Legislature:
Category:
Reset
Active:

Persuni involuti fl-isport — rapporti

Question

Billi minn żmien għall-ieħor ikun hemm rapporti ta' problemi marbutin ma' irregolaritajiet minn persuni involuti fl-isports, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hemm każijiet li qed jiġu investigati mill-pulizija, dwar allegat xiri, jew tbagħbis ieħor fl-isports? X'tip ta' kollaborazzjoni hemm bejn il-pulizija u d-diversi assoċjazzjonjiet sportivi li għandna f'Malta u Għawdex?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.

intrapriżi privati — ingaġġ ta' Persuni b'diżabilità

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien hemm intrapriżi privati li mhux qed jilħqu l-perċentwali stabilità mil-liġi għal dak li jikkonċerna t-tħaddim ta' persuni b'diżabilità? X'passi qed jittieħdu biex dak stabilit mil-liġi fil-fatt jiġi assigurat? F'dawk il-każijiet meta dak stabilit ma jintlaħaqx, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm qed jitħallsu flus minn dawk li mhux qed jimxu mal-liġi? Jista' jagħti wkoll tagħrif dwar jekk hemmx entitajiet governattivi (korporazzjonijiet, awtoritajiet, jew entitajiet oħra), li wkoll qed jiġu mġegħla jħallsu, għaliex ma jilħqux il-kriterjai stabilit mil-liġi? Jekk iva liema huma dawn l-istess entitajiet?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li sal-aħħar ta’ Marzu 2017 kien hemm 665 intrapriża privata li ma kenitx qed tilħaq il-perċentwali stabbilita mil-liġi għal dak li jikkonċerna t-tħaddim ta' persuni b'diżabilità. Il-Lino Spiteri Foundation li llum hija l-entità responsabbli li tipprovdi għajnuna lill-intrapriżi biex jidentifikaw persuni b'diżabilità addattati għax-xogħol mitlub minnhom, qed tipprovdi kull assistenza meħtieġa għal dan il-għan. Dawk l-intrapriżi li ma laħqux il-perċentwali ġew mitluba jħallsu l-kontribuzzjoni kif stabbilit fil-liġi. Il-ħlas dovut f’każijiet fejn il-perċentwali hekk kif stabbilita mil-liġi ma ntlaħqitx kienu kif jidhru hawn taħt: · Fl-2015 il-kontribuzzjoni kienet ta’ €800 għal kull persuna b'diżabilità inqas fl-impjieg. · Fl-2016 il-kontribuzzjoni kienet ta’ €1,600 għal kull persuna b'diżabilità inqas fl-impjieg. · Fl-2017 il-kontribuzzjoni ser tkun €2,400 għal kull persuna b'diżabilità inqas fl-impjieg. L-ammont ta’ kontribuzzjoni għal kull intrapriża jasal sa massimu ta’ €10,000 fis-sena. L-ebda entità governattiva (korporazzjonijiet, awtoritajiet jew entitajiet oħra) ma ġiet mġegħla tħallas il-kontribuzzjoni għaliex is-settur pubbliku fit-totalità tiegħu jissodisfa l-kwota ta’ tnejn fil-mija stabbilita fil-liġi.

Ta' Qali — Pitkalija - xogħlijiet fuq l-infrastruttura

Question

Billi jidher li skont risposti parlamentari preċedenti fil-Pitkalija intefqet is-somma, ta' madwar €6,000, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema kienu x-xogħlijet kollha li saru matul l-aħħar erba' snin għal dak li jikkonċerna infrastruttura fl-istess pitkalija f'Ta' Qali, u x'kienu x-xogħlijiet li saru b'dawn in-nefqiet?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-figura ta’ €6000 li qed jagħmel referenza għaliha, kienet tkopri biss tender waħda li ġiet aġġudikata u li, kif kien staqsa l-Onor. Interpellant, ix xogħol għadu ma bediex, kif infurmajtu fir-risposta tiegħi għad-domanda Parlamentari 32073. Għar-rigward ta’ xogħlijiet oħra li saru fil-Pitkalija matul dawn l-aħħar erba snin, jien infurmat li n-nefqa totali kienet ta’ €569,680.40. Dan it-total jinkludi xogħol estensiv fil-faċilità fejn jinħaslu l-kaxxi; manutenzjoni ta’ waterproofing fuq soqfa; manutenzjoni fuq il-magna tal-ħasil b’ċertifikazzjoni ta’ Health and Safety; installazzjoni ta’ goods lift sabiex jintuża għat-tqassim tal-kaxxi; xiri ta’ sistema ġdida ta’ cameras; installazzjoni ta’ speedbumps; patchwork ta’ tarmac; kif ukoll xogħol ta’ installazzjoni ġdida għall-provvista tal-ilma fl-istess proġett ta’ ristrutturar ta’ toroq u tqegħid ta’ tarmak ġdid madwar u fil-Pitkalija li qed isir preżentament.

