Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 12 PQ #10178 Sitting 172 2014-07-07 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għall-Enerġija u s-Saħħa

San Pawl il-Baħar — pressa baxxa ta' ilma

Question

Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex diversi nħawi ta' San Pawl il-Baħar, inkluż Buġibba u l-Qawra ma jibqgħux ibatu minn pressa baxxa tal-ilma għaliex qed jaslu rapporti ta' diversi nħawi b'din il-problema? B'mod partikolari, jista' jagħti d-dettalji ta' x'passi qed tieħu l-Korporazzjoni għas-servizzi tal-ilma biex din il-problema ma tibqax tippersisti?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi hekk kif il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma kienet infurmata bil-problema, minnufih bdiet bl-investigazzjonijiet tagħha u l-problema issa ġiet eliminata.

kunsilli lokali 7 u 12- il distrett — Ħaddiema

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm huma n-numru ta' ħaddiema li hemm mal-kunsilli lokali tas-7 u 12-il distrett elettorali? Minbarra l-ħaddiema li huma direttament impjegati mal-kunsilli lokali rispettivi, wieħed wieħed, jista' jagħti wkoll tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' ħaddiema li għalkemm jaħdmu fil-lokalitajiet imsemmija, lokalità lokalità, qed jitħallsu minn dipartimenti oħra tal-gvern u mhux mill-kunsilli lokali? Kemm ilhom jaħdmu ma' dawn il-kunsilli l-ħaddiema li ġejjin minn dipartimenti oħra, u minn liema dipartimenti oħra ġejjjin?

Response (BONNICI, OWEN)

Infurmat li l-informazzjoni mitluba qed tinġabar mingħand il-Kunsilli Lokali permezz ta’ ċirkolari elettronika maħruġa mid-Dipartiment għall-Gvern Lokali u għaldaqstant tweġiba bl-informazzjoni miġbura tingħata f’xi seduta oħra.

bidliet pjanati fil-pitkalija — kuntatti mal-bdiewa

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'kuntatti ġodda saru mar-rappreżentanti differenti tal-bdiewa dwar il-bidliet li suppost hemm ippjanati fil-pitkalija? Meta saru dawn l-aħħar kuntatti u x'pożizzjoni komuni ntlaħaq ftehim dwarha sa issa?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni li għaddewli mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, il-bidliet li huma meħtieġa fuq kif taħdem il-pitkalija ilhom jinħassu għal bosta snin. Fil-fatt iżda ftit li xejn sar biex is-sistema fil-pitkalija u l-problemi li hemm jiġu indirizzati. Bħalissa għaddej proġett pilota f’koperazzjoni mal-Koperattiva Ċentrali tal-Bdiewa (FCCS) u jiddependi ħafna minn dan l-andament tal-proġett pilota x’bidliet u pjanijiet huma meħtieġa għat-tmexxija futura tal-pitkalija.

settur agrikolu — producers organisations

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'pożizzjoni qed jieħu l-Gvern preżenti għal dak li jikkonċerna l-organizzazzjoni tal-producers organisations fis-settur agrikolu? Ma min saru, jekk saru taħdidiet dwar dawn il-policies tal P.O's?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skont l-informazzjoni li għaddewli mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, il-pożizzjoni li qed jieħu l-Gvern permezz tad-Direttorat tal-Agrikoltura hija regolata mill-provviżjonijiet tal-liġi, Avviżi Legali 210 ta’ 2011, 63 ta’ 2004, 148 ta’ 2008 u 237 ta’ 2007 flimkien mar-Regolamenti Ewropej 1308 ta’ 2013 u 543 ta’ 2011.

bajja tax-Xemxija — ħarsien tas-siġar

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'kontroll qed jagħmel il-Ministeru għal dak li jikkkonċerna l-ħarsien tas-siġar (ħafna minnhom taż-żebbuġ), li hemm matul il-bajja tax-Xemxija?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni li għaddewli mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, id-Direttorat għas-Saħħa tal-Pjanti jagħmel sorveljanza fl-inħawi fejn jitkabbru s-siġar taż-żebbuġ, u dan mhux biss limitat għall-bajja tax-Xemxija. Għaldaqstant, jekk jiġu nnutati xi sintomi li huma viżibbli fuq siġar taż-żebbuġ, jittieħdu l-kampjuni għal-aktar testijiet neċessarji.
Leg 12 PQ #10149 Sitting 171 2014-07-02 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu

Xemxija — proġett

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'inhi l-pożizzjoni tal-Ministeru, jew ta' l-Awtorità tat-Turiżmu, għal dak li jikkonċerna żvilupp ta' bajja bir-ramel, jew xorta oħra, fl-inħawi tax-Xemxija? X'konsultazzjoni saret sa issa dwar dan il-proġett, u ma' min?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità Maltija tat-Turiżmu qegħda fil-fażi finali ta’ numru ta’ studji illi kienu rikjesti sabiex jiġi iċċertifikat illi din il-bajja tista’ ssir kif ukoll sabiex jinġiebu l-permessi neċessarji mill-awtoritajiet kompetenti. Saru numru ta’ laqgħat bħala parti mill-proċess illi kienu jinkludu laqgħat mal-MEPA, Transport Malta, Water Services Corporation, il-kunsill lokali ta’ San Pawl il-Baħar, l-MHRA u rappreżentanti ta’ Birdlife Malta. Apparti dan, bħala parti mill-‘Human Populations Baseline Study’ saru wkoll xi intervisti man-nies li jabitaw fiż-żona ikkonċernata. Aktar konsultazzjoni hija ippjanata fix-xhur li ġejjin hekk kif l-istudji ikunu qed jiġu iffinalizzati u aktar dettal dwar il-bajja ikun aċċessibli.

Salina u San Pawl il-Baħar — Xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk ix-xogħol relatat mal-inħawi tas-Salina, fl-inħawi tal-Qawra San Pawl il-Baħar, waqafx jew twaqqafx? Jekk waqaf, x'inhi r-raġuni għal dan? Meta hu mistenni li l-istess xogħol jitkompla? Jista’ l-Ministru jagħti wkoll tagħrif dwar jekk hux maħsub li dan ix-xogħol jitlesta kif kien programmat oriġinarjament? Jista' l-Ministru jagħti wkoll tagħrif dwar jekk hux ser ikun hemm xi bidliet partikulari minħabba bidliet li mistenni jkun hemm fuq ix-xogħol marbut mal-Coast Road? Jekk iva kif ser jiġi affettwat dan l-istess xogħol?

Response (BRINCAT, LEO)

Nitlob lill-Onor. Interpllant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministeru ikkonċernat.

San Pawl il-Baħar – Triq Għajn Rażul u Trejqet Toni Fenech

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 9470, billi fir-risposta kien hemm li l-kaxxi tal-parking fi Triq Għajn Rażul u Trejqet Toni Fenech, San Pawl il-Baħar diġà nżebgħu, jista' l-Ministru jassigura li l-linji mitluba jinżebgħu fiż-żewġ toroq imsemmija?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infumat li l-infomazzjoni kontenuta f’ PQ 9470 waslet għand il-Ministeru mingħand il-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar u ġiet riprodotta fit-tweġiba għall- istess PQ (9470). Wara din id-domanda (10073) id-Dipartiment għall-Gvern Lokali għamel il-verifiki tiegħu fejn irriżulta li: A: Fi Triq Għajn Rażul hemm sinjali adekwati B: Fi Trejqet Toni Fenech ma hemmx sinjali għaliex qatt ma kien hemm talba għalihom. Id-Dipartiment insista mall-Kunsill Lokali biex: A: Jagħmel is-sinjali tal-parkeġġ fi Trejqet Toni Fenech B: Jagħti attenzzjoni aktar fit-tweġibiet li jagħti.

Kunsill Lokali tal-Mellieħa — Fortizza Campbell

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Kunsill Lokali tal-Mellieħa ressaqx xi suġġerimenti partikolari għal dak li jikkonċerna l-inħawi magħrufa bħala l-Fortizza Campbell, fl-inħawi ta' Selmun, limiti tal-Mellieħa? Jekk iva, x'kienu s-suġġerimenti li saru u xi studji partikolari saru dwar dawn l-istess inħawi?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qeda tinġabar mill-Kunsill Lokali tal- Mellieħa.

Funikular bejn il-Mellieħa u l-Bajja tal-Għadira

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm xi żviluppi partikolari għal dak li jikkonċerna l-possibilità li jiġi stallat funikular li jgħaqqad il-Mellieħa mal-Bajja tal-Għadira jew xi spazju ieħor fl-istess inħawi?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma l-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għat-tweġiba għal din il-mistoqsija għadha qed tinġabar mill-Kunsill Lokali kkonċernat.

