Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol — Ħaddiema - Telework

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 16813 u jgħid mill-1 ta’ Marzu 2020 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija, kemm kien hemm ħaddiema tas-settur pubbliku li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tiegħu li applikaw għat-teleworking? Kemm minnhom ingħataw il-permess? Kemm minn dawk li applikaw kienu nisa u kemm minnhom irġiel? Kemm minn dawk li fil-fatt ħadmu (jew qed jaħdmu) permezz tat-teleworking kienu nisa u kemm minnhom irġiel?

Response (BONNICI, OWEN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellanta għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 16813 f'seduta 399.
Leg 13 PQ #17181 Sitting 402 2020-11-18 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol

Permessi maħruġa lill-ħaddiema ta’ nazzjonalità Albaniża

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ingħataw permessi lill-ħaddiema ta’ nazzjonalità Albaniża biex jiġu jaħdmu fil-Gżejjer Maltin, xahar b'xahar minn April 2013 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid kemm minnhom kienu rġiel u kemm minnhom kienu nisa u l-etajiet tagħhom u għal kemm żmien ingħataw permess biex ikunu jistgħu jaħdmu Malta u Ghawdex?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif muri fit-tabelli li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. L-informazzjoni tinkludi biss permessi lill-ħaddiema ta’ nazzjonalità Albaniza maħruġa minn Jobsplus.
Leg 13 PQ #17237 Sitting 402 2020-11-18 Oral · Final From: DAVID THAKE To: Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol

Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol – nefqa fuq reklamar u marketing

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra rendikont tal-ispiża ta' marketing u reklamar li ntefqet mill-2013 sal-lum, ma’ liema media houses jew production houses intefqu, bl-ammonti għal kull sena u jekk kenux reklamar fuq TV, print, stampar, internet jew radju jew stampar ta' materjal ta’ marketing?

Response (BONNICI, OWEN)

Filwaqt li ngħarraf lill-Onorevoli interpellant li tlabt biex jinġabar it-tagħrif mitlub, ninfurmah li mistoqsija bħal din, fejn qed tintalab informazzjoni dettaljata fuq medda ta' tmien snin, tinħtieġ ħafna xogħol sabiex tinġabar. Kif dan it-tagħrif ikun disponibbli, inkun nista' nqiegħdu fuq il-Mejda tal-Kamra.

Il-Qawra — Skola Primarja fil-Kulleġġ Marija Reġina - ħaddiema tekniċi biex iżommu l-manutenzjoni tal-iskola

Question

Filwaqt li wieħed jirrikonoxxi l-ambjent pożittiv u l-mod modern li bih inbniet l-Iskola Primarja tal-Qawra fil-Kulleġġ Marija Reġina, jista’ l-Ministru jara li mill-aktar fis jiġu impjegati nies tas-sengħa u tekniċi sabiex din l-iskola allura jkollha l-persuni meħtieġa biex jagħmlu l-manutenzjoni li skola bħal din, li tilqa' mijiet ta' tfal u edukaturi, jkollha bżonn minn ġurnata għall-oħra?

Response (BONNICI, OWEN)

Ngħarraf lill-Onorevoli interpellant li l-Kulleġġ Maria Reġina li tifforma parti minnu l-iskola Primarja tal-Qawra, għandu tim ta’ ħaddiema li jagħmlu xogħol ta’ manutenzjoni fl-iskejjel. Il-Ministeru, bħalma sar qabel, ifittex li jixtri servizzi tekniċi partikolari kull meta jkun hemm il-bżonn.
Leg 13 PQ #17255 Sitting 401 2020-11-17 Oral · Final From: CLYDE PULI To: Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol

Studenti li fallew l-iskola

Question

B’referenza għal tweġibiet parlamentari li jindikaw li wieħed minn kull erbat itfal f’Malta u Għawdex mhux imorru skola f’dan il-perjodu ta’ pandemija, jista’ l-Ministru jagħti l-figuri preċiżi kulleġġ b’kulleġġ u skola bi skola ta’ kemm tfal fallew kif ukoll it-total ta’ popolazzjoni studenteska ta’ kull skola? Jista’ jagħti wkoll il-persentaġġi għal kull skola u għal kull kulleġġ?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub mill-Onorevoli interpellant hu kif muri fit-tabella li qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 13 PQ #17256 Sitting 401 2020-11-17 Oral · Final From: CLYDE PULI To: Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol

Mudell ta' Blended Learning

Question

B’referenza għal tweġibiet li ta l-Ministru rigward il-mudell ta’ blended learning, jista’ l-Ministru jgħid fejn qed jara li ħadem tajjeb u x’nuqqasijiet qed isib?

