Tista’ l-Ministru tgħid kemm hemm Animal Stewards jaħdmu mal-Kunsilli Lokali madwar Malta u Għawdex, maqsuma skont il-kunsill?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-Animal Stewards jiġu ngaġġati mill-Kunsilli Lokali u jaqgħu taħt ir-responsabbiltà amministrattiva tal-istess Kunsilli. Għaldaqstant, nitlobha tirreferi l-mistoqsija lill-Ministeru konċernat.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm ġew sterilizzati qtates u klieb tat-triq permezz ta' skemi ffinanzjati mill-Gvern matul l-2024, l-2025 u l-2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Tista’ tgħid ukoll x'kienet in-nefqa għal kull sena?
Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il każ ta' abbandun ta' klieb ġie rrapurtat matul l-aħħar tliet snin, maqsuma għal Malta u għal Għawdex? Tista’ tgħid ukoll x’passi ttieħdu fil-konfront ta' min inqabad jagħmel dan?
Santwarji – Skemi ta’ għajnuna għas-servizzi veterinarji
Question
Tista’ l-Ministru tgħid kemm ibbenefikaw santwarji mill-iskemi ta' għajnuna għas-servizzi veterinarji matul l-aħħar sentejn, kemm ġew approvati għajnuniet għal kull santwarju u kemm effettivament tħallsu?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li matul is-sena 2025, minn din l-iskema bbenefikaw 15-il organizzazzjoni mhux governattiva (NGOs), li bejniethom ingħataw €82,475. Matul din is-sena, s’issa bbenefikaw 13-il organizzazzjoni u bejniethom ingħataw €76,650.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm mis-santwarji u NGOs li għandhom x'jaqsmu maż-żamma tal-annimali ngħataw xi tip ta' benefiċċju matul l-aħħar ħames snin? Tista’ tgħid ukoll min kienu u x'kienet l-għajnuna li ngħatat?
Tista’ l-Ministru tagħti lista sħiħa ta’ santwarji u NGOs li għandhom x'jaqsmu maż-żamma tal-annimali? Tista’ tgħid ukoll kemm għandhom annimali kull santwarju u NGO sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Tista’ l-Ministru tgħid jekk inħarġitx awtorizzazzjoni mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) għax-xogħlijiet fuq is-siġar f’Manoel Island? Jekk iva, tista’ tqiegħed kopja tagħha fuq il-Mejda tal-Kamra?
Manoel Island – Elementi ta’ valur storiku u ambjentali
Question
Tista’ l-Ministru tgħid liema elementi ta’ valur storiku u ambjentali f’Manoel Island ġew identifikati biex jiġu protetti matul ix-xogħlijiet ta’ tindif u manutenzjoni, u kif qed jiġu protetti?
Manoel Island – Tindif u manutenzjoni – Kundizzjonijiet
Question
Tista’ l-Ministru tgħid jekk l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) jew is-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali imponewx xi kundizzjonijiet fuq ix-xogħlijiet ta’ tindif u manutenzjoni f’Manoel Island? Jekk iva, x’inhuma dawn il-kundizzjonijiet?
Manoel Island – Spezzjonijiet, rapporti u rakkomandazzjonijiet
Question
Tista’ l-Ministru tgħid f’liema dati saru l-ispezzjonijiet f’Manoel Island mid-Diviżjoni għat-Tindif u l-Manutenzjoni, mis-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali, mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi, u minn Project Green qabel bdew ix-xogħlijiet? Tista’ wkoll tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapporti jew ir-rakkomandazzjonijiet li ħarġu minn dawn l-ispezzjonijiet?
Manoel Island – Kuntratturi mqabbda minn Project Green
Question
Tista’ l-Ministru tgħid jekk Project Green qabbditx xi kuntratturi privati għax-xogħlijiet f’Manoel Island, inkluż għall-kiri ta’ makkinarju jew għat-tneħħija tal-iskart? Jekk iva, tista’ tgħid min huma, il-valur ta’ kull kuntratt u l-proċess ta’ akkwist li ntuża?
