Il-Ħamrun, il-Marsa, Santa Venera, Pietà/G’mangia, Floriana, il-Belt Valletta u B’kara – NGOs
Question
Tista’ l-Ministru tgħid kemm kien hemm għaqdiet mhux governattivi (NGOs) li ġejjin mil-lokalitajiet tal-Ħamrun, il-Marsa, Santa Venera, Pietà/G’mangia, Floriana, il-Belt Valletta u B’kara li ħadu fondi mill-Ministeru li hija responsabbli għalih mill-2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Tista’ wkoll tagħti ċ-ċifra f’termini ta’ flus li minnha bbenefikaw dawn l-għaqdiet?
Response (FARRUGIA, JULIA)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar.
Baġit 2027 – Professional Services – Allokazzjoni finanzjarja
Question
Tista’ l-Ministru tgħid x’inhi r-raġuni għaliex l-allokazzjoni finanzjarja għal-Line Item 31 Professional Services tal-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat żdiedet minn €95,000 (sena 2026) għal €300,000 (sena 2027)?
Response (FARRUGIA, JULIA)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li, kif diġà ġie indikat, l-Estimi Finanzjarji tqiegħdu fuq il-Mejda tal-Kamra, u li d-diskussjoni dwar l-Estimi Finanzjarji relatati mal-Ministeru ser issir fis-16 ta’ Novembru 2026, hekk kif stipulat fil-Mozzjoni Nru 70, Mozzjoni ta’ Proċedura li tirregola s-seduti konnessi mal-Estimi Ġenerali, diskussa fis-Seduta Nru 25 tal-20 ta’ Ottubru 2026.
Ministeru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat – Direct orders ta' inqas minn €2,000
Question
Tista' l-Ministru tagħti lista tad-direct orders ta' inqas minn €2,000 li ngħataw mill-Ministeru tagħha, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha matul Lulju 2026?
Response (FARRUGIA, JULIA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-entitajiet u d-dipartimenti li huma fid-dekasteru tal-Ministeru, japplikaw ir-regoli għall-Offerti Dipartimentali u l-Metodi ta’ Akkwist skont il-Valur tal-Kuntratt li joħorġu mill-Public Procurement Regulations.
Tista’ l-Ministru tgħid xi programmi jeżistu għal xiri ta’ teknoloġija assistiva? Tista’ tgħid ukoll x’apparat jista’ jinxtara permezz ta’ dawn il-programmi u kemm ilhom fis-seħħ dawn il-programmi?
Response (FARRUGIA, JULIA)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li l-Access to Communication and Technology Unit (ACTU) ilha tagħmel parti mill-Aġenzija Sapport mill-2019. L-għan tal-ACTU huwa li tagħmel l-assessjar tal-persuni li jkollhom bżonn dan is-servizz, sabiex jiġu rrakkomandati soluzzjonijiet li jippermettu lill-individwu jikkomunika jew jaċċessa l-ambjent ta’ madwaru.
Fir-rigward tal-għajnuna finanzjarja, il-persuni jiġu gwidati dwar l-iskemi ta’ finanzjament disponibbli. Fost l-inizjattivi disponibbli hemm ukoll ftehim li permezz tiegħu jiġi pprovdut apparat mingħajr ħlas lill-benefiċjarji, fejn il-finanzjament jinqasam fuq bażi ta’ 50% mill-Gvern u 50% mill-Malta Trust Foundation. Barra minn hekk, hemm ukoll l-Empowerment Scheme, li hija amministrata mill-Aġenzija Sapport u li tipprovdi appoġġ lill-persuni eliġibbli fl-akkwist ta’ apparat u soluzzjonijiet assistivi.
F’Malta jeżistu wkoll servizzi oħra speċjalizzati fit-teknoloġija assistiva li jikkomplementaw is-servizzi offruti mill-ACTU. Eżempju ta’ dan huwa l-Foundation for Information Technology Accessibility (FITA), li tipprovdi teknoloġija assistiva u soluzzjonijiet ta’ aċċessibbiltà diġitali għal persuni neqsin mid-dawl jew għomja.
Tista’ l-Ministru tgħid x’inhi r-raġuni għaliex l-allokazzjoni finanzjarja għal-Line Item 30 - Contractual Services tal-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat żdiedet minn €150,000 (sena 2026) għal €250,000 (sena 2027)?