Qrati — kawżi ta' libell

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm il-kawża ta' libell għad fadal pendenti quddiem il-Qrati Maltin? Kemm ilhom jistennew għas-sentenza, u kemm minnhom wara li nqatgħu fl-ewwel Qorti għadhom qed jistennew fil-Qrati ta' l-Appell? Kemmm ilhom li nbdew il-kawżi pendenti, kemm fl-ewwel Qorti, kif ukoll fil-qrati ta' l-appell?

Response (BONNICI, OWEN)

In-numru Kawżi ta’ Libell pendenti quddiem il-Qrati Maltin huwa ta’ 185. Dawn huma maqsuma hekk skont il-Qrati: Qorti tal-Appell (Superjuri): 5 Qorti tal-Appell (Inferjuri) 16 Prim’ Awla tal-Qorti Ċivili 7 Qorti tal-Maġistrati 157 Minn dawn 45 kawża huma differiti għas-sentenza. L-aktar kawża ta’ Libell li ilha pendenti quddiem il-Qorti tal-Appell (Superjuri) ġiet ippreżentata quddiem l-istess Qorti fil-15 ta’ Novembru 2013 u għad trid tiġi appuntata. Il-Qorti tal-Appell (Inferjuri) għadha qed tisma’ kawża pprezentata quddiem l-istess Qorti fit-13 ta’ Novembru 2012 u li hija differita għall-kontinwazzjoni. L-eqdem kawża tal-libell pendenti hija dik quddiem il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili ppreżentata fid-29 ta’ April 1997 u li ilha differita għas-sentenza mit-28 ta’ Jannar 2004. Fir-rigward tal-Qorti tal-Maġistrati, il-kawża ta’ Libell l-aktar li ilha pendenti ġiet ippreżentata fit-23 ta’ Lulju 2003 u tinsab differita għall-provi.

kunsilli lokali — segretarji eżekuttivi

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm huma, u liema huma l-kunsilli lokali li m'għandhomx segretarju eżekuttiv, jew aġent segretarju eżekuttiv? Meta hu mistenni li tintemm din is-sitwazzjoni, fejn kunsilli m'għandhomx persuni responsabbli minn dawn il-funzjonjiet?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn 68 Kunsill Lokali, ħames Kumitati Reġjonali u l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali tmienja biss għandhom Aġent Segretarju Eżekuttiv jew Deputat Segretarju Eżekuttiv. Dawn it-tmienja huma: · il-Kunsill Lokali ta’ Ħad-Dingli li bħalissa għaddej bil-proċess tas-selezzjoni ta’ Segretarju Eżekuttiv; · il-Kunsilli Lokali tal-Fontana u tal-Għarb bil-ħatra tas-Segretarju Eżekuttiv rispettiv tagħhom mistennija li ssir fil-ġranet li ġejjin; · il-Kunsill Lokali tal-Gżira li għadu kemm għalaq is-sejħa għal Segretarju Eżekuttiv ġdid fit-tlettax ta’ Ġunju; · il-Kunsill Lokali ta’ Ħal Lija li għadu kemm temm il-proċess tas-Segretarju Eżekuttiv tant li fil-ġranet li ġejjin id-Dipartiment għall-Gvern Lokali mistenni li jirċievi d-dokumenti relatati tal-Bord tal-għażla; · il-Kunsill Lokali tal-Mosta bl-Aġent Segretarju Eżekuttiv ingħata estensjoni mill-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku sa Marzu 2015; · il-Kunsill Lokali ta’ Ta’ Xbiex li għaddej f’diskussjoni mad-Dipartiment dwar is-Segretarju Eżekuttiv tiegħu; u · l-Kumitat Reġjonali Ċentrali bil-ħatra tas-Segretarju Eżekuttiv mistennija li ssir fil-ġranet li ġejjin. Sakemm dawn is-seba’ Kunsilli Lokali u Kumitat Reġjonali li semmejt ikollhom is-Segretarju Eżekuttiv proprju tagħhom, għandhom intant Aġent Segretarju Eżekuttiv jew Deputat Segretarju Eżekuttiv fit-tmexxija tagħhom, kif ilha l-prassi għal dawn l-aħħar snin, b’mod li jistgħu jaqdu l-funzjonijiet kollha tagħhom.

