-ambulanzi tal-emergenza tal-Isptar tal-Mater Dei kollha huma armati bis-sistema tal-GPS.
Leg 12 PQ #8637 Sitting 133 2014-03-25 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu

Kunsilli lokali – promozzjoni tal-agrikoltura u ortikultura

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema inizjattivi ttieħdu mill-Kunsilli Lokali ta' Ħad-Dingli, l-Imġarr, il-Mellieħa, ir-Rabat u San Pawl il-Baħar biex jippromwovu l-agrikoltura u l-ortikultura? Min ibbenefika minn dawn l-iskemi? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm bdiewa li għalkemm talbu biex jieħdu sehem f'xi inizjattiva partikulari fil-fatt ma ngħatawx għajnuna?

Response (VELLA, KARMENU)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

San Pawl il-Baħar — skola

Question

Billi qed jirriżulta li ripetutament għaddejja spekulazzjoni qawwija dwar x'se jiġri mill-iskola primarja ta' San Pawl il-Baħar u dan minħabba fl-informazzjoni konfliġġenti li qiegħda toħroġ minn ministeri differenti, jista' l-Ministru jassigura lill-ġenituri tat-tfal li jattendu din l-iskola, li fil-fatt l-iskola mhux se titneħħa minn fejn qiegħda, ukoll jekk ikun hemm skola ġdida li tinbena f'xi parti oħra tal-lokalità?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Il-popolazzjoni studenteska f'San Pawl il-Baħar titlob li jkun hemm żewġ skejjel primarji biex it-tfal jintlaħqu aħjar. Il-bini ta' skola ġdida f'San Pawl il-Baħar ma jfissirx l-għeluq tal-iskola eżistenti.
Leg 12 PQ #8662 Sitting 133 2014-03-25 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu

Kunsilli lokali — proġetti lokali

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema fondi ġodda hu mistenni li jingħataw matul din is-sena għall-proġetti lokali partikulari? Jista' jagħti wkoll tagħrif dwar liema proġetti se jidħol għalihom il-Gvern u meta proprjament suppost isiru mill-kunsilli lokali? Sa issa liema proġetti, u f'liema lokalitajiet diġà ġie deċiż li jsir minn fondi differenti mill-fondi diġà allokati lill-kunsilli lokali?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Dipartiment għall-Gvern Lokali m’għandux fondi tat-tip li qed jirreferi għalihom. Għaldaqstant nitolbu jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

servizz tat-trasport pubbliku — ħaddiema

Question

Jista' l-Minstru jagħti taghrif dwar kemm kien hemm ħaddiema li qabel kienu impjegati mal-Arriva, u issa m'għadhomx impjegati mal-kumpanija tal-Gvern li qed tieħu ħsieb it-trasport pubbliku? Kemm ħaddiema tkeċċew minn mal-kumpanija l-ġdida u kemm ħaddiema ġodda tqabbdu jaħdmu mal-istess kumpanija? F'liema karigi kienu dawk li waqfu/ tkeċċew minn mal-kumpanija l-ġdida, u f'liema karigi ġew imqabbda jaħdmu dawk li issa qed jaħdmu bħala ħaddiema ġodda mal-kumpanija?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat li skont informazzjoni provdut mill-Operatur kien hemm tmienja u għoxrin impjegat li kienu jokkupaw impjieg mal-Operatur qabel it-2 ta’ Jannar 2014 u li m’għadhomx impjegati mal-Malta Public Transport Services (Operations) Ltd sal-21 ta’ Marzu 2014. Minn dawn kien hemm sitt xuffiera fejn l-impjieg tagħhom ġie itterminat, tlett Senior Personnel li kienu sekondati mill-Operatur preċedenti u m’għadhomx u dsatax-il impjegat ieħor li rreżenjaw. Il-karigi ta’ dawk li rreżenjaw jinkludu: ħdax-il xufier, tlett Managers, żewġ Cleaners, Mechanic u żewġ Administrative Personnel. Mit-2 ta’ Jannar 2014, jiġifieri minn meta ħa l-operat f’idejħ il-Gvern, sal-21 ta’ Marzu 2014 ma ġie impjegat ħadd ġdid minn barra ż-żewġ persuni li ġew sekondati minn Transport Malta. Dawn huma ic-Chief Executive Officer u l-Operations Director.

