Jista’ l-Ministru jinvestiga r-raġuni li minkejja li l-perusna ta’ età inqas minn 25 sena tkun imniżżla fid-dokumenti tal-insurance flimkien ma’ persuni ta’ età ikbar (ħafna drabi wieħed mill-ġenituri), meta l-istess persuna tagħlaq il-25 sena u tikteb l-insurance fuq isimha biss, il-ħlas ikun irid sħiħ mingħajr l-ebda no claim bonus ukoll jekk il-persuna kkonċernata ma kinetx imdaħla fi claims ta’ insurance?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li meta t-tfal jiġu nklużi taħt il-polza tal-ġenituri/gwardjani tagħhom, kif jiġri ħafna drabi għal dawk bejn it-18 u l-25 sena, dawn ikunu qed igawdu minn Non-Claims Discount (NCD) li l-ġenituri/gwardjani tagħhom ikunu ggwadanjaw matul is-snin. Dan l-NCD huwa b’hekk propjetà tal-persuna li ggwadanjatu.
Individwi minn 18-il sena ‘l fuq li jkunu jridu li l-polza tal-assikurazzjoni tkun f’isimhom, iridu jiggwadanjaw l-NCD tagħhom huma stess (bħal ma jkunu għamlu l-ġenituri tagħhom qabilhom). L-NCD ma jistax jiġi trasferit fuq isimhom mingħand ħaddieħor (inkluż ġenituri tagħhom).
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kif se jiġi assigurat li jkun hemm pulizija preżenti f’kull ħin fl-għassa ta’ San Pawl il-Baħar b’mod partikolari matul ix-xhur tas-sajf?
Response (MALLIA, EMANUEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Għassa ta' San Pawl qed topera 24 siegħa kuljum u qed tiġi msaħħa bir-rondi tar-Rapid Intervention Unit
San Pawl il-Baħar — ħaddiema assenjati fil-lokalità
Question
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm ħaddiema li jaqgħu taħt il-Ministeru ġew assenjati biex jagħmlu x-xogħol fil-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar? X’tip ta’ xogħol hu mistenni li jkun qed iwettqu dawn il-ħaddiema?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li skont informazzjoni mgħoddija lili, f’San Pawl il-Baħar ġew assenjati total ta’ 10 ħaddiema, li jistgħu jiżdiedu għal aktar meta u fejn ikun meħtieġ. Seba’ minn dawn il-ħaddiema jagħmlu xogħol fuq barra filwaqt li l-kumplament jagħmlu xogħol fil-Workshop li jinkludi manutenzjoni regolari fuq il-fanali, bankijiet u railings li hemm f’din il-lokalità. Min-naħa l-oħra, il-ħaddiema li jagħmlu x-xogħol fuq barra, apparti ix-xogħol regolari ta’ manutenzjoni ta’ bankini skont it-talba tal-Kunsill Lokali, bħalissa għaddejjin b’diversi xogħlijiet oħra, li jinkludu ;
§ Manutenzjoni tar-
Railing
, f’Tax-Xemgħa Lane
§ Manutenzjoni tal-Bankijiet u Railing, f’Wignacourt Area
§ Tiswijiet tal- Ħajt ta’ mal-Baħar u bini ta’ taraġ tal-ġebel ġdid, f’ Triq il-Luzzu
Huwa ppjanat li kif jitlesta x-xogħol li jinsab għaddej bħalissa, jinbeda x-xogħol ta’ żebgħa u manutenzjoni tar- railing, fanali u bankijiet fl-aħħar area li għad baqa’ issir, li hija dik bejn Ta’ Fra Ben u l- Ex SunCrest Hotel. Se jinħoloq ukoll taraġ biex jgħaqqad id-diżlivell li hemm bejn it-triq ta’ quddiem iċ- Ċinema u Triq il-Pijunieri.
