Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru tal-Intern u Affarijiet Parlamentari — xogħol mogħti lil kumpanija

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista ta' kuntratti u xogħlijiet, bil-valur ta' kull wieħed, li ngħataw mill-Ministeru u entitajiet li jaqgħu taħtu, sena b' sena mill-2004, lil kumpanija li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament? Għal kull każ, jista' l-Ministru jgħid jekk kien każ ta' tender jew direct order? Jista' jgħid ukoll kemm kien hemm każijiet fejn l-istess kumpanija ngħatat xogħol bħala sub-contracter ta' min ikun rebaħ xi kuntratt jew ingħata direct order?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant

Faċilità Korrettiva ta' Kordin — priġunieri li ma ħallsux il-manteniment

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm priġunieri fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin għax ma ħallsux manteniment lill-ulied jew lil konjugi?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi sal-25 ta' Mejju 2012, hemm żewġt persuni li għandhom sentenza ta' priġunieri dovut għal nuqqas ta' ħlas ta' manteniment lill-ulied jew lill-konjugi fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin.

Faċilità Korrettiva ta' Kordin — persuni taħt is-16-il sena

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il persuna taħt is-16-il sena kienet miżmuma detenuta fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin fl-aħħar erba' snin sena b'sena?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi n-numru ta' persuni taħt is-sittax-il sena miżmuma fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin fl-aħħar erba' snin kien kif ġej:- 2008 12 2009 10 2010 10 2011 5 2012 5 Infurmat ukoll illi jista' jkun li persuna tkun daħlet iżjed minn darba fl-istess sena.

Qorti — każijiet pendenti ta' persuni taħt l-erbatax-il sena

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il persuna taħt l-erbatax-il sena tressqet il-Qorti sena b'sena fl-aħħar erba' snin? Kemm minn dawn il-każijiet għadhom pendenti, kemm ġew liberati u kemm instabu ħatja u x'kienu l-pieni li ngħataw?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant huwa kif ġej: Persuni taħt l-14-il sena pressqa l-Qorti 2008 2009 2010 2011 2012 Persuni mressqa l-Qorti 19 18 45 52 28 Persuni li l-każ għadu pendenti xejn xejn 4 11 14 Persuni misjuba ħatja 9 12 24 22 11 Persuni liberati 4 4 6 8 3 Persuni dikjarat proċediment eżawrit 6 2 11 11 xejn Ninsab infurmat ukoll illi l-pieni mogħtija kienu, multa, probation, liberazzjoni kundizzjonata u ċanfira jew twiddiba.

Belt Valletta — Strada Rjali - Segways

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu l-limitu tal-veloċità ta' segways, f'postijiet bħal Strada Rjali fil-Belt Valletta, biex ma jkunx hemm periklu għall-pedestrians?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi għalkemm m’hemmx indikat il-limitu ta’ veloċità għal dan il-mezz ta’ transport partikolari, hemm regolamenti tat-traffiku li jispeċifikaw li ħadd ma għandu jsuq vettura li taħdem b’makna b’qawwa baxxa b’mod perikoluż jew bi traskuraġni fi triq jew post ieħor pubbliku, jew mingħajr ma jagħti kas ta’ persuni oħra li jkunu qed jużaw it-triq jew il-post.

Faċilità Korrettiva ta' Kordin u Forensic Unit — mewt ta' persuni

Question

Jista' l-Ministru jgħid fl-aħħar disa' snin kemm mietu persuni waqt li kienu fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin u fil-Forensic Unit f'Monte Karmeli? Jista' jgħid f'liema minn dawn il-każijiet il-mewt ġrat b'kawża naturali?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi mis-sena 2003 'l hawn mietu 8 persuni waqt li kienu qegħdin jiskontaw sentenza fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin. Infurmat ukoll illi minn dawn, 4 priġunieri mietu b'kawża naturali: 1 miet fil-Faċilità, 1 miet l-Isptar San Luqa, 1 miet San Vinċenz De Paule u 1 miet l-Isptar boffa. Kien hemm ukoll uffiċjal li miet fuq il-post tax-xogħol. Apparti dawn hemm Inkjesta Maġisterjali fuq mewta ta' priġunier li għadha ma ġietx magħluqa.

