Legislature:
Category:
Reset
Active:

ESP - Saħħa mentali - Kampanji edukattivi

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid x’tip ta’ kampanji edukattivi, ta’ informazzjoni u ta’ għarfien dwar is-saħħa mentali u l-Employee Support Programme (ESP) saru mis-sena 2023 sal-aktar data riċenti disponibbli fil-ħin li fih qed titwieġeb din il-mistoqsija parlamentari u jagħti d-dettalji ta’ kull waħda minnhom?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninsab nfurmat li s-suġġetti trattati waqt is-sessjonijiet ta’ għarfien jinkludu: introduzzjoni għas-servizz tal-ESP, l-importanza li nieħdu ħsieb tagħna nfusna u r-reżiljenza, l-istress u l-għarfien dwar is-saħħa mentali, il-benessri għall-professjonisti fil-qasam tas-saħħa u ħaddiema involuti fir-rispons għall-emerġenza, il-benessri għall-forzi dixxiplinati, kif ukoll għarfien dwar kif wieħed jista’ jipprepara ruħu emozzjonalment għall-irtirar. L-ESP iffaċilita wkoll sessjonijiet ta’ taħriġ għall-impjegati pubbliċi b’kollaborazzjoni ma’ entitajiet oħra bħall-Fondazzjoni Richmond (Mental Health First Aid), Aġenzija Sapport (Għarfien dwar in-Newrodiversità) u Aġenzija Sedqa (Għarfien dwar kif tista’ tgħin lill-impjegati li jkollhom diffikultajiet marbuta mal-abbuż tas-sustanzi; Ir-Realtà tal-Użu tal-Kannabis; Kif Nużaw it-Teknoloġija b’Mod Responsabbli).

ESP - Servizzi oħra ta’ appoġġ jew kura speċjalizzata

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm minn dawk il-persuni li għamlu użu mill-Employee Support Programme (ESP) ġew riferuti għal servizzi oħra ta’ appoġġ jew kura speċjalizzata mis-sena 2023 sal-aktar data riċenti disponibbli fil-ħin li fih titwieġeb din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninsab nfurmat li meta jinħass il-bżonn , l-ESP tirrakomanda lill-impjegat għal servizzi oħra speċjalizzati.

Budget 2027 – Spejjeż fuq reklamar

Question

Jista’ l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 4433 u jagħti rendikont totali tal-ispiża ta’ reklamar u propoganda li saret mill-Gvern wara d-Diskors tal-Budget 2027, li sar nhar it-Tnejn 26 ta’ Ottubru 2026?

Response (ABELA, ROBERT)

It-tagħrif għadu qed jinġabar.

ESP - Professjonisti

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm hemm professjonisti impjegati mal-Employee Support Programme (ESP), maqsuma skont il-professjoni tagħhom?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninsab nfurmat li hemm Psikologa, 2 Counsellors, 2 Psikoterapisti, 4 Social Workers, Koordinatriċi tal-Bord Mediku (Infermiera) u  Psychology Assistant.

ESP - Impjegati tas-Servizz Pubbliku

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm impjegati tas-Servizz Pubbliku għamlu użu mis-servizzi tal-Employee Support Programme (ESP) mis-sena 2023 sal-aktar data riċenti disponibbli fil-ħin li titwieġeb din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninsab nfurmat kif ġej: 2023 – 430 klijent li ammontaw għal 3196 sessjoni 2024 – 447 klijent li ammontaw għal 4008 sessjoni 2025 – 464 klijent li ammontaw għal 5533 sessjoni 2026 – 351 (sa 23/10/2026) li ammonaw għal 5600 sessjoni (sa 28/10/2026)

ESP - Servizzi

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid x’inhuma s-servizzi li joffri l-Employee Support Programme (ESP) u min hu eliġibbli biex jagħmel użu minnu?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninsab nfurmat li l-Employee Support Programme (ESP) jipprovdi sezzjonijiet ta’ sapport psikoloġiku professjonali u kunfidenzjali. Jipprovdi ukoll sapport lid-dipartimenti li jkunu esperjenzaw sitwazzjonijiet kritiċi jew trawmatiċi fuq il-post tax-xogħol. F'dawn is-sitwazzjonijiet, l-ESP jipprovdi kemm sapport lill-individwi u lit-tim wara l-avveniment.  Hemm ukoll is-servizz tal-Bord Mediku, li jaqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-P&SD, u li għandu l-mira li jħeġġeġ lill-impjegati tas-servizz pubbliku biex jibqgħu jaħdmu u r-rwol primarju tiegħu huwa li jipprovdi gwida u sapport professjonali lill-impjegati f’termini ta’ saħħa fuq ix-xogħol.  L-impjegati pubbliċi kollha jistgħu jagħmlu użu minn dawn is-servizzi. L-ESP Unit torganizza ukoll inizjattivi biex tqajjem kuxjenza dwar l-importanza tal-benessri tal-impjegati u saħħa mentali aħjar. Is-sessjonijiet ta’ għarfien isiru kemm għall-maniġment, kif ukoll għall-impjegati fuq talba tad-dipartiment.