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kif inhu mistenni li jiġi mgħejjun is-settur turistiku, matul dan is-sajf, għal dak li jikkonċerna t-turiżmu f’San Pawl il-Baħar? Jista’ jassigura li jkun hemm inizjattivi partikolari għal dawn in-naħat?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Il-Ministeru huwa mpenjat li jibqa’ għaddej b’momentum qawwi fil-qasam tat-turiżmu u tittejjeb il-kwalitá. Iż-żieda fin-numru ta’ turisti li żaru l-Gżejjer Maltin hija sfida kbira u ta’ pressjoni fuq l-infrastruttura tagħna. Għaldaqstant, il-Gvern stabbilixxa Żoni Turistiċi li fihom huwa inkluż San Pawl il-Bahar, sabiex jitjieb il-prodott permezz ta’ interventi ta’ tisbieħ, proġetti nnovattivi, żvilupp infrastrutturali, maniġġjar ta’ bajjiet u tindif. Nassigura li bħala waħda mil-lokalitajiet ewlenin ta’ akkomodazzjoni u divertiment turistiku, San Pawl il-Bahar ser jingħata l-importanza neċessarja anke fir-rigward ta’ standards ambjentali u ta’ sigurtà. Dan kollu se jgħin itejjeb l-esperjenza ta’ viżitaturi għal dawn iż-żoni popolari bħalma hija San Pawl il-Baħar, kif ukoll isostni u jiffaċilita l-pressjonijiet esperjenzati mill-Kunsill Lokali rispettiv. Attivitajiet kulturali u ta’ divertiment f’San Pawl il-Bahar, bħall-Karnival tas-Sajf li ġie mtellgħa f’Awwissu s-sena l-oħra u l-Festival tal-Logħob tan-Nar f’April 2014, juru impenn mill-Gvern sabiex nattiraw iktar turisti lejn xtutna.
Jista' l-Ministru jgħid jekk kienx hemm updates dwar l-integration policy ta' immigranti f'Malta? Hemm xi pjanijiet mill-Gvern biex jimplimenta xi tip ta' integration programmes u jekk iva hemmx possibiltà li jkunu mogħtija aktar dettalji?
Response (MALLIA, EMANUEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi id-domanda tiegħu lill-Ministeru konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid x'tip ta’ għajnuniet jagħti l-Gvern sabiex ikunu jistgħu jsiru xi tip ta’ inizjattivi/proġetti fil-komunitajiet biex jissaħħaħ il-valur tal-integrazzjoni?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex ikun aktar speċifiku
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 9779, jista' l-Ministru jagħti informazzjoni dwar fejn qegħdin it-3,342 kolonja tan-naħal li hemm referenza għalihom fir-risposta? Jista' jgħid jekk fl-inħawi ta' dawn il-kolonji, hemmx xi miżuri partikulari ta' protezzjoni kontra l-użu ta' pestiċidi?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont l-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari l-użu ta’ pestiċidi fl-inħawi ta’ fejn hemm il-kolonji li qed issir referenza għalihom fit-Tabella mpoġġija fuq il-Mejda tal-Kamra m’ hemm l-ebda regolament speċifiku minħabba n-naħal.
Billi matul it-triq tal-Kosta qed jinġabru munzelli kbar ta' ħamrija, u f'xi każijiet intradam ukoll bini b'din il-ħamrija, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kif qed tinġabar din l-istess ħamrija, u x'użu mistenni li jsir minnha? Jista' jassigura li l-ebda ħamrija mhi ser tintilef?
Response (MIZZI, JOE)
Ninsab infurmat li l-ħamrija qed tinġabar mix-xogħlijiet ta’ skavar li qegħdin isiru fi Triq il-Kosta. Din il-ħamrija mhix se tintrema’, u bħalissa qegħda tiġi maħżuna temporanjament sakemm tkun tista’ tiġi wżata kollha skont l-istruzzjonijiet li jingħataw mill-awtorità responsabbli.
