Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 12 PQ #9893 Sitting 165 2014-06-18 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu

Awtorità ta' Malta għat-Turiżmu — proġetti fl-Imġarr u San Pawl il-Baħar

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema proġetti nfrastrutturali sar mill-Awtorità ta' Malta għat-Turiżmu, jew b'kollaborazzjoni tal-Awtorità ta' Malta għat-Turiżmu, fil-lokalitajiet tal-Imġarr u San Pawl il-Baħar, kull sena, mill-2011 sal-lum? Jista' jgħid x'nefqa kienet involuta f'dawn il-proġetti?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fis-sena 2011 saret nefqa ta’ madwar €1.4 miljuni fuq titjib tal-Promenade f’San Pawl il-Baħar. It-titjib sar fuq toroq u bankini ġodda, dawl u bankijiet, u gallarija tal-ħadid ta’ 80metru li tagħti għal fuq id-daħla tal-Għażżelin. Proġett ieħor li ġie inawgurat fl-2013 jikkonsisti fi żvilupp ta’ attrazzjoni turistika fil-ponta tal-Qawra li tinvolvi akkwarju għal-pubbliku, estensjoni tal-promenade, ħolqien ta’ pjazza u faċilitajiet oħrajn. Dan il-progett sar fuq bażi ta’ PPP fejn intefqu madwar €15-il miljun.

mezzi tat-trasport pubbliku — numru ta' passiġġieri

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien in-numru ta'passiġġieri li nġarru mill-mezzi tat-trasport pubbliku, kull sena matul is-snin 2007 sa 2014 (sa l-aħħar ta' Mejju) ? Kif inġabru ċ-ċifri li fil-fatt qed jingħata bħala numru ta' passiġġieri li nġarru b'tal-linja?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta’ passiġġieri li nġarru mill-mezzi tat-trasport pubbliku f’ Malta u Għawdex fil-perijodu bejn is-sena 2007 sas-sena 2013 kien is-sussegwenti: Sena Patrunaġġ 2007 32,556,336 2008 32,017,316 2009 30,641,582 2010 31,690,114 2011 32,784,907 2012 34,030,681 2013 39,438,822 In-numru ta’ passiġġiera li nġarru bejn Jannar 2014 u April 2014 huwa s-sussegwenti: Xahar Patrunaġġ Jannar 2014 2,914,148 Frar 2014 2,894,859 Marzu 2014 3,268,541 April 2014 3,575,810 Il-figura għal Mejju għadha mhix disponibbli. Bejn Jannar u April 2014 inġarru 12,653,358 passiġġier, żieda ta’ 933,008 passiġġier fuq l-istess perijodu tas-sena ta’ qabel. Iċ-ċifri ta’ passiġġiera li nġarru bejn l-2007 u Ġunju 2011 kienu bbażat fuq in-numru ta’ biljetti li nbiegħu fil-każ ta’ Malta, filwaqt li fil-każ t’ Għawdex ittieħdet stima tal-passiġġiera li kienu użaw is-servizz. Minn Awwissu tas-sena 2011 ‘l quddiem, l-Operatur tat-Trasport Pubbliku beda juża kalkolu ibbażat fuq in-numru ta’ passiġġiera hekk kif innotat mill-Passenger Counter Units li hemm fuq kull xarabank, kif ukoll l-ammont ta’ biljetti mibjugħa bħala bażi ta’ passiġġiera li jkunu qegħdin jużaw is-servizz. Minħabba diffikultajiet li kellu l-Operatur ta’ dak iż-żmien, jiġifieri Arriva Malta Ltd, dan ma kienx f’ pożizzjoni li jgħaddi l-informazzjoni ta’ kemm kienu nġarru passiġġiera fl-Lulju tas-sena 2011. Għaldaqstant, kienet ittieħdet stima ta’ kemm kienu nġarru passiġġiera għal dak ix-xahar.