ESP

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid meta ġie mwaqqaf l-Employee Support Programme (ESP) u x’kienu r-raġunijiet ewlenin li wasslu għat-twaqqif ta’ dan is-servizz?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninsab nfurmat li l-Employee Support Programme (ESP) beda bħala proġett pilota permezz ta’ fondi tal-UE fl-2011 u sar parti mis-Servizz Pubbliku fil-2013. Twaqqaf bl-għan li jipprovdi sapport psikoloġiku u professjonali lill-impjegati pubbliċi li jkunu qed jesperjenzaw diffikultajiet fuq ix-xogħol u/jew fil-ħajja tagħhom, li jistgħu jaffettwaw il-prestazzjoni tagħhom fuq il-post tax-xogħol u l-benessri tagħhom.

Uffiċċju tal-Prim Ministru – Direct orders ta' inqas minn €2,000

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti lista tad-direct orders ta' inqas minn €2,000 li ngħataw mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu matul Lulju 2026?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif weġibt f’diversi istanzi, l-entitajiet u d-dipartimenti tal-Gvern japplikaw ir-regoli għall-Offerti Dipartimentali u l-Metodi ta’ Akkwist skont il-Valur tal-Kuntratt li joħorġu mill-Public Procurement Regulations.

Kontinġent Malti f’New York – Settembru 2026

Question

Jista’ l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 2968, 3302, 3496, 4174 u 4747 u jgħid f'kemm persuni kien jikkonsisti l-kontinġent Malti li attenda għall-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u/jew laqgħat oħra fi New York f’Settembru 2026? Jista’ jipprovdi lista tal-persuni kollha li ffurmaw parti minn dan il-kontinġent, filwaqt li jindika l-kariga, ir-rwol u l-ministeru jew l-entità li kull persuna kienet qed tirrappreżenta jew li ġew ingaġġati minnha? Jista’ jgħid ukoll kemm kienet l-ispiża totali ta’ din iż-żjara, kemm dik imħallsa kif ukoll dik li għadha dovuta, b’rendikont separat tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar, l-akkomodazzjoni, it-trasport u spejjeż oħra?

Response (ABELA, ROBERT)

Nirreferi lill-Onor Interpellant għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari nru 5218

Uffiċċju tal-Prim Ministru – Kontinġent għall-laqgħat f’New York

Question

Jista’ l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 2970, 3304, 3498, 4176 u 4745 u jgħid f’kemm persuni kien jikkonsisti l-kontinġent li akkumpanjah jew li ntbagħat mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru għall-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u/jew laqgħat oħra fi New York f’Settembru 2026? Jista’ jipprovdi lista tal-persuni kollha li ffurmaw parti minn dan il-kontinġent, filwaqt li jindika l-kariga u r-rwol ta’ kull persuna? Jista’ jgħid ukoll kemm kienet l-ispiża totali relatata ma’ dan il-kontinġent, kemm dik imħallsa kif ukoll dik li għadha dovuta, b’rendikont separat tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar, l-akkomodazzjoni, it-trasport u spejjeż oħra?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, bejn il-21 u s-26 ta’ Settembru 2026 attendejt għall-81 sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fi New York, flimkien ma’ aktar minn 190 Kap ta’ Stat u ta’ Gvern minn madwar id-dinja. Matul din iż-żjara komplejna nmexxu ‘l quddiem l-interessi ta’ pajjiżna. Fost l-impenji li kelli, żammejt numru ta’ laqgħat diplomatiċi, ipparteċipajt f’summits u konferenzi internazzjonali, iltqajt ma’ rappreżentanti ta’ kumpaniji internazzjonali ewlenin, kif ukoll żort iċ-Ċentru tal-Maltin f’Astoria, fejn iltqajt mal-komunità Maltija fi New York. Fl-indirizz tiegħi lill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, sħaqt dwar ir-responsabbiltà li għandna bħala mexxejja biex naħdmu favur il-paċi u s-sigurtà fid-dinja, b’referenza partikolari għall-gwerer fl-Ukrajna u f’Gaża. Tkellimt ukoll dwar it-tibdil fil-klima, u l-iżvilupp rapidu tal-intelliġenza artifiċjali u l-isfidi li dan qed joħloq għall-gvernijiet. Id-delegazzjoni li akkumpanjatni għall-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti kienet komposta minn 11-il persuna u l-ispiża totali kienet tammonta għal €118,800.39.