Billi fil-media lokali qed jiġi irrappurtat li l-pjanti għat-Triq il-Kosta qed jerġgħu jinbidlu, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'bidliet seħħew reċentement, u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-pjanti li qed jintużaw waqt ix-xogħol?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-pjanti ta’ parti minn Triq il-Kosta qed jiġu riveduti sabiex ikun minimizzat kemm jista' jkun l-impatt fuq l-ambjent, biex iktar jiġu ppreservati u mħarsa numru ta’ siġar maturi u biex ikun imnaqqas it-telf ta' art agrikola u marshland. Il-Bord tal-MEPA għadu kemm approva permess biex tiġi mibdula proposta ta’ roundabout f’waħda ta’ T-Junction, fl-inħawi ta’ Qalet Marku. Ladarba l-pjanti approvati jkunu ppublikati, dawn se jkunu disponibbli u jkunu jistgħu jitpoġġew fuq il-mejda tal-Kamra. Barra minn hekk, xi pjanti oħra qed jiġu analizzati mill-MEPA, u dawn se jkunu disponibbli malli jiġu approvati.
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar x’investiment sar mill-Gvern matul l-aħħar 18-il xahar għal dak li jikkonċerna l-hard standing facility li hemm Marsaxlokk għall-użu tas-sajjieda? Liema kienu x-xogħlijiet li saru f’dan il-post b’riżultat ta’ dan l-investiment? Jista' jagħti tagħrif dwar x’taħdidiet saru mal-koperattivi tas-sajjieda dwar dan il-post u x’suġġerimenti saru dwar l-iżvilupp ta’ dan il-post, kif ukoll l-amministrazjoni tal-istess faċilità?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont it-tagħrif miġbur mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari dan il-Ministeru sab sitwazzjoni diżastruża li tħalliet mill-Amministrazzjoni preċedenti fil-Hard Standing Facility li hemm Marsaxlokk. Minbarra dejn kbir li kellha din il-faċilita`, kien hemm ukoll nuqqasijiet serji fit-tmexxija tal-faċilità kif ukoll nuqqasijiet evidenti fl-oqsma tas-saħħa u sigurta`. Sabiex jindirizza dawn in-nuqqasijiet, id-Dipartiment tas-Sajd u Akkwakultura kiseb fondi addizzjonali mill-Ministeru tal-Finanzi biex isiru xogħolijiet fil-faċilita` u biex jissaħħu ċerti servizzi. Fil-fatt, fil-ġimgħat li ġejjin ser jinħarġu numru ta’ tenders u sejħiet għal offerti biex mill-aktar fis possibbli jkunu ndirizzati numru minn dawn il-problemi.
Nikkonferma li saru taħdidiet mal-Koperattivi tas-Sajd dwar din il-facilita`. L-Onor. Interpellant jifhem li l-Gvern huwa marbut b’regoli dwar kif jixtri servizzi anke dawk li jirrigwardaw faċilita` bħal din. Il-Gvern, permezz tal-
Privatisation Unit,
qed jikkunsidra li tinħareġ
Expression of Interest
dwar l-operat tal-faċilita`.
Kunsilli lokali tal-Mellieħa, Naxxar, San Pawl il-Baħar — applikazzjonijiet pendenti quddiem il-MEPA għal xogħlijiet
Question
B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 9784 u b'mod partikolari għal dak li jikkonċerna l-informazzjoni dwar il-permess li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, jista' l-Prim Ministru jagħti d-dettalji dwar meta saret l-istess applikazzjoni u meta ġiet approvata billi skont l-informazzjoni fuq il-website tal-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar jidher li l-istess applikazzjoni għadha mhix approvata?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li f’din is-seduta qed issir korrezjoni għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 9784.