uffiċjali tal-pulizija — irritornaw fis-servizz

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien, f'kull livell in-numru ta' uffiċjali tal-pulizija, li reġgħu daħħlu għax-xogħol wara li kienu spiċċaw mis-servizz qabel Marzu 2013? Għal kull livell kemm kien in-numru ta' uffiċjali li rritornaw fis-servizz? Kemm kien ilhom li spiċċaw mis-servizz dawk li rritornaw?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kien hemm 61 uffiċjal tal-pulizija li ġew re-instated wara li kienu spiċċaw mis-servizz qabel Marzu 2013. L-uffiċjali li ġew re-instated kienu hekk: Supretendent: 1 Spettur: 2 Surġent-Maġġur tat-Tieni Klassi: 2 Surġenti: 12 Kuntistabbli: 44 Għall-aħħar parti tad-domanda qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra t-tabella li turi kemm kien ilhom li spiċċaw mis-servizz dawk kollha li ġew re-instated.

Dħul fil-Korp tal-Pulizija — requirements

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk hux mistenni li jkun hemm bidla fir-requirements għad-dħul fil-Korp tal-Pulizija, kemm f'dawk li huma kwalifiċi akkademiċi kif ukoll f'dawk li huma ħtiġijiet oħra bħat-tul?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li mhux eskluż li jista' ikun hemm xi tibdil fil-kriterji għall-ingaġġ li jmiss biex jimtlew postijiet vakanti fil grad ta’ kuntistabbli ta' pulizija.

majjal — produzzjoni

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu mistenni li tkun il-produzzjoni tal-majjal lokali matul din is-sena, għal dak li jikkonċerna l-konsum lokali?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor Interpellant illi skont l-informazzjoni li għaddewli mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, il-produzzjoni tal-majjal lokali tiddependi minn kemm tkun id-domanda u s-sitwazzjoni tas-suq għal-laħam tal-majjal fil-pajjiżi l-oħra ta’ l-Unjoni Ewropea.

San Pawl il-Baħar – tranġar ta’ bus shelter

Question

Billi diversi ġimgħat ilu, minħabba inċident tat-traffiku tkisser bus shelter fi Triq San Pawl, San Pawl il-Baħar (qrib ir-roundabout tax-Xemxija), liema shelter kien ukoll il-kawża ta’ korriment ta’ almenu persuna waħda, jista' l-Ministru jgħid għaliex dan ix-shelter fi triq prinċipali baqa’ ma’ ġiex irranġat sal-lum?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat li nhar is-Sibt 17 ta’ Mejju 2014, Transport Malta innotifikat lill-entità privata li tipposjedi l-bus shelter li hemm istallat biswit il-bus stop Simar li dan kien tkisser kawża ta’ inċident tat-traffiku. Din l-entita’ kienet mitluba sabiex b’mod immedjat tieħu l-prekawzjonijiet kollha meħtieġa sabiex tassigura li kwalunkwe periklu li seta’ kien hemm jitneħħa. Din il-kumpanija għamlet dan xi ġranet wara li kienet innotifikata. Infurmat ukoll li dan il-bus shelter inqala fit-12 ta’ Ġunju 2014 (minbarra l-Advertising Panel) minn din l-istess kumpanija u dan sabiex isirulu t-tiswijiet meħtieġa.

Konsum ta’ ilma

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu stmat li jiġi kkonsmat ilma kuljum, f'Malta u f'Għawdex? Kif inhu stmat li jiġi kkonsmat dan l-ilma, skont il-kategoriji differenti ta’ konsumaturi (konsum domestiku, fabbriki, lukandi, agrikultura eċċ)?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Farms illegali – investigazzjoni