Uffiċċju tal-Prim Ministru – Każ ta’ individwu – Ħatriet

Question

Jista’ l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 3246 u jgħid jekk l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament kienx appuntat f’bordijiet u kumitati fid-dekasteru li għalih hu responsabbli fid-29 ta’ Mejju 2026? Jista’ jgħid ukoll jekk kienx hemm ħatriet simili fil-perjodu ta’ wara u jekk kien hemm, jipprovdi dettalji dwar il-ħlas marbut magħhom?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninsab nfurmat li l- individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, ma kienx  appuntat f’bordijiet u kumitati fid-dekasteru li għalih jien responsabbli fid-29 ta’ Mejju 2026.

Employee Support Programme

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm ġew segwiti każijiet għall-Employee Support Programme minn Diċembru 2025 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninsab nfurmat li fl-2026 kien hemm 351 (sa 23/10/2026) li ammonaw għal 5600 sessjoni (sa 28/10/2026).

Awtoritajiet, entitajiet u kumpaniji tal-Gvern – Bordijiet – Perċentwal ta’ nisa

Question

Jista’ l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 596 u jgħid x’inhu l-perċentwal ta’ nisa fuq il-bordijiet tal-awtoritajiet, entitajiet u kumpaniji tal-Gvern?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninsab nfurmat li fl-aħħar tal-leġiżlatura li għaddiet, jiġifieri sad-29 ta’ Mejju 2026, kien hemm 33% tal-membri maħtura f’bordijiet u kumitati tal-Gvern li kienu nisa. Ninsabu fl-ewwel ftit xhur tal-leġiżlatura u ħafna minn dawn il-bordijiet u kumitati qed jiġu maħtura mill-ġdid. Il-Gvern impenjat li ż-żewġ sessi jkunu rrapreżentati b’minn tal-anqas 40% fil-membri ta’ dawn il-bordijiet u kumitati. Dan l-impenn huwa rifless fil-programm elettorali tal-Gvern u fil-verżjoni aġġornata tal-Manual for setting the categorisation, classification and remuneration of government-appointed boards and committees. Kopja ta’ dan il-Manwal tqegħdet fuq il-Mejda tal-Kamra fit-22 ta’ Lulju 2026.

Is-Servizz Ċivili – Ħaddiema

Question

Jista’ l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 592 u jgħid kemm hemm ħaddiema nisa, irġiel jew ta’ ġeneru ieħor minn Skala 1 sa Skala 4 li bħalissa jaħdmu fis-servizz ċivili, maqsuma skont l-iskala?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninforma lill-Onor Interpellanta li l-skali tat-tmexxija fis-Servizz Pubbliku huma min skala 5 l’fuq  fejn japplika.Qed nipprovdi l-informazzjoni skont dan hawnhekk: Skala Nisa Irġiel Ġeneru Ieħor Total 1 1 6 0 7 2 5 26 0 31 3 40 118 0 158 4 450 602 0 1052 5 1135 883 0 2018 Total 1631 1635 0 3266

Baġit 2027 – Billboards temporanji – Permessi

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk il-billboards temporanji li ttellgħu sabiex jirreklamaw il-Baġit 2027, bħal dak li ttella’ fi Triq Valletta, Raħal Ġdid, għandhomx permess mill-Awtorità tal-Ippjanar skont il-liġi? Jekk iva, jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ dawn il-permessi?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninsab nfurmat li fil-post indikat mil-Onorevoli Interpellant ma għadx hemm tali billboard.Dan l-billboard kien għal perjodu temporanju u li kellu l-permess kif meħtieġ u li dan kien kompitu tal-fornitur.

Baġit 2027 – Billboards temporanji

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm tqiegħdu billboards temporanji sabiex jirreklamaw il-Baġit 2027, bħal dak li ttella’ fi Triq Valletta, Raħal Ġdid? Jista’ jgħid ukoll fejn twaħħlu dawn il-billboards?

