Legislature:
Category:
Reset
Active:

Restawrazzjoni tal-batterija tal-Mistra

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 38489 u jgħid jekk il-batterija tal-Mistra taqax taħt ir-responsabilità tal-Heritage Malta? Jista' jgħid jekk hemmx il-ħsieb li din tiġi restawrata u preservata kif jixraq?

Response (MARCO, MARIO DE)

Ninforma lill-Onor Interpellant illi l-batterija tal-Mistra ma taqax taħt ir-responsabbilita’ tal-Heritage Malta.

Marfa Action Plan

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-pożizzjoni tal-gvern fuq il-kmamar tal-Armier li nbnew qabel l-1992? Jista' jgħid x'inhi l-pożizzjoni fuq il-Marfa Action Plan li kien inħareġ fl-2002 mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar?

Response (MARCO, MARIO DE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Gvern qiegħed jirrevedi l-Pjan ta' Azzjoni għall-Marfa li kien ħareġ fl-2002 bil-ħsieb li tinstab soluzzjoni aħħarija li tirrispetta l-ambjent imma li fl-istess ħin, fl-ispirtu tal-prinċipju ta’ żvilupp sostenibbli, tagħti każ ukoll l-aspett soċjali.

Ministeru għat-Turiżmu, l-Ambjent u l-Kultura — remunerazzjonijiet ta' chairpersons

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 32890 u jgħid kemm tħallsu remunerazzjonijiet ta' chairpersons u membri ta' bordijiet f'din l-aħħar sena (mill-2011 sal-lum) kull bord separatament u jgħid min huma dawn iċ-chairpersons u membri?

Response (MARCO, MARIO DE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabelli bl-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.

Birżebbuġia — enforcement notice

Question

Jista' l-Ministru jispjega għaliex l-enforcement notice li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, wara 11-il sena għadha ma ġietx infurzata? Jaf li din l-scrap yard għadha topera b'detriment kbir għall-ambjent u għas-saħħa tar-residenti tal-inħawi?

Response (MARCO, MARIO DE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li s-sit huwa kolpit b'avviż ta' Twettiq u Infurzar ECF 68/00 li jgħid 'Biddilt l-użu tal-art minn għalqa għal scrapyard fejn qiegħed ukoll tipparkja trakkijiet u vetturi oħra u dan kollu minghajr permess' . Fil-preżent dan is-sit qed jiġi mnaddaf mis-sid hekk kif huwa obligat jagħmel skond l-ordni msemmija wara li riċentement reġa' gie ordnat biex jagħmel dan mill-uffiċjali tad-Direttorat tal-Infurzar u wara li kiseb il-permessi meħtieġa biex jiddisponi minn dan l-iskart. L-istess Direttorat qiegħed ukoll iwettaq spezzjonijiet regolari f'din il-fażi ta' tindif biex jiġi assigurat li l-ordni skond ECF 68/00 tiġi sorveljata kollha. Barra minn hekk, dokumenti li jikkonfermaw l-esportazzjoni ta’ materjal riċiklabbli qed ikunu provduti mis-sid bħala prova addizjonali li qed iwettaq it-tindif ordnat.

waste electrical and electronic equipment — direttiva

Question

Jista' l-Ministru jgħid x’qed iżomm lill-gvern milli tiġi implimentata l-WEEE Directive dwar waste electrical and electronic equipment minkejja li t-trażpozizzjoni fil-liġi Maltija kienet saret permezz ta' avviż legali ħames snin ilu?