Barrieri — tfigħ ta' materjal ta' kostruzzjoni

Question

Billi riċentement, f'risposta parlamentari riċenti ngħadd l-informazzjoni li kien hemm 16-il-barriera li kienu qed jintużaw biex fihom jintefa materjal ta' kostruzzjoni, imbagħad ftit jiem wara ħarġet l-aħbar li lanqas il-proġetti tal-housing ma jistgħu jinbdew għaliex ma kienx hemm spazju fejn jintefa' l-istess materjal, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'inhi l-vera sitwazzjoni għal dak li jikkonċerna r-rimi ta' materjal ta' kostruzzjoni, fil-barrieri jew x'imkien ieħor?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi bħalissa hemm sbatax (17) -il barriera li għandhom permess tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) biex jaċċettaw radam u skart tal-kostruzzjoni, filwaqt illi hemm 9 permessi pendenti li għadhom qed jiġu proċessati. Il-lista li qed tindika 20 barriera fil-Mistoqsija Parlamentari 31772 tinkludi wkoll il-barrieri li għandhom permess iqattgħu l-ġebla u jordmu l-laqx tagħhom stess. F’dawn l-aħħar ġranet irriżulta li xi operaturi ta’ barrieri ma kinux qed jaċċettaw materjal minħabba li kienu qed jirriservaw l-ispazju għall-proġetti tagħhom infushom biss, għaldaqstant, l-ERA emendat il-permessi tal-barrieri awtorizzati minnha biex jaċċettaw materjal nadif tal-kostruzzjoni minn kwalunkwe individwu sakemm il-materjal ikun nadif. L-operatur tal-barriera jista’ jirrifjuta materjal milli jidħol fil-barriera tiegħu jekk dan ikun maħmuġ, ma jkunx ta’ kalibru li jista’ jintradam jew jekk il-barriera ma jkunx fadlilha spazju iktar fejn tordom.

Opri tal-Arti fil-proprjetajiet tal-Kunsilli Lokali

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Ministeru għandux informazzjoni dwar liema opri tal-arti hemm fil-propjetajiet tal-kunsilli lokali, b'mod partikulari fil-propjetajiet li huma proprjetà tal-Gvern? Jekk iva, jista' jagħti tagħrif dwar liema huma dawn l-opri tal-arti?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar .
Leg 12 PQ #32830 Sitting 507 2017-04-12 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu

MTA — liċenzji għal restaurants, take aways u stabilimenti tal-ikel

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' liċenzji biex joperaw restaurants , take aways u stabilimenti oħra tal-ikel li huma awtorizzati mill-Awtorità ta' Malta għat-Turiżmu (MTA) biex jagħmlu dan, f'San Pawl il-Baħar, il-Mellieħa u San Ġiljan, skont il-kategoriji differenti tal-istess MTA?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

San Pawl il-Baħar — Triq is-Simar - wiċċ tat-tarmak

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Ministeru hux se jieħu passi biex Triq is-Simar, f'San Pawl il-Baħar, almenu fil-partijiet tat-triq li huma mibnija, tiġi mogħtijia wiċċ bit-tarmak? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk fil-fatt il-Ministeru kellux ukoll diskussjonijiet biex jiġi assigurat li s-servizz li jeħtieġ jitqiegħdu fl-istess triq ikunu mqiegħda?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta hija responsabbli għall-ewwel wiċċ ta’ toroq residenzjali skont il-prioritajiet, fondi pubbliċi u l-proċess tal-akwist ġaladarba dawn it-toroq ikunu ġew iffurmati mill-iżviluppaturi/residenti hekk kif huma obligati bil-liġi.

Burmarrad sa t'Alla u Ommu — applikazzjonijiet għal wiċċ ġdid

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Ministeru ssottomettiex applikazzjonijiet biex toroq li għandhom bżonn jingħataw wiċċ ġdid, bħat-triq li minn Burmarrad twassal sa' t'Alla u Ommu, hekk magħrufa bħala l-Wied taċ-Ċawsli, fil-fatt ikunu jistgħu jsiru permezz ta' fondi li qed jiġu allokati għal toroq rurali, b'finanzjament mill-Unjoni Ewropea? Jekk iva, liema toroq ġew inklużi f'dawn l-appikazzjonijiet?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-applikazzjoni għadha ma ġietx sottomessa u qiegħdin fi stadju ta’ preparazzjoni .