San Pawl il-Baħar – serq minn proprjetajiet

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien hemm rapporti ta’ serq minn proprjetajiet fil-konfini ta’ San Pawl il-Baħar matul din is-sena, inkluż allegat serq matul il-jum li kważi battal il-proprjetà minn kull ma kien hemm fid-djar/appartamenti misruqa?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Awtorità tad-Djar — applikazzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta’ persuni, lokalità b’lokalità li qed jitolbu social housing skont it-talbiet li għandha l-Awtorità tad-Djar? Kemm hu n-numru ta’ persuni li kienu qed japplikaw għal social housing (ukoll lokalità b’lokalità) fil-bidu ta’ din is-sena li issa m’għadhomx hekk applikati? X’kienu r-raġunijiet li għalihom inqatgħu l-persuni li issa m’għadhomx fuq l-istess lista?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa l-Awtorita’ tad-Djar għandha 3,174 applikazzjoni għall-akkomodazzjoni alternattiva. L-applikanti ġejjin mill-lokalitajiet kif murija fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 12 PQ #10019 Sitting 169 2014-06-30 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għall-Enerġija u s-Saħħa

San Pawl il-Baħar – ilma li ħiereġ fit-Telgħa tax-Xemxija

Question

Jista’ l-Minsitru jinvestiga x’inhu s-sors tal-ilma li ħiereġ fit-Telgħa tax-Xemxija (it-triq prinċipali), San Pawl il-Baħar, għaliex dan l-ilma, minbarra li jista’ jikkawża inċidenti tat-traffiku, jista’ jagħti l-każ li hu ilma tad-drenaġġ u għalhekk jista jikkawża riskju għas-saħħa ta’ dawk li jgħaddu minn dawn l-inħawi?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi minn investigazzjonijiet u teħid ta’ kampjuni li ħadet il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, instab li l-ħruġ tad-drenaġġ oriġina minn blokka ta’ flats li kellha s-sistema privata tagħha bblukkata. Il-każ qiegħed jiġi ndirizzat mid-Dipartiment tas-Sanita’.
Leg 12 PQ #10020 Sitting 169 2014-06-30 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għall-Enerġija u s-Saħħa

San Pawl il-Baħar – rapporti ta’ ħruġ tad-drenaġġ

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm rapporti ta’ ħruġ tad-drenaġġ fil-baħar, jew fit-toroq, fil-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar, matul din is-sena? Jekk iva, liema kienu r-rapporti li saru u x’investigazzjoni għamlet il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma? X’kienu r-riżultati ta’ din l-investigazzjoni?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li meta saru xi rapporti ta’ ħruġ ta’ drenaġġ dawn kollha ġew investigati mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma. Fejn kien hemm bżonn sar it-tindif neċessarju u anke saru tiswijiet u bdil tas-sistema tad-drenaġġ, fosthom fi Triq San Pawl, Triq il-Kaħli u Triq il-Qawra.
Leg 12 PQ #10021 Sitting 169 2014-06-30 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għal Għawdex

Vapur t’Għawdex — kafeterija

Question

Jista’ l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex fuq il-vapur t’Għawdex ma jibqax jirrepeti ruħu dak li qed jiġri bħalissa (is-Sibt, 21 ta’ Ġunju 2014 - 23:53) jiġifieri ma tibqax tingħalaq il-kafeterija ta’ fuq il-vapur, matul dawn il-vjaġġi?

Response (REFALO, ANTON)

Ninsab infurmat illi l-kafetterija qiegħda tingħalaq għal vjaġġi mill-Imġarr ta’ bejn 00.45 u 03.30 u dan daħal fis-seħħ mit-23 ta’ Ġunju 2014, meta l-Kumpanija Gozo Channel qalbet għall-iskeda tas-sajf. Sabiex il-klijenti li jużaw dawn it-tlett vjaġġi jkunu moqdija, wieħed jista’ isib servizzi alternattivi ta' catering

San Pawl il-Baħar – tħaffir ta’ toroq

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema huma t-toroq li fihom sar tħaffir, matul din is-sena, fil-lokalità ta' San Pawl il-Baħar, u x'tip ta' permessi ħarġu mill-Kunsill Lokali għal dan it-tħaffir? Billi numru sew ta' toroq għaddew minn din l-esperjenza, b'mod partikulari fl-inħawi tat-toroq li jinsabu bejn Triq Toni Bajjada u Triq Erba' Mwieżeb, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'inhu l-iskop li għalih qed isir dan it-tħaffir? Għal liema korporazzjoni/ entità oħra sar dan ix-xogħol?

