Legislature:
Category:
Reset
Active:

L.S. 379.08 - Notifiki ta’ konċentrazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru notifiki ta’ konċentrazzjoni a tenur tal-L.S. 379.08 - Regolamenti dwar il-Kontroll ta’ Konċentrazzjonijiet mill-bidu tal-2025 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari u f’kull każ jgħid: i.    meta saret in-notifika; ii.   x’inhu l-istatus attwali ta’ kull notifika li saret; iii.  fir-rigward ta’ liema settur saret in-notifika; u iv.  min kienu l-entitajiet konċernati?

Response (AZZOPARDI TANTI, KEITH)

Ninforma lill-Onorevoli interpellant li din l-informazzjoni tinstab diġa disponibbli għall-konsum pubbliku fuq is-sit uffiċċjali tal-awtorita MCCAA permezz tal-link https://mccaa.org.mt/concentrations/

Diretturi Ġenerali – Ħatriet u tul ta’ servizz

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 4137, jista’ l-Ministru jgħid meta ġie appuntat għall-ewwel darba kull wieħed mid-Diretturi Ġenerali li attwalment huma fil-kariga, u jekk ġiex sussegwentement riappuntat fil-kariga? Jista’ jgħid ukoll x’inhi l-proċedura segwita f’każ ta’ riappuntament?

Response (AZZOPARDI TANTI, KEITH)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tweġiba tingħata f’seduta oħra .

Ministeru għall-Fondi Ewropej, id-Djalogu Soċjali u l-Protezzjoni tal-Konsumatur – Direct orders ta' inqas minn €2,000

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista tad-direct orders ta' inqas minn €2,000 li ngħataw mill-Ministeru tiegħu, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu matul Lulju 2026?

Response (AZZOPARDI TANTI, KEITH)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-entitajiet u d-dipartimenti li huma fid-dekasteru tal-Ministeru għall-Fondi Ewropej, id-Djalogu Soċjali u l-Protezzjoni tal-Konsumatur japplikaw ir-regoli għall-Offerti Dipartimentali u l-Metodi ta’ Akkwist skont il-Valur tal-Kuntratt li joħorġu mill-Public Procurement Regulations.

Gozo Channel – Flotta ġdida – Finanzjament mill-UE

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-Gvern mhux qiegħed jagħmel użu minn opportunitajiet ta' finanzjament offruti mis-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea sabiex jiffinanzja l-investiment fi flotta ġdida tal-vapuri tal-Gozo Channel?

Response (AZZOPARDI TANTI, KEITH)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-programmi ta’ finanzjament tal-Unjoni Ewropea allokati għal Malta għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2021–2027 ma jipprevedux għal finanzjament għax-xiri ta’ flotta ġdida ta’ bastimenti għall-Gozo Channel.

Gozo Channel – Flotta ġdida – Kofinanzjament mill-UE

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 1520 u 3323 u jgħid jekk il-Gvern, sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, bediex proċess serju biex jikseb kofinanzjament mill-Unjoni Ewropea għall-investiment fi flotta ġdida tal-Gozo Channel? Jekk le, jista’ jgħid ukoll liema passi ttieħdu u f’liema stadju jinsabu?

Response (AZZOPARDI TANTI, KEITH)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi din il-Mistoqsija Parlamentari lill-Ministru kkonċernat.

Ministeru għall-Fondi Ewropej, id-Djalogu Soċjali u l-Protezzjoni tal-Konsumatur – Ħaddiema ġodda

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 19 u jgħid kemm-il persuna ġdida daħlet taħdem fid-dekasteru tiegħu minn Jannar 2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma xahar b'xahar?

Response (AZZOPARDI TANTI, KEITH)

Nirreferi lill-Onor Interpellant għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari Nru 2372.

Ministeru għall-Fondi Ewropej, id-Djalogu Soċjali u l-Protezzjoni tal-Konsumatur – Direct orders ta' inqas minn €5,000

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista tad-direct orders ta’ inqas minn €5,000 li ngħataw mill-Ministeru tiegħu, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu matul Ottubru 2026?

Response (AZZOPARDI TANTI, KEITH)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-entitajiet u d-dipartimenti tal Gvern japplikaw ir-regoli għall-Offerti Dipartimentali u l-Metodi ta’ Akkwist skont il-Valur tal-Kuntratt joħorġu mill-Public Procurement Regulations.

