Legislature:
Category:
Reset
Active:

TCNs – Tfal li twieldu f'Malta

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm hawn tfal minn ġenituri ta’ pajjiżi terzi (TCNs) li twieldu f’Malta? Jista’ jgħid ukoll minn liema pajjiżi terzi ġejjin dawn it-tfal u li bħalissa qegħdin hawn Malta?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministeru kkonċernat.

Finanzjament mogħti lil NGOs

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 5076 fl-intier tagħha u jagħti rendikont tal-finanzjament mogħti lil NGOs fl-aħħar sentejn, maqsuma skont l-NGO, l-għan u s-sena?

Response (BORG, IAN)

Ninsab infurmat li għadd ta’ kollaborazzjonijiet ma’ NGOs huma koperti b’ Public Social Partnerships (PSPs) u l-finanzjament huwa kummerċjalment sensittiv.

Awtorità dwar il-mediċini għar-reġistrazzjoni ta’ mediċini – Dħul u miżati pendenti

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x’kien id-dħul tal-Awtorità tal-Mediċini, għal dak li jirrigwarda reġistrazzjoni ta’ mediċini fis-snin 2022, 2023, 2024, 2025 u 2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena? Jista’ jgħid ukoll kemm għad fadlilha tiġbor l-istess Awtorità mill-miżati tar-reġistrazzjoni ta’ mediċini, għal reġistrazzjonijiet li saru qabel l-2022, 2023, 2024, 2025 u 2026 separatament għal kull sena?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-mediċini jiġu rreġistrati permezz ta’ applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq, li jiġu pproċessati mill-Awtorità dwar il-Mediċini biss wara li jitħallsu l-miżati applikabbli. Għalhekk, m’hemmx ammonti pendenti relatati mal-miżati tar-reġistrazzjoni. Id-dħul minn applikazzjonijiet ġodda għall-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq kien is-segwenti: Sena Dħul € 2022 1,919,127.79 2023 1,728,541.91 2024 2,142,745.09 2025 1,975,280.20 2026 (sal-aħħar ta’ Lulju) 1,604,705.00 Wara r-reġistrazzjoni, id-detenturi tal-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq iħallsu tariffa annwali sabiex l-awtorizzazzjoni tibqa’ valida.

POYC – Tqassim tal-mediċini – Informazzjoni

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid f’liema sit elettroniku persuna tista’ ssib informazzjoni dettaljata dwar is-servizz tat-tqassim tal-mediċini tal-POYC?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li s-sit elettroniku tal-POYC huwa poyc.gov.mt.

POYC – Tqassim tal-mediċini

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk huwiex minnu li t-tqassim tal-mediċini tal-POYC jiddependi biss mid-diskrezzjoni assoluta tal-ispiżjar?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta illi għandha informazzjoni ħażina. Il-mediċini tal-POYC ma jitqassmux skont id-diskrezzjoni tal-ispiżjar, iżda skont il-liġi: jingħataw lil min huwa intitolat għalihom taħt l-Att dwar is-Sigurtà Soċjali (Kap. 318), fuq preskrizzjoni medika, kif spjegat ukoll fit-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari nru. 2995.

POYC – Tqassim tal-mediċini – Lokalitajiet

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid f’liema lokalitajiet l-iskema tat-tqassim tal-mediċini tal-POYC qiegħda titħaddem, u kif taħdem eżatt?

Response (BORG, IAN)

Ninsab infurmat li l-iskema Pharmacy of Your Choice (POYC) titħaddem permezz tal-ispiżeriji tal-komunità parteċipanti kollha f’Malta u Għawdex u ċioe' 234 spiżerija. Il-pazjenti intitolati għal mediċini b’xejn jirreġistraw ma’ spiżerija tal-għażla tagħhom, minn fejn jiġbru l-mediċini tagħhom, filwaqt li l-POYC tqassam il-mediċini lil dawn l-ispiżeriji.

POYC – Tqassim tal-mediċini

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk huwiex minnu li l-wegħda dwar it-tqassim tal-mediċini tal-POYC saret fil-manifest elettorali tal-2013?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-wegħda dwar it-tqassim tal-mediċini ilha implimentata, kif spjegat fit-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari 2993.

Servizz tas-saħħa pubblika – Tqassim ta’ boroż għall-istoma

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm-il unità minn kull tip ta’ borża għall-istoma li bħalissa qed jingħataw permezz tas-servizz tas-saħħa pubblika tqassmet matul dawn l-aħħar għaxar snin, maqsuma sena b’sena?

Response (BORG, IAN)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Servizz tas-saħħa pubblika – Tipi ta’ boroż għall-istoma

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jelenka t-tipi kollha ta’ boroż għall-istoma li bħalissa qed jingħataw permezz tas-servizz tas-saħħa pubblika u, għal kull prodott, jagħti l-kodiċi tal-prodott, id-deskrizzjoni, il-marka u l-manifattur? Jista’ jagħti tagħrif dwar it-tip, il-karatteristiċi u l-ispeċifikazzjonijiet ta’ kull prodott, inklużi l-varjanti u d-daqsijiet disponibbli? Jista’ jagħti n-numru ta’ pazjenti li bħalissa qed jingħataw kull prodott?

Response (BORG, IAN)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Servizz tas-saħħa pubblika – Kura tal-istoma

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jagħti rendikont tal-pazjenti li bħalissa huma intitolati jew qed jirċievu prodotti għall-kura tal-istoma permezz tas-servizz tas-saħħa pubblika skont il-faxex tal-età?