Kunsilli lokali tal-Mellieħa, Naxxar, San Pawl il-Baħar — applikazzjonijiet pendenti quddiem il-MEPA għal xogħlijiet
Question
B'referenza għar-risposti għall-mistoqsijiet parlamentari 9783 u 9784, jista’ l-Prim Ministru jinvestiga jekk kienx hemm applikazzjonjiet oħra li għadhom pendenti jew li ġew approvati u dan b'mod partikulari għall-użu ta’ gyms, kemm dawk interni kif ukoll dawk esterni?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li f’din is-seduta qed issir korrezjoni għat-tweġibiet għall-mistoqsijiet parlamentari 9783 u 9784.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm ingħataw fondi lis-sajjieda matul l-aħħar 12-il xahar, xahar b'xahar? Għall-istess perijodu xahar b'xahar, jista’ jagħti informazzjoni dwar kemm infetħu skemi ġodda ta' għajnuna lis-sajjieda u kemm ingħataw fondi taħt l-istess skemi?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skont l-informazzjoni li għaddewli mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella bl-informazzjoni mitluba, filwaqt li nirreferi għat-tweġiba li kont tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 941.
Jista' l-Ministru jagħti informazzjoni dwar kemm ġew allokati fondi mill-Unjoni Ewropea, speċifikament għas-sajjieda mill-fond il-ġdid tas-sajjieda l-EMFF (European Marine Fisheries Fund)? Kemm minn dawn il-fondi japplikaw għas-sajjieda sabiex huma jkunu jistgħu jtejbu l-operat tagħhom fuq il-baħar?
Response (BRINCAT, LEO)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għall-Avviż għall-Istampa maħruġ mid-Dipartiment tal-Informazzjoni fid-19 ta’ Ġunju fl-okkażżjoni taż-żjara li saret fil-pixkerija l-ġdida mill-Onor. Segretarji Parlamentari Roderick Galdes u Ian Borg. F’dan l-Avviż għall-Istampa ntqal ċar li l-allokazzjoni għall-Malta fil-fond marittimu u tas-sajd għas-snin 2014 sal- 2020 hija ta’ madwar €22 miljun. Huwa l-ħsieb tal-Gvern li aktar minn nofs dan l-ammont ikun iddedikat għall-iżvilupp sostennibli tas-sajd, tal-akkwakultura u żoni tas-sajd, u għall-marketing u miżuri relatati mal-iproċessar. Madanakollu l-programm operattiv għal dawn il-fondi għad irid ikun maqbul mal-Kummissjoni Ewropea. F’dan ir-rigward aktar tagħrif jista’ jingħata mill-Ministeru ikkonċernat.
Jista' l-Ministru jagħti informazzjoni dwar jekk hux qed isir travel li hu kkumissjonat mill-MSDEC? Jekk iva meta sar u min attenda għal dawn il-laqgħat?
Response (BRINCAT, LEO)
Nitlob lill-Onor. Interpellant ikun aktar speċifiku fil-mistoqsija tiegħu.
Jista' l-Ministru jagħti informazzjoni dwar kemm hawn barranin jgħixu hawn Malta, lokalità b'lokalità, u għall kull lokalità, minn liema pajjiż huma dawn il-barranin inkluż l-ammont għal kull pajjiż f'dik il-lokalità?
Response (MALLIA, EMANUEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-rispota għada qed tinġabar u se tingħata f’seduta oħra.
Transport Malta – bidla fid-direzzjoni tat-traffiku f’San Pawl il-Baħar
Question
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 9756, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'kienu t-talbiet li saru mill-kunsill lokali u liema approvazzjoni ma ġietx implimentata billi d-direzzjoni tat-traffiku fit-toroq imsemmija inbidel matul l-aħħar xahar?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li jien infurmat li, minn riċerka li saret fl-arkivji tal-Awtorita tat-Trasport, irriżulta li l-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar qabel li d-direzzjoni tat-traffiku fi Triq San Ġeraldu tinqaleb bil-kontra fit-25 ta’ Settembru 2013. Din it-talba ġiet milqugħa fit-27 ta’ Settembru 2013. Din l-approvazzjoni għadha ma ġietx implimentata mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar. Ukoll Triq it-Torri hija two-way fuq il-post imma din it-triq kienet ġiet approvata bħala one-way parti mill-progett ta’ tisbieħ fl-inħawi.