Response (MARCO, MARIO DE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li d-Direttiva tal-Waste Electronic and Electrical Equipment (WEEE) ġiet tradotta permezz ta' l-Avviż Legali 63 of 2007 li daħlet fis-seħħ fit-23 ta' Marzu 2007. Il-MEPA ilha għal dawn l-aħħar snin tobbliga l-produtturi kollha tal- Waste Electronic and Electrical Equipment (WEEE) jirreġistraw mal-MEPA, jipprovdu l-informazzjoni meħtieġa u jottempraw ruħhom mal-provedimenti tal-Avviż Legali imsemmi. Il-MEPA ukoll awtorrizat skemi fir-rigward ta’ l-operat tal- Waste Electronic and Electrical Equipment (WEEE). Sabiex l-implementazzjoni ta’ din id-Direttiva titjieb il-Gvern fassal pjan f’dan ir-rigward. Dan il-pjan inħareġ għall-konsultazzjoni, liema kummenti kienu rikjesti sat-31 ta' Ottubru 2011. Wara dal-perjodu saru xi tibdiliet, u bħalissa qiegħed fl-aħħar fażi li jiġi ppubblikat. Dan il-pjan jinidirizza numru ta' problemi li ġew identifikati u miżuri li għandhom jittieħdu, u jelenka fid-dettal kif se tiġi implementata aħjar din id-Direttiva.

Applikazzjonijiet għal lukandi ġodda

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm applikazzjonijiet pendenti għal ftuħ ta' lukandi ġodda? Kemm ilhom pendenti waħda, waħda? Għal liema lokalitajiet jirreferu l-applikazzjonijiet waħda, waħda? X'kategoriji ta' lukandi jirreferu l-applikazzjonijiet waħda, waħda? Hemm xi applikazzjonijiet li jirreferu għal bini ta' lukandi barra żoni ta' żvilupp?

Response (MARCO, MARIO DE)

Infurmat illi bħalissa hemm total ta’ 109 applikazzjonijiet quddiem l-Awtorita’ tat-Turiżmu ta’ Malta għall-akkomodazzjoni. Minn dawn 76 huma għal żviluppi ġodda u 33 għall-estenzjonijiet. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella A bid-dettalji mitluba mill-Onor. Interpellant. Infurmat ukoll illi, fir-rigward ta’ applikazzjonijiet għall-bini ta’ lukandi barra żoni ta’ żvilupp, l-Awtorita’ ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Iżvilupp għandha 10 applikazzjoni quddiemha liema informazzjoni qed tingħata f’tabella B li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

MEPA — policy tal-flexible approach

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm files fil-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar li jinsabu pendenti jew sospiżi biex jistenna l-eżitu tal-policy tal-flexible approach li tinsab għall-konsultazzjoni pubblika?

Response (MARCO, MARIO DE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-proċedura eżistenti, li tapplika għall-applikazzjonijiet li daħlu wara l-2010, ma tippermettix li jitwaqqaf il-proċess tal- applikazzjonijiet sabiex tistenna t-tnehid tal-policy.

MEPA — bord tal-ħatra

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm sejħiet għall-promozzjonijiet ġewwa l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar f’dawn l-aħħar erba’ snin, inkluż dawk is-sejħiet li qed isiru interviews bħalissa u għad ma hemmx deċiżjoni tal-Bord tal-Ħatra fuqhom? Jista’ jgħid kif l-awtorità taħtar il-membri tal-bord għall-ħatra tal-promozzjonijiet? Min jagħżel lill-membri tal-Bord u xi kriterji jintużaw biex dawn il-membri jservu fuq il-bord? Jista’ jagħti lista tal-membri li qagħdu, jew qegħdin bħalissa, fuq il-bordijiet ta’ ħatra tal-promozzjonijiet f’dawn l-aħħar erba’ snin, inkluż il-professjoni tagħhom?

Response (MARCO, MARIO DE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Ftehim Kolletttivi jistabilixxu li l-persuni membri fil-Bordijiet ta' l-Għażla, għandhom bażikament ikunu ta' gradi ogħla minn dik tal-pozizzjoni li għalija qed jiġu evalwati l-kandidati. Fil-każi ta' vakanzi ta' gradi professjonali, l-ftehim kollettiv jistabilixxi li wieħed mill-membri tal-Bord ta' l-Għazla għandu jkun membru tal-Bord ta' l-Awtorita'. Il-membri tal-Bord jiġu nnominati mid-Diretturi li jkollhom ir-responsabilta' diretta jew indiretta' tal-pozizzjoni li tkun vakanti. Fil-maġġoranza tal-każi wieħed mill-membri tal-Bord ta' l-għażla li jkun nominat mid-Diretturi, jkun is-superjur dirett jew indirett ta' dik il-pożizzjoni li hija vakanti. F'kull bord ta' l-għażla jkun hemm membru mill-Unita' tar-Riżorsi Umani, kemm f'rwol ta' membru jew inkella f'rwol ta' facilitator fil-każi ta' gradi professjonali. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi l-lista tas-sejħiet għall-promozzjonijiet f'dawn l-aħħar erba' snin, kif ukoll l-membri li qagħdu jew qegħdin fuq il-bordijiet:

