Legislature:
Category:
Reset
Active:

Tourism Police

Question

B'referenza għar-risposta dwar it-Tourism Police, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk fil-fatt il-pulizija li għamlu dan il-kors hux kollha bdew jagħtu servizz f'dan ix-xogħol partikulari, inkella jekk kienx hemm numru żgħir biss minnhom, li wara li għamlu l-kors, bdew jaħdmu f'dan ix-xogħol partikulari? Jekk kollha taw servizz, jista' jagħti tagħrif dwar jekk fil-fatt kienx hemm minnhom li ddeċidew li ma' jibqgħux jagħtu dan is-servizz, u kien għalhekk li n-numru ta' pulizija issa naqas għal ħdax?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ninsab infurmat li mhux il-pulizija kollha li għamlu l-kors tat-Tourism Police jagħtu servizz f'dan ix-xogħol partikulari direttament, għalkemm it-taħriġ u l-esperjenza li gwadanjaw xorta sservi ta’ għajnuna waqt ix-xogħol normali tagħhom. Kif indika tajjeb l-Interpellant, hemm ħdax il-membru tal-Korp illi jagħmlu dan ix-xogħol volontarjament kull meta jiġu mitluba, filwaqt illi ħmistax oħra jagħmlu dan ix-xogħol meta jkun hemm il-ħtieġa u jiġu mitluba.
Leg 12 PQ #30113 Sitting 473 2017-01-24 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Energy Performance Certificates

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar meta hu mistenni li jerġgħu jinfetħu l-korsijiet li jwasslu biex ikun hemm ċertifikazzjoni għall-persuni biex jiċċertifikaw bini għal dak li jikkonċerna energy performance (EPC), billi ilu jingħad ħafna li dan il-kors ser jerġa' jinfetaħ, iżda, sa issa dan għadu ma seħħx? Kemm hu n-numru ta' persuni li talbu biex ikunu fil-lista ta' persuni li qed jistennew biex jagħmlu dan il-kors, kif mitluba li jagħmlu mill-organizzaturi tal-kors?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Infurmat li fid-dawl tal-fatt li Malta qed tistudja kif l-aħjar tittrasponi d-Direttiva Ewropea dwar ir-Rendiment tal-Enerġija fil-Bini, wara li kienet ġiet servuta b’Reasoned Opinion mill-Kummissjoni Ewropea peress li l-amministrazzjoni preċedenti kienet ittraskurat dan il-qasam, għad irid ikun deċiż meta jkun jista’ jibda jiġi organizzat il-kors t’Assessur tad-Dwellings li s’issa kien hemm interess għalih minn 384 persuna.

San Pawl il-Baħar – Dawret il-Qawra, Toroq il-Korp tal-Pijunieri, l-10 ta’ Frar u l-Qalb ta’ Ġesu – xogħol ta’ trinek

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk Transport Malta ħarġitx permessi għal xogħol ta' trinek li saru f'Dawret il-Qawra, u fil-kantuniera tat-toroq il-Korp tal-Pijunieri, l-10 ta' Frar u l-Qalb ta' Ġesu, kollha f'San Pawl il-Baħar? Jekk ħarġu tali permessi, xi spezzjonijiet saru wara biex jiġi garantit li fil-fatt ix-xogħol marbut mat-tiswija tal-istess toroq, sar kif suppost?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li f’Dawret il-Qawra nħarġu diversi permessi li fihom ġew spezzjonati waqt it-twettiq tax-xogħol u ġie assigurat li l-immaniġġar u s-sigurtà fit-toroq ġew osservati sakemm tlesta x-xogħol bl-asfalt. Sat-tweġiba ta’ din il-Mistoqsija għad hemm permess wieħed f’Dawret il-Qawra li fuqu għaddej ix-xogħol. Fi Triq il-Qalb Ta’ Ġesu kien hemm permess wieħed maħrug li fuqu ġie spezzjonat b’mod regolari waqt it-twettiq tax-xogħol fejn jirriżulta li x-xogħol tlesta bl-asfalt. Fi Triq il-Korp tal-Pijunieri ma kienx hemm permessi maħruġa għal xogħolijiet maġġuri. Kien hemm diversi permessi maħruga għal xogħolijiet minuri ta’ tiswijiet tas-servizzi tal-ilma fejn dawn ma kienx hemm spezzjonijiet waqt it-twettiq tax-xogħol minħabba li dan ix-xogħol jitlesta fi ftit ħin. Dan ix-xogħol kollu jirriżulta li huwa kollu lest bl-asfalt.