Ministeru għall-Fondi Ewropej, id-Djalogu Soċjali u l-Protezzjoni tal-Konsumatur – Persuni b’diżabilità impjegati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta’ persuni b’diżabilità li jaħdmu fil-Ministeru tiegħu?

Response (AZZOPARDI TANTI, KEITH)

Nirreferi lill-Onor Interpellant għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari Nru 1043.

Ministeru għall-Fondi Ewropej, id-Djalogu Soċjali u l-Protezzjoni tal-Konsumatur – Każ ta’ individwu – Ħatriet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament kienx appuntat f’bordijiet u kumitati fid-dekasteru li għalih hu responsabbli fid-29 ta’ Mejju 2026? Jista’ jgħid ukoll jekk kienx hemm ħatriet simili fil-perjodu ta’ wara u jekk kien hemm, jipprovdi dettalji dwar il-ħlas marbut magħhom?

Response (AZZOPARDI TANTI, KEITH)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-individwu msemmi huwa membru, bħala rappreżentant tal-MEA, fuq l-Employment Agencies Guarantee Fund Administration Board, il-Guarantee Fund Administration Board u t-Trust for Maternity and Adoption Leave, ex officio. Barra minn hekk, L-individwu msemmi huwa wkoll membru, bħala rappreżentant tal-MEA, fuq l-Employment Relations Board, li għalih jirċievi remunerazzjoni ta’ €2,508.52 fis-sena, kif ukoll fuq il-Low Wage Commission, li għaliha jirċievi remunerazzjoni ta’ €2,462.25 fis-sena.

Intelliġenza Artifiċjali – Titjib fil-produttività

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 793 u jgħid kif se jiġi vverifikat biex jitkejjel it-titjib fil-produttività li fuqhom ser tkun ibbażata l-għotja addizzjonali relatata mal-Intelliġenza Artifiċjali?

Response (AZZOPARDI TANTI, KEITH)

Niforma lill-Onorevoli Interpellant li, taħt it-tieni sejħa tal-iskema Digitalise your SME , l-benefiċjarju huwa meħtieġ li, fl-istadju tal-applikazzjoni, jidentifika u jipprovdi informazzjoni dwar it-titjib mistenni fil-produttività li għandu jirriżulta mill-investiment propost. Il-kejl tal-produttività mhuwiex ibbażat fuq indikatur finanzjarju wieħed, iżda fuq ir-riżultati effettivi tal-investiment. Dan l-approċċ jieħu inkunsiderazzjoni wkoll il-konsultazzjoni li saret mal-Kmamar tal-Kummerċ u tal-SMEs, fejn ġie enfasizzat li t-titjib fil-produttività jista’ jiġi rifless permezz ta’ riżultati tanġibbli fin-negozju, fosthom titjib fl-effiċjenza tal-operat u fil-prestazzjoni tan-negozju u mhux biss minn indikaturi fissi bhal ‘turnover-to-expenses’ per ezempju. Sena wara li jitlesta l-proġett, il-benefiċjarju jkun meħtieġ jissottometti rapport ta’ wara l-implimentazzjoni li juri t-titjib fil-produttività li jkun effettivament inkiseb bħala riżultat tal-investiment fl-Intelliġenza Artifiċjali. Dan jippermetti li r-riżultati miksuba jiġu evalwati u mqabbla mal-benefiċċji u t-titjib fil-produttività identifikati fil-bidu tal-proġett.

MCCAA - Ilmenti mressqa mill-konsumaturi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew imressqa ilmenti mill-konsumaturi lill-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) matul dawn l-aħħar ħames snin, maqsuma sena, b’sena? Jista’ jgħid ukoll kemm minn dawn l-ilmenti ġew riżolti b’mod amikevoli u kemm minnhom tressqu quddiem it-tribunal matul dawn l-aħħar ħames snin, maqsuma sena b’sena?

Response (AZZOPARDI TANTI, KEITH)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li l-informazzjoni mitluba qiegħda tingħata fit-tabella t’hawn taħt: Ilmenti mressqa mill-konsumaturi* Sena 2022 2023 2024 2025 2026 (sal-aħħar t’ Ottubru) Numru ta’ ilmenti reġistrati 1187 1189 1234 1556 1640 Riżolti b'mod amikevoli 513 455 478 514 505 Riferuti quddiem it-Tribunal għat-Talbiet tal-Konsumatur 329 387 398 332 346 * Id-differenza fit-total bejn in-numru ta’ ilmenti reġistrati u t-total ta’ ilmenti riżolti b’mod amikevoli u dawk riferuti quddiem it-Tribunal hija attribwita għal ilmenti li ġew irtirati mill-konsumatur, li nfetħu għal fini informattivi biss, jew li ma setgħux jiġu segwiti minħabba li ma kinux azzjonabbli.

