EU Emissions Trading System – Studju dwar l-impatt ekonomiku
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 1898 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Mobbiltà Sostenibbli u jgħid jekk sarx studju mill-Gvern dwar l-impatt ekonomiku tal-EU Emissions Trading System (EU ETS) fuq Malta bħala Stat gżira? Jekk iva, jista’ jqiegħed kopja tiegħu fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-proposta għar-reviżjoni tal-EU ETS għadha qed tiġi diskussa fil-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. F’dawn id-diskussjonijiet, Malta saħqet fuq il-ħtieġa li jitqiesu ċ-ċirkostanzi ta’ pajjiżna bħala Stat gżira, b’mod partikolari d-dipendenza tiegħu fuq il-konnettività marittima u bl-ajru. Sabiex ma tiġix ippreġudikata l-pożizzjoni ta’ Malta f’dawn id-diskussjonijiet, f’dan l-istadju l-Gvern mhux f’pożizzjoni li jagħti l-informazzjoni mitluba.
Jista’ l-Ministru jagħti n-numru ta’ FDIs (Foreign Direct Investments) li ġew attirati lejn pajjiżna mis-sena 2012 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni qed tinġabar u ser tingħata f'seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien l-ammont ta’ kumpaniji li bbenefikaw minn xi waħda mill-iskemi ta’ Malta Enterprise mill-2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena? Jista’ wkoll jagħti t-tip ta’ skema li bbenefikaw minnha kull kumpanija?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lill.Onor. Interpellant li t-tweġiba ser tingħata f'seduta oħra.
L.S. 591.05 – Regolamenti dwar l-Intelliġenza Artifiċjali
Question
B’referenza għall-ħidma relatata mal-L.S. 591.05 - Regolamenti dwar l-Intelliġenza Artifiċjali, jista’ l-Ministru jgħid:
i. kemm huwa n-numru ta’ uffiċjali fi ħdan il-Malta Digital Innovation Authority (MDIA) li huma involuti fit-twettiq tan-normi stabbiliti fil-L.S. 591.05, u għal kull każ jgħid x’inhu r-rwol tiegħu;
ii. kemm saru lmenti, jekk saru, a tenur tar-Regolament 10 tal-L.S. 591.05, u għal kull ilment jgħid dwar xiex kien u x’inhu l-istatus attwali tiegħu; u
iii. jekk s’issa ttieħdux passi regolatorji a tenur tal-L.S. 591.05? Jekk iva, x’kienu dawn il-passi u x’inhu l-istatus attwali ta’ kull każ li dwaru ttieħdu tali passi?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lill-Onor Interpellant li l-Malta Digital Innovation Authority (MDIA) hija l-awtorità kompetenti responsabbli mit-twettiq tal-funzjonijiet assenjati lilha skont ir-Regolamenti dwar l-Intelliġenza Artifiċjali (L.S. 591.05).
L-implimentazzjoni ta’ dawn ir-regolamenti titwettaq permezz tal-istrutturi amministrattivi u operattivi eżistenti fi ħdan l-Awtorità, skont il-kompetenzi u r-responsabbiltajiet rispettivi tal-uffiċjali tagħha.
L-Awtorità wettqet attivitajiet ta’ superviżjoni, inizjattivi ta’ sensibilizzazzjoni u varat servizz ta’ appoġġ u għajnuna għall-industrija.
Ta’ min jinnota li d-dispożizzjonijiet relatati mas-sistemi tal-intelliġenza artifiċjali b’riskju għoli se jibdew japplikaw gradwalment f’Diċembru 2027 u Awwissu 2028, skont il-kategorija ta’ obbligi kkonċernata.
Għaldaqstant, il-passi li ttieħdu ma wasslux għall-ħtieġa ta’ azzjonijiet ta’ infurzar.
Għar-rigward ta’ ilmenti validi riċevuti, infurmat li r-risposta hija fin-negattiv.
Ministeru għall-Ekonomija, it-Teknoloġija u Proġetti Strateġiċi – Direct orders ta' inqas minn €2,000
Question
Jista' l-Ministru jagħti lista tad-direct orders ta' inqas minn €2,000 li ngħataw mill-Ministeru tiegħu, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu matul Lulju 2026?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-entitajiet u d-dipartimenti tal-Gvern japplikaw ir-regoli għall-Offerti Dipartimentali u l-Metodi ta’ Akkwist skont il-Valur tal-Kuntratt joħorġu mill-Public Procurement Regulations.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 4920 u jgħid kemm huwa n-numru ta’ negozji Maltin, partikolarment fost l-intrapriżi żgħar u medji, li jimpjegaw ċittadini minn pajjiżi terzi (TCNs)? Jista’ jgħid ukoll jekk il-Gvern wettaqx analiżi dwar il-kontribut ta’ dawn il-ħaddiema għall-produttività, it-tkabbir ekonomiku u s-sostenibbiltà tal-operat tan-negozji Maltin, u jqiegħed kopja tagħha fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Nitlob l-Onor. Interpellant biex jirreferi għal Ministru kkonċernat.