Transport Malta – San Pawl il-Baħar – Spezzjonijiet fuq xogħol ta’ trinek u house connections

Question

Billi ripetutament fir-risposti parlamentari li jingħataw qed jingħad li Transport Malta tispezzjona x-xogħol wara li jkun ċċertifikat minn min wettqu, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien hemm każijiet f'San Pawl il-Baħar matul l-2016, li fil-fatt xogħol ta' trinek u house connections mill-Water Services Corporation, kien sar sew? Billi ripetutament qed jingħad ukoll li hemm xi kumitat jew grupp ta' koordinament dwar tali xogħlijiet, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar min huma l-membri ta' dan l-istess grupp/kumitat?

Response (MIZZI, JOE)

Filwaqt li nidderiġi lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari 19629, ninforma lill-Onor. Interpellant li skont proċess maqbul bejn Transport Malta u l-Korporazzjoni għas-Servizz tal-Ilma, li ilu jintuża għal dawn l-aħħar 10 snin, il-Korporazzjoni għas-Servizz tal-Ilma għandhom il-faċilita’ sabiex jinħarġu permessi (għal house connections biss) taħt is-sistema tal-permessi ta’ Transport Malta, mingħajr ma jintuża il-proċess komplut ta’ konsultazzjoni. Dan minħabba in-numru sostanzajali ta’ permessi meħtieġa kuljum min-naħa tal-Korporazzjoni għas-Servizz tal-Ilma. Madanakollu il-Korporazzjoni għas-Servizz tal-Ilma għandha l-obbligu sabiex taċċerta hi stess li ix-xogħlijiet mitmuma jkunu ta’ livell aċċettabli. Transport Malta tispezzjona ħsarat li jkunu ġew irrappurtati,u jekk jirriżulta li x-xogħlijiet li saru m’humiex ta’ livell aċċettabli u/jew ikunu fallew, il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma tiġi infurmata sabiex twettaq xogħol ta’ rimedju fi żmien stipulat. Fl-2016, id-Direttorat tat-Toroq fi ħdan Transport Malta irċieva żewġ ilmenti rigward xogħlijiet tal-Korporazzjoni għas-Servizz tal-Ilma fil-lokalita’ ta’ San Pawl il-Baħar, fejn l-istess Korporazzjoni ġiet mitluba mid-Direttorat sabiex twettaq xogħljiet ta’ rimedju.

Negozji – rimi ta’ skart

Question

B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 29500, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk fil-fatt dawk li għandhom tipi differenti ta' negozji indikati fir-risposta, humiex dejjem huma responsabbli mill-ħlas li jrid isir biex l-iskart tagħhom ikun fil-fatt meħud lejn id-destinazzjoni finali tiegħu? Jista' jagħti wkoll tagħrif dwar kemm huma l-persuni awtorizzati mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) biex jiġbru dan l-istess skart, kif ukoll jagħti tagħrif dwar jekk kull kollettur awtorizzat, hux awtorizzat li jiġbor kull tip ta' skart? Jekk le, kemm hemm kolletturi awtorizzati li jiġbru skart skont it-tip ta' skart li huma awtorizzati jiġbru, għal kull tip differenti?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li it-tipi differenti ta’ negozji indikati fir-risposta għall-mistoqsija parlamentari 29500 huma responsabbli mil-ħlas li jrid isir biex l-iskart tagħhom ikun fil-fatt meħud lejn id-destinazzjoni finali tiegħu, apparti minn dak l-iskart li minħabba n-natura u l-kompożizzjoni tiegħu huwa simili għal dak iġġenerat mid-djar u li allura jiġi miġbur fil-borża s-sewda. L-Awtorita’ għall-Ambjent u ir-Riżorsi tirreġistra u tawtorizza vetturi sabiex jiġbru, jġorru u jiddisponu minn skart iġġenerat minn kwalinkwe settur. Ir-reġistrazzjoni hija maqsuma f’diversi klassijiet skont it-tip ta’ skart li jkun permess jinġarr. Il-vettura tiġi rreġistrata fi klassi partikolari skont jekk għandiex il-miżuri sabiex iġorr it-tip ta’ skart li għalih is-sid jkun applika. Għalhekk vettura partikolari tista’ tkun reġistrata għal tipi diversi ta’ skart. Qed inpoġġi tabella fuq il-Mejda tal-Kamra rigward bl-informazzjoni tal-5118 reġistrazzjoni valida ma’ l-ERA.