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 4148 dwar charging points fil-Mellieħa u l-Manikata, tista’ l-Ministru tgħid fejn jinsabu t-13-il sit li fihom qed isir xogħol għaċ-charging points? Tista’ tgħid ukoll meta hu mistenni li jitlesta x-xogħol f’kull wieħed minn dawn is-siti?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li t-13-il sit fejn qed isir xogħol għaċ-charging poinst ġodda jinsabu fi Triq il-Madonna ta’ Fatima, Triq in-Naħħalija, Triq Ta’ Masrija, Triq il-Fuħħar, Dawret il-Mellieħa, Triq Vincenzo Ciappara, fil-parkeġġ ta’ Little Armier, Triq il-Marfa, Triq Salvu Camilleri, Triq Mons F.Xuereb, Triq il-Marlozz, fil-parkeġġ ħdejn l-Għassa tal-Pulizija fl-Għadira u fil-parkeġġ tar-Ramla tal-Mixquqa (Golden Bay).
Tista' l-Ministru tgħid x'inhu l-iskop li għalih qed isir fence ġdid madwar iż-żona li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament? Tista’ tgħid ukoll liema partijiet huma mistennija li jkunu magħluqa u minn fejn ser ikunu l-aċċessi għall-istess inħawi wara li jsir il-fence kollu?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li Ambjent Malta qed tinstalla fence ġdid fil-Park Nazzjonali tas-Salina, bil-għan li jissaħħaħ il-ħarsien tal-park, titjieb is-sigurtà tal-viżitaturi u tiġi żgurata ġestjoni aħjar taż-żona, partikolarment barra mill-ħinijiet uffiċjali tal-ftuħ.
Bħalissa qed jiġi installat fence fil-parti ta’ fuq tal-park, filwaqt li qed tkun kunsidrata wkoll il-possibbiltà li l-ilqugħ jiġi estiż mal-ġnub u ssir il-manutenzjoni meħtieġa tal-fence eżistenti. Dawn l-interventi huma intiżi wkoll għal prevenzjoni ta’ atti ta’ vandaliżmu u biex l-infrastruttura u l-ambjent tal-Park Nazzjonali tas-Salina jkunu mħarsa aħjar.
Fir-rigward tal-aċċess, se jinżammu l-punti ta’ aċċess eżistenti sabiex il-pubbliku jibqa’ jista’ jaċċessa l-park matul il-ħinijiet uffiċjali tal-ftuħ. L-aċċessi jingħalqu wara l-ħin uffiċjali tal-għeluq bħala parti mill-miżuri ta’ sigurtà u ħarsien tas-sit.
Birżebbuġa – Il-Qajjenza – Ġnien tal-Komunità – Xogħlijiet
Question
Tista’ l-Ministru tgħid x’xogħlijiet ta’ manutenzjoni saru fis-sit tal-Ġnien tal-Komunità fil-Qajjenza, f’Birżebbuġa, sa qabel ir-riġenerazzjoni tal-2024? Tista’ tgħid ukoll min wettaqhom?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li qabel ma nbidlet fi ġnien li qed jitgawda mill-komunità, din iż-żona kienet mitluqa għal kollox tant li għal ħafna snin kienet mimlija skart tal-kostruzzjoni. Il-Qajjenza huwa post urban ħafna li qatt ma kellu post ta’ rikreazzjoni, u bil-ħolqien ta’ dan il-ġnien tajna l-ewwel spazju miftuħ liż-żona, li huwa aċċessibbli għan-nies ta' kull età u abbiltà.
Bħala parti minn dan il-proġett tħawlu diversi siġar u arbuxelli, u biex il-ġnien ikun aċċessibbli għal kulħadd, ġew installati rampi biex jgħaqqdu żewġ toroq maġenb xulxin. Ġew introdotti 200 metru ta’ passaġġi għal-mixi u ġie installat ukoll tagħmir għal-logħob tat-tfal magħmul minn materjal riċiklat. Project Green għadha qed tieħu ħsieb il-kura u l-manutenzjoni tal-ġnien.
