Legislature:
Category:
Reset
Active:

Permessi u liċenzji għas-sajd tal-pixxispad

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk hemmx xi diffikultajiet għal dak li jikkonċerna l-allokazzjoni ta' permessi/liċenzji għas-sajd tal-pixxispad għall-istaġun ta' din is-sena?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li t-talbiet kollha għall-permessi u jew liċenzji għas-sajd tal-pixxispad jiġu pproċessati skont il-liġi. Ninsab infurmat li m’hemmx diffikultajiet speċifiċi għall-ħruġ ta' dawn il-permessi u jew liċenzji għall-istaġun ta' din is-sena.

Ċertifikazzjonijiet għal ħut

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm ħarġu ċertifikazzjonijiet (f'termini ta' piż) għal ħut li jiġi impurtat minn pajjizi mhux tal-Unjoni Ewropea, matul l-ewwel erba' xhur ta' din is-sena? Minn liema pajjiżi kien ġej dan il-ħut?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill Onor. Interpellant illi skont l-informazzjoni li għaddewli mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, il-piż tal-ħut impurtat minn pajjiżi mhux tal-Unjoni Ewropea matul l-ewwel erba' xhur ta' din is-sena kien dak ta’ 737,755Kg kif jidher fit-Tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 12 PQ #9355 Sitting 149 2014-05-14 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Glyphosate — koordinazzjoni bejn il-Ministeru

Question

Jista' l-Prim Ministru jieħu l-passi neċessarji biex issir il-koordinazzjoni meħtieġa bejn il-Ministeru kkonċernati biex jiġi stabilit x'qed jiġri għal dak li jikkonċerna l-glyphosate, f'Malta u Għawdex, għaliex stqarrijiet ta' allarm li saru dwar dan is-suġġett donnhom li baqgħu għaddejjin, u domandi li għamilt kemm lill-ministeru responsabbli mis-saħħa, kif ukoll lill-Ministeru responsabbli mill-agrikultura rreferewni għall-ministru kkonċernat?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Peress li d-domanda hija ta’ natura teknika, nitlob lill-Onor. Interpellant biex iressaq il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Laħam – Prodotti kkunsmati fl-isptarijiet

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 9250, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk fis-sejħiet għall-offerti jkunx hemm talba biex jiġi indikat l-oriġini tal-laħam li jkun se jiġi pprovdud, inkella le, u jekk l-prodott ikunx mistenni li jkun frisk inkella ffriżat? Jekk iva, kif jiġi assiugrat li dak li jiġu offrut, ikun qed jingħata?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ma’ ħarġet ebda sejħa għall-offerti għall-laħam minn meta ħarġet din id-direttiva. Is-sejħiet li se joħorgu se jkunu jinkludu l-klawsola msemmija.

Persuni mhux Maltin — ID Cards

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu l-perijodu taż-żmien li qed jistennew dawk il-persuni mhux Maltin li talbu biex ikollhom ID card f'Malta wara li ġew joqogħdu hawn għal tup ta' żmien? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk hemmx distinzjoni fil-perijodu li wieħed irid jistenna, qabel jingħata din l-ID card, bejn dawk li huma ġejjin minn pajjiżi tal-Unjoni Ewropea u minn pajjiżi oħra? Kemm hemm applikazzjonijiet pendenti bħalissa għall-għoti ta' tali ID card? Minn liema pajjiżi, pajjiż b'pajjiż?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta għada qed tinġabar u se tingħata f’seduta oħra.
Leg 12 PQ #9339 Sitting 148 2014-05-13 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Magni tad-dqiq antiki — devoluzzjoni

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar minn min huma mmexxija (mħarsa jew mħaddma) kull waħda mill-flour mills li hemm imsemmiha fit-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 8918?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari 8918. L-informazzjoni li ngħatat f’dik it-tweġiba, dwar minn min huma mmexxija dawn il-magni tad-dqiq baqgħet l-istess, ħlief għal dik tal-Mistra peress li f’Novembru 2013 ingħatat lil Fondazzjoni Wirt Artna b’titlu ta’ encroachment permit.

Sajjieda — prezzijiet tad-diesel

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hemm sajjieda li huma ntitolati li jieħdu diesel bi prezz apposta, minħabba s-sajd li jagħmlu? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm xi bidla fil-policy applikata fil-konfront ta' dawn is-sajjieda? X'bidliet twettqu f'din il-policy, u kemm ġew effettwati sajjieda?