Għawdex – irwejjaħ f’diversi postijiet

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 29399, li oriġinarjament saret lill-Ministru għal Għawdex u ċjoè: Billi fl-20 ta' Diċembru u fil-jiem ta' qabel kien hemm riħa qawwija f'diversi partijiet ta' Għawdex, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'investigazzjoni għamel il-Ministeru, u minn fejn irriżulta li kienet ġejja din l-istess riħa? X'passi ttieħdu biex dawn l-irwejjaħ jinqatgħu?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li billi dan kien każ singulari u l-ERA ma ġietx infurmata fil-ħin propizju u anki minħabba n-nuqqas ta’ informazzjoni sabiex ikun identifikat bi preċiżjoni minn fejn kienu qed joriġinaw dawn l-irwejjaħ, investigazzjoni ma setgħetx issir. Iridj ingħad ukoll illi dakinhar li ġara l-każ ittieħdu l-prekawzjonijiet kollha neċessarji sabiex tiġi ssalvagwardjata s-saħħa u sikurta’ tal-persuni kollha kkonċernati. L-irwejjaħ li qed jissemmew bl-ebda mod ma kellhom x’jaqsmu mal-operat tal-Wasteserv.
Leg 12 PQ #29967 Sitting 472 2017-01-23 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Ħruġ ta' kontijiet tad-dawl u ilma bħala estimate

Question

B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 29461, billi l-qari jsir kull sitt xhur, mhux kull xahrejn, u għal 4 minn kull 6 kontijiet, għalhekk ikunu stima, jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar jekk l-iskeda ffissata li hemm referenza għaliha fir-risposta, tiġix applikata għall-perjodu ta' xahrejn xahrejn, jew għall-perjodu ta' sitt xhur, meta mbagħad isir il-qari formali? (naturalment fejn ikun hemm aċċess għall-postijiet konċernati)?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ġejt infurmat minn ARMS Ltd. li l-iskeda tagħmel referenza għal frekwenza tal-ħruġ ta’ kontijiet u żjarat tal-qarrej tal-arloġġ. Il-ħruġ ta’ kontijiet iseħħ kull xahrejn, filwaqt li l-qari jittieħed kull sitt xhur permezz taż-żjara tal-qarrej. F’dan ix-xenarju, u sabiex ikun hemm regolarita’ fil-frekwenza tal-ħruġ tal-kontijiet, fil-perjodu bejn qari u ieħor, jiġifieri kull xahrejn, tinħareġ stima kkalkulata fuq il-konsum passat u tal-istess perjodu. Din tiġi riveduta appena jingħata aċċess u jittieħed il-qari. Fil-każijiet fejn jittieħed qari awtomatiku, l-iskeda hija ta’ kont b’qari attwali kull xahrejn.

San Pawl il-Baħar — single Mothers

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' single mothers li joqogħdu f'San Pawl il-Baħar (lokalità kollha)? Jista' jagħti tagħrif dwar kemm minn dawn l-ommijiet fil-fatt jirċievu ċ-children's allowance?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, id-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali ma jistax jagħti rendikont ta’ kemm huwa n-numru ta’ single mothers minħabba li mhux kollha huma benefiċjarji tad-Dipartment tas-Sigurtà Soċjali. Madanakollu, skont ir-rekords taċ-Children’s Allowance, jirriżulta li, hemm 445 single mother li joqogħdu fil-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar, li qegħdin jirċievu ċ-Children’s Allowance.

Tourism police zones — estensjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk din is-sena hux mistenni li jkun hemm estensjonijiet fit-Tourism Police Zones, wara l-esperiment tas-sena li għaddiet? Kemm hu n-numru ta' pulizija li fil-fatt daħlu biex jagħtu dan is-servizz, u kemm għad fadal minnhom li baqgħu jagħtu l-istess servizz?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li qed isiru diskussjonijiet mal-Ministeru tat-Turiżmu rigward il-possibilità ta’ estensjonijiet fit-Tourism Police Zones. Infurmat ukoll ii segwew il-kors fit-Tourism Policing, (41) wieħed u erbgħin membru tal-Korp. Bħalissa, għaż-żona ta’ San Ġiljan u tas-Sliema hemm (11) ħdax-il membru tal-Korp li qegħdin jagħtu s-servizz ta’ Tourism Police Officer. Jekk iż-żoni jiġu estiżi, jistgħu jiġu miżjudin aktar membri kif ukoll utilizzati l-membri l-oħra li segwew il-kors ukoll.