Akkomodazzjoni Soċjali — lokalitajiet

Question

Tista' l-MInistru tagħti tagħrif dwar kemm kien in-numru ta' persuni li ġew allokati xi residenza minn Marzu 2013 sa nofs Marzu 2014? F'liema lokalitajiet (numru għal kull lokalità) ġew mogħtija dawn l-istess residenza? Kemm hu llum n-numru ta' applikazzjonijiet pendenti għall-akkomodazzjoni? Minn liema lokalitajiet (numru għal kull lokalità) huma dawk li bħalissa qed jistennew akkomodazzjoni?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Tweġiba għal din il-mistoqsijiet Parlamentari se tingħata f'seduta oħra.

Vetturi mingħajr liċenzja mħallsa

Question

Billi fil-media lokali kien hemm rapporti li f'Malta hawn iktar minn 32,000 vettura li m'għandhiex il-liċenzja mħallsa, jista' l-Ministru jagħti break down ta' kif inhuma mqassma f'kategoriji differenti l-vetturi li m'għandhomx il-liċenzji mħallsa skont il-kategoriji tal-vetturi mqassma minn Transport Malta?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi minn informazzjoni mgħoddija lili minn Transport Malta sa l-aħħar ta’ Frar ta’ din sena kien hemm 24,038 vettura bil-liċenzja mhux mħallsa. Hu maħsub li 1,600 biss minn dan in-numru ta’ vetturi għadhom jiċċirkolaw fit-toroq. Qed isir kull sforz biex din l-irregolarita’ tinqata’ mit-toroq tagħna. Dawn il-vetturi huma maqsuma skont dawn il-kategoriji: Kategorija ta’ Vettura Numru ta’ Vetturi Agricultural 85 Coaches 14 Minibuses 6 Motorcycles 1,953 ATV/Quads 149 Garage Hire 72 Self Drive 221 Leased 129 Passenger Cars 17,004 Commercial Vehicles 4,405 TOTAL 24,038

Marsaxlokk – fish hatchery

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar fiex wasal il-proċess li kien inbeda permezz ta’ sejħa għall-espressjoni ta’ interess għall-fish hatchery f’Marsaxlokk? Jista’ jagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm persuni/organizzazzjonijiet li esprimew interess f’din is-sejħa? Jista’ jagħti tagħrif dwar jekk is-sejħa għadhiex tiġi kkunsidrata jew jekk ġietx imwaqqfa wara l-Gvern kien mitlub li joħroġ sejħa kompetittiva oħra permezz ta’ proċess ta’ tender? Min kienu dawk li wrew interess li jieħdu sehem f’dan il-proċess u li għadhom qed jiġu kkunsidrati?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li l-għan tas-sejħa għall-Espressjoni ta’ Interess kien biex il-Gvern ikollu ħjiel ta’ jekk hemmx interess fis-settur privat li jidħol għall-proġett ta’ hatchery marittima u faċilitajiet ta’ riċerka fl-akkwakultura. Ninsab infurmat ukoll li minn din is-sejħa rriżulta li hemm dan l-interess mill-privat u għaldaqstant il-Gvern ser ikompli bil-proċess billi jinħareġ Tender fil-futur.

Sajjieda — Skema tal-closed season

Question

B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 8388 u li kienet tirreferi għall-mistoqsija parlamentari 8315, jista’ l-Ministru jagħti t-tagħrif mitlub fiż-żewġ domandi, liema tagħrif jinsab għand il-Ministeru/dipartiment li jaqgħu taħtu?

