Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn tfal minn ġenituri ta’ pajjiżi terzi (TCNs) li twieldu f’Malta? Jista’ jgħid ukoll minn liema pajjiżi terzi ġejjin dawn it-tfal u li bħalissa qegħdin hawn Malta?
Ċittadinanza b’naturalizzazzjoni – Kontribuzzjonijiet lil NGOs
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm mill-applikanti għaċ-ċittadinanza Maltija b’naturalizzazzjoni abbażi tal-mertu għamlu, jew intrabtu li jagħmlu, donazzjonijiet, kontribuzzjonijiet finanzjarji jew investimenti f’organizzazzjonijiet volontarji (NGOs) reġistrati f’Malta jew f’Għawdex? Jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista li turi:
i. l-isem ta’ kull NGO li rċeviet, jew hija mistennija li tirċievi, kontribuzzjoni mingħand dawn l-applikanti;
ii. l-ammont ta’ flus mogħtija jew imwiegħda lil kull organizzazzjoni, b’distinzjoni bejn kontribuzzjonijiet diġà mħallsa u dawk li għadhom pendenti; u
iii. in-numru ta’ applikanti li għamlu jew wiegħdu kontribuzzjoni lil kull organizzazzjoni?
Jista’ wkoll jispjega x’mekkaniżmu qed jintuża biex jiġi vverifikat li dawn il-kontribuzzjonijiet effettivament jaslu għand l-organizzazzjonijiet benefiċjarji?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari numru 5318.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew ippreżentati applikazzjonijiet għaċ-ċittadinanza Maltija taħt il-qafas il-ġdid tas-Citizenship by Merit minn meta daħal fis-seħħ sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għar-risposta ta’ mistoqsija parlamentari numru 31995 ta' leġiżlatura numru erbatax.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew studenti minn pajjiżi terzi mill-2023 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid ukoll kemm kien hemm applikazzjonijiet għal student visas u kemm minnhom kienu rejected?
Fid-dawl li 125 Learning Support Educators (LSEs) ġodda se jingħaqdu mad-Dipartiment tal-Edukazzjoni, jista’ l-Ministru jgħid kemm minnhom ġew ingaġġati u bdew jaqdu d-dmirijiet tagħhom, u kemm minnhom għad iridu jiġu ingaġġati?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Infurmat li minn April ta’ din is-sena sa meta qed tkun imwieġba din il-mistoqsija parlamentari ġew ingaġġati 250 LSE. Infurmat li dawn huma 38 LSE ġdid, 76 LSE li kienu jservu bħala Supply LSE għax kisbu kwalifika, u 136 Supply LSE.
Skejjel tal-Istat – Deputy Heads of School – Postijiet vakanti
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3329, jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx hemm xi żviluppi fil-proċess tal-ingaġġ tad-Deputy Heads of School u kemm għad hemm postijiet vakanti li għadhom ma mtlewx?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Infurmat li għaddej il-proċess tal-Public Service Commission.
Jista’ l-Ministru jgħid x’arranġamenti se jsiru biex jingħataw laptops lill-istudenti ġodda li jidħlu fis-sistema edukattiva Maltija mill-ħames sal-għaxar sena, u li għalhekk ma jkunux ibbenefikaw mill-iskema tat-tqassim tal-laptops fis-snin preċedenti?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-istudenti ġodda li jidħlu fis-sistema edukattiva Maltija mill-ħames sal-għaxar sena u li ma jkunux ibbenefikaw mill-iskema fis-snin preċedenti għandhom jiġu pprovduti b’laptop permezz tal-proċedura formali tal-Form S.
Jista’ l-Ministru jgħid x’miżuri qed jittieħdu biex jiġu pprovduti laptops lill-istudenti tar-raba’ sena, wara li l-fornitur informa lill-Ministeru li ma setax jonora l-kundizzjonijiet finanzjarji tal-kuntratt, u sa meta huwa previst li dawn il-laptops jitqassmu lill-istudenti affettwati?
Studenti tar-raba’ u s-seba’ sena – Tqassim ta’ laptops – Kuntratt
Question
Jista’ l-Ministru jgħid meta l-fornitur tal-laptops li kellhom jitqassmu lill-istudenti tar-raba’ u s-seba’ sena informa lill-Ministeru li ma setax jonora l-kundizzjonijiet finanzjarji tal-kuntratt u x’kienu r-raġunijiet li ta għal din id-deċiżjoni?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li l-qagħda ġeopolitika internazzjonali, li laqtet ukoll b’mod negattiv il-produzzjoni ta’ aċċessorji u apparat teknoloġiku, waslet biex il-fornitur informa lill-Ministeru li ma kienx għadu f’pożizzjoni li jforni l-laptops skont l-ispeċifikazzjonijiet u l-prezzijiet stipulati fil-kuntratti rispettivi.