Response (BRINCAT, LEO)

Il-mistoqsija tal-Onor. Interpellant mhux ċara għal xhiex qed tirreferi, iżda jekk l-intenzjoni tiegħu hi li jirreferi għall-bejgħ tad-diesel bla dazju lis-sajjieda, allura jien infurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari li fil-fatt id-dgħajjes tas-sajd kollha li huma rreġistrati bħala tali mid-Dipartiment tas-Sajd għandhom dritt jixtru dan it-tip ta’ diesel sakemm dan ikun qed jintuża għas-sajd skont ir-regoli stabbiliti. Jien infurmat ukoll mis-Segretarjat li ma kien hemm l-ebda bidla fil- policy , per se, iżda kuntrarjament għal dak li kien isir qabel, sabiex ikun assigurat li ma jkunx hemm abbużi d-Dipartiment tas-Sajd qiegħed jivverifika l-informazzjoni sottomessa dwar qabdiet irreġistrati ta’ ħut u li abbażi tagħhom ikun ikkalkulat l-ammont ta’ diesel bla dazju li kull bastiment ikun intitolat għalih. Dan l-ammont imbagħad ikun mgħoddi lid-Dipartiment tad-Dwana bħala l-awtorita` kompetenti fir-rigward.

Tmexxija ta' parks

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema huma l-parks li jaqgħu taħt ir-responsabilità tal-Ministeru? Liema parks oħra, li għandna f'Malta u Għawdex, ma jaqgħux taħt it-tmexxija tal-Ministeru? F'dawn il-każijiet min hu responsabbli mit-tmexxija ta' dawn l-istess parks?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li l-Parks li jaqgħu taħt ir-risponsabbilta` tal-Ministeru huma l-Park Nazzjonali Ta’ Qali; Il-Park Nazzjonali s-Salina; il-Park tal-Majjistral; Il-Park tal-Familja f’Wied l-Ghajn; Il-Buskett, esklużi ż-żoni fejn hemm siġar taċ-ċitru u li huma parti amministrata mill-Environment Landscape Consortium; il-Water Park Bugibba; Xrobb l-Għaġin Nature Park u Foresta 2000 Mellieha, dan ta' l-aħħar b’ kollaborazzjoni mal-Birdlife u Din l-Art Ħelwa. Rigward faċilitajiet oħra simili kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat. Bħal kull Ministeru ieħor jiena responsabbli li nwieġeb għal dak biss li jaqa’ taħt ir-responsabbilta` tal-Ministeru tiegħi.

Prodott Agrikolu — Investigazzjoni

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 9247, billi editorjal bħal dak li kkwotajt, fil-fatt jagħmel ħsara kbira lis-settur agrikolu, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'tip ta' reazzjoni uffiċjali għamel il-Ministeru? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kull stqarrija li ħarġet mill-Ministeru dwar dan is-suġġett?

Response (BRINCAT, LEO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħtina kopja ta’ kwalunkwe studju li huwa għamel biex jistabilixxi dak li huwa qal li huwa ta ħsara kbira fuq is-settur. Skont kif irrapurtat fil-ħarġa f’The Times tal-10 ta’ Mejju l-istħarriġ tal-gazzetta wera li ħafna mill-bdiewa li huma stess irraportaw li ma kellhomx tnaqqis fil-bejgħ, ħeġġu iktar infurzar fuq il-ftit bdiewa li mhux qed jimxu mar-regoli. Kif diġa għidt fi tweġibiet oħrajn ninsab infurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari li d-Dipartiment tal-Agrikoltura jieħu l-passi kollha neċessarji f’każ ta’ abbużi u anke qiegħed għaddej minn proċess biex iżid in-numru ta’ spetturi. Sadanittant qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja ta’ risposta li ntbagħtet lill-The Times mid-Direttur tal-Agrikoltura, li kienet ippublikata nhar l-Erbgħa 7 ta’ Mejju. Ta’ min jgħid ukoll li fl-istess ġurnata d-Direttur tal-Agrikoltura kien intervistat mill-Public Broadcasting Service liema intervista dehret fl-edizzjoni ta’ fil-għaxija tal-aħbarijiet tal-PBS. Fl-intervista d-Direttur spjega r-regoli applikabbli u d-dettalji dwar l-infurzar li jsir u l-multi sostanzjali kkontemplati fil-liġi. Id-Direttur enfasizza l-fatt li l-persuni li jixħtu is-slurry fir-raba’ huma l-ftit u mhux il-ħafna u li d-Dipartiment jieħu l-passi kollha neċessarji kif isir jaf b’xi abbuż. Hawnhekk inħoss li għandi niġbed l-attenzjoni tal-Onor. Interpellant li filwaqt li hu għandu dritt jagħmel il-mistoqsijiet li jrid u li jien m’għandi l-ebda problema nirrispondi, jidher kontradittorju li filwaqt li hu jemmen li qed issir ħsara hu nnifsu qed ikompli jgħati pubbliċita’ bil-mistoqsijiet ripetuti tiegħu fuq il-materja.