Response (BONNICI, OWEN)

Kif diġà kelli opportunità nispjega diversi drabi fil-livell post-sekondarju u terzjarju mhux fl-aħjar interess tal-istudenti jekk it-tagħlim imur kollu online. Dan anke skont riċerka li saret. Nemmnu li l-aħjar triq fiċ-ċirkostanzi li qegħdin fihom hi li fejn in-numru ta' studenti fi klassi ikun kbir il-lezzjonijiet isiru online waqt li fejn in-numru tal-istudenti fil-klassi ikun żgħir il-lezzjonijiet isir in person bil-prekawzjonijiet kollha. It-tagħlim f'dawn l-istituzzjonijiet miexi u qed jinżamm kuntatt kontinwu mat-tmexxija ta' kull istituzzjoni.

Studenti mgħallma l-Portugiż

Question

Jista’ l-Ministru jindika kemm kien hemm fl-aħħar tliet snin, studenti li kienu qed jiġu mgħallma l-Portugiż fl-iskejjel sekondarji?

Response (BONNICI, OWEN)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-Portugiż ma jiġix mgħallem fl-iskejjel sekondarji.
Leg 13 PQ #17209 Sitting 400 2020-11-16 Oral · Final From: CLYDE PULI To: Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol

Studenti li ma għaddewx mill-eżamijiet

Question

Peress li xi studenti setgħu ngħataw l-impressjoni minn dikjarazzjonijiet fil-media li minħabba ċ-ċirkostanzi partikolari setgħu jkomplu bl-istudji universitarji tagħhom, mal-Università ta’ Malta, anke jekk ikollhom resits minħabba li din is-sena l-eżamijiet ta’ Mejju ma sarux; u peress li issa studenti li ma ġabux il-marki neċessarji fis-sessjoni ta’ Settembru qed jingħadilhom li “Unfortunately, if you have not obtained the 36 points by the first sitting of September 2020, you shall be withdrawn from the course” li effettivament ifisser li anke jekk jagħmlu l-eżamijiet f’Mejju li ġej, minħabba li m’hemmx sessjoni oħra u ċans ieħor kif normalment ikollhom l-istudenti, dawn l-istudenti ma jistgħux ikomplu bl-istudji tagħhom: jista’ l-Ministru jispjega eżatt kif il-proċess qed isir?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Università ta' Malta ħarġet stqarrija uffiċjali dwar il-materja li qed niġi interpellat dwarha. Kopja tal-istqarrija, fil-verżjoni kemm bil-Malti kif ukoll bl-Ingliż, qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 13 PQ #17210 Sitting 400 2020-11-16 Oral · Final From: CLYDE PULI To: Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol

Is-Siġġiewi – pick up point tal-istudenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu jżomm lill-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol milli jieħu passi immedjati biex jissalvagwardja s-saħħa u s-sigurtà ta’ tfal mil-lokalità tas-Siġġiewi (ħdejn id-Dolce Miele) li biex jirkbu t-trasport għall-iskola qed ikollhom jaqsmu triq perikoluża li bażikament hija salib it-toroq? Ma jaħsibx li dan il-periklu għal tfal ta’ 10 snin mhux neċessarju u huwa żejjed u jista’ jiġi evitat b’sempliċi struzzjoni mill-Ministeru? Għaliex inbidel il-pick up point min kif kien fl-aħħar snin? X’inhu jżomm lill-Ministeru li ilu jirċievi korrispondenza dwar dan il-periklu?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li t-trasport bla ħlas għall-iskejjel tal-Istat jaħdem b’sistema ta’ pick-up/drop-off points. Kull student jiġi assenjat punt wieħed – f’dan il-każ biswit id-Dolce Miele, Siġġiewi. Minħabba li filgħodu u wara nofsinhar, il-vetturi ħafna drabi jkunu ġejjin minn direzzjonijiet differenti, huwa normali li, sakemm triq ma tkunx one way, filgħodu t-tfal jinġabru minn naħa tat-triq u wara nofsinhar jitniżżlu n-naħa l-oħra. Din is-sitwazzjoni mhix esklussiva għall-punt inkwestjoni u hija sistema simili għal dik tal-bus stops tat-trasport pubbliku. Wieħed irid ukoll iżomm f’moħħu li t-tfal li jużaw dawn il-pick-up/drop-off points ma jkunux joqgħodu kollha fuq l-istess xaqliba tat-triq; għalhekk huwa inevitabbli li xi tfal ikollhom jaqsmu xi triq/toroq biex jaslu fuq/jitilqu mill-punt tagħhom. F’dan il-każ speċifiku, hemm zebra crossing ftit metri bogħod mid-Dolce Miele minn fejn it-tfal flimkien mal-ġenituri tagħhom jistgħu jaqsmu t-triq min-naħa għall-oħra b’mod sigur skont ir-regolamenti tat-traffiku. Tenut kont xi feedback li daħlilna, qed nanalizzaw is-sitwazzjoni.

Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol — Ħaddiema - Telework

Question

Jista’ l-Ministru jgħid mill-1 ta’ Marzu 2020 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija, kemm kien hemm ħaddiema tas-settur pubbliku li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tiegħu li applikaw għat-teleworking? Kemm minnhom ingħataw il-permess? Kemm minn dawk li applikaw kienu nisa u kemm minnhom irġiel? Kemm minn dawk li fil-fatt ħadmu (jew qed jaħdmu) permezz tat-teleworking kienu nisa u kemm minnhom irġiel?

Response (BONNICI, OWEN)

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 16813, infurmat li mit-tagħrif mogħti dwar ħaddiema tas-settur pubbliku li jaqgħu taħt il-MEDE, ħlief għal entità waħda li referenza għaliha qed issir fil-paragrafu li jmiss, mill-1 ta’ Marzu 2020 sas-27 ta’ Ottubru, kien hemm 475 talba approvati li minnhom 331 kienu nisa u 144 irġiel. Kien hemm ukoll 12-il applikazzjoni pendenti waqt li sitta ma ngħatawx permess. Inqiegħed ukoll fuq il-Mejda tal-Kamra informazzjoni relatata mal-Università ta’ Malta.
Leg 13 PQ #17140 Sitting 398 2020-11-10 Oral · Final From: CLYDE PULI To: Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol

Studenti tal-Mediċina Maltin — riżorsi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’qed jagħmel biex jirrispondi għall-ħtiġijiet tal-istudenti tal-mediċina preżenti u futuri fl-Università ta’ Malta, fil-kuntest tal-introduzzjoni tal-iskola medika ġdida ta’ Barts u l-istudenti tagħhom, sabiex jassigura li jkun hemm biżżejjed riżorsi għall-istudenti Maltin? Jista’ jgħid x’qed jagħmel fir-rigward ta’ sfidi bħal: a. Espożizzjoni klinika mal-pazjenti; b. Ħin ta’ prattika fis-swali tal-operazzjonijiet u fl- outpatients ; c. Konsulenti/Speċjalisti sabiex jgħallmu lill-istudenti; u d. Biżżejjed xogħlijiet bħala Junior Doctors sabiex jakkomodaw għaż-żieda fl-istudenti?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. interpellant li tlabt informazzjoni dwar din il-mistoqsija mingħand l-Università ta’ Malta. It-tagħrif mitlub ikun jista' jitqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra hekk kif tingħatali din l-informazzjoni.

Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol — Ħaddiema li huma minn skala 6 ’l fuq

Question

Jista’ l-Ministru jgħid, fil-mument li tiġi mwieġba din il-mistoqsija, kemm hemm ħaddiema tas-settur pubbliku li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tiegħu li huma minn skala 6 ’l fuq? Kemm minnhom huma nisa u kemm irġiel?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-għadd ta’ ħaddiema tas-settur pubbliku li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-MEDE li huma minn skala 6 (ekwivalenti) ’l fuq huwa ta’ 416 li minnhom 185 huma nisa u 231 irġiel. Dawn il-figuri ma jinkludux l-impjegati akkademiċi fl-Università ta’ Malta u l-MCAST.
Leg 13 PQ #17071 Sitting 397 2020-11-09 Oral · Final From: IVAN BARTOLO To: Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol

Il-Mosta — Skola Primarja A u B - Tfal assenti mingħajr raġuni

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 16918 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi u jgħid kemm kien hemm tfal li assentaw ruħhom mingħajr raġuni fl-Iskola Primarja A u B tal-Mosta bejn l-2017 u 2019?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onorevoli interpellant li tweġiba se tingħata f’seduta oħra.

Ħal Tarxien — Triq Joseph Burlo - art f'idejn id-Dipartiment tal-Edukazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-art li hemm fi Triq Joseph Burlo f'Ħal Tarxien faċċata tal-Iskola Maria Goretti hiex f'idejn id-Dipartiment tal-Edukazzjoni? Jekk iva, huwiex previst li jsir xi żvilupp fuqha?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li jekk l-art inkwistjoni hija barra mill-perimetru tal-iskola, nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jindirizza l-mistoqsija tiegħu lill-Ministeru kkonċernat.