Response (ABELA, ROBERT)

Nirreferi lill-Onor Interpellant għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari nru 5161.

Paġni personali tal-midja soċjali tal-Ministri u s-Segretarji Parlamentari - Produzzjoni ta’ filmati, ritratti, kontenut promozzjonali u reklamar

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid intefqux fondi pubbliċi fuq il-produzzjoni ta’ filmati, ritratti, kontenut promozzjonali u reklamar imħallas għall-paġni personali tal-midja soċjali tal-Ministri u s-Segretarji Parlamentari matul is-snin 2024, 2025 u 2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ wkoll jagħti rendikont tal-ammonti skont kull Ministru u Segretarju Parlamentari, u jindika jekk saritx verifika sabiex jiġi assigurat li dawn il-fondi ma ntużawx għal skopijiet partiġġjani?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li l-Manwal ta' Proċeduri tal-Kabinett jipprekludi lill-ministri u s-segretarji parlamentari milli jużaw fondi jew riżorsi pubbliċi, direttament jew indirettament, għall-paġni tal-midja soċjali tagħhom.

Uffiċċju tal-Prim Ministru - Reklamar u xiri ta’ ħin ta’ xandir

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm intefqu flus pubbliċi mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru u l-entitajiet li jaqgħu taħtu fuq reklamar u xiri ta’ ħin ta’ xandir fuq l-istazzjonijiet li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament, matul is-snin 2024, 2025 u 2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ wkoll jindika fuq liema kriterji ttieħdu d-deċiżjonijiet dwar it-tqassim ta’ dawn il-fondi?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninforma lill-Onor Interpellanta, illi kif weġibt f’istanzi oħrajn, l-Gvern  u l-entitajiet tiegħu, għandhom r-responsabbiltà u l-obbligu li jżomm lill-pubbliku infurmat dwar is-servizzi, il-proġetti u l-inizjattivi tal-Gvern, sabiex iċ-ċittadini jkunu jistgħu jagħmlu l-aħjar użu minnhom. Wieħed mill-mezzi li jintużaw għal dan il-għan huwa x-xandir tradizzjonali, jiġifieri t-televiżjoni u r-radju. Ninsab infurmat li, f'dawn iċ-ċirkostanzi, l-istazzjonijiet lokali kollha tat-televiżjoni u tar-radju, jiġu avviċinati sabiex ixandru messaġġi ta’ informazzjoni pubblika. Għaldaqstant, ma jkunx hemm għażla preferenzjali għall-kumpaniji li qed tagħmel referenza għalihom separatament, stante li ikun hemm opportunità mogħtija lill-mezzi tax-xandir kollha biex jipparteċipaw f'dawn l-inizjattivi. Ninsab infurmat ukoll li jkun fid-diskrezzjoni ta’ kull stazzjon jekk jaċċettax li jxandar ir-reklami jew le. Ninforma wkoll lill-Onor. Interpellant li n-nefqa relatata ma’ dawn is-servizzi hija suġġetta għall-proċeduri u r-regolamenti applikabbli tal-akkwist pubbliku, u li fl-Estimi Finanzjarji hemm vot speċifiku għall-informazzjoni, kif diġà ġie spjegat fit-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Nru 3526. Sadanitant, fir-rigward tar-rendikont dettaljat mitlub, għandu jiġi ċċarat li l-ġbir, il-verifika u l-konsolidazzjoni tal-informazzjoni għal kull nefqa, minn kull dipartiment, aġenzija, awtorità u entità, skont il-kategoriji u l-perjodi indikati fl-interpellanza, jirrikjedu eżerċizzju amministrattiv estensiv u l-użu ta' riżorsi sostanzjali. Dan l-eżerċizzju jkun jinvolvi ħin u riżorsi li għandhom jiġu bbilanċjati mal-ħtieġa li l-amministrazzjoni tkompli twettaq il-funzjonijiet u s-servizzi tagħha b'mod effiċjenti għall-benefiċċju taċ-ċittadini.

Uffiċċju tal-Prim Ministru – Direct orders ta' inqas minn €5,000

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti lista tad-direct orders ta' inqas minn €5,000 li ngħataw mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu matul Ottubru 2026?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif weġibt f’diversi istanzi, l-entitajiet u d-dipartimenti tal-Gvern japplikaw ir-regoli għall-Offerti Dipartimentali u l-Metodi ta’ Akkwist skont il-Valur tal-Kuntratt li joħorġu mill-Public Procurement Regulations.