Question

Billi fil-gazzetti qed ikun hemm numru ta’ artikli li jitkellmu dwar farms illegali, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar x’investigazzjoni għamel il-Ministeru dwar dawn l-allegati farms illegali, u jekk saret din l-investigazzjoni, x’irriżulta? X’passi ħa l-Ministeru sa issa, jekk instabu tali farms illegali? Jista’ jgħid fejn jinsabu dawn l-istess farms?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi dak li jifhmu bih id-dipartimenti bħala irziezet ‘illegali’ għandu x’jaqsam mat-tip ta’ infrastruttura preżenti fuq ir-razzett, sabiex ikun jista` jiġi ġestit, skond l-obligi veterinarji (ta’ benesseri ta’ annimali u ndafa) kif ukoll dawk ambjentali (tan-nitrati), kif ukoll mal-prattiċi ta’ ġestjoni li jkunu qegħdin jiġu osservati mir-raħħal matul is-sena. Dan ifisser li d-Direttorat tal-Agrikoltura, kif ukoll it-taqsima veterinarja, jikkontrollaw dawn l-elementi matul is-sena fuq bażi kontinwa. Fl-2012 id-Direttorat wettaq survey komprensiv biex jevalwa x’infrastrutturi jeżistu għall-ġestjoni tad-demel, kif ukoll sabiex jindika lir-raħħala x’meħtieġ isir sabiex ikunu konformi bis-sħih. Dan ġie ikkumplimentat ukoll permezz ta’ taħrig fuq l-irziezet minn nies kwalifikati u dan fil-qafas tal-proġett ‘infonitrates’. Id-Direttorat tal-Agrikoltura bħala awtorita` kompetenti taħt il-liġi tan-nitrati jispezzjona u jieħu passi skond il-liġi fuq dawk l-irziezet li ma jkunux konformi, u dan isir fuq bażi ta’ kampjun ta’ riskju annwali kif ukoll meta jirċievi rapporti mill-pubbliku. Infurmat ukoll li sebgħin fil-mija tal-irziezet b’xi nuqqasijiet jinsabu Malta filwaqt li tletin fil-mija tal-irziezet jinsabu Għawdex.

Persuni reġistrati li jrabbu n-naħal

Question

Jista' l-Minstru jagħti tagħrif dwar kemm hemm persuni li huma reġistrati li jrabbu n-naħal, kemm f'Malta kif ukoll f'Għawdex? Kemm hi stmata li hi l-produzzjoni tal-għasel minn dawn il-persuni? Jista' jagħti tagħrif dwar kemm hu stmat li hu l-konsum tal-għasel?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, li mad-Direttorat tal-Agrikoltura hemm 232 beekeepers reġistrati bejn Malta u Għawdex, li bejniethom għandhom 3342 kolonja tan-naħal. Huwa stmat li kull kolonja tipproduċi 13-il Kg għasel fis-sena li allura jammontaw għal madwar 43,446 Kg għasel f’Malta u Għawdex. Id-direttorat m’għandux informazzjoni dwar il-konsum tal-għasel lokali.

Kunsilli lokali tal-Mellieħa, Naxxar, San Pawl il-Baħar — applikazzjonijiet pendenti quddiem il-MEPA għal xogħlijiet

Question

B'refernenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 9645, jista' l-Ministru jagħti l-informazzjoni li baqgħet ma ngħatax bħala parti mir-risposta għall-istess mistoqsija parlamentari?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Niskuża ruħi mal-Onor. Interpellant jekk l-informazzjoni meħtieġa oriġinarjament ma koprietx dak kollu mitlub. ( Ara dokument numru PL. 3017 li tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra nhar it-Tnejn 23 ta’ Ġunju 2014 fis-seduta 166)

Kunsilli lokali tal-Mellieħa, Naxxar, San Pawl il-Baħar — applikazzjonijiet pendenti quddiem il-MEPA għal xogħlijiet