L-Għasri, Għawdex – Ġnien Kenn tas-Salvatur – Xogħlijiet
Question
Tista’ l-Ministru tgħid x’xogħlijiet ta’ manutenzjoni saru fis-sit ta’ Ġnien Kenn tas-Salvatur, fl-Għasri, Għawdex, sa qabel ir-riġenerazzjoni tal-2024? Tista’ tgħid ukoll min wettaqhom?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li fl-2024, Ambjent Malta wettqet intervent ta’ riġenerazzjoni fi Ġnien Kenn tas-Salvatur biex ġie mtejjeb l-użu ta’ dan l-ispazju rikreattiv għall-benefiċċju tal-komunità. Ix-xogħlijiet kienu jinkludu tisbiħ ambjentali, installazzjoni ta’ dawl, tagħmir tal-logħob u għamara tal-ġnien. Dan l-intervent sar b’investiment ta’ aktar minn €90,000 biex inħoloq ambjent aktar xieraq, sigur u attraenti għar-residenti u għal dawk kollha li jagħmlu użu minn dan l-ispazju. Kemm qabel ir-riġenerazzjoni kif ukoll wara, dan il-ġnien baqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill Lokali tal-Għasri.
Ħal Qormi – Ġnien fi Triq il-Wied/Triq l-Għargħar – Xogħlijiet
Question
Tista’ l-Ministru tgħid x’xogħlijiet ta’ manutenzjoni saru fis-sit tal-ġnien bejn Triq il-Wied u Triq l-Għargħar, f’Ħal Qormi, sa qabel ir-riġenerazzjoni tal-2023? Tista’ tgħid ukoll min wettaqhom?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li GreenServ għamlet investiment ta’ madwar €1 miljun biex wettqet proġett ta’ riġenerazzjoni urbana li permezz tiegħu parti mill-culvert eżistenti tal-ilma tax-xita ġie trasformat fi ġnien pubbliku. Ix-xogħlijiet kienu jinkludu, fost oħrajn, it-tħawwil ta’ siġar u pjanti aromatiċi, bankijiet, running track ta’ madwar 200 metru, titjib fl-aċċessibbiltà, spazji għall-parkeġġ u sistema għall-użu tal-ilma tax-xita għat-tisqija.
Ħaż-Żabbar – Triq Santa Duminka/Triq Castaldi – Xogħlijiet
Question
Tista’ l-Ministru tgħid x’xogħlijiet ta’ manutenzjoni saru fis-sit bejn Triq Santa Duminka u Triq Castaldi, f’Ħaż-Żabbar, sa qabel ir-riġenerazzjoni tal-2023? Tista’ tgħid ukoll min wettaqhom?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li fl-2023 GreenServ wettqet proġett ta’ riġenerazzjoni tas-sit li kien jinkludi xogħlijiet strutturali u ta’ tisbiħ, fosthom it-trasformazzjoni taż-żona urbana permezz tal-ħolqien ta’ saqaf aħdar fuq iż-żona ta’ parkeġġ eżistenti. Il-valur tal-proġett kien ta’ madwar €500,000.
Ħaż-Żabbar – Triq Ġużè Pace/Triq Biċċieni – Xogħlijiet
Question
Tista’ l-Ministru tgħid x’xogħlijiet ta’ manutenzjoni saru fis-sit bejn Triq Ġużè Pace u Triq Biċċieni, f’Ħaż-Żabbar, sa qabel ir-riġenerazzjoni tal-2023? Tista’ tgħid ukoll min wettaqhom?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li GreenServ, fl-2023 wettqet proġett ta’ riġenerazzjoni fis-sit indikat li kien jikkonsisti fil-ħolqien ta’ saqaf aħdar fuq iż-żona ta’ parkeġġ eżistenti. Il-proġett sar b’investiment ta’ madwar €447,000.
Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 1897 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Mobbiltà Sostenibbli u tgħid kemm hi l-medja ta’ stennija biex jiġu installati charging points pubbliċi ġodda wara li jkunu ġew approvati?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li, minn meta jinħareġ il-permess għax-xogħlijiet fit-triq, ix-xogħlijiet meħtieġa biex jiġi installat punt tal-iċċarġjar pubbliku għall-vetturi elettriċi (EV) normalment jieħdu madwar 18-il ġimgħa. Dawn iż-żminijiet jistgħu jvarjaw skont ċirkostanzi li jistgħu jaffettwaw il-progress tax-xogħlijiet.