Il-Ministeru mexa skont ir-regolamenti u l-proċeduri applikabbli tal-akkwist pubbliku u, wara konsultazzjoni mad-Dipartiment tal-Kuntratti u l-Awtorità Maniġerjali tal-Fondi Ewropej, beda l-proċess ta’ terminazzjoni tal-kuntratti skont il-liġi u qed jieħu l-passi kuntrattwali meħtieġa.
Ministeru għall-Edukazzjoni u l-Isport – Direct orders ta' inqas minn €2,000
Question
Jista' l-Ministru jagħti lista tad-direct orders ta' inqas minn €2,000 li ngħataw mill-Ministeru tiegħu, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu matul Lulju 2026?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-entitajiet u d-dipartimenti tal-Gvern japplikaw ir-regoli għall-Offerti Dipartimentali u l-Metodi ta’ Akkwist skont il-Valur tal-Kuntratt joħorġu mill-Public Procurement Regulations.
Għalliema ġodda kwalifikati – Warrants temporanji/pendenti
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 4106 u jgħid kemm mill-għalliema ġodda kwalifikati (Newly Qualified Teachers - NQTs) ilhom b’warrant temporanju għal aktar minn sena skolastika, u kemm minnhom għandhom applikazzjoni pendenti għal warrant permanenti?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Infurmat li preżentament hemm 145 għalliem u infurmat ukoll li tnejn minnhom għandhom applikazzjoni pendenti għal warrant permanenti.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 4105 u jgħid kemm hemm għalliema ġodda kwalifikati (Newly Qualified Teachers - NQTs) li bħalissa qed jipprattikaw il-professjoni b’warrant temporanju, u jekk jista’, jipprovdi din iċ-ċifra maqsuma separatament bejn skejjel tal-Istat, skejjel tal-Knisja u skejjel indipendenti?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Infurmat li bħalissa hemm 155 fl-iskejjel tal-istat.
Skejjel tal-Istat – Klassijiet mingħajr arja kkundizzjonata
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta’ klassijiet fl-iskejjel tal-Istat f’Malta u Għawdex li m’għandhomx sistema tal-arja kkundizzjonata? Jista’ wkoll jagħti lista tal-iskejjel u n-numru ta’ klassijiet mingħajr arja kkundizzjonata li hemm f’kull skola?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għad-diskors Parlamentari tiegħi waqt is-Seduta Nru: 036 - L-Erbgħa, 11 ta’ Novembru, 2026, u li fih tajt elenku dettaljat tal-ħidma li qed nagħmlu biex iktar skejjel ikollhom arja kkundizzjonata, u dan anke kif ser nimmasimizzaw ir-riżorsi.
Nirreferi wkoll lill-Onorevoli interpellant għat-tweġibiet ta’ mistoqsijiet Parlamentari numru 30 u 31 ta’ din il-leġiżlatura.
Dan filwaqt li differenti minn żmien ieħor, u Gvern ieħor, l-iskejjel ġodda li nlestu kull sena jkollhom installata din il- faċilità.
Nirreferi wkoll lill-Onorevoli interpellant għad-diskors tal-Kap tal-Oppożizzjoni fis-seduta Parlamentari tat-2 ta’ Novembru 2026 fejn skont it-transcript provdut lili mill-Parlament qal waqt id-diskors tiegħu “B’€4.5 miljun taf x’konna nagħmlu? Konna nagħmlu l-air-condition kollu tal-iskejjel ta’ pajjiżna! (Onor. Membri: Hear, hear) U fuq din is-sabiħa taf x’inhi? Għadna ma wasalniex taf, għax xħin tilħaq il-qiegħ jibqa’ qiegħ ieħor taħtu…”
Din il-mistoqsija Parlamentari tirrifletti li l-Oppożizzjoni l-ewwel tfattar iċ-ċifri u d-dikjarazzjonijiet u wara tistaqsi sabiex tiprova tistabilixxi l-fatti. Kont nippretendi li din l-informazzjoni jafuha sew biex setgħet issir stima, u mhux qed tintalab mill-Oppożizzjoni wara!