Response (BORG, IAN)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Servizz tas-saħħa pubblika – Kura tal-istoma

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm hemm pazjenti li bħalissa huma intitolati jew qed jirċievu prodotti għall-kura tal-istoma permezz tas-servizz tas-saħħa pubblika? Jista’ jaqsam din l-informazzjoni skont jekk il-pazjent għandux colostomy, ileostomy jew urostomy, skont is-sess, u bejn Malta u Għawdex?

Response (BORG, IAN)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Proċeduri li jsiru f’Malta u Għawdex

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm minn dawn il-proċeduri jsiru f’Malta jew f’Għawdex: i.     Sleeve gastrectomy (gastric sleeve); ii.    Gastric bypass; iii.    Adjustable gastric band; iv.    Intragastric balloon; u v.     Endoscopic sleeve gastroplasty?

Response (BORG, IAN)

Ninsab infurmat li l-proċeduri barjatriċi li jsiru lokalment huma s-sleeve gastrectomy, ir-Roux-en-Y gastric bypass u l-one anastomosis gastric bypass. L-introduzzjoni tal-endoscopic sleeve gastroplasty qed tiġi kkunsidrata. Minn Jannar sa Lulju 2026 saru 37 proċedura barjatrika fl-Isptar Mater Dei. Bħalissa hemm 63 persuna li ilhom fuq il-lista ta’ stennija aktar minn dak stipulat fiċ-Charter tal-Pazjenti għal kirurġija barjatrika.

Djar residenzjali għall-anzjani - Rapporti ta’ allegat abbuż, negliġenza jew trattament mhux xieraq ta’ anzjani

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa permezz tas-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 5023 u jgħid kemm ġew irreġistrati rapporti ta’ allegat abbuż, negliġenza jew trattament mhux xieraq ta’ anzjani fi djar residenzjali, kemm pubbliċi kif ukoll privati, matul is-snin 2024, 2025 u 2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ wkoll jindika kemm minn dawn il-każijiet ġew ikkonfermati wara investigazzjoni u x’passi ttieħdu fil-konfront ta’ dawk responsabbli?

Response (BORG, IAN)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Pazjenti dijanjostikati bil-kanċer - Stennija għat-trattament onkoloġiku

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 5022 u jgħid kemm ġew dijanjostikati pazjenti bil-kanċer li kellhom jistennew aktar minn 30, 60 jew 90 ġurnata sabiex jibdew it-trattament onkoloġiku indikat mit-tim mediku tagħhom, matul is-snin 2024, 2025 u 2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li t-trattament onkoloġiku jinkludi t-trattament bir-radjoterapija u t-trattament sistemiku kontra l-kanċer. Iż-żmien bejn ir-riferiment u l-bidu tat-trattament jinkludi l-ippjanar kliniku u tekniku meħtieġ għal kull pazjent. Il-maġġoranza kbira tal-pazjenti jibdew it-trattament fi żmien xahar mir-riferiment, u matul is-snin 2024, 2025 u 2026 l-ebda pazjent ma stenna aktar minn xahrejn biex jibda t-trattament sistemiku kontra l-kanċer. Fejn iż-żmien ta’ stennija kien itwal, dan kien dovut għal raġunijiet kliniċi, tekniċi jew marbuta mal-pazjent.

Persuni li jbatu mill-Glaucoma – Għajnuniet

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x’għajnuna joffri l-Gvern fir-rigward ta’ min ibati mill-Glaucoma, inklużi spejjeż marbuta ma’ medikazzjoni u xiri ta’ mediċini?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li l-pazjenti dijanjostikati bil-glawkoma huma intitolati għal mediċini b’xejn taħt l-Iskeda V, u jistgħu jiġbruhom mill-ispiżerija tal-għażla tagħhom permezz tal-iskema POYC. Il-firxa ta’ mediċini disponibbli għal din il-kundizzjoni tiġi riveduta regolarment.

POYC – Tqassim tal-mediċini

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x’sar mill-wegħda dwar it-tqassim tal-mediċini tal-POYC?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li kif taf tajjeb il-wegħda tat-tqassim tal-mediċini permezz tal-Pharmacy of Your Choice twettqet, tant li hi stess staqsiet fuq it-tħaddim tal-iskema f'diversi Mistoqsijiet Parlamentari fis-Seduta suċċessiva.

Free Medical Aid – Mediċini out of stock

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm hemm mediċini li jistgħu jinġiebu bil-Free Medical Aid (Kartuna r-Roża) li huma out of stock bħalissa?

Response (BORG, IAN)

Ninsab infurmat li minn 255 mediċina li jinġiebu bil-Free Medical Aid, hemm waħda li mhix disponibbli bħalissa.

Proċeduri fil-ġimgħa

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm minn dawn il-proċeduri jsiru kull ġimgħa: i.     Sleeve gastrectomy (gastric sleeve); ii.    Gastric bypass; iii.    Adjustable gastric band; iv.    Intragastric balloon; u v.     Endoscopic sleeve gastroplasty?

Response (BORG, IAN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellanta għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari numru 2988.

Proċeduri – Lista ta’ stennija

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm hemm persuni fuq il-lista ta’ stennija għal dawn il-proċeduri: i.    Sleeve gastrectomy (gastric sleeve); ii.    Gastric bypass; iii.    Adjustable gastric band; iv.    Intragastric balloon; u v.    Endoscopic sleeve gastroplasty?

Response (BORG, IAN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellanta għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari numru 2988.

Proċeduri – Sena 2026

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm saru minn dawn il-proċeduri mill-bidu tas-sena 2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari: i.     Sleeve gastrectomy (gastric sleeve); ii.    Gastric bypass; iii.    Adjustable gastric band; iv.    Intragastric balloon; u v.     Endoscopic sleeve gastroplasty?

Response (BORG, IAN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellanta għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari numru 2988.