Persuni akkużati bir-reat ta' korruzzjoni ta' minorenni

Question

Jista' l-Ministru jgħid fl-aħħar erba' snin sena b'sena kemm tressqu persuni l-Qorti akkużati bir-reat ta' korruzzjoni ta' minorenni? Jista' jgħid f'kemm minn dawn il-każijiet il-vittma kellha aktar minn sittax-il sena? Jista' jgħid kemm ġew liberati, kemm għadhom pendenti u kemm instabu ħatja?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant huwa kif ġej: 2008 2009 2010 2011 2012 Persuni akkużati b’ korruzzjoni ta' minorenni 42 60 32 33 7 Każi fejn il-vittma kellha aktar minn sittax-il sena 9 13 7 9 Xejn Persuni liberati 1 2 Xejn Xejn Xejn Persuni li l-każ tagħhom għadu pendenti 25 36 21 22 6 Persuni u misjuba ħatja 16 22 8 10 1

Hold ups

Question

Jista' l-Ministru jwiegeb mistoqsija 33758 u jgħid kemm twettqu hold-ups bejn l-2005 u llum sena b'sena? Jista' jgħid kemm minnhom kienu solvuti? Jista' jgħid f'liema lokalitajiet ġraw? Jista' jgħid kemm insterqu flus f'kull hold up fejn dan japplika? Jista' jgħid f'kemm minn dawn il-hold ups intużat il-vjolenza? Jista' jgħid f'kemm minn dawn il-hold ups intużaw armi tan-nar jew armi li jaqtgħu u bil-ponta?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi bejn Jannar 2005 u l-aħħar ta’ April ta’ din is-sena ġew irrapurtati lill-Pulizija 329 kaz ta’ serq aggravat bil-vjolenza. Infurmat ukoll illi 211 każ kien irrapurtat illi kienet intużat arma tan-nar, f’105 kien irrapurtat li ntuzat arma li taqta' u bil-ponta u fil-kumplament, xi tip ta’ arma oħra. Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra, Tabella li turi l-lokalitajiet ta’ fejn ġie rrapurtat li sehhew dawn ir-reati u fejn hemm l-ammonti allegati misruqa.

Akkademija tal-Pulizija

Question

Jista' l-Ministru jgħid f'liema sena twaqqfet l-Akkademija tal-Pulizija u kemm ġew dedikati fondi għall-istess akkademja sena b'sena fl-aħħar erba' snin?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi l-Akkademja tal-Pulizija ġiet imwaqqfa fl-1988. Għalkemm ma jingħatawx fondi espressament għaliha, dawn jinħarġu mill-fondi tal-Korp kif ikun meħtieġ.

pornografija — persuni akkużati

Question

Jista' l-Ministru jgħid fl-aħħar disa' snin kemm tressqu persuni l-Qorti akkużati b'reati konnessi mal-pornografija tat-tfal u x'kienu l-pieni li ngħataw?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi matul dawn l-aħħar disa’ snin, ċioe' mill-2004 sallum kien hemm 69 persuna li ġew imressqa l-Qorti b’konnessjoni ma’ pornografija tat-tfal. Għar-rigward il-pieni mogħtija lill dawk misjuba ħatja kienu jinkludu, sentenza ta’ priġunerija, sentenza ta’ priġunerija sospiża, probation, liberazzjoni kondizzjonata u kondizzjoni ta’ attendenza għal kura psikoloġika.

Att dwar il-Ġustizzja Ripatraċi

Question

Peress li l-Att dwar il-Ġustizzja Ripatraċi ilu xhur li daħal fis-seħħ, però l-istruttura amministrattivi għadhom mhux f'posthom kompletament, jaħsibx il-Ministru li dan jista' jesponi l-Gvern għad-danni minn dawk il-persuni li minkejja li intolati għal parole ma jistgħux jużufruwixxu minn dan id-dritt?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li skont l-standing orders 27(5), Mistoqsija Parlamentari ma tistax tkun maghmula b’tali mod li l-Interpellant jitlob parir legali.