San Pawl il-Baħar – laqgħa mal-Kummissarju tal-Pulizija – grupp ta’ ħarsien ambjentali

Question

Billi fil-media soċjali dehru posts li jgħidu li kienu talbu laqgħa mal-Kumissarju tal-Pulizija biex jitwaqqaf grupp ta' ħarsien ambjentali fl-inħawi ta' San Pawl il-Baħar, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk fil-fatt din il-laqgħa seħħitx u jekk iva x'kien l-eżitu tagħha?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li ħadd ma talab li ssir din il-laqgħa mal-Kumissarju tal-Pulizija.

Toroq ġodda li mistenni li jsiru matul din is-sena

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema toroq ġodda huma mistennija li jsiru matul din is-sena, u f'liema lokalitajiet, separatament? Għal liema minn dawn it-toroq diġà ħarġu t-tenders, u liema diġà ġew aġġudikati?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet fuq it-toroq isiru skont il-prioritajiet nazzjonali, fondi disponibbli u l-proċess tal-akwist.

Transport Malta – spezzjonijiet fuq xogħol ta’ trinek fit-toroq

Question

Billi ripetutament fir-risposti parlamentari jingħad li Transport Malta tibda tagħmel l-ispezzjonijiet fuq xogħol ta’ trinek fit-toroq Maltin, wara li tiġi notifikata mill-entitajiet li jagħmlu x-xogħol li l-istess xogħol hu lest, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk dan ifissirx li Transport Malta ma twettaqx spezzjonijiet, jekk kemm-il darba l-istess entitajiet ma jinfurmawhiex li x-xogħol ikun tlesta?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill- Onor. Interpellant li spezzjonijiet kemm waqt it-twettieq tax- xogħlijiet, kif ukoll wara li jitlestew ix-xogħlijiet, isiru mid-Direttorat tal-Infurzar sabiex jiġi aċċertat li x-xogħlijiet saru skont il-kundizzjonijiet tal-permess rispettiv. Id-Direttorat tat-Toroq imbagħad ikompli jagħmel spezzjonijiet matul is-sentejn garanzija, wara li jkun ġie sottomess ir-rapport ta’ konformita’ mill-perit tal-kuntrattur rispettiv. Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġibiet mogħtija għall-mistoqsijiet parlamentari 26798, 28066 u 28067 għal aktar tagħrif dwar il-proċess tas-sentejn garanzija .

Investigazzjonijiet dwar kitbiet li dehru madwar Malta

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-pulizija hux qed twettaq xi investigazzjonijiet partikolari għal dak li jikkonċerna l-bosta kitbiet li dehru madwar Malta, liema kitbiet jidher li għandhom tifsiriet partikolarment qawwija?

Response (ABELA, CARMELO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 29462

Rapporti dwar każijiet ta’ ġlied fit-toroq

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kienu l-każi ta’ ġlied fit-toroq li seħħ matul l-2016, u li rapporti dwarhom waslu għand il-pulizija? Jista’ jagħti tagħrif dwar kemm minn dawn ir-rapporti fil-fatt kellhom l-investigazzjonijiet tagħhom konklużi?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma tinżammx din l-istatistika fil-forma mitluba
Leg 12 PQ #29501 Sitting 470 2017-01-17 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

In-Naxxar – Ground tal-Football – għoti ta’ art

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar xi żviluppi ġodda hemm, jew hu mistenni li jkun hemm, għal dak li jikkonċerna l-għoti ta' art mill-Gvern, lill-klabb tal-football tan-Naxxar, biex ikun jista' jsir kumpless sportiv, li jinkludi ground?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li għaddejin diskussjonijiet bejn il-Gvern u n-Naxxar Lions F.C dwar sit li jista' jaqdi l-bzonnijiet tal-club.
Leg 12 PQ #29502 Sitting 470 2017-01-17 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Awtorità tal-Ippjanar – bankini – xogħlijiet ta’ kostruzzjoni

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar kif l-Awtorità tal-Ippjanar qiegħda tassigura li xogħlijiet ta' kostruzzjoni li jkissru wkoll il-bankini, fil-fatt ma jħallux il-bankini f'qagħda ta' abbandun għal tul ta' żmien?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Nirreferi lill Onor. Interpellant għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 24648,25068 u 25279.
Leg 12 PQ #29869 Sitting 470 2017-01-17 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Enemalta – spezzjonijiet fuq arbli tad-dawl