Response (BRINCAT, LEO)

Peress li l-Onor. Interpellant ma tax kjarifika dwar x’tip ta’ informazzjoni jixtieq, qed nieħu l-impressjoni li l-Onor. Interpellant mhuwiex daqstant ċar dwar id-distinzjoni bejn il-closed season obbligatorju u l-iskema ta’ kumpens għall-waqfien temporanju u volontarju tal- attivitajiet tas-sajd. Fil-konfront tal-closed season obbligatorju nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari 8388. Fil-konfront tal-iskema volontarja ninsab infurmat li din l-iskema ġiet ippublikata f’Ottubru tal-2013 u fi Frar tal-2014. Ninsab infurmat ukoll li saru 18 il-applikazzjoni għall- Iskema ta’ Kumpens għall-Waqfien Temporanju u Volontarju tal-Attivitajiet tas-Sajd tal-2013, li minnhom 13 il-bastiment kienu eliġibbli li jipparteċipaw f’din l-iskema. Il-lokalitajiet minn fejn għandhom ir-residenza tagħhom dawn tal-aħħar jinkludu Marsaxlokk, Naxxar u San Pawl Il-Baħar. Għar-rigward tas-sena 2014 l-applikazzjonijiet għall- Iskema ta’ Kumpens għall-Waqfien Temporanju u Volontarju tal-Attivitajiet tas-Sajd għalqu fil-15 ta’ Marzu 2014 u saru 13 il-applikazzjoni. Dawn l-applikazzjonijiet għadhom qed jiġu pproċessati.
Leg 12 PQ #8612 Sitting 132 2014-03-24 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għas-Saħħa

Studju dwar il-Glyphosate

Question

B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 8368, billi r-referenza għall-użu tal-Glyphosate f'Malta qed tagħmel ħsara lill-biedja Maltija, u dan meta r-rapporti li qed jiġu ppublikati huma bbażati fuq studji li ċertament ma jistgħux jitqiesu li huma xjentifici, jista' l- Ministru jieħu l-passi neċessarji biex il-Ministeru jagħmel l-investigazzjonijiet neċessarji qabel ma tkompli ssir iktar ħsara lis-settur agrikolu Malti?

Response (FARRUGIA, GODFREY)

Ninforma lil-Onorevoli Membru biex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lil-Ministru koncernat.
Leg 12 PQ #8613 Sitting 132 2014-03-24 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu

San Pawl il-Baħar — Tourist Zone Management Committee

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar min jifforma parti mit-Tourist Zone Management Committee għaż-żona ta' San Pawl il-Baħar? Jista' jpoġġi kopja tar-rapport li dan il-kumitat suppost għadda lill-Ministeru, għal dak li jikkonċerna l-inħawi li fihom qed jopera? Meta twaqqaf il-kumitat, u meta għadda r-rapport tiegħu lill-Ministeru? X'passi ttieħdu s’issa biex dak rakkomandat jiġi mplimentat?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Kumitat għaż-Żona Turistika tat-Tramuntana hu ffurmat minn numru ta’ stakeholders ewlenin li jinkludu l-Kunsilli Lokali, residenti, il-komunita’ kummerċjali u rappreżentanza minn lukandiera u sidien tar-ristoranti. Il-Kumitat Nazzjonali dwar żoni Turistiċi ġie kostitwit fi Frar 2014 u s’issa dan il-kumitat individwalizza prijoritajiet u x-xogħol dwarhom diġa’ beda. Kopja tar-rapport imsemmi qiegħed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 12 PQ #8618 Sitting 132 2014-03-24 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għas-Saħħa

Spiżeriji – Liċenzji pendenti

Question

B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 8385, jista' l-Ministru jgħid liema huma s-seba’ lokalitajiet li għalihom qegħdin jiġu pproċessati l-applikazzjonijiet li hemm referenza għalihom fir-risposta? Billi fl-istess risposta hemm referenza għad-Demographic Review tal-2010, li ġie ppubblikat fit-8 ta' Novembru 2011, jista' jgħid x'inhi r-raġuni li l-Ministeru jibbaża ruħu fuq din l-informazzjoni meta l-NSO ippubblikat informazzjoni oħra fit-3 ta' Settembru, 2013?