EquestriMalta — CEO

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min hu s-CEO ta’ EquestriMalta, meta inħatar u jekk kienx hemm sejħa pubblika?

Response (BONNICI, OWEN)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li għadu ma ġiex maħtur CEO għal EquestriMalta.
Leg 13 PQ #16414 Sitting 395 2020-11-06 Oral · Final From: CLYDE PULI To: Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol

NSS – selection board — membri

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min huma l-membri li jagħmlu parti mis-selection board tal-Iskola Nazzjonali tal-Isport (NSS)? Jista’ jgħid kull wieħed mill-membri x'esperjenza u kwalifiki għandu fil-qasam edukattiv u sportiv?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif muri fid-dokument li qed jitqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 13 PQ #16960 Sitting 395 2020-11-06 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol

Permessi maħruġa lill-ħaddiema Torok biex jaħdmu fil-Gżejjer Maltin

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ingħataw permessi lill-ħaddiema ta’ Nazzjonalità Torka biex jiġu jaħdmu fil-Gżejjer Maltin, xahar b'xahar minn Ġunju 2017 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid kemm minnhom kienu rġiel u kemm minnhom kienu nisa u l-etajiet tagħhom u għal kemm żmien ingħataw permess biex ikunu jistgħu jaħdmu Malta? Jista’ jgħid ukoll kemm minn dawn iħallsu l-kontribuzzjonijiet tan-National Insurance u Income Tax hawn Malta?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif muri fit-tabelli li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. L-informazzjoni tinkludi biss permessi lill-ħaddiema ta’ nazzjonalità Torka maħruġa minn Jobsplus. Dwar l-aħħar parti tal-mistoqsija, nitlob lill-Onorevoli Interpellant jindirizza l-mistoqsija tiegħu lil entità kkonċernata.

Rabat Għawdex – Middle School – inkonvenjent ta’ trab u storbju minħabba l-proġetti tal-pixxina u l-Iskola Primarja

Question

Jista' l-Ministru jispjega lill-Parlament x'qed jew x'ser jagħmel biex l-inkonvenjent ta' trab u storbju kkawżati mill-proġetti tal-pixxina u l-Iskola Primarja tar-Rabat Għawdex, ma jkomplux ikunu ta' inkonvenjent għall-istudenti, edukaturi u staff tal-Middle School li tinsab fil-viċin, partikolarment bħalissa li minħabba r-restrizzjonijiet tal-pandemija, il-bibien u t-twieqi jkollhom jibqgħu miftuħin?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-perimetru tal-Iskola Medja, il-Fondazzjoni għall-Iskejjel t’Għada (FTS) qiegħda tibni estensjoni tal-istess skola. Ix-xogħlijiet fuq din il-binja qegħdin isiru kemm jista’ jkun b'tali mod li ma jinħolqux inkonvenjenti lill-istudenti u lill-edukaturi. Dwar ix-xogħol fuq il-proġett tal-pixxina, li jaqa’ taħt il-Ministeru għal Għawdex, saru laqgħat bejn uffiċjali miż-żewġ Ministeri u se jsiru sforzi biex l-inkonvenjent jiġi mitigat kemm jista’ jkun.
Leg 13 PQ #16280 Sitting 390 2020-11-04 Oral · Final From: DAVID THAKE To: Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol

Kulleġġ Santa Tereża — Skola Primarja - siġar li tneħħew minn mal-madwar

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'ġara mis-siġar li kienu maqlugħa mill-madwar ta’ u ġewwa l-iskola primarja fil-Kulleġġ ta' Santa Tereża?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onorevoli interpellant li wħud mis-siġar li nqalgħu mis-sit tal-Iskola Primarja fl-Imsida, fejn se tinbena skola primarja ġdida, tħawlu mill-ġdid f'postijiet oħrajn. Dan skont il-permess maħruġ mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (Ref: NP 0239/19). Il-Fondazzjoni għall-Iskejjel t'Għada se tkun qed tħawwel ukoll 93 siġra oħra.

Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol — Ħaddiema li ħarġu bil-kwarantina

Question

Jista’ l-Ministru jgħid mill-1 ta’ Marzu 2020 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija, kemm kien hemm ħaddiema tas-settur pubbliku li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tiegħu li ħarġu bi kwarantina minħabba kuntatt ma’ persuni bil-COVID-19?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li mill-1 ta’ Marzu 2020 ‘l hawn, kien hemm 234 persuna tas-settur pubbliku li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-MEDE li kienu bi kwarantina minħabba kuntatt ma’ persuni bil-COVID-19.