Mhux ta’ b’xejn l-istima kienet waħda ħażina mill-bidu sal-aħħar u wera li m’għandomx idea tal-affarijiet.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux qed jiġi kkunsidrat mudell ġdid ta’ governanza għall-kulleġġi li jagħti aktar setgħat u responsabbiltajiet lill-maniġment tagħhom, filwaqt li jżomm mekkaniżmi ċari ta’ responsabbiltà u rendikont?
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru għandux studju li janalizza d-differenzi bejn il-kulleġġi f’termini ta’ daqs, popolazzjoni ta’ studenti, kuntest soċjali, ħtiġijiet edukattivi u riżorsi, sabiex il-politika edukattiva tkun tista’ tirrifletti dawn ir-realtajiet?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li dan hu eżerċizzju kontinwu.
Jista’ l-Ministru jelenka liema deċiżjonijiet fil-qasam tar-riżorsi umani, l-amministrazzjoni, l-organizzazzjoni tat-tagħlim u l-allokazzjoni tar-riżorsi jistgħu jittieħdu direttament mill-kulleġġi, mingħajr il-ħtieġa ta’ approvazzjoni ċentrali?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li kull kulleġġ huwa responsabbli għall-allokazzjoni fl-iskejjel tiegħu tal-għalliema peripatetiċi u tal-kinder relievers assenjati lilu.
Fir-rigward tar-riżorsi umani, kull deċiżjoni f’dan il-qasam teħtieġ l-approvazzjoni tal-Kap tal-Iskola u tal-Kap tan-Netwerk tal-Kulleġġ (HCN) qabel ma titressaq għall-approvazzjoni finali fil-livell ċentrali.
L-amministrazzjoni ġenerali tal-kulleġġ taqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Kap tan-Netwerk tal-Kulleġġ. Din tinkludi l-koordinazzjoni tal-proġetti li fihom jipparteċipa l-kulleġġ, il-laqgħat mal-Kapijiet tal-Iskejjel u mal-ġenituri, l-organizzazzjoni tal-attivitajiet u aspetti amministrattivi oħra, fosthom l-istabbiliment tal-prijoritajiet tal-kulleġġ.
Trakka tal-karozzi – Kumpens lill-għaqdiet tal-motorsport u s-sewwieqa
Question
Wara li t-trakka tal-karozzi għadha ma waslitx fl-istat li inizjalment kienet qabel ma nqalgħet u qed jiġi stmat mal-€1 miljun biex tkun asfaltata, jista’ l-Ministru jgħid jekk hux se jikkumpensa lill-għaqdiet tal-motorsport u lis-sewwieqa għad-dewmien u għat-telf ta' flus?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Id-dilettanti tal-motorsport jafu min kien l-uniku gvern li ħaseb fihom u fl-isport tagħhom. L-aħjar kumpens huwa l-faċilitajiet mill-aqwa li ser ikollhom.
L-Università ta' Malta u l-MCAST – Studenti Għawdxin – Lectures permezz ta’ videoconferencing
Question
Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess sabiex studenti Għawdxin li jattendu korsijiet fl-Università ta' Malta kif ukoll l-MCAST jingħataw il-fakultà sabiex jattendu għal lectures ġewwa l-Campus tal-Università u l-Campus tal-MCAST f'Għawdex u dan permezz ta' videoconferencing mill-campus rispettiv f'każ ta' maltemp u diffikultajiet oħra li l-istudenti jistgħu jiltaqgħu magħhom li jfixkilhom milli jattendu għal lectures fil-ħin f'Malta?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Nitlob lill-Onor.Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-mistqosija Parlamentari 2246.
L-Università ta’ Malta u l-MCAST f’Malta – Studenti Għawdxin – Miżuri
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’miżuri se jittieħdu sabiex l-istudenti Għawdxin li jattendu l-MCAST jew l-Università ta’ Malta ma jiġux irreġistrati bħala assenti meta jaslu tard għal-lezzjonijiet minħabba dewmien jew tfixkil fis-servizzi tal-Gozo Channel, tal-Fast Ferry jew tal-linja, għal raġunijiet li ma jkollhomx kontroll fuqhom?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Infurmat li f’kazijiet bhal dawn l-MCAST timmarka l-istudenti excused meta l-istudent jaghti prova li kien hemm dewmien minhabba l-vapur.
Infurmat ukoll li kull meta l-istudent jiltaqa ma xi diffikultà li ma tkunx fil-kontroll tagħhom l-Università ta’ Malta taghti il-faċilità lill-istudenti sabiex jew javżaw l-uffiċċju tal-Fakultà jew inkella lill-lecturer rispettiv . F’każijiet fejn jiġi stabbilit li hemm raġuni valida, l-istudent konċernat ma jiġix reġistrat bħala assenti.