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 9645 jista' l-Minstru jagħti tagħrif dwar jekk minbarra l-permessi li hemm referenza għalihom kienx hemm permessi oħra għal xogħol fil-lokalitajiet imsemmija, kemm fil-perijodu imsemmi kif ukoll matul it-12-il xahar preċedenti, kemm għal dawk li huma approvati kif ukoll għal dawk il-każijiet li għadhom pendenti?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. ( Ara dokument numru PL. 3018 li tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra nhar it-Tnejn 23 ta’ Ġunju 2014 fis-seduta 166)

Mellieħa, Mġarr u San Pawl il-Baħar — talbiet ta' siġar

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema talbiet kellu l-Ministeru, matul din is-sena biex jitqaċċtu jew jiġu rilokati siġar mil-lokalitajiet tal- Mellieħa, Mġarr u San Pawl il-Baħar? Kemm minn dawn it-talbiet saru mill-kunsilli lokali rispettivi u dawk li ġew approvati li jitneħħew fejn kienu?

Response (BRINCAT, LEO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 9595 u nfakkar li l-Ministeru tiegħi mhux l-awtorità kompetenti li tagħti permess biex jitqaċċtu jew jiġu rilokati siġar, ħlief fil-każ tal-palm li jaqgħu taħt ir-responsabilità tad-Direttorat tas-Saħħa tal-Pjanti u dan minħabba każijiet ta’ mard. Skont kif infurmat, mill-ewwel ta' Jannar sa' l-aħħar ta' Mejju ta’ din is-sena, b'kollox kien hemm 52 siġra tal-palm li ġew maqlugħa, tnejn minnhom fiż-żona ta’ Binġemma, wara talba waħda mill-Kunsill Lokali tal-Imġarr. Ma kien hemm l-ebda talba oħra għalkemm 12-il palma oħra inqalgħu mill-Mellieha u 38 inqalgħu minn San Pawl il-Baħar.

Bini ta' Ġibjuni — talbiet għall-għajnuniet

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien hemm talbiet għall-għajnuniet biex jinbnew ġibjuni matul l-aħħar ħmistax-il xahar? Kemm minn dawn it-talbiet ġew approvati?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari li fl-aħħar ħmistax il-xahar ma kienx hemm talbiet għall-għajnuniet biex jinbnew ġibjuni.

Mellieħa u San Pawl il-Baħar — xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema xogħlijiet twettqu mill-ħaddiema tal-Ministeru matul l-aħħar ħmistax-il xahar fil-lokalitajiet tal-Mellieħa u San Pawl il-Baħar? X' xogħlijiet oħra qed iwettqu bħalissa u jew diġà hemm ftehim li jwettqu matul ix-xhur li ġejjin?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ix-xogħlijiet li twettqu mill-ħaddiema tal-Ministeru tiegħi matul l-aħħar ħmistax-il xahar fil-lokalitajiet tal-Mellieħa u San Pawl il-Baħar hu kif ġej: Lokalita Xogħlijiet Mellieħa, Qawra u San Pawl Patching Pavimentar u bankini Livellar u konkos ta' modijiet Manutenzjoni fil-Bajja tal-Mellieħa li jinkludi xogħol ta' żebgħa u tikħil. Culverts Ħitan Tindif Titjib taż- żona tal-parkeġġ tal-Qawra. Salini Xogħol ta' pavimentar , livellar ta' toroq u tisbieħ tal-ħitan tas-Salini Selmun Family Park Tisbieħ u tiswijiet tal-Belvedere ta' Selmun Xogħlijiet oħra li qed iwettqu bħalissa u diġa' hemm ftehim li jitwettqu matul ix-xhur li ġejjin huma xogħolijiet ta' żebgħa u manutenzjoni fiż-żoni turistiċi. Lista dettaljata tax-xogħlijiet kollha msemmija hawn fuq qed titpoġġa fuq il-mejda tal-kamra.