Għawdex — parkeġġ tal-Katidral

Question

Jista' l-Ministru jinforma l-Kamra meta se jibda x-xogħol fuq il-parkeġġ tal-Katidral ta' Għawdex? Meta saret it-talba għall-ħruġ tal-permess mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar? Kemm hi n-nefqa allokata għal dan il-progett? Għaliex għadu ma ħariġx il-permess?

Response (MARCO, MARIO DE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-talba għall-ħruġ tal-permess saret fid-29 ta’ Settembru 2003, bl-applikazzjoni tiġi validata fl-24 ta' Novembru 2003. Bħalissa qiegħed jiġi konkluż il-proċess tal-istudji ambjentali tal-EIA li ġie ffinalizzat mill-esperti tal-applikant f’Settembru 2012. Fir-rigward tal-ewwel u t-tielet mistoqsija, nitlob lill-Onor Interpellant jirreferihom lill-Ministru konċernat.

MTA — riklami t'Għawdex

Question

Jista' l-Ministru jgħid x’miżuri ttieħdu matul din is-sena sal-lum mill-gvern u mill-Awtorità ta' Malta għat-Turiżmu biex jirreklamaw lil Għawdex bħala destinazzjoni distinta? X’kienet in-nefqa fuq dawn il-miżuri? X’miżuri mistennija jittieħdu matul l-2013? Kemm hija mistennija li tkun in-nefqa fuq il-miżuri li mistennija jittieħdu?

Response (MARCO, MARIO DE)