Response (FARRUGIA, JULIA)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li, kif diġà ġie indikat, l-Estimi Finanzjarji tqiegħdu fuq il-Mejda tal-Kamra, u li d-diskussjoni dwar l-Estimi Finanzjarji relatati mal-Ministeru ser issir fis-16 ta’ Novembru 2026, hekk kif stipulat fil-Mozzjoni Nru 70, Mozzjoni ta’ Proċedura li tirregola s-seduti konnessi mal-Estimi Ġenerali, diskussa fis-Seduta Nru 25 tal-20 ta’ Ottubru 2026.
Baġit 2027 – Repair and Upkeep – Allokazzjoni finanzjarja
Question
Tista’ l-Ministru tgħid x’inhi r-raġuni għaliex l-allokazzjoni finanzjarja għal-Line Item 23 - Repair and Upkeep tal-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat żdiedet minn €3,000 (sena 2026) għal €30,000 (sena 2027)?
Response (FARRUGIA, JULIA)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li, kif diġà ġie indikat, l-Estimi Finanzjarji tqiegħdu fuq il-Mejda tal-Kamra, u li d-diskussjoni dwar l-Estimi Finanzjarji relatati mal-Ministeru ser issir fis-16 ta’ Novembru 2026, hekk kif stipulat fil-Mozzjoni Nru 70, Mozzjoni ta’ Proċedura li tirregola s-seduti konnessi mal-Estimi Ġenerali, diskussa fis-Seduta Nru 25 tal-20 ta’ Ottubru 2026.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm hu l-ħlas totali li ser ikun qed iħallas il-Gvern lill-vittmi tat-Thalidomide kull sena? Tista’ tgħid ukoll jekk l-iskema għall-vittmi tat-Thalidomide hux ser terġa’ tiftaħ fis-sena 2027?
Response (FARRUGIA, JULIA)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li l-ammont totali ta’ €1,147,987.62 ingħata bħala kumpens mill-Gvern lill-vittmi tat-Thalidomide. Dan l-ammont huwa maqsum kif indikat fit-tabella t’hawn taħt:
L-Ewwel Sejħa
€1,086,008.62
Rendikont dettaljat ta’ din l-informazzjoni jinsab fit-tweġiba għall-PQ 25796
It-Tieni Sejħa
€61,979
Is-sejħa maħruġa aktar kmieni din is-sena kienet it-tieni u l-aħħar sejħa, fejn biha kwalifikaw żewġ persuni oħra.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm mill-fondi allokati għall-2026 effettivament intefqu fuq servizzi diretti għall-persuni b’diżabilità?
Response (FARRUGIA, JULIA)
B’żieda mat-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Nru 4601, ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li, peress li s-sena kurrenti (2026) għadha għaddejja, l-informazzjoni mitluba tkun tista’ tiġi pprovduta aktar ’il quddiem.
Ministeru tal-Inklużjoni u l-Volontarjat – Fondi allokati għad-diżabilità u għall-volontarjat
Question
Tista’ l-Ministru tgħid kemm mid-€69 miljun li ġew allokati għall-Ministeru tal-Inklużjoni u l-Volontarjat għas-sena 2026 ġew allokati speċifikament għad-diżabilità u kemm ġew allokati speċifikament għall-volontarjat?
Response (FARRUGIA, JULIA)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellanta għall-Estimi Finanzjarji tal-Baġit, li diġà tqiegħdu fuq il-Mejda tal-Kamra.
Attrazzjonijiet turistiċi u l-bajjiet ewlenin ta’ Malta – Aċċessibbiltà għall-persuni b’diżabilità – Evalwazzjoni
Question
Tista’ l-Ministru tgħid jekk il-Gvern għamilx evalwazzjoni speċifika dwar l-aċċessibbiltà tal-attrazzjonijiet turistiċi u l-bajjiet ewlenin ta’ Malta għall-persuni b’diżabilità? Jekk fl-affermattiv, tista’ tqiegħed ir-riżultati ta’ din l-evalwazzjoni fuq il-Mejda tal-Kamra u fin-nuqqas ta’ dan, tinforma jekk hemmx intenzjoni li tali evalwazzjoni ssir?
Response (FARRUGIA, JULIA)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.
Tista' l-Ministru tgħid fiex wasal il-proġett ta' Ċentru ta' Filgħaxija li tħabbar fl-aħħar baġit u tagħti aktar dettalji dwar dan il-proġett?
Response (FARRUGIA, JULIA)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li ċ-ċentru ta’ filgħaxija se jkun proġett pilota li, għall-ewwel darba, se joffri servizz lil persuni b’diżabilità li jgħixu fil-komunità u li ma jattendux ċentru ieħor ta’ matul il-jum.