Question

Jista’ l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar kull kemm żmien l-Enemalta tagħmel spezzjonijiet fuq l-arbli tad-dawl tagħha? X'inhi r-raġuni li għaliha minn żmien għal żmien xi arbli tad-dawl jinqalbu, mhux minħabba li jkunu mkissra b'inċidenti tat-traffiku, u li l-covers tal-istess arbli jinqalgħu minn posthom u jdumu ġranet sħaħ mhux imsewwija? Jista’ l-Prim Ministru jieħu l-passi neċessarji biex arbli li hemm matul il-front tax-Xemxija jiġu spezzjonati u msewwija?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ġejt infurmat mill-Enemalta plc li l-ispezzjonar u l-manutenzjoni tal-arbli li magħhom ikun hemm lampi jew linji tal-elettriku li jaqgħu taħt ir-responsabilità tal-Kumpanija, isir b’mod regolari matul is-sena bħala parti mill-proċess ta’ manutenzjoni kontinwa tas-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku tal-pajjiż. Kull meta jidħol rapport ta’ xi ħsarat jew perikli marbutin ma’ arbli, Enemalta tibgħat it-tekniċi tagħha biex iwettqu t-tiswijiet meħtieġa mill-aktar fis. Uħud minn dawn ix-xogħlijiet ma jkunux jistgħu isiru qabel ma jintalbu permessi ta’ kontroll tat-traffiku mil-awtoritajiet konċernati. Il-ħsarat tal-arbli normalment ikunu kkawżati minn aċċidenti tat-traffiku, maltemp u irjiħat qawwija jew vandaliżmu. Fix-xatt tax-Xemxija, Enemalta plc spezzjonat l-arbli li jaqgħu taħt ir-responsabilità tal-Kumpanija u sabet biss arblu wieħed li kellu l-cover tiegħu li kellu bżonn jinbidel. Enemalta ma kienet irċeviet l-ebda lment mingħand klijenti jew mingħand il-Kunsill Lokali konċernat dwar din id-diffikultà f’dan l-arblu.
Leg 12 PQ #29876 Sitting 470 2017-01-17 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

San Pawl il-Baħar – Triq Patri Ġużepp Calleja – bozoz bil-ħsara

Question

Billi numru ta' bozoz fi Triq Patri Ġużepp Calleja, San Pawl il-Baħar qed ikollhom ħsara b'mod regolari, u jidher li minkejja l-interventi li saru sa issa l-Enemalta għadha ma' sabitx soluzzjoni permanenti għal din il-problema, jista' l-Prim Ministru jieħu l-passi neċessarji biex din il-ħsara tiġi rranġata b'mod permanenti?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ġejt infurmat mill-Enemalta plc li fil-bidu ta’ Diċembru 2016 huma rċevew l-ewwel rapport ta’ ħsara bil-maltemp f’żewġ bozoz tat-triq indikata, liema tiswijiet tlestew mill-ewwel. Nhar il-11 ta’ Jannar 2017 il-Kumpanija daħlilha rapport mingħand il-Kunsill Lokali dwar ħsara oħra li kienet qed tolqot diversi toroq, fosthom it-triq imsemmija. It-tiswijiet neċessarji saru l-għada stess, fit-12 ta’ Jannar. Iż-żewġ ħsarat ma kellhomx x’jaqsmu ma’ xulxin ħlief li b’koinċidenza affettwaw id-dwal tal-istess triq.
Leg 12 PQ #29905 Sitting 470 2017-01-17 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

San Pawl il-Baħar – Toroq Dawret il-Gżejjer u Wileġ – xogħol mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (WSC)

Question

B’referenza għar-risposti għall-mistoqsijiet parlamentari 29437 u 29438, billi hu evidenti li t-toroq imsemmija għandhom bżonn li jingħatalhom wiċċ, jista’ l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar meta hu mistenni li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma tibda x-xogħol ta’ bdil ta’ mains, fejn hu meħtieġ, matul it-toroq imsemmija?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministeru kkonċernat.
Leg 12 PQ #29906 Sitting 470 2017-01-17 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu

Użu ta’ ħlas mit-turisti — proġetti

Question

B'referenza għall-mistoqsijiet preċedenti dwar liema proġetti, u fejn ser isiru permezz tal-fondi miġbura mill-50 ċenteżmu li jinġabru għal kull lejl minn kull min jorqod ġol-lukandi f'Malta u f'Għawdex, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk ittieħdux xi deċiżjonijiet dwar dan?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi bħalissa t-Tourism Environmental Trust qed jiffinalizza l-kriterji tal-proċedura ta’ kif ser jintgħażlu l-proġetti. Wara li l-kriterji jiġu eventwalment ippublikati, jibda’ l-proċess sabiex il-Fondazzjoni għall-Iżvilupp ta’ Żoni Turistiċi tressaq proġetti varji għall-iskrutinju tal-istess Trust illi ġie mwaqqaf sabiex jiġu amministrati l-fondi miġbura mill-eko kontribuzzjoni.