Response (BONNICI, OWEN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba kif kisibha l-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar mingħand l-awtorità regolatorja li hija Transport Malta. Din l-informazzjoni ġiet mgħoddija lill-Ministeru mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar.

Pixkerija — investiment

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema kienu l-investimenti li saru fil-Pixkerija l-ġdida? Meta nbeda x-xogħol? Kemm se jiġi jiswa u x’titjib se jirriżulta bħala parti minn dan l-investiment, għal dak li jikkonċerna l-ħut u l-konsumaturi li jikkunsmawh? Billi fis-sular ta’ fuq se jkun hemm faċilità differenti minn dik ta’ pixkerija, jista’ jagħti tagħrif dwar fiex se jkun jikkonsisti dan l-iżvilupp? Jista’ jagħti tagħrif dwar jekk il-koperattivi tas-sajjieda, flimkien, jew individwalment talbux li jamministraw dawn il-faċilitajiet? Jekk iva, x’kienet ir-reazzjoni tal-Gvern? Jiekkil-Gvern iddeċieda li ma jagħtix din l-opportunità lill-koperattivi għaliex baqa ma ħareġ l-ebda sejħa għall-amministrazzjoni tal-post?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat illi x-xogħol fuq il-Pixkerija l-ġdida beda f’Settembru 2012. L-Onor. Interpellant żgur jaf li l-Pixkerija l-ġdida għada mhix kompluta u għalhekk wieħed ma jistax jitkellem fuq investimenti ta’ titjib, meta din għadha lanqas biss qed topera. Il-proġett oriġinali kien fih numru ta’ nuqqasijiet u għalhekk diversi xogħolijiet oħra qegħdin jiġu miżjuda mall-proġett oriġinali. Ninforma ukoll lill-Onor. Interpellant li l-proġett ippreżentat lill-Unjoni Ewropeja mill-amministrazzjoni preċedenti ma jinkludi l-ebda investiment għas-sular ta’ fuq. Filwaqt li l-Gvern huwa kommess li dan is-sular jiġi żviluppat għall-ipproċessar tal-ħut, huwa ppjanat li l-investiment isir minn operatur privat. Bħalissa għaddejjin diskussjonijiet mall-Privatisation Unit biex tinħareġ sejħa għall-espressjoni ta' interess għat-tmexxija ta’ din l-attivita`. Mill-informazzjoni li għandi ma jidhirx li l-koperattivi tas-sajjieda għamlu xi talba uffiċjali biex jamministraw din il-facilità għalkemm għad jistgħu juru nteress u jissotomettu proposti bħala operaturi kummerċjali. Dawn il-proposti jiġu kkunsidrati flimkien ma' sottomissjonijiet oħra, skont il-kundizzjoni tas-sejħa.

Sajjieda — diesel mixtri

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk is-sajjieda humiex bilfors obbligati li jieħdu d-diesel tagħhom mingħand l-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament?? Jekk iva, jista’ jikkonferma li d-diesel mixtri mingħand din l-organizzazzjoni għandu prezz ta bejn 4 u 6 ċenteżmi l-litru ogħla minn dak ta postijiet oħra? X inhu jżomm lill-awtoritajiet biex dawn l ispejjeż żejda jinqatgħu?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li s-sajjieda membri tal-koperattivi huma marbuta mill-koperattivi stess sabiex jixtru d-diesel mingħand din il-kumpanija. Infakkar lill-Onor. Interpellant li kienet l-amministrazzjoni preċedenti li ffirmat ftehim maż-żewġ koperattivi fir-rigward tad-diesel duty free, fejn b’dan l-istess ftehim il-koperattivi ntrabtu li l-membri tagħhom għandhom jixtru d-diesel duty free mingħand din il-kumpanija privata. Din tal-aħħar hija operatur kummerċjali li l-Gvern la jista’ jimponi fuqha u wisq aktar jiffinanzja l-ispejjeż tagħha.