Ministeru għall-Ekonomija, it-Teknoloġija u Proġetti Strateġiċi – Kontinġent għall-laqgħat f’New York
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 2973, 3307, 3501, 4179 u 4742 u jgħid kemm kien jikkonsisti f’persuni l-kontinġent li akkumpanjah jew li ntbagħat mill-Ministeru tiegħu għall-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u/jew laqgħat oħra fi New York f’Settembru 2026? Jista’ jipprovdi lista tal-persuni kollha li ffurmaw parti minn dan il-kontinġent, filwaqt li jindika l-kariga u r-rwol ta’ kull persuna? Jista’ jgħid ukoll kemm kienet l-ispiża totali relatata ma’ dan il-kontinġent, kemm dik imħallsa kif ukoll dik li għadha dovuta, b’rendikont separat tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar, l-akkomodazzjoni, it-trasport u spejjeż oħra?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, bejn il-21 u s-26 ta’ Settembru 2026 attendejt għall-81 sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fi New York. Matul din iż-żjara komplejna nmexxu ‘l quddiem l-interessi ta’ pajjiżna. Fost l-impenji li kelli, ipparteċipajt f’numru ta’ laqgħat diplomatiċi, f’summits u konferenzi internazzjonali, kif ukoll ma’ rappreżentanti ta’ kumpaniji internazzjonali ewlenin. Id-delegazzjoni li akkumpanjatni għall-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti kienet komposta minn żewġ persuni u l-ispiża totali kienet tammonta għal €16,138.26.
Ministeru għall-Ekonomija, it-Teknoloġija u Proġetti Strateġiċi – Direct orders ta' inqas minn €5,000
Question
Jista' l-Ministru jagħti lista tad-direct orders ta’ inqas minn €5,000 li ngħataw mill-Ministeru tiegħu, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu matul Ottubru 2026?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-entitajiet u d-dipartimenti tal-Gvern japplikaw ir-regoli għall-Offerti Dipartimentali u l-Metodi ta’ Akkwist skont il-Valur tal-Kuntratt joħorġu mill-Public Procurement Regulations
Jista’ l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta’ negozji Maltin, partikolarment fost l-intrapriżi żgħar u medji, li jimpjegaw ċittadini minn pajjiżi terzi (TCNs)? Jista’ jgħid ukoll jekk il-Gvern wettaqx analiżi dwar il-kontribut ta’ dawn il-ħaddiema għall-produttività, it-tkabbir ekonomiku u s-sostenibbiltà tal-operat tan-negozji Maltin, u jqiegħed kopja tagħha fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba se tingħata f’seduta oħra.
Ministeru għall-Ekonomija, it-Teknoloġija u Proġetti Strateġiċi – Kontinġent għall-laqgħat f’New York
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 2973, 3307, 3501 u 4179 u jgħid kemm kien jikkonsisti f’persuni l-kontinġent li akkumpanjah jew li ntbagħat mill-Ministeru tiegħu għall-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u/jew laqgħat oħra fi New York f’Settembru 2026? Jista’ jipprovdi lista tal-persuni kollha li ffurmaw parti minn dan il-kontinġent, filwaqt li jindika l-kariga u r-rwol ta’ kull persuna? Jista’ jgħid ukoll kemm kienet l-ispiża totali relatata ma’ dan il-kontinġent, kemm dik imħallsa kif ukoll dik li għadha dovuta, b’rendikont separat tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar, l-akkomodazzjoni, it-trasport u spejjeż oħra?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar.