Glyphosate — allegazzjonijiet

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 9248, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema kienu l-komunikazzjonijiet li waslu fil-Ministeru u dipartimenti li jaqgħu taħtu mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar għall-clearances min-naħa tal-istess Ministeru, u dan b'rabta ma rziezet għall-annimali, ġibjuni u serer? Minn liema lokalitajiet, lokal lokal kienu l-applikazzjonijiet?

Response (BRINCAT, LEO)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bil-informazzjoni mitluba. Importanti li wieħed isemmi, hekk kif jien infurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, preżentament l-applikazzjoni l-ewwel issir talba lid-Direttorat tal-Agrikoltura u wara tidhol il-Malta Environment and Planning Authority.

Pitkalija — laqgħat

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'kienu l-aħħar żviluppi għal dak li jikkonċerna r-riforma fil-Pitkalija? Meta saru l-aħħar laqgħat dwar dan is-suġġett? Ma min saru?

Response (BRINCAT, LEO)

Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġibiet li tajt għal-diversi mistoqsijiet preċedenti fuq l-istess suġġett fuq tagħrif mogħti lill-Ministeru mill-Uffiċju tas-Segretarjat Parlamentari, infakkar li x-xogħol għadu għaddej u qed nassiguraw li dan isir bir-reqqa meħtieġa. Ma naħsibx li huwa għaqli li noqgħod niddeskrivi kull biċċa xogħol u kull laqgħa li ssir. Il-Gvern wiegħed riforma u din ser titwettaq, għax kuntrarju tal-Gvern preċedenti dan il-Gvern iwettaq dak li jwiegħed.

Tanker li ħalla l-Malta

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk kienx hemm xi tanker li, matul dawn l-aħħar jiem, telaq minn Malta, minkejja li suppost ma ħalliex pajjiżna, minħabba,fost l-oħrajn,proċeduri legali li kien hemm fil-konfront tal-crew tal-istess tanker? Liema kien dan it-tanker, meta telaq minn Malta jew it-territorju tagħha? Meta kien li l-awtoritajiet Maltin, kienu nfurmati/ indunaw li dan il-vapur kien ħalla Malta? X'passi ttieħdu biex dan l-istess vapur jitwaqqaf milli jitlaq? Ma’ min saret il-koordinazzjoni biex il-vapur jitwaqqaf milli jitlaq? Jekk ma sarx sforz biex jitwaqqaf, x'kienet ir-raġuni għal dan?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dwar dan il-każ bħalissa hemm għaddejja nkjesta u għalhekk mhux opportun li tingħata aktar informazzjoni f’dan l-istadju.

Bengħajsa – baga li tneħħiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk, matul l-aħħar xhur, il-baga tan-navigazzjoni li hemm f'Bengħajsa, tneħħietx, insterqet, jew b'xi mod ieħor ġiet nieqsa minn fuq il-post? Jista' jgħid meta b'xi mod naqset din l-istess baga, u jekk s’issa reġgħetx ġiet imqegħda oħra minflokha fl-istess post? Jista' jgħid meta sar l-aħħar survey u manutenzjoni tal-irbit ta' din il-baga? Jista' jgħid jekk din hijiex waħda mill-bagi l-iktar importanti għal dak li jikkonċerna d-dħul u l-ħruġ ta' vapuri mill-Freeport Terminal? Jista' jagħti dettalji dwar jekk il-fatt li l-baga damet nieqsa għall-perijodu ta' żmien, dan fissirx ukoll li l-inħawi kienu esposti għall-perikli kbar, kemm għal dak li jikkonċerna persuni, kif ukoll ambjentalment?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-baga ta’ Bengħajsa nqatgħet minn postha u ntilfet f’maltempata fi Frar. Ninsab infurmat li tlestiet baga oħra biex titpoġġa flokha u li din se titqiegħed fil-ġranet li ġejjin. Il-baga oriġinali kienet ilha fil-post madwar tlett snin u perjodikament kienu saru spezzjonijiet u xi tiswijiet fuq il-post. Nikkonferma li din hija baga importanti fil-lokal u f’dan ir-rigward jinħarġu avviżi meta xi baga ma tkunx f’postha jew ikollha xi ħsara. Il-bastimenti jiġu infurmati mit-taqsima tal-VTS (Vessel Traffic System) fi ħdan Transport Malta u mill-piloti marittimi biex il-periklu jiġi minimizzat.

San Pawl il-Baħar – tneħħija ta’ sleeping policemen

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'wassal biex matul l-aħħar jiem, fil-lokalità ta' San Pawl il-Baħar, milli jidher dejjem bil-lejl, sparixxew numru ta' sleeping policemen li kienu mwaħħla f'diversi partijiet tal-lokalità? Jista' jagħti tagħrif dwar min qala dawn l-istess sleeping policemen u x'kienet ir-raġuni għal dan il-fatt?