Il-Mellieħa — Applikazzjonijiet għal reserved parking - blue badges

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien hemm applikazzjonijiet għal reserved parking, minn persuni li għandhom blue badge, li joqogħdu l-Mellieħa, li kellhom it-talba tagħhom milqugħa matul l-aħħar sitt xhur, mill-kumitat li hu responsabbli minn dawn l-approvazzjonjiet, min-naħa ta' Transport Malta, fil-Mellieħa? Kemm għad fadal applikazzjonijiet hekk pendenti quddiem dan il-bord, fl-istess lokalità? F'liema laqgħa tal-bord ġew approvati t-talbiet li ġew approvati matul dawn l-aħħar xhur?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-aħħar sitt xhur kien hemm ħames talbiet mill-lokalità tal-Mellieħa, erbgħa għall-parkeġġ riservati u waħda għal 1.5m Keep Clear Bay. Il-1.5m Keep Clear Bay ġiet approvata mill-Bord fil-21 ta’ Frar 2017. Tnejn mill-parkeġġi riservati ġew approvati mill-Bord fit-3 ta’ Marzu 2017, fil-waqt li t-tnejn l-oħra ma ġewx approvati mill-Bord tas-7 ta’ April 2017. Transport Malta ma għandha l-ebda talbiet pendenti għall-parkeġġ riservat fil-lokalità tal-Mellieħa.
Leg 12 PQ #32822 Sitting 506 2017-04-11 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Second Class Water — main tal-ilma

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar kemm mill-main tal-ilma li jrid iwassal is-second class water, li se jorigina mill-impjant taċ-ċumnija, fil-fatt hu mqiegħed fil-post? Minn liema postijiet għaddej dan l-istess main, u meta hu mistenni li fil-fatt jibda jgħaddi l-ilma għal għand il-bdiewa minn dan il-main? Liema partijiet oħra li għad iridu jitqiegħdu fil-post hemm il-permessi għal dan ix-xogħol mill-Awtorità għall-Ippajanar (jew MEPA qabel)? Liema kuntratturi se jwettqu dan ix-xogħol?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ġejt infurmat mill-Korporazzjoni ghas-Servizzi tal-Ilma li se tingħata iktar informazzjoni fil-futur.
Leg 12 PQ #32823 Sitting 506 2017-04-11 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Triq il-Kosta — art esproprjata

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar kemm art ġiet esproprjata minħabba l-bini tal-Coast Road? Fiex wasal il-proċess ta' kumpens għal dak li jikkonċerna lis-sidien ta' din l-art? Kemm hu stmat li jrid isir ħlas lil dawn is-sidien?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

It-tagħrif għadu qed jinġabar.

Barranin — spezzjonijiet mill-Pulizija

Question

Billi ripetutament qed ikun hemm problemi li jinvolvu barranin f'diversi lokalitajiet madwar Malta u Għawdex, li eventwalment meta jinqabdu jagħmlu xi reati, spiss qed toħroġ il-kelma 'Kienu magħrufa mal-Pulizija', jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kif qed jiġi assigurat li dawn il-barranin 'li kienu magħrufa mill-pulizija', fil-fatt qed jiġu segwiti (mhux każijiet individwali)? Meta saru l-aħħar spezzjonijiet għall-għarrieda biex jinqabdu tali persuni li jkunu qed igħixu hawn kontra r-regoli li jikkonċernaw dan is-suġġett?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li kull meta barranin illi jkunu Malta jinqabdu jagħmlu xi reat, il-Pulizija li tkun qed tinvestiga tinforma lill-Pulizija tal-Immigrazzjoni li minn naħa tagħhom jinvestigaw lil dawn il-persuni bil-għan illi jiġi stabbilit x’permess għandhom biex ikunu Malta. Meta jirriżulta li dawn ma jkollhomx il-permess meħtieġ, jittieħdu l-passi neċessarji sabiex dawn jiġu rimpatrijati, meta jkun possibli li dan isir. Jekk dawn il-persuni jkollhom permess biex joqgħodu Malta, dan jiġi rivedut u jiġi revokat biex il-persuna tintbagħat lura pajjiżha, meta l-liġi tippermetti. Spezzjonijiet għall-barranin illi jistgħu jkunu Malta b’mod irregolari jsiru ta’ kuljum.

