Legislature:
Category:
Reset
Active:

Tindif ta' appartament minn perikli għas-saħħa

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 9450, liema risposta tagħmel referenza għar-risposta ta' mistoqsijiet parlamentari 9338, 9337, 8891 u 8890, jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex isir ir-rapport imsemmi fir-risposta, biex b'hekk ikunu jistgħu jittieħdu l-passi neċessarji biex dan l-inkonvenjent u periklu għas-saħħa, jitneħħa?

Response (MIZZI, KONRAD)

Għaddejja komunikazzjoni bejn uffiċċjali fi ħdan id-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali u uffiċċjal inkarigat fi ħdan il-Korp tal-Pulizija biex l-Uffiċċjali għas-Saħħa Ambjentali jkollhom l-assitenza meħtiega mill-Pulizija ħalli jaċċedu fil-fond imsemmi.

Karozzi Self Drive Liċenzjati — Certificate of Compliance

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 9482, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'inhi r-raġuni li għaliha tneħħa l-obbligu li wieħed jipprovdi Certificate of Compliance, u x'tip ta' ċertifikat hu dan? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk dan hux il-compliance certificate tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-raġuni li għaliha tneħħa l-obbligu li wieħed jipprovdi Certificate of Compliance kienet biex jiġi simplifikat il-proċess għaliex kien biżżejjed għal Transport Malta li wieħed jippreżenta l-permess maħruġ mill-Awotorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar. Dan ic-Certificate of Compliance huwa complaince certificate maħruġ mill-MEPA wara li jkun ħareġ il-permess oriġinali.

Sajjieda li tnaqqsilhom id-diesel

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm każijiet ta' sajjieda li tnaqqsilhom l-ammont ta' diesel li għandhom dritt għalih, skont il-qabdiet tas-sajd li jkollhom? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm xi diskussjoni dwar dan il-punt mal-koperattivi tas-sajjieda, u x'kienu r-reazzjonijiet tagħhom?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni li għaddewli mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, ma kien hemm l-ebda każ fejn xi sajjied tnaqqaslu l-ammont ta’ diesel li kellu dritt għalih skont il-qabda tiegħu. Għandu jkun ovvju għall-Onor. Interpellant li jekk id-Dipartiment jara li l-informazzjoni li tkun ingħatat dwar il-qabda tkun żbaljata dan jikkoreġi l-affarijiet kif titlob is-serjeta` u t-trasparenza.

Karozzi Self Drive liċenzjati

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hemm karozzi liċenzjati li jiġu wżati bħala self drive, f'Malta u Għawdex? Kemm hawn garaxxijiet, lokalità b’lokalità li huma liċenzjati biex jagħtu dan is-servizz? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm bidliet f'dawk li huma policies marbuta mal-għoti ta' tali liċenzji?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat li sal-ġurnata tal-lum, f’Malta u Għawdex hemm 8,480 vettura li huma liċenzjati sabiex jiġu wżati għall-kiri migħajr xufier. Infurmat ukoll li f’Malta u Għawdex hemm total 797 garaxxijiet li huma liċenzjati sabiex jipprovdu servizz tal-karozzi tal-kiri kemm għal self drive/leasing. Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra lista ta’ garaxxijiet li huma liċenzjati biex jagħtu dan is-servizz. Jirriżulta li ma kien hemm l’ebda tibdil fil-policy sabiex wieħed jakkwista permess biex jopera tali garaxx f’din l-aħħar sena. Biss, abbażi ta’ deċiżjoni amministrattiva, matul is-sena 2013, tneħħiet il-ħtieġa mill-obbligu li wieħed għandu jipprovdi Certificate of Compliance meta japplika ma’ Transport Malta.

Karozzi Hybrid reġistrati Malta

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm karozzi hybrid li huma liċenzjati għas-sewqan f'Malta u Għawdex? Kemm minn dawn il-karozzi huma liċenzjati bħala self drive?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat li sal-ġurnata tal-lum hemm 330 karozza hybrid liċenzjati f’Malta u Għawdex. Minn dawn it-330 vettura, 14 huma liċenzjati biex jinkrew bla xufier għal self drive.

San Pawl il-Baħar — Triq is-Simar - xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar fiex waslu l-preparamenti biex Triq is-Simar f'San Pawl il-Baħar tkun tista' tiġi mogħtija t-tarmak? Meta hu mistenni li jinbeda x-xogħol u meta hu maħsub li jitlesta? X'koordinazzjoni hemm lesta mal-entitajiet l-oħra li jipprovdu s-servizzi?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi Triq is-Simar San Pawl il-Baħar għadha qed tiġi ffurmata mill-iżviluppaturi.