Ministeru għall-Ekonomija, it-Teknoloġija u Proġetti Strateġiċi – Każ ta’ individwu – Ħatriet
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament kienx appuntat f’bordijiet u kumitati fid-dekasteru li għalih hu responsabbli fid-29 ta’ Mejju 2026? Jista’ jgħid ukoll jekk kienx hemm ħatriet simili fil-perjodu ta’ wara u jekk kien hemm, jipprovdi dettalji dwar il-ħlas marbut magħhom?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-persuna msemmija hawn taħt ma ġiet maħtura fuq l-ebda Bord jew Kumitat li jaqa’ taħt ir-responsabbiltà ta’ dan il-Ministeru.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn familji f’Malta li m’għandhomx aċċess għall-internet fi djarhom?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lill-Onorevoli interpellant li l-Awtorità ta’ Malta dwar il-Komunikazzjoni (MCA) tinforma lil Onorevoli Interpellant li skont informazzjoni ppubblikata mill-Eurostat fid-dataset “Households – level of internet access”, fl-2025 kien hemm 97.77% tal-households f’Malta li kellhom aċċess għall-internet fid-dar. L-informazjoni tal-Eurostat tirreferi għall-perċentwal ta’ households li għandhom aċċess għall-internet fid-dar u tinkludi kull forma ta’ użu tal-internet. L-istħarriġ ikopri households fejn mill-inqas membru wieħed għandu bejn 16 u 74 sena.
Ta’ min jinnota li din l-informazzjoni hija bbażata fuq stħarriġ statistiku u mhux fuq xi reġistru ta’ familji individwali. Għalhekk, il-Eurostat jipprovdi l-perċentwal u mhux in-numru assolut ta’ familji.
Ta’ min jinntota wkoll li dan il-perċentwal ma jirriflettix id-disponibbiltà tal-infrastruttura tan-network, li prattikament hija aċċessibbli f’kull parti tal-pajjiż.
Din l-informazzjoni hija aċċessibbli fuq il-paġna uffiċċjali tal-Eurostat:
https://ec.europa.eu/eurostat/databrowser/view/tin00134/default/table?lang=en
Ministeru għall-Ekonomija, it-Teknoloġija u Proġetti Strateġiċi – Entitajiet pubbliċi – Sistemi ta’ Intelliġenza Artifiċjali
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 687 u 980 u jgħid kemm-il entità pubblika qed tuża sistema jew sistemi ta' Intelliġenza Artifiċjali fil-preżent u għal liema funzjonijiet qed jintużaw dawn is-sistemi? Jista’ jgħid ukoll liem sistemi qed jintużaw rispettivament għal kull entità?
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 783 u għal-lista fit-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 780, jista’ l-Ministru jgħid kemm se jrendu fi dħul fl-ekonomija Maltija kull proġett strateġiku elenkat fil-lista tal-proġetti strateġiċi kollha, matul l-ewwel tliet snin minn wara li jiġu kompluti separatament?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lill-Onorevoli interpellant li fil-każ tal-Proġetti li ser jingħattaw b’konċessjoni ma hemmx spiża pubblika involuta imma ser jirrendu dħul. Fir-rigward tal-proġetti l-ohra mhuwiex possibli nagħtu indikazzjoni preciza tal-ispiża minħabba li f’ħafna minn dawn il-każijiet, għad qed isiru jew għad iridu jitwettqu l-istudji u l-valutazzjonijiet neċessarji (tekniċi, finanzjarji u ta’ fattibbiltà), li mingħajrhom kwalunkwe stima tkun waħda prematura u mhux affidabbli.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 782 u għal-lista fit-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 780, jista’ l-Ministru jgħid kemm hu stmat li jiswa f’fondi pubbliċi kull proġett strateġiku elenkat fil-lista tal-proġetti strateġiċi kollha, b’mod separat?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li biex jirreferi għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari Nru 3873.
Ministeru għall-Ekonomija, it-Teknoloġija u Proġetti Strateġiċi – Ħaddiema ġodda
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 7 u jgħid kemm-il persuna ġdida daħlet taħdem fid-dekasteru tiegħu minn Jannar 2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma xahar b'xahar?
Anzjani li mhumiex computer literate – Aċċess għal servizzi online
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’miżuri qed jittieħdu mid-diversi entitajiet pubbliċi li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu fir-rigward ta’ dawk l-anzjani li mhumiex computer literate minħabba l-fatt li llum ħafna servizzi huma aċċessibbli biss online?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lill-Onorevoli interpellant li l-Awtorità Maltija għall-Innovazzjoni Diġitali (MDIA) qed timplimenta diversi inizjattivi bil-għan li tissaħħaħ l-inklużjoni diġitali, b’mod partikolari fost l-anzjani, sabiex dawn ikunu jistgħu jifhmu u jużaw aħjar it-teknoloġiji moderni u jibbenefikaw mis-servizzi diġitali.