Bord li jikkunsidra talbiet għal reserved parkings — laqgħat

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm-il laqgħa saret mill-Bord li jikkonsidra t-talbiet għal reserved parkings, matul din is-sena? F'kull waħda minn dawn il-laqgħat liema talbiet partikulari (sit biss, mhux minn min saret it-talba), ġew approvati? F'liema raħal u belt madwar Malta u Għawdex?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed titpoġġa lista fuq il-Mejda tal-Kamra ta’ reserved parkings approvati mill-laqgħat tal-Bord tas-27 ta’ Jannar, tat-3 ta’ Marzu u tas-7 ta’ April 2017.

Għawdex – siti storiċi jew arkeoloġiċi protetti

Question

B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 32076, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema siti storiċi jew arkeoloġiċi f'Għawdex, huma protetti? Kemm ilhom hekk protetti? Liema siti oħra huma mistennija li jiġu ddikjarati bħala protetti, matul din is-sena?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.
Leg 12 PQ #32747 Sitting 504 2017-04-10 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma – San Pawl il-Baħar — mains

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid meta hu mistenni li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma tibda tbiddel il-mains tal-ilma matul it-triq li minn fejn il-Knisja ta' San Pawl Nawfragu, tieħdok sa ħdejn il-ground tal-football tas-Sirens FC, San Pawl il-Baħar, peress li kif ingħad f'risposti parlamentari preċedenti, dawn il-mains ikunu jistgħu jinbidlu qabel ma jingħata wiċċ ġdid ta' tarmak lil dawn l-istess toroq? X'koordinazzjoni saret s’issa bejn il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma u dawk li se jwettqu x-xogħol fuq il-post?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ġejt infurmat mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma li bħalissa qed tikkordina mal-entita’ kkonċernata.

San Pawl il-Baħar – kuntratturi li se jwettqu x-xogħol fit-toroq

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar min se jkunu l-kuntratturi li se jwettqu x-xogħol fuq it-toroq li se jingħatalhom wiċċ ġdid fl-inħawi ta’ San Pawl il-Baħar bejn il-Knisja ta’ San Pawl Nawfragu u l-grounds tas-Sirens FC? Kif intgħażlu dawn l-istess kuntratturi?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-programm tax-xogħlijiet għadu qiegħed jiġi mfassal.
Leg 12 PQ #32749 Sitting 504 2017-04-10 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għal Għawdex

Fast Ferry Service — operat

Question

Billi fil-Parlament il-Ministru għal Għawdex kien qal li dalwaqt jibda jopera l-fast ferry, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar min se jkun qed jipprovdi dan is-servizz u meta se jibda dan l-istess servizz? Kemm se jkun il-ħlas tal-fare li se jkun qed jitħallas minn dawk li jużaw l-istess servizz?

Response (REFALO, ANTON)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposti li tajt għall-Mistoqsijiet Parlamentari numri 30244 u 31015.

Spezzjonijiet fuq blat li jmiss mal-baħar

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Ministeru, permezz ta' xi direttorat tiegħu wettaqx spezzjonijiet fuq blat li jmiss mal-baħar, mill-ponta tal-Qawra sal-Mistra, matul l-aħħar 12-il xahar? Jekk wettaq tali spezzjonijiet, jista' jagħti tagħrif dwar liema partijiet mill-kosta fil-fatt wettaq spezzjonijiet fuqha, u wkoll jagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm xi deċiżjoni dwar x'passi għandhom jittieħdu dwar dan l-istess periklu li jista' jkun hemm? Meta hu mistenni li jibdew jittieħdu passi dwar dan, u fejn?

Response (MIZZI, JOE)