Proposti fuq it-trasport pubbliku

Question

Billi issa għaddew diversi ġimgħat minn mindu għalqet is-sejħa għall-proposti marbuta mat-trasport pubbliku, u meta għalqet l-istess sejħa kien ingħad li fi ftit jiem kien se jkun hemm indikazzjonijiet ta' x'se jiġri mill-istess proposti, jista' l-Ministru jindika, x'kienu s'issa l-iżviluppi li seħħew?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-proċess tal-evalwazzjoni tal-espressjoni t’interess tal-proposti marbuta mat-trasport pubbliku għadu mhux konkluż, u għaldaqstant iktar informazzjoni ma tistax tingħata f’dan l-istadju.

Tnax-il distrett elettorali — talbiet għal bdil fil-konfigurazzjoni tal-bankini

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien hemm talbiet għal bidliet fil-konfigurazzjoni tal-bankini fit-12-il distrett elettorali, li ġew approvati minn Transport Malta? Fejn jinsabu dawn it-talbiet li ġew approvati? Fejn jinsabu t-talbiet li ma ġewx approvati?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-permessi li nħarġu għal twessiegħ ta’ partijiet ta’ bankini fit-12-il distrett huma kif spjegat kif ġej: Locality Details Request App/Ref St Paul's Bay Build-Out As per site plan Refused Mellieħa Build-Out Triq Guze Flores for Pelican Crossing Approved St Paul's Bay Build-Out Triq il-Qawra c/w Triq Arznell for Pelican Crossing Approved Mellieħa Build-Out Triq Gorg Borg Olivier for Zebra Crossing Awaiting confirmation from Local Council re drawing St Paul's Bay Build-Out Triq it-Turisti c/w Triq il-Klamari Approved

Użu u management tan-nitrati fl-agrikultura

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta nbeda l-proġett iffinanzjat mill-Unjoni Ewropea biex il-bdiewa jkunu mħarrġa dwar l-użu u l-management tan-nitrati fl-agrikultrura? Fiex wasal dan l-istess proġett, kemm sewa, meta hu mistenni li jiġi fi tmiemu? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk fil-fatt hux maħsub li jkun hemm estensjoni ta' dan il-proġett,permezz ta' fondi oħra tal-Unjoni Ewropea jew ta' fondi li huma lokali? Kemm kien hemm persuni li ġew mħarrġa permezz ta' dan il-proġett? Jekk mhux se jkun hemm fondi oħra għal dan il-proġett kif se jiġi assigurat li l-bdiewa ikopru l-ispejjeż marbuta mal-fertiliser plans fl-għelieqi tagħhom?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni li għaddewli mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari jien infurmat illi l-progett in kwistjoni inbeda fl-2011 u ser jintemm fi ftit gimgħat oħra, sal-aħħar ta’ Gunju 2014. Permezz tal-progett, ‘l fuq minn 900 bidwi u raħħal kienu mħarrġa fuq il-pjan ta’ azzjoni dwar in-nitrati. Saru wkoll sezzjonijiet ta’ taħriġ individwali ma 519 ir-raħħal fuq l-irziezet tagħhom, kif ukoll kienu analizzati mal-2,900 kampjun tal-ħamrija sabiex setgħu jinħarġu fertiliser plans lill-bdiewa full-time u anke oħrajn part-time li jaħdmu ‘il fuq minn tlettax il-tomna raba’. Jien infurmat li l-bdiewa jistgħu jibbenefikaw minn sussidju ta’ 80% minn fondi Ewropej fit-tfassil tal-fertiliser plans jekk huma jirrikorru għand l-uffiċċju li hemm apposta fl-Għammieri sabiex jagħti servizz ta’ pariri fil-qasam tal-biedja u li hu rikonoxxut uffiċjalment għal dan il-għan.

National Nitrates Database

Question

Billi skont l-avviż legali 321/2011, kif emnendat bl-avviż legali 77/2013, fil-klawsola 18 tiegħu, d-Dipartment tal-Agrikultura kien mistenni li jipprepara u li jżomm 'National Nitrates Database', jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kif qed jintuża dan l-istess database?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni li għaddewli mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, id-database inkwistjoni tintuża preċiżament sabiex tgħin lid-Dipartiment tal-Agrikoltura jkun fil-proċess ta’ kontroll u moniteraġġ li jkun hemm bżonn propju sabiex ma jkunx hemm abbużi fl-użu tan-nitrati u dan dejjem biex ukoll nimxu skond id-direttivi tal-EU. Fost affarijiet oħra, per eżempju, mill-informazzjoni li hemm ġod-database id-Dipartiment ikun jista jiddeċiedi fejn l-aħjar li jsiru l-ispezzjonijiet ta’ kontroll li d-Dipartiment jagħmel lil hemm min dawk l-ispezzjonijiet li jsiru bħala riżultat ta’ xi lment.