Response (FARRUGIA, GODFREY)

B'referenza għar-risposta tal-Mistoqsija Parlamentari 8385, ninsab informat li l-lokalitajiet fejn bħal issa qed jiġu pproċessati applikazzjonijiet ġodda ġew ikkunsidrati qabel it-3 ta' Settembru, 2013. Il-lokalitajiet fejn qed jiġu pproċessati dawn l- applikazzjonijiet huma: Fgura, Kalkara, Bir¿ebbuġia, Marsaxlokk, Naxxar, Għarb, u Ta’Sannat. Skont l-aħħar pubblikazzjoni tal-NSO, ma hemm l-ebda lokalita oħra fejn jistgħu jiġu pproċessati applikazzjonijiet ġodda fuq il-bazi tad-demographic ratio.
Leg 12 PQ #8389 Sitting 131 2014-03-18 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

San Pawl il-Baħar – skola primarja — xogħlijiet

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar liema huma l-proġetti mesmmija fit-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 8348 u li skont ir-risposta ssemmew mis-Segretarju Parlamentari għall-Ippjanar u s-Simplifikazzjoni ta’ Proċessi Amministrattivi? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk dawn il-proġetti msemmija humiex maħsuba li jsiru mill-Gvern jew mill-privat?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-possibilta ta’ proġetti għadha qed tigi evalwata

Qajjenza – tneħħija ta’ tankijiet

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 8349, jista' l-Ministru jagħti tagħrif li joriġina mill-passat? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk s'issa ħarġux xi tenders għal dan ix-xogħol?

Response (MIZZI, KONRAD)

Waħda mill-kundizzjonijiet ta’ din il-privatizzazzjoni tal-Gas Division tal-Enemalta kienet li l-kumpanija Gasco Energy Limited tintrabat li tieħu ħsieb id-‘decommissioning’ u t-tneħħija tal-Impjant tal-Gass tal-Qajjenza. Il-kumpanija lestiet id-‘degassing’ u qed tistenna xi permessi mill-MEPA biex tkun tista’ tibda t-tneħħija tat-tankijiet.
Leg 12 PQ #8393 Sitting 131 2014-03-18 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għall-Finanzi

Ċensiment tal-biedja

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 8351 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid meta hu mistenni li jerġa’ jsir ċensiment tal-biedja f'pajjiżna? Meta sar l-aħħar ċensiment? Jista' jgħid jekk fil-preparazzjoni ta' dan iċ-ċensiment ġdid li jista’ jkun qed isir, hux se jkun hemm tibdil fil-mod kif tinġabar l-informazzjoni, fis-sens li se jkun hemm bidla fid-domandi li kien hemm qabel?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ninsab infurmat illi ċ-ċensiment tal-biedja li jmiss mistenni jsir fl-2020. L-aħħar ċensiment sar fl-2010. Il-preparazzjonijiet għaċ-ċensiment li jmiss mistennija jibdew lejn in-nofs tal-2018.

esportazzjoni ta' patata

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 8355 billi mkien ma tlabt informazzjoni ta' natura kummerċjali, jista' l-Ministru jagħti taħgrif mitlub fil-mistoqsija? Jista' jagħti tagħrif dwar x'tip ta' superviżjoni hu mistenni li jagħmel il-Ministeru f'dan il-proċess?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi nerġa ntenni li l-mistoqsija hija ta' natura kummerċjali, għax lejn liema pajjiżi u meta ssir l-esportazzjoni huwa ftehim milħuq bejn l-esportatur Malti u l-importatur fil-pajjiż rispettiv. Madanakollu nirreferi lill-Onor. Interpellant għall-informazzjoni li tista’ tintalab mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika. Ninsab infurmat li minn meta Malta ssieħbet fl-Unjoni Ewropeja fl-2004, id-Dipartiment tal-Agrikoltura ma baqax responsabbli għas-superviżjoni tal-patata għall-esportazzjoni imma din ir-responsabbilta waqgħet fuq l-esportaturi.