F’dan iċ-ċentru se jiġu offruti diversi programmi mmirati biex jappoġġjaw lill-persuni b’diżabilità fl-iżvilupp tal-kapaċitajiet u l-abbiltajiet tagħhom, skont il-ħtiġijiet individwali tagħhom.
Bħalissa, it-tender relatat mal-ingaġġ tal-ħaddiema meħtieġa għall-operat ta’ dan iċ-ċentru jinsab fl-istadju tal-pubblikazzjoni.
Il-Parlament – Liġijiet mressqa għal persuni b’diżabilità
Question
Tista' l-Ministru tgħid liema liġijiet tressqu quddiem il-Parlament Malti li jaffettwaw il-persuni b'diżabilità? Tista’ tgħid ukoll x'inhu t-titlu ta' kull waħda minn dawn il-liġijiet?
Response (FARRUGIA, JULIA)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li l-Gvern jibqa’ impenjat li jsaħħaħ id-drittijiet u l-inklużjoni tal-persuni b’diżabilità permezz ta’ liġijiet u miżuri, inklużi dawk imħabbra fil-Baġit u marbuta mar-riforma fl-assistenza għal diżabilità, sabiex ikompli jissaħħaħ l-appoġġ lil dawn il-persuni u lill-familji tagħhom.
Infakkar ukoll lill-Onorevoli Interpellanta li l-abbozzi ta’ liġi mressqa quddiem din il-Kamra huma soġġetti għall-iskrutinju parlamentari. Is-sit elettroniku tal-Parlament jinkludi sezzjonijiet apposta għall-abbozzi ta’ liġi u għall-Atti tal-Parlament, fejn wieħed jista’ jikkonsulta t-titli u d-dokumentazzjoni relatata. Għaldaqstant billi l-mistoqsija ma tispeċifikax perjodu partikolari, nirreferi lill-Onorevoli Interpellanta għal din l-informazzjoni.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 31824 tal-Erbatax-il Leġislatura, tista' l-Ministru tgħid f'liema stadju wasal l-audit tal-Parlament Malti?
Response (FARRUGIA, JULIA)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li l-audit qiegħed jiffoka fuq l-aspett ta' inklużjoni fejn tidħol aċċessibilità għall-informazzjoni u l-komunikazzjoni, kif ukoll dik fiżika. Bħalissa qiegħed jitħejja r-rapport finali li abbażi tiegħu ser jiġu formulati r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni għad-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità li għandhom iwasslu għat-tisħiħ tal-imsemmija aċċessibilità fix-xogħol siewi mwettaq mill-Kamra.
Bħala parti mill-audit, il-Kummissjoni ltaqgħet ma’ rappreżentanti ta’ taqsimiet differenti fi ħdan il-Parlament. Saru wkoll intervisti lill-Whips taż-żewġ naħat tal-Kamra. Barra minn hekk, sar audit dwar il-binja li tilqa’ fi ħdanha l-uffiċini tal-impjegati u fil-futur għandu jsir audit taċ-chamber.
Tista' l-Ministru tgħid fiex wasal il-proġett ta' dar fil-Balluta mmexxija minn Richmond Foundation? Tista' wkoll tagħti iktar dettalji dwar dan il-proġett?
Response (FARRUGIA, JULIA)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li l-binja għaddejja minn rinnovazzjoni sħiħa sabiex tissodisfa l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi meħtieġa għall-operat ta’ din id-dar. Ix-xogħlijiet, li qed isiru b’kollaborazzjoni ma’ Richmond Foundation, huma skedati li jitlestew fit-tieni kwart tas-sena 2027.
Il-proġett huwa maħsub sabiex jilqa’ sitt żgħażagħ b’dijanjosi doppja ta’ diżabilità intellettwali u kundizzjonijiet tas-saħħa mentali, li jeħtieġu servizz residenzjali speċjalizzat li jipprovdi kura komprensiva u mfassla skont il-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom.
Tista' l-Ministru tgħid fiex wasal il-proġett ta' Ċentru ta' Waranofsinhar li tħabbar fl-aħħar baġit u tagħti aktar dettalji dwar dan il-proġett?
Response (FARRUGIA, JULIA)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li l-proġett ikkonċernat jirrigwarda ċentru ta’ filgħaxija u mhux ċentru ta’ waranofsinhar, kif indikat fil-Miżura tal-Baġit 51 (BM 51), li tgħid:
“Ċentru ta' Filgħaxija għal persuni b'diżabilità severa - Proġett pilota fiċ-Ċentru ta’ Malta biex għall-ewwel darba se nipprovdu servizz ta’ filgħaxija lil persuni b’diżabilità severa”.
Aktar informazzjoni dwar dan il-proġett tinsab fit-tweġiba mogħtija għall-PQ 4164.
Tista’ l-Ministru tgħid liema ċentri ta’ respite jeżistu f’Malta u Għawdex?
Response (FARRUGIA, JULIA)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li, bħalissa, is-servizzi ta’ respite għal persuni b’diżabilità, li huma pprovduti permezz ta’ Public Social Partnership (PSP) jew kuntratt, huma offruti minn:
· Fondazzjoni Arka, permezz ta’ Dar Arka f’Għawdex;
· Dar il-Kaptan, fl-Imtarfa; u
· ĦILA, permezz tal-faċilitajiet tagħha f’Malta.
Barra minn hekk, din is-sena se jibdew jilqgħu persuni b'diżabbiltà ċentri oħra ta' respite: wieħed f'Ħal Kirkop u ieħor f'Ħal Dingli.
Tista' l-Ministru tgħid fiex wasal il-proġett ta' Ċentru għal Matul il-Jum li tħabbar fl-aħħar baġit u tagħti aktar dettalji dwar dan il-proġett?
Response (FARRUGIA, JULIA)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li dan iċ-ċentru, li jinsab fil-Gżira, huwa maħsub biex jilqa’ persuni b’diżabilità li għandhom aktar minn 61 sena u li diġà jattendu ċ-ċentri ta’ matul il-jum. Dan il-proġett jagħmel parti mir-riforma li qed issir fiċ-ċentri ta’ matul il-jum, sabiex il-persuni b’diżabilità jkunu jistgħu jitqassmu skont l-età tagħhom u jingħataw servizzi skont il-bżonnijiet u l-ħtiġijiet tagħhom.
It-tender, li jinkludi l-ħtiġijiet operattivi kollha ta’ dan iċ-ċentru, intrebaħ, u Aġenzija Sapport qed tistenna li dan jiġi aġġudikat mid-Dipartiment tal-Kuntratti.
Fir-rigward tal-binja, Aġenzija Sapport qed twettaq xogħlijiet estensivi ta’ rinnovazzjoni, li jinsabu fi stadju avvanzat. It-tieni fażi tax-xogħlijiet elettriċi (second fix), ix-xogħlijiet finali ta’ tlestija u l-installazzjoni tal-aperturi huma skedati għall-ġimgħat li ġejjin.
It-tlestija tax-xogħlijiet fil-binja u l-konsenja tagħha lill-operatur huma previsti li jsiru matul l-ewwel kwart tas-sena li ġejja.
Tista' l-Ministru tgħid kemm qegħdin igawdu persuni mis-servizzi fil-binja ‘Spalla’ f'Ħal Kirkop? Tista’ tgħid ukoll x'servizzi qegħdin jingħataw f'din il-binja?
Response (FARRUGIA, JULIA)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li ftit xhur ilu tlestew ix-xogħolijiet fuq il-binja u issa qed isiru diskussjonijiet ma min ser jamministra s-servizz, biex il-proġett SPALLA jibda jopera fix-xhur li ġejjin. Il-proġett se jikkonsisti f’servizzi ta’ respite għal persuni b’diżabilità bl-għan li jissaħħaħ is-sostenn fil-komunità.
Tista' l-Ministru tgħid kemm qed jibbenefikaw persuni mill-Empowerment Scheme? Tista’ tgħid ukoll min jista' jibbenefika minn din l-iskema, kemm hu l-kumpens li se jingħata lil dawk il-persuni li jkunu applikaw u ġew approvati li ser jieħdu finanzjament taħt din l-iskema?
Response (FARRUGIA, JULIA)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li bejn Jannar u Ottubru tas-sena 2026, ġew approvati total ta’ 1,115-il applikazzjoni taħt l-Iskema tal-Empowerment. Din l-iskema toffri assistenza finanzjarja lill-persuni b’diżabilità biex ikunu jistgħu jixtru apparat assistiv jew servizzi ta’ trasport li jgħinhom jgħixu ħajja aktar indipendenti fid-dar jew komunità tagħhom. L-Empowerment Scheme titmexxa minn Bord indipendenti li jinkludi numru ta’ professjonisti, persuna b’diżabilita’ u qarib ta’ persuna b’diżabilita’ bħala membri li jiltaqgħu darba fi-xahar biex jevalwaw l-applikazzjonijiet li jkunu ġew sottometti matul dak il-perjodu. Ir-rekwiżiti tal-eleġibilita huma disponibbli fuq il-website tal-Aġenzija Sapport u qed inpoġġi kopja tagħhom fuq il-Mejda tal-Kamra.