Korp tal-Pulizija — pulizija akkużat b'reati ta' serq

Question

Jista' l-Ministru jgħid fl-aħħar għaxar snin kemm-il pulizija tressaq il-Qorti akkużat b'reati ta' serq? Kemm minn dawn il-persuni ġew liberati? Kemm għadhom pendenti? Kemm ġew misjuba ħatja u x'kienu l-pieni? Jista' jgħid kemm minn dawk li nstabu ħatja baqgħu fil-Korp tal-Pulizija?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi matul dawn l-aħħar għaxar snin, ċioe' mis-sena 2002 'l hawn kien hemm 7 membri tal-Korp tal-Pulizija li ġew akkużati quddiem il-Qorti b’serq. Minn dawn 2 ġew liberati, filwaqt li 2 għandhom il-każ tagħhom għadu pendenti quddiem il-Qorti. 3 kienu misjuba ħatja, fejn wieħed gie mgħoti multa u tnejn ingħataw probation. Infurmat ukoll illi ħadd minn dawn it-tlieta ma għadu jservi fil-Korp tal-Pulizija.

Bugibba — Misraħ il-Bajja - latrina magħluqa

Question

Billi l-latrina pubblika f'Misraħ il-Bajja Buġibba ilha magħluqa aktar minn erba' snin u billi ukoll dalwaqt jibda l-istaġun tas-sajf fil-gżejjer tagħna, jista' l-Ministru jara li immedjatament isir il-kordinament meħtieġ bejn il-Ministeru u l-Lands Department sabiex tiġi rispettatat talba tal-Kunsill Lokali ta' San Pawl il-Baħar sabiex din il-latrina tgħaddi lill-kunsill ħalli titranġa bla aktar telf ta' żmien?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi din id-domanda lill-Ministru kkonċernat.

Korp tal-Pulizija — applikazzjonijiet għall-surġenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm applikaw persuni għall-gradi ta' surġent fil-Korp tal-Pulizija fl-aħħar eżerċizzju? Kemm minn dawn kienu nisa, u kemm kienu irġiel? Kemm minn dawk li applikaw fil-fatt għaddew? Meta huwa mistenni li jilħqu dawn is-surġenti futuri u kemm hemm vakanzi li jridu jimtlew?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi kien hemm 130 membru tal-Korp tal-Pulizija, 42 nisa u 88 rgiel li applikaw għal promozzjoni għal Surġent skont l-aħħar sejħa għall-applikazzjonijiet. Minn dawk li applikaw, kien hemm 3 applikanti li rtiraw l-applikazzjoni tagħhom, 4 ma kienux eliġibbli, filwaqt li 5 applikanti ma għaddewx mill-interview. Infurmat ukoll illi fil-preżent dawk li għaddew mill-ewwel parti ta’ proċess ta’ għażla, qed jattendu lectures fl-Akkademja tal-Pulizija bi preparazzjoni għat-tieni parti ta’ proċess ta’ għażla li jikkonsisti f’eżamijiet bil-miktub. Dawn l-eżamijiet huma mistennija li jsiru f’Lulju li ġej u wara jimtlew dawk il-vakanzi li jkun hemm bżonn u li fil-preżent jammontaw għal 44.

Korp tal-Pulizija — postijiet vakanti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm vakanzi fil-Korp tal-Pulizija fl-1 ta' Mejju 2012, u kif kienu mqassma dawn il-vakanzi grad/grad?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi l-complement fid-Distretti u Taqsimiet fil-Korp tal-Pulizija jinbidel minn żmien għal żmien skont l-esiġenzi u l-ħtiġijiet in ġenerali tal-Korp.

Breathyliser Tests

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il persuna saritilha l-breathyliser test fis-sena 2011? Kemm minn dawn is-sewwieqa kienu nisa u kemm minnhom kienu rġiel? Kemm minnhom irriżultaw li kienu qabżu l-limitu ta' alkohol stabbilit mill-Liġi?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi matul is sena l-oħra 184 persuna li sarilha l-breathalyser test. Dawn kienu 11 nisa u 173 rġiel. Minn dawn kien hemm 106 li rriżulta li kienu qabżu l-limitu ta' alkoħol stabbilit mil-liġi, filwaqt li kien hemm 48 li rrifjutaw jew kellhom test mhux komplut.