L-Awtorita’ ta’ Malta għat-Turiżmu tqis lill-Għawdex bħala destinazzjoni unika b’attrazzjoni qawwija għal diversi tipi ta’ turiżmu, u għaldaqstant tirreklama u tippromovi l-Gżira Għawdxija bħala destinazzjoni distinta. Sabiex tattira turiżmu addizzjonali għal Għawdex, l-Awtorita’ ta’ Malta għat-Turiżmu tieħu diversi inizjattivi fosthom billi talloka fondi addizzjonali għal ftehim ta’ joint marketing ma’ tour operators u specjalisti li jirreklamaw u jbiegħu lil Għawdex bħala destinazzjoni differenti minn Malta. Din il-promozzjoni u reklamar tkun ffukata u esklussiva għal Għawdex u l-attrazzjonijiet u prodott li l-gżira toffri. Fost il-prodotti li l-awtorita’, it- tour operators, speċjalisti u linji ta’ l-ajru jirreklamaw għal Għawdex nsemmi fost oħrajn, self catering holidays fi djar ta’ karattru u farmhouses tipiċi f’Għawdex, btajjel ta’ wellness u spa , btajjel attivi u sportivi li jinkludu attivitajiet bħal scuba diving, abseiling, ciklizmu, walking/trekking fil-kampanja, art & painting holidays , turiżmu agrarju u gastronomiku, kif ukoll btajjel li jinkludu żwieġ u qamar il-għasel f’Għawdex Apparti r-reklamar u attivitajiet ta’ promozzjoni, l-Awtorita ta’ Malta għat-Turiżmu torganizza wkoll żjarat għall-ġurnalisti, krews tat-televizjoni u aġenti ta’ l-ivjaġġar speċifiċi għal Għawdex. Dawn iż-żjarat jiġġeneraw exposure kbir fil-media internazzjonali, ta’ valur ferm ogħla minn nefqa li ssir biex dawn jiġu organizzati. Huwa kkalkulat li matul s-sena 2012 l-Awtorita’ se tkun nefqet madwar madwar Euro 1.4 miljun fuq dawn l-attivitajiet sabiex tippromwovi lil Għawdex bħala destinazzjoni distinta. In-nefqa tal-MTA fi promozzjoni li tinkludi kemm 'l Malta kif ukoll lil Għawdex hija akbar. Matul l-2013 il-miżuri li se jittieħdu se jkomplu jibnu fuq ix-xogħol li sar dawn l-aħjar snin u nippjanaw li nifirxu iżjed l-promozzjoni ta’ Għawdex fis-swieq barranin, speċjalment swieq ġodda u sekondarji. Fost il-miżuri diġa ppjanati ghall-2013 nista nsemmi li l-Awtorita’ se: · Taħdem sabiex tikkonsolida l-promozzjoni ta’ Għawdex fis-suq Ingliż u żżid l-impenn biex jiġu attirati tour operators’ u speċjalisti ġodda, attivi f’niċeċ ta’ prodotti differenti mis-swieq Ġermaniż, Franċiż, Taljan u Nordiku. · Taħdem ma’ dawk it- tour operators li diġa jbiegħu l-Għawdex u tinċentivahom sabiex ikabbru l-attivita’ tagħhom f’Għawdex · Tippromovi vaganzi li jaqsmu l-btala bejn iż-żewġ gżejjer ma’ dawk l-operaturi li s’issa joffru btajjel Malta biss. · Torganizza iżjed żjarat ta’ ġurnalisti, krews tat-televiżjoni u aġenti ta’ l-ivjaġġar speċifikament għal Għawdex · Tkompli tirriklama l-Għawdex bħala destinazzjoni distinta fuq mezzi varji ta’ reklamar bħalma huma gazzetti, magazins, radju, internet u siti oħra bħalma huma inflight magazines u outdoor media bħal posters fi stazzjonijiet tal-ferrovija jew bus/tram stops. · Tippromwovi speċifikament l-Għawdex waqt fieri prinċipali bħal World Travel Market fl-Ingliterra u ITB fil-Ġermanja, kif ukoll fieri oħra iżgħar madwar l-Ewropa li l-Awtorita’ tipparteċipa fihom · Tkompli tattira u tinċentiva kumpaniji tal- ‘Cruise liners’ sabiex jagħmlu l-waqfiet tagħhom ġewwa Għawdex ukoll. · Tinċentiva operaturi minn swieq ġodda bħalma huwa s-suq Iżraelit u dak mill-Emirati li llum tela għal iktar minn 30,000 ruħ sabiex ikomplu jiddeversifikaw l-attivita’ tagħhom u żżidu btajjel f’Għawdex mal-prodott li diġa joffru. · Tkompli tippromwovi lil Għawdex fil-qasam tal-MICE, billi tibni fuq l-attivita’ li saret din is-sena fil-fiera IMEX fi Frankfurt u tifrixha għal fieri speċjalizzati oħra bħal EIBTM f’Barċellona u workshops speċjalizzati fi swieq oħra. Il-Budgets għas-sena 2013 għadhom qegħdin jiġu finalizzati.

MTA — promozzjoni t'Għawdex fis-suq turistiku

Question

Jista' l-Ministru jgħid x’miżuri ttieħdu matul din is-sena sal-lum mill-gvern u l-Awtorità ta' Malta għat-Turiżmu biex jippromwovu lil Għawdex fis suq turistiku bħala destinazzjoni rurali unika? X’kienet in-nefqa fuq dawn il-miżuri? X’miżuri mistennija jittieħdu matul l-2013? Kemm hija mistennija li tkun in-nefqa fuq il-miżuri li mistennija jittieħdu?

Response (MARCO, MARIO DE)

Il-bażi ta’ kull promozzjoni li ssir għall-gżira Għawdxija tibni fuq il-karratteristka rurali unika li Għawdex sal-lum iħaddan. Għaldaqstant ġentilment nirreferi li l-Onorevoli Interprellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamenti numru 37709 li telenka l-attivita’ u l-miżuri li l-Awtorita’ ta’ Malta għat-Turiżmu qegħda tippjana għas-sena 2013.

San Pawl il-Baħar — restawr fuq it-Torri ta' Wignacourt

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta hu mistenni jibda x-xogħol ta' restawr fuq it-Torri ta' Wignacourt, f'San Pawl il-Baħar?