Produzzjoni taż-żejt taż-żebbuġa

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma li se tiġi ntrodotta liċenzja, bi ħlas ta' €100, għal dawk li jipproduċu, jibbottiljaw, u jbiegħu ż-żejt taż-żebbuġa lokali? Jista' jikkonferma wkoll li l-licenzja trid tiġi mġedda kull sena, bi ħlas ugwali ta' €100, jew jekk le kemm se tkun l-miżata għal tali liċenzja? Billi skont fuljett maħruġ mid-Direttorat tal-Agrikultura, il-produzzjoni taż-żejt taż-żebbuġa trid tkun marbuta ma' post specifiku, jista' jagħti tagħrif dwar jekk hiex meħtieġa liċenzja għal kull għalqa li bidwi jkollu, u li fiha jkabbar iż-żebbuġ?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni li għaddewli mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, l-Avviż Legali 66 tal-2014, jgħid “Ebda persuna ma tista' tagħmel, tipproduċi jew timbottilja żejt taż-żebbuġa prodott lokalment jew impurtat, u lanqas ma tista' tbiegħ prodotti relatati maż-żejt taż-żebbuga, mingħajr liċenzja valida maħruga mid-Direttur tal-Agrikoltura.” Ngħarraf ukoll li l-ħlas ta’ mitt ewro huwa stipulat fi Skeda Numru 2. Skond l-istess Avviż il-liċenzja trid tiġi mġedda kull sena bi ħlas hekk kif stipulat. Ninsab infurmat ukoll li l-liċenzja hi meħtiega biss għall-binja fejn isir l-għasir, u mhux mal-għelieqi u dan sabiex tiġi aċċertata l-korrettezza u l-kwalita` tal-proċess tal-għasir, u li l-prodott li qed jiġi mpoġġi fis-suq jirrifletti dan l-istandard, kif ukoll l-oriġini tal-prodott.

Pitkalija – ingaġġ ta’ uffiċjali ġodda

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema uffiċjali b’karigi ġodda ġew ingaġġati fit-tmexxija tal-pikalija, matul l-aħħar sena? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk dawn l-uffiċjali, tqabbdux biex jimlew karigi ġodda, jew inkella biex jibdlu uffiċjali oħra li diġà kienu qed jagħmlu dan ix-xogħolli iżda ntbagħtu jagħmlu xogħol ieħor? Fil-każijiet fejn l-uffiċjali ġodda ssostitwew dawk li kienu hemm qabel, jista' jagħti tagħrif dwar fejn kienu jaħdmu dawk li ġew ġodda, u fejn intbagħtu jaħdmu dawk li kienu qed jagħmlu x-xogħol qabel? Fil-każ ta' pożizzjonijiet ġodda, jista' jagħti tagħrif dwar meta ħarġu s-sejħiet speċifiċi biex jimtlew il-karigi partikulari? Kemm applikaw nies, u kemm intgħażlu?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari li fil-Pitkalija, b’seħħ mis-17 ta’ Frar 2014, ġie ngaġġat Senior Manager (Administration) fuq bażi ta’ “persuna ta’ fiduċja”. Sadanittant il-kuntratt ta’ persuna li ilha ngaġġata fuq bażi “ta’ fiduċja”, bħala Maniger, sa mill-2010, ġie estiż sal-4 ta’ Ġunju 2014. Iż-żewġ persuni kkonċernati huma ġejjin minn barra s-Servizz Pubbliku. Id-dmirijiet ta’ Senior Manager (Administration) jesiġu responsabbiltà ogħla minn dik li kellha l-persuna fil-pożizzjoni ta’ Maniger.

Siġar u Pjanti – ċertifikati fitosanitarji

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm inħarġu ċertifikati fitosanitarji, skont il-kategoriji differenti għal dak li jikkonċerna pjanti/siġar li ġew Malta, minn swieq barranin matul l-aħħar 12-il xahar?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari li għal dak li jikkonċerna pjanti u siġar li jiddaħħlu Malta minn swieq barranin ma jinħarġilhom l-ebda ċertifikat fitosanitarju mid-Dipartiment ikkonċernat, iżda dawn il-prodotti kollha jiġu spezzjonati mad-dħul tagħhom ġewwa pajjiżna.

Prodotti agrikoli mibgħuta barra mis-swieq ta’ Malta

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni li nfurmaw lill-Ministeru li kienu se jibagħtu prodotti agrikoli fi swieq barra minn Malta, matul l-aħħar sena? X'kienu l-prodotti li ntbagħtu barra minn Malta? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk il-Ministeru jkunx involut b'xi mod, biex jiċċertifika l-kwalità ta' prodotti li jkunu se jintbagħtu barra minn Malta?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari li ma hemm l-ebda obbligu legali jew amminstrattiv li min irid jibgħat prodotti agrikoli barra minn Malta jrid qabel xejn jinforma lill-Ministeru tiegħi.