Persuni barranin li ġew arrestati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il persuna barranija ġiet arrestata fis-sena 2011? Kemm minn dawn kienu maskili? Kemm minn dawk kienu feminili? Kemm minn dawn kienu minorenni? Liema kienet l-età tal-iżgħar persuna arrestata?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi matul is-sena l-oħra, kien hemm 774 persuna ta’ nazzjonalità barranija li ġiet arrestata mill-Pulizija. Minn dawn 672 kienu tas-sess maskil u 102 tas-sess femminil. Fost dawn kien hemm 17 li kienu minorenni, bl-iżgħar persuna ta' 14-il sena.

Investigazzjoni tas-serq tal-pittura ta' Caravaggio mill-Kon Katidral ta' San Ġwann

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk b'referenza għall-investigazzjoni tas-serq tal-pittura ta' Caravaggio mill-Kon Katidral ta' San Ġwann, kienx hemm xi persuna jew persuni suspettati li ħarbu mill-pajjiż?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

B'refernza għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 34951, ninsab infurmat illi ma jirriżultax li hemm xi persuna jew persuni oħra suspettati li ħarbu mill-pajjż.

Taqsima tal-Kavallerija tal-Pulizija — fondi u riżorsi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm żwiemel fit-Taqsima tal-Kavallerija tal-Pulizija? Jista' jgħid sena b'sena kemm ġew dedikati fondi u riżorsi għal din it-taqsima?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi fil-preżent it-Taqsima tal-Kavallerija tal-Pulizija għandha 18-il żiemel. Matul is-sena 2008 kienu nxtraw sitt żwiemel minn Franza u kien inxtara karru bil-kapaċita' li jġorr żewġ żwiemel, filwaqt li fis-sena 2010 kienu nxtraw 20 riding helmets, 20 par riding boots u 20 jodhpurs. Matul is-sena l-oħra din it-Taqsima ġiet mogħtija van għal-użu tagħha, filwaqt li matul din is-sena s’issa, inxtraw 20 saddlecloths, kif ukoll flourescent horse rugs u flourescent horse boots li jservu ta’ protezzjoni mill-elementi kif ukoll ta’ għajnuna viżwali għal fejn ikun hemm nuqqas ta’ dawl. Dan ovvjament barra l-ikel u affarjiet oħra meħtieġa ta’ kuljum għaż-żamma ta’ din it-Taqsima. Infurmat ukoll illi fil-preżent hemm 18-il membru tal-Korp stazzjonati f’din it-Taqsima.

Korp tal-Pulizija — taqsima tal-klieb

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'investiment sar sena b'sena fl-aħħar erba' snin fit-Taqsima tal-Klieb fil-Korp tal-Pulizija?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi matul is-sena 2009, diversi membri minn din it-Taqsima attendew taħriġ fil-Ġermanja, ir-Rumanija u l-Litwanja. Fis-sena 2010 kienu nxtraw 9 klieb mill-Ingilterra u kien ukoll inġieb instructor mill-Ingilterra li ta' taħriġ lill-membri ta’ din it-Taqsima għal 3 xhur, filwaqt li żewġ membri tħarrġu u kwalifikaw bħala instructors fit-taħriġ tal-klieb. Matul l-istess sena din it-Taqsima ngħatat ukoll van u anke nxtraw diversi ċineg, filwaqt li għal darb’oħra membri minn din it-Taqsima attendew taħriġ fir-Rumanija. Matul is-sena l-oħra kien sar tibdil fl-uniformi tas-sajf sabiex il-patrol fuq ix-xtajtiet isir b’aktar kumdita' filwaqt li aktar membri minn din it-Taqsima attendew taħriġ fil-Polonja, is-Slovenja, il-Ġermanja u r-Rumanija. Matul din is-sena, s’issa, din it-Taqsima ngħatat 24 portable radio ġdid, filwaqt li reġgħu nxtraw aktar ċineg. Dan ovvjament barra l-ikel u affarjiet oħra meħtieġa ta’ kuljum għaż-żamma ta’ din it-Taqsima.