Response (BONNICI, OWEN)

Infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar li madwar tliet ijiem ilu tneħħiet sleeping policeman minn Triq Raddet ir-Roti fix-Xemxija minħabba diversi ilmenti li tressqu mir-residenti. L-istess sleeping policeman ġiet installata ftit metri ’l boghod fl-istess triq. Dan ix-xogħol sar mill-Kunsill Lokali. Intant l-isleeping policeman fi Triq Toni Bajada tneħħiet madwar xahar ilu wkoll wara li l-Kunsill irċieva diversi lmenti mir-residenti. L-istess sleeping policeman ġiet installata fi Triq il-Konventwali. Dan ix-xogħol sar ukoll mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar.
Leg 12 PQ #9335 Sitting 147 2014-05-12 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Kunsill Lokali ta' San Pawl il-Baħar — proġett propost

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm xi bidliet għal dak li jikkonċerna l-proġett propost mill-Kunsill Lokali ta' San Pawl il-Baħar, bejn Triq Parades u Triq San Pawl, San Pawl il-Baħar, biex jinbena ċentru ċiviku fil-post? Jekk hemm bidliet proposti, jista' jagħti tagħrif dwar x'kienu dawn il-bidliet proposti, min talabhom u meta saru?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Nitlob lil-Onorevoli Interpellant biex jagħmel l-mistoqsija lil Ministru konċernat.

Tindif ta' appartament minn perikli tas-saħħa

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm xi żviluppi għal dak li jikkonċerna l-każ imsemmi fil-mistoqsijiet parlamentari 8890 u 8891?

Response (MIZZI, KONRAD)

Qiegħed isir kull sforz sabiex jinstab is-sid u eventwalment jitneħħa l-inkonvenjent.

Pulizija — każ ta' blokk ta' appartamenti

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'kienu l-iżviluppi li seħħew dwar il-każ imsemmi fil-mistoqsijiet parlamentari 8890 u 8891? X'passi ġodda ttieħdu?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li kif diġa elenkajt fit-tweġiba numru 8890, din hija materja li tirrigwarda l-Awtoritajiet tas-Saħħa. Il-Pulizija tkun tista tgħin kif titlob il-liġi, malli l-għajnuna tagħha tintalab mil-Awtoritajiet kompetenti tal-istess Dipartiment tas-Saħħa.

Majjal fis-suq Malti

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Ministeru hux infurmat bil-kwantità ta' majjal mhux Malti li hawn fis-suq bħalissa? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk tinżammx informazzjoni dwar il-kwantitajiet ta' dan il-prodott li jkun ġej minn barra u jitqiegħed fuq is-suq Malti?

Response (BRINCAT, LEO)

Ninsab infurmat li huwa obbligatorju li l-impurtaturi jagħtu informazzjoni dwar il-majjal impurtat lid-Dipartiment tas-Servizzi Veterinarji. Ta’ min ifakkar ukoll li s-suq tal-majjal fl-Ewropa huwa wieħed miftuħ.

Banek San Pawl il-Baħar — Hold Ups

Question

Jista' l-Minstru jagħti tagħrif dwar jekk fl-għassa tal-Qawra, jew f'xi għassa ohra kienx hemm rapporti ta' hold ups ħdejn xi wieħed mill-banek li għandna fil-lokalità ta' San Pawl il-Baħar? Jista' jgħid meta saru dawn l-allegati hold ups, u kif spiċċaw ir-rapurtati fuq il-mezzi tax-Xandir Nazzjonali?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Pulizija ma kellha l-ebda rapport ta' hold-up ħdejn wieħed mill-banek fil-lokalita' ta' San Pawl il-Baħar. Lanqas ma jirriżulta li l-Pulizija ħarġet xi stqarrija fuq dan is-suġġett.

San Pawl il-Baħar — ferimenti

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien hemm rapporti ta' ferimenti, fl-inħawi li jiffurmaw parti mill-lokalità ta' San Pawl il-Baħar, matul l-ewwel 4 xhur ta' din is-sena? Jista' jgħid kemm minn dawn kienu f'postijiet pubbliċi u kemm fil-privat, xahar xahar?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bejn Jannar u April ta’ din is-sena, il-Pulizija kellha 42 rapport ta’ feriment fuq il-persuna li seħħew f’San Pawl l-Baħar. Dawn kollha ġraw f’postijiet pubblici għajr 18-il każ ta’ vjolenza domestika li seħħew fi propjeta privata. Jannar Frar Marzu Apirl 7 15 12 8