Fost dawn l-inizjattivi hemm:
AI4All u Bootcamps AI4ALL (b’kollaborazzjoni mal-Lifelong Learning): Programm ta’ taħriġ onlajn bla ħlas, imfassal għal persuni mingħajr għarfien tekniku minn qabel, li joffri introduzzjoni għall-Intelliġenza Artifiċjali (AI), l-użi prattiċi tagħha fil-ħajja ta’ kuljum u l-ħiliet bażiċi meħtieġa biex tintuża b’mod responsabbli. Dan il-programm huwa aċċessibbli wkoll għall-anzjani li jixtiequ jtejbu l-għarfien diġitali tagħhom. Ġew organizzati ukoll total ta’ 10 sessjonijiet ta’ bootcamp, li laħqu 109 parteċipant u li fihom intużaw il-faċilitajiet tal-Msida Lab. Il-programm kien miftuħ għal persuni minn 14-il sena ’l fuq, bil-parteċipazzjoni tinkludi wkoll persuni anzjani li jieħdu sehem regolarment f’inizjattivi tal-Lifelong Learning.
Kollaborazzjoni mal-Pastoral Formation Institute (PFI): Permezz ta’ din il-kollaborazzjoni, qed jiġu organizzati sessjonijiet ta’ taħriġ dwar l-Intelliġenza Artifiċjali fil-parroċċi u fi gruppi komunitarji, b’enfasi partikolari fuq l-anzjani. Sa Awwissu 2026, kienu diġà saru 39 sessjoni, li minnhom ibbenefikaw 664 parteċipant ta’ 60 sena jew aktar.
Kollaborazzjoni ma’ Active Ageing and Community Care (AACC): Permezz ta’ ftehim bejn l-MDIA u l-AACC, il-programm AI4All se jitwassal direttament lill-anzjani permezz tas-36 Ċentru għall-Anzjanità Attiva, kif ukoll fid-djar residenzjali għall-anzjani. Il-ħaddiema tal-AACC se jingħataw taħriġ speċifiku sabiex ikunu jistgħu jassistu lill-anzjani fl-użu tal-Intelliġenza Artifiċjali u jgħinuhom jiżviluppaw aktar kunfidenza fit-teknoloġija.
AI4All fil-Kunsilli Lokali: Din l-inizjattiva għandha l-għan li twassal taħriġ u assistenza wiċċ imb wiċċ fil-komunitajiet lokali, sabiex persuni li għandhom diffikultajiet biex jużaw it-teknoloġija jkunu jistgħu jirċievu għajnuna diretta. Ħaddiema u studenti mħarrġa se jassistu lill-parteċipanti fil-mistoqsijiet u d-diffikultajiet li jistgħu jiltaqgħu magħhom, bl-appoġġ kontinwu tat-tim tal-AI4All.
Kollaborazzjoni mal-FITA: L-MDIA għandha Memorandum ta’ Ftehim eżistenti mal-FITA. Għal din is-sena kien ippjanat bootcamp immirat lejn persuni anzjani, iżda sfortunatament din l-inizjattiva ma setgħetx titwettaq matul din is-sena. Huwa ppjanat li d-diskussjonijiet jerġgħu jibdew is-sena d-dieħla.
Ħiliet Diġitali għal Gruppi Vulnerabbli: Din l-inizjattiva twettqet b’kollaborazzjoni mal-Lifelong Learning u kienet iffukata speċifikament fuq l-għoti ta’ appoġġ lil persuni vulnerabbli residenti f’xelters. Għaldaqstant, din l-inizjattiva ma taqax taħt il-kategorija tal-parteċipazzjoni tal-anzjani.
Dawn l-inizjattivi jirriflettu l-impenn tal-MDIA li tippromwovi inklużjoni diġitali għal kulħadd, filwaqt li tnaqqas id-distakk fil-ħiliet diġitali bejn il-ġenerazzjonijiet. B’mod partikolari, l-enfasi fuq taħriġ fil-komunità u assistenza diretta għandha l-għan li tgħin lill-anzjani jsiru aktar indipendenti u kunfidenti fl-użu tat-teknoloġija, sabiex ma jitħallewx lura hekk kif aktar servizzi qed jiġu offruti permezz ta’ mezzi diġitali.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 781 u għal-lista fit-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 780, jista’ l-Ministru jindika s-sena li fiha se jkun qed jiġi inawgurat kull proġett strateġiku elenkat fil-lista tal-proġetti strateġiċi kollha, kif ukoll id-data li ser ikun komplut b’mod separat?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ż-żmien
meħtieġ għall-eżekuzzjoni ta’ kull proġett strateġiku jvarja skont l-offerta li tkun ġiet rakkomandata u approvata, kif ukoll skont id-data tal-bidu tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt formali.
Għaldaqstant, iż-żmien previst għall-eżekuzzjoni ta’ kull proġett ivarja skont in-natura u l-karatteristiċi partikolari tal-proġett inkwistjoni.