Response (MARCO, MARIO DE)

B’riferenza għar-risposta li ngħatat għall-Mistoqsija Nru 33870, wara li l-konsulenti flimkien mad-diriġenti ta’ Din l-Art Ħelwa setgħu jirrevedu d-dettalji tekniċi tar-restawr wara li sar ‘rectified photogrammetric survey’, inħasset il-ħtieġa li jinbidel ir-restoration method statement għall-intervent meħtieġ u għaldaqstant kellu jintalab amenda għall-permess tal-iżvilupp. Issa li nbidlu ukoll id-dokumenti relattivi tal-offerta’, tinsab fil-fażi finali li tiġi ippubblikata.

aġġorn dwar każ

Question

Jista’ l-Ministru jaġġornani dwar il-każ li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament?

Response (MARCO, MARIO DE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-applikazzjoni, PA 04612/10, kienet tikkonsisti fir-rilokazzjoni ta’ kjosk (approvat f’applikazzjoni preċedenti PA 05755/06), tkabbir fil-konfini taż-żona għal siġġijiet u mwejjed (approvata fl-applikazzjoni PA 03258/04), kif ukoll xogħol ieħor li jinkludi tibdil fid-disinn tal-kjosk biex jaqbel mad-disinn komuni tal-kjosks fil-madwar. L-applikazzjoni bħalissa tinsab fuq l-agenda tal-Bord (EPC) biex tinstema fit-23 ta’ Novembru 2012. Wara li ġie spezzjonat il-post, l-Uffiċjali tal-Infurzar tal-Awtorita assiguraw li kull żvilupp li laħaq sar fuq is-sit mingħajr il-permess meħtieġ tneħħa mill-applikant.

MEPA — scafolding li tpoġġa mal-faċċata tal-bini

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm qiegħed jiswa kuljum l-iscafolding li tpoġġa mal-faċċata tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar madwar xahrejn ilu u sal-lum kull ma sar kien ġurnata xogħol biss fuq il-faċċata tal-istess awtorità?

Response (MARCO, MARIO DE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-iscafolding li tpoġġa mal-faċċata tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar inkerha mingħand is-Sur Peter Fenech. L-ispiża biex jiġi armat u żarmat l-iscafolding ser tiswa €1,656 (incl VAT). B'effet mill-5 ta' Novembru 2012, beda jkun hemm ħlas addizzjonali ta’ €2.66 kuljum peress li nżamm aktar minn xahrejn fuq il-post. Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li dan l-i scafolding intrama fuq parir ta' Perit biex ikun possibli li din il-faċċata tiġi spezzjonata u tittieħed deċiżjoni fuq kif għandha tiġi msewwija wara li rriżulta ħsara fil-faċċata. Bħalissa l-Awtorita' qed tistenna rapport mingħand il-Perit fuq il-ħtieġa tat-tip ta' xogħol li jrid issir u qiegħda tiġbor kwotazzjonijiet tax-xogħol sabiex ikunu jistgħu jinbdew x-xogħlijiet mill-aktar fis possibli.

MEPA — personal assistant tas-CEO

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk kienx hemm sejħa ġewwa l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar għall-personal assistant tas-CEO? Sar l-proċess normali kif stipulat fil-ftehim kollettiv tal-UTAC għal ħafra ta' personal assistant tas-CEO? Jista' jgħid x'hemm inkluż f'forma ta' allowances u benefiċċji fil-pakkett finanzjarju li għandha l-persuna magħżula?

Response (MARCO, MARIO DE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-personal assistant taċ-CEO tal-MEPA intgħażlet mill-istess CEO sabiex isservi bħala assistenta personali tiegħu b'effett mill-21 ta' Marzu 2011. Ma saretx l-ebda sejħa għal din il-kariga. Bħal kull personal assistant ieħor fi ħdan l-Awtorita' din tirċievi above grade allowance. Peress li l-kariga taċ-CEO ġiet kostitwita sena ilu, il-grad tal-personal assistant taċ-CEO ġie ekwiparat mal-grad (grad numru 7) tal-PA taċ-Chairman tal-MEPA. Dan sar minn Awwissu ta' din is-sena. Hija tirċievi wkoll telephone allowance.