Kunsilli Lokali – live streaming tal-laqgħat

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma l-kunsilli lokali li s’issa għadhom ma bdewx iħaddmu s-sistema tal-live streaming tal-laqgħat tal-kunsill? Liema huma l-kunsilli lokali li għalkemm għandhom live streaming qegħdin ukoll jirrekordjaw il-laqgħat tagħhom? Għal kemm żmien qed jinżammu r-recordings, u kif jista' individwu jingħata kopja ta' recording li jkun inżamm, bħalma wieħed jista' jisma r-recordings tas-seduti tal-Parlament?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill- Onor. Interpellant mli qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Kunsilli Lokali — Transcripts

Question

Jista' l-Ministru jikkunsidra li l-kunsilli lokali jibda jkollhom transcripts tal-laqgħat tal-istess kunsilli, bħalma jiġri fil-Parlament, biex min ikun irid iżomm ruħu nfurmat b'dak li jkun għaddej, ikun jista' jagħmel dan?

Response (BONNICI, OWEN)

Bi pjaċir ninforma lill-Onor. Interpellant li s-Segretarjat Parlamentari qed iħejji provedimenti biex il-Kunsilli Lokali jibda jkollhom transcripts tal-laqgħat tagħhom, tant li dalwaqt se jingħataw struzzjonijiet biex il-Kunsillieri jkollhom kopja stampata għad-dispożizzjoni tagħom waqt il-laqgħa.

Bdiewa — esportazzjoni ta' prodotti

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien hemm bdiewa li din is-sena bagħtu prodotti agrikoli barra minn Malta? Liema kienu l-prodotti li ġew hekk esportati? Lejn liema swieq ġew mibgħuta (pajjiż pajjiż) il-prodotti li tneħħew mis-suq lokali?

Response (BRINCAT, LEO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 9480

Importazzjoni ta' ħut mhux minn pajjiżi tal-Unjoni Ewropea

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien hemm persuni li impurtaw ħut li kien ġej minn pajjiżi mhux tal-Unjoni Ewropea? Minn liema pajjiżi kien il-ħut li daħal fis-suq Malti u li ma kienux ġejjin minn pajjiżi tal-Unjoni Ewropea? X'tip ta' ħut ġie impurtat, u f'liema swieq twassal wara li għadda minn Malta?

Response (BRINCAT, LEO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jispeċifika għal-liema perjodu qed jirreferi għalih, u jekk il-Mistoqsija tirrigwardax ħut frisk jew xort’oħra.

Użu ta' Slurry fl-Għelieqi Maltin

Question

Jista' l-Onr Ministru jagħti tagħrif dwar kif u meta hu permissibli li jintuża l-islurry fl-għelieqi Maltin? X'inhi l-proċedura li tista' tintuża biex jingħataw permessi għal dan l-iskop? Min hu responsabbli minn ħruġ ta' tali permessi?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba tingħata meta jiġu konklużi d-diskussjonijiet bejn l-awtoritajiet u l-istakeholders ewlenin.

Persuni li jaħdmu f'setturi marbuta mal-agrikoltura

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hemm persuni kwalifikati (kemm mill-MCAST, kif ukoll mill-Università) li jaħdmu fid-diversi setturi li huma marbuta mal-agrikultura, u dan mad-dipartimenti u l-entitajiet l-oħra li jaqgħu taħt il-Ministeru? F'liema setturi huma speċjalizzati dawn il-persuni, skont is-settur li jaħdmu fih?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skont tagħrif miġbur mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, in-numru ta’ persuni kwalifikati (kemm mill-MCAST, kif ukoll mill-Università) li jaħdmu fid-diversi setturi marbuta mal-agrikoltura huma ta’ 93. Dawn il-persuni huma ikkwalifikati f’diversi oqsma, fosthom fl-Agro-Eco System Management, fil-Veterinary Medicine, fl-Animal Husbandary, fl-Animal Management u oħrajn. Dawn il-persuni qegħdin jaħdmu f’setturi varji fil-Ministeru skont l-esiġenzi u l-ħtiġijiet.