Kunsill Lokali ta' San Pawl il-Baħar — playing fields/public open spaces

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hemm playing fields/public open spaces fil-lokalità ta' San Pawl il-Baħar, li huma amministrati mill-kunsill lokali? F'kull każ fejn jinsabu dawn l-areas? Liema huma fi stat li jistgħu jintużaw, u liema le? Meta saret l-aħħar manutenzjoni ta' dawn l-area, minn min, u kemm ġew jiswew it-tiswijiet li saru? Liema huma l-public areas oħra, li kienu jintużaw m'għadhomx jintużaw, u x'inhi r-raġuni għal dan?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar għandu tliet playing fields/public open spaces fil-lokalità. Qed inpoġġi l-informazzjoni mitluba dwarhom fuq il-Mejda tal-Kamra. Intant infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar li fil-lokalità hemm sit ieħor ta’ dan it-tip li ma għadux jintuża. Dan huwa Ġnien Bertu u Tumas Gauci, ħdejn it-Thalassalejn Bocci Club, liema ġnien kien tneħħa u ma reġax sar.

Kunsill Lokali ta' San Pawl il-Baħar — proġett propost

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 9335 li oriġinarjament saret lill-Prim Ministru u li issa ġiet riferuta lilu u jagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm xi bidliet għal dak li jikkonċerna l-proġett propost mill-Kunsill Lokali ta' San Pawl il-Baħar, bejn Triq Parades u Triq San Pawl, San Pawl il-Baħar, biex jinbena ċentru ċiviku fil-post? Jekk hemm bidliet proposti, jista' jagħti tagħrif dwar x'kienu dawn il-bidliet proposti, min talabhom u meta saru?

Response (BONNICI, OWEN)

B’riferenza għall-mistoqsija parlamentari 9449, ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar għadu bil-pjan fuq l-istess proposti preċedenti. Intant, sakemm jinbena ċ-ċentru ċiviku li qed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant, il-Kunsill Lokali għandu l-ħsieb li juża s-sit bħala bandli u ser isir ix-xogħol meħtieġ għal dan.

Tindif ta' appartament minn perikli għas-saħħa

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 9338, 9337, 8891 u 8890, jista’ l-Ministru, permezz ta’ uffiċjali tiegħu, jieħu l-passi neċessarji biex jikkordina l-ħidma neċessarja, peress li ninsabu f’sitwazzjoni fejn donnu kulħadd qed jistenna wieħed lill-ieħor, iktar u iktar meta hu magħruf li sid il-post ilu msiefer numru ta’ snin u l-post ilu ma jinfetaħ ukoll għal perjodu twil ta’ żmien?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Il-Pulizija għada ma rċeviet l-ebda talba mingħand l-Awtoritajiet tas-Saħħa kif mitlub fil- provedimenti tal-Kap 465, l-Att dwar is Saħħa Pubblika. Għalkemm kif diġa elenkat fit- tweġibiet numru 8890 u 9338, din hija materja li tirrigwarda l-Awtoritajiet tas-Saħħa, il-Pulizija Distrettwali għamlu f’kuntatt mal-Awtoritajiet Distrettwali tas-Saħħa dwar dan il-każ. Malli tintalab, il-Pulizija tkun tista tgħin kif titlob il liġi.

San Pawl il-Baħar – Triq Għajn Rażul u Trejqet Toni Fenech

Question

Jista’ l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex fi Triq Għajn Rażul, u Trejqet Toni Fenech, San Pawl il-Baħar, jinżebgħu s-sinjali (boxes) li jindikaw l-ispazji li fihom jiġu pparkjati l-vetturi, biex ma tkompliex tinħoloq diffikultà għal dawk li joqogħdu f'dawn it-toroq, partikularment issa li ġejjin ix-xhur tas-sajf, biż-żieda kbira ta' residenti li jġibu magħhom?

Response (BONNICI, OWEN)

B’riferenza għall-mistoqsija parlamentari 9470, ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar diġa’ indika dawn is-sinjali adegwati fit-toroq imsemmija.

San Pawl il-Baħar – Triq Dawret in-Nawfraġju — xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta hu mistenni li jsir ix-xogħol ta' tiswijiet meħtieġa fi Triq Dawret in-Nawfraġju, San Pawl il-Baħar?

Response (BONNICI, OWEN)

B’riferenza għall-mistoqsija parlamentari 9471, il-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar huwa mistenni li ilesti ix-xogħlijiet mistennija fi żmien ħmistax, sal-bidu tal-Ġunju.

San Pawl il-Baħar – Triq is-Simar — xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk kienx hemm xi żviluppi partikulari rigward ix-xogħol li hu meħtieġ li jsir fi Triq is-Simar San Pawl il-Baħar?

Response (BONNICI, OWEN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.