Lukandi li qed jitolbu għal estensjoni fil-binja tagħhom

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hemm lukandi eżistenti li qed jitolbu li jingħataw estensjoni fil-binja tagħhom? Fejn jinsabu l-istess lukandi?

Response (MARCO, MARIO DE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li 27 lukanda eżistenti qed titlob li tinghata estensjoni fil-binja tagħha. Dawn il-Lukandi jinstabu fil-lokalitajiet li gejjin: Valletta, San Giljan, Swieqi, Gzira, Msida, Sliema, Bugibba, San Pawl il-Bahar, Mellieha u Ghawdex.

tniġġis tal-arja

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 37755 u jgħid kif jikkompera t-tniġġiż tal-arja Maltija u Għawdxija meta kkomperata mat-tniġġiż fil-pajjiżi Ewropew?

Response (MARCO, MARIO DE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-kwalita' tal-arja tvarja minn post għall-ieħor. Dan il-fenomenu huwa osservat f'kull pajjiż Ewropej inkluż f'Malta u jiddependi fuq il-preżenza ta' sorsi ta' tniġġis. Il-kwalita' tal-arja fiż-żoni rurali f'Malta u Għawdex, tinsab f'livell ikkunsidrat aċċettabli skont il-parametri stabbiliti mil-liġijiet Ewropej, ħlief għal livelli tal-ożonu. Livelli għolja ta' ożonju jiġu rreġistrati mill-istazzjon tal-Għarb, Għawdex, fis-sajf. Dan il-fenomenu huwa prinċipalment ikkawżat minn trasport tal-ożonu ġej mill-kontinent Ewropew. Filwaqt li f'żoni traffikużi jew qrib ta' "point sources of pollution" is-sitwazzjoni tal-kwalita tal-arja tvarja billi f'okkażjonijiet ġieli ġew irreġistrati livelli għolja tal-PM10 u NO2, mentri l-livelli tas-sustanzi inkwinanti l-oħra kollha li aħna marbutin li nkejlu fl-arja jibqgħu skont il-parametri stabbiliti mil-liġi ewropeja. Għaldaqstant, meta jiġu evalwati r-riżultati tal-livelli nkwinanti fl-arja għal Malta u Għawdex kollha, skont kif hu stabbilit fil-liġijiet Ewropej, pajjiżna m'għandux problemi bil-livelli ta' dijossidu tal-kubrit, monossidu tal-karbonju, u metalli tqal fl-arja. Din is-sitwazzjoni hija simili tas-sitwazzjoni fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi Ewropej l-oħra.

skema għall-awturi, kompożituri u artisti

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 38359 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Kompetizzjoni Ġusta, Negozji Żgħar u l-Konsumatur u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid x’ħidma saret matul l-2012 fuq skema mħabbra fil-budget għal din is-sena għal self-employed reġistrati bħala awturi, kompożituri, artisti fl-arti viżiva u f’dik performattiva, fil-film u fid-disinn, li joperaw mill-Belt Valletta? Jista' jgħid kemm ikkwalifikaw biex jibbenefikaw minn din l-iskema?

Response (MARCO, MARIO DE)

Nirreferi lill-Onor Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari numru 38599.

Belt — kiri tas-Saluting Battery

Question

B'referenza għall-aħħar sentenza tat-tweġiba tal-mistoqsija 37881, jista' l-Ministru jindika minn liema artiklu tal-kapitlu 268 tal-Liġijiet ta' Malta joħroġ id-dikjarazzjoni li proprjetà tal-gvern mogħtija b'att ta' kurazzija skont il-kapitlu 445 hija meħlusa mill-obbligi stabbiliti f'kapitlu 268?

Response (MARCO, MARIO DE)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar u tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

MTA — kunċert tal-MTV

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 38480 u jgħid x'kienet in-nefqa totali tal-Awtorità ta' Malta għat-Turiżmu konnessa mal-inawgurazzjoni tal-kunċert tal-MTV f'Malta is-sajf li għaddha? Jista' jagħti l-breakdown ta' din in-nefqa?

Response (MARCO, MARIO DE)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar u tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.