Ta’ min wieħed jiċċara lil r-responsabilta’ tal-kosta kif imsemmija f’din il-Mistoqsiaj Parlamentari ma tappartjenix lill-Ministeru tiegħi. Is-sid tal-propjeta’ tal-Gvern huwa d-Dipartiment tal-Artijiet(jew L-Awtorita’ tal-Artijiet). Fid-Dipartiment tax-Xogħlijiet, li jifforma parti mill-Ministeru tiegħi, għandna grupp ta’ Periti li jagħtu servizz lill-Pulizija biex jirrappurtaw, strettament fuq strutturi mibnija perikolużi, għax dik hi l-ispeċjaliżazzjoni tagħhom. Jiġri li dan is-servizz ġieli jiġi estiż biex ikopri wkoll problema ta’ blat perikoluż tul il-kosta Maltija, l-aktar minħabba r-riskju għas-saħħa u s-sigurta’ tal-pubbliku in ġenerali,liema każi aktar jappertjenu lill-professjoni tal-Ġeoloġisti milli dik tal-Periti. Fil-każ ta’ San Pawl il-Baħar , jien infurmat li f’dawn l-aħħar ġranet , id-Dipartiment intalab biex jibgħat Perit biex jispezzjona żewġ siti partikolari, t-tnejn f’postijiet pubbliċi, fejn ġie rraportat li kien hemm xi forma ta’ riskju ta’ periklu għall-pubbliku in ġenerali. L-ewwel każ kien fl-akwati ta’ l-Għasselin fejn ġie stabbilit li formazjoni partikolari , forma ta’ daħla fil-blat kienet qed turi sinjali ta’ deterjorazzjoni, b’tali mod li jekk ikun hemm xi għawwiema jew nies fuq xi qoxra tal-baħar li jidħlu fl-akwati, jistgħu jkunu esposti għal riskji ta’ saħħa u sigurta’. F’dan il-każ partikolari diġa’ ingħalaq b’chain link fence l-aċċess minn fuq il-blat għas-sit perikolanti u Transport Malta ser tieħu ħsieb ukoll li tagħlaq l-aċċess mill-livell tal-baħar f’dawn l-akwati. Din il-ġimgħa, bl-għajnuna tad-Dipartiment tal-Protezjoni Ċivili ser jitneħħa wkoll , sa fejn hu possibli, xi blat perikoluż fl-istess inħawi. It-tieni każ hu dak ta’ problema fil-wiċċ tal-blat u pilastru perikolanti f’Triq San Franġisk. F’dan il-każ, ser jittieħdu l-passi biex jingħalaq l-aċċess għall-pubbliku fil-livell tal-bankina, permezz ta’ chain link fence. Transport Malta ukoll ġew mitluba biex iwaħħlu sinjali li jindikaw il-periklu għall-għawwiema u sidien ta’ opri tal-baħar. Hu ppjanat ukoll li permess tal-għajnuna tad-Dipartiment tal-protezjoni Ċivili jitneħħa wkoll, sa fejn hu possibli, xi blat perikoluż fl-istess inħawi. Finalment ikun jonqos li jinbena retaining wall mill-livell tal-blat biex jgħatti l-wiċċ espost ta’ blat/tafal , simili għal dak li hemm taħt strutturi privati fl-akwati. Id-Dipartiment tax-Xogħlijiet beda l-preparattivi biex jesegwixxi dan ix-xogħol fil-ġimgħat li ġejjin.
Leg 12 PQ #32662 Sitting 503 2017-04-05 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Second Class water — bdiewa

Question

Jista’ l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar meta u fejn, se jibda jintuża s-second class water min-naħa tal-bdiewa? Kemm se jkun il-ħlas li se jintalbu jħallsu l-bdiewa għall-ilma li se jkunu qed jużaw? Kemm qed jiġi prodott ilma second class mid-diversi postijiet fejn qed isseħħ it-tisfija tad-drenaġġ? Kemm minn dan l-ilma hu mistenni li jintuża għal skop agrikolu?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ġejt infurmat mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma li se tingħata iktar informazzjoni fil-futur.

Bini ta’ appartamenti — siti

Question

Issa li saret ċerimonja f’sit fejn se jinbnew tmien appartamenti, li mistennija jkunu lesti matul is-sena d-dieħla, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar min huma l-periti li tqabbdu biex ifasslu l-pjanti tas-16-il sit li fuqhom suppost li se jinbnew 600 appartament? Kemm se jkun hemm appartamenti fuq kull wieħed mis-siti ndikati? Liema siti diġà tħammlu, u fejn ma kienx hemm tħammil liema se jkunu l-kuntratturi, f'kull sit, li se jħammlu l-istess siti? Kif intgħażlu dawn l-istess siti?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi, il-pjanti tas-sittax-il sit kienu tlestew mill-periti li kienu tqabbdu mill-Awtorità tad-Djar fiż-żmien meta inħareġ il-permess. Bħalissa qed jiġu ffinalizzati l-emendi għall-permessi maħruġa u għadu mhux finalizzat in-numru ta’ appartamenti. L-għażla tal-kuntratturi qed issir permezz ta’ tender pubbliku li t-tagħrif tiegħu jkunu ppubblikati. L-għażla tas-siti saret minn fost numru konsiderevoli ta’ siti fiż-żona tal-bini li fuqhom ilhom snin jeżistu l-permessi tal-bini.