Diretturi Ġenerali – Ħatriet u tul ta’ servizz

Question

Jista’ l-Ministru jgħid: i.    meta ġie appuntat id-Direttur Ġenerali (Kompetizzjoni), u kemm ilu fil-kariga; ii.   meta ġiet appuntata d-Direttur Ġenerali (Affarijiet tal-Konsumatur) u kemm ilha fil-kariga; iii.  meta ġie appuntat id-Direttur Ġenerali (Standards), u kemm ilu fil-kariga; u iv.  meta ġie appuntat id-Direttur Ġenerali (Regolamenti Tekniċi), u kemm ilu fil-kariga?

Response (AZZOPARDI TANTI, KEITH)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li skont il-Kapitolu 510 tal-Liġijiet ta’ Malta l-karigi imsemmija huma soġġetti għal ħatra ta’ tliet snin u dak iż-żmien jista’ jiġi mtawwal għal perjodi itwal ta’ tliet snin kull wieħed.  Infurmat ukoll li għaddej il-proċess ta’ reklutaġġ għall-pożizzjoni ta’ Direttur Ġenerali (Kompetizzjoni) li bħalissa hija vakanti.

Gozo Channel – Flotta ġdida – Opportunitajiet ta’ finanzjament

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 1521 u jgħid għaliex il-Gvern mhux qed jagħmel użu sħiħ mill-opportunitajiet ta’ finanzjament offruti mis-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea sabiex jiffinanzja investiment fi flotta ġdida għall-Gozo Channel?

Response (AZZOPARDI TANTI, KEITH)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tweġiba tingħata f’seduta oħra .

Ministeru għall-Fondi Ewropej, id-Djalogu Soċjali u l-Protezzjoni tal-Konsumatur – Proprjetajiet mikrija

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm proprjetà fid-dekasteru tiegħu li hi mikrija u kemm titħallas kera fis-sena?

Response (AZZOPARDI TANTI, KEITH)

Ninforma lill-Onor Interpellant illi fid-dekasteru li jien responsabbli minnu hemm tmien proprjetajiet li huma b’kirja mingħand il-Gvern, u disà proprjetajiet li huma b’kirja mingħand il-privat, inkluż il-binja tal-Ministeru.

Ministeru għall-Fondi Ewropej, id-Djalogu Soċjali u l-Protezzjoni tal-Konsumatur – Entitajiet pubbliċi – Sistemi ta’ Intelliġenza Artifiċjali

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 699 u jgħid kemm-il entità pubblika qed tuża sistema jew sistemi ta' Intelliġenza Artifiċjali fil-preżent u għal liema funzjonijiet qed jintużaw dawn is-sistemi? Jista’ jgħid ukoll liem sistemi qed jintużaw rispettivament għal kull entità?

Response (AZZOPARDI TANTI, KEITH)

Nirreferi lill-Onor Interpellant għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari Nru 975

Gozo Channel – Flotta ġdida – Kofinanzjament mill-UE

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 1520 u jgħid jekk il-Gvern, sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, bediex proċess serju biex jikseb kofinanzjament mill-Unjoni Ewropea għall-investiment fi flotta ġdida tal-Gozo Channel? Jekk le, jista’ jgħid ukoll liema passi ttieħdu u f’liema stadju jinsabu?

Response (AZZOPARDI TANTI, KEITH)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tweġiba tingħata f’seduta oħra .

Akkomodazzjonijiet Soċjali - Investiment taħt il-Pjan Soċjali għall-Klima

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 3223 u jgħid liema huma l-1,431 unit ta' akkomodazzjoni soċjali li mistennija jibbenefikaw mill-installazzjoni ta' heat pump water heaters u sistemi fotovoltajċi bil-batteriji taħt il-Pjan Soċjali għall-Klima, u jipprovdi lista tagħhom maqsuma skont il-lokalità u l-blokka? Jista' jgħid ukoll liema huma l-236 unità ta' akkomodazzjoni soċjali magħżula jew ikkunsidrati għal deep renovation, lokalità b'lokalità, u xi kriterji speċifiċi se jintużaw sabiex jiġu magħżula l-benefiċjarji?