B'referenza għar-risposti ta' mistoqsijiet parlamentari 7273 u 7510, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'kienu r-raġunijiet li għalihom il-bozza msemmija damet iktar minn tmien xhur biex ġiet approvata? Billi jirriżulta li din l-applikazzjoni ġiet approvata mill-Korporazzjoni Enemalta fl-20 ta' Jannar 2014, jista' jinvestiga għala din l-bozza għadha sal-gurnata tal-lum mhux qed tixgħel? Xi żviluppi kien hemm bejn l-20 ta' Jannar 2014 u llum, dwar l-istess bozza?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-bozza ġdida fi Triq il-Milord, limiti ta’ San Pawl il-Baħar ingħatatilha l-provvista’ tal-elettriku u nxtegħlet.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk persuni li qed imorru l-uffiċċju tal-agrikultura, fil-pitkalija, biex jiċċekkjaw dwar sussidji, jew biex jaraw dwar xi diffikultajiet oħra li qed jiltaqgħu magħhom, hux meħtieġ mingħandhom li jippreżentaw il-Karta tal-Identità, fl-uffiċċju nnifsu, mas-security li hemm fil-bieb, ukoll jekk ikunu diġa għaddew mill-gate prinċipali? X' inhi r-raġuni għall-ġbir ta' din l-informazzjoni, biex bniedem ikun jista' jinqeda?
Response (BRINCAT, LEO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-Pitkalija joperaw żewġ entitajiet differenti - l-Uffiċċju Amministrattiv tal-Pitkalija, kif ukoll Uffiċċju tal-Aġenzija tal-Pagamenti fejn il-bdiewa japplikaw għas-sussidji fuq l-art li tinħadem.
Mal-bieb tal-Uffiċċju tal-Agenzija Tal-Pagamenti hemm preżenti uffiċjal tas-sigurta` li jitlob il-Karta tal-Identita` u d-dettalji mill-klijenti – l-isem, l-indirizz u nota fuq l-informazzjoni li tkun qed tintalab - sabiex dawk il-persuni li jieħdu servizz mill-Aġenzija tal-Pagamenti jiġu rregistrati fis-sit elettroniku
servizz.gov
.
Dan qed isir biex jinżamm rendikont tal-informazzjoni kollha li tinħareġ lill-pubbliku.
Il-Karta tal-Identita` tista’ tintalab lill-klijenti meta jkunu quddiem l-uffiċjal amministrattiv, minħabba obbligi taħt l-Att tal-Protezzjoni tal-Informazzjoni (2001). Dan sabiex jiġu evitati każijiet fejn tingħata informazzjoni lil terzi persuni mhux awtorizzati, bħal f’ċirkustanzi fejn per eżempju l-art involuta tkun qed tinħadem minn xi ħadd li mhux is-sid u li għalkemm ikollu l-awtorita` biex jagħmel dan, il-Karta tal-Identita` tkun bżonjuża biex isiru l-verifiki necessarji.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'tip ta' kontrolli qed isiru fil-gate tal-pitkalija, kemm waqt li n-nies ikunu deħlin, kif ukoll waqt li jkunu ħerġin? Jista' jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' bejjiegħa li huma awtoriżżati li jidħlu fil-pitkalija, u x'tip ta' kontroll isir fuq il-bdiewa li jkunu deħlin fl-istess pitkalija?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li jiena infurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari li l-proċedura ta’ kontrolli hija li kull min jidħol fil-Pitkalija jrid jgħaddi minn ħdejn is-security li hemm max-xatba fejn jiġi kkonfermat illi x-xerrejja għandhom permess validu, waqt li l-bdiewa għandhom il-biegħa u li għandhom numru tal- FRC (Farmers Registration Card). Is-Security jieħdu ħsieb ukoll illi x-xerrejja (li hemm 700 irreġistrati attivi) ma jidħlux jew joħorġu mill-Pitkalija qabel il-ħin li suppost. Intant il-pubbliku ngenerali jistgħu jidħlu nhar ta’ Tnejn u nhar ta’ Ħamis minn nofsinhar il-quddiem.