Response (AZZOPARDI TANTI, KEITH)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta illi l-unitajiet ta’ akkomodazzjoni soċjali li ser jibbenefikaw mill-installazzjoni ta’ heat pump water heaters u sistemi fotovoltajċi bil-batteriji ma jiġux identifikati individwalment fil-Pjan Soċjali għall-klima. L-għażla finali issir skont valutazzjonijieti tekniċi u operattivi fuq il-gwida tal- Kummissjoni Ewropeja.

Programm LEADER - GAL Majjistral, GAL Xlokk u GAL Għawdex - Fondi

Question

Jista’ l-Ministru jippreżenta s-somma ta’ fondi li ngħataw permezz tal-programm LEADER amministrat mill-Gruppi ta’ Azzjoni Lokali: Gal Majjistral, Gal Xlokk u Gal Għawdex?  Jista’ wkoll jagħti eżempji ta’ proġetti li bbenefikaw minn dawn il-fondi bil-għan li jissaħħu l-identità u l-kultura Maltija fil-komunitajiet tagħna?

Response (AZZOPARDI TANTI, KEITH)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant l It-tweġiba tingħata f’seduta oħra

Ministeru għall-Fondi Ewropej, id-Djalogu Soċjali u l-Protezzjoni tal-Konsumatur – Infiq fuq reklamar

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont tal-infiq fuq reklamar, marketing u relazzjonijiet pubbliċi mill-Ministeru tiegħu u minn kull dipartiment, aġenzija, awtorità u entità taħt ir-responsabbiltà tiegħu, separatament għas-sena 2025 u għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ wkoll jipprovdi l-informazzjoni f’tabella li tindika, għal kull nefqa, l-entità li għamlitha, l-isem tal-fornitur, il-kampanja jew is-servizz, it-tip ta’ mezz użat, id-data jew il-perjodu tas-servizz, il-metodu ta’ akkwist u l-ammont, filwaqt li jispeċifika jekk dan jinkludix il-VAT?

Response (AZZOPARDI TANTI, KEITH)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li l-Ministeru għall- għall-Fondi Ewropej, id-Djalogu Soċjali u l-Protezzjoni tal-Konsumatur, flimkien mad-dipartimenti, l-aġenziji, l-awtoritajiet u l-entitajiet li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tiegħu, għandu r-responsabbiltà u l-obbligu li jżomm lill-pubbliku infurmat dwar is-servizzi, il-proġetti u l-inizjattivi tal-Gvern, sabiex iċ-ċittadini jkunu jistgħu jagħmlu l-aħjar użu minnhom. Għal dan il-għan, fl-Estimi Finanzjarji tal-Gvern hemm provvediment taħt il-Vot 29, Information Services, li jinkludi allokazzjoni għall-pubblikazzjoni ta' avviżi, kampanji ta' informazzjoni u edukazzjoni, u materjal ieħor ta' komunikazzjoni permezz ta' diversi mezzi. Dawn l-estimi huma diġà ppreżentati fuq il-Mejda tal-Kamra. Fir-rigward tar-rendikont dettaljat mitlub, għandu jiġi ċċarat li l-ġbir, il-verifika u l-konsolidazzjoni tal-informazzjoni għal kull nefqa, minn kull dipartiment, aġenzija, awtorità u entità, skont il-kategoriji u l-perjodi indikati fl-interpellanza, jirrikjedu eżerċizzju amministrattiv estensiv u l-użu ta' riżorsi sostanzjali. Dan l-eżerċizzju jkun jinvolvi ħin u riżorsi li għandhom jiġu bbilanċjati mal-ħtieġa li l-amministrazzjoni tkompli twettaq il-funzjonijiet u s-servizzi tagħha b'mod effiċjenti għall-benefiċċju taċ-ċittadini.

Intelliġenza Artifiċjali – Titjib fil-produttività

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kif se jiġi vverifikat biex jitkejjel it-titjib fil-produttività li fuqhom ser tkun ibbażata l-għotja addizzjonali relatata mal-Intelliġenza Artifiċjali?

Response (AZZOPARDI TANTI, KEITH)

Niforma lil Hon. interpelant lill